Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32007L0038

    Direttiva 2007/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 11 ta’ Lulju 2007 dwar ir- retrofitting ta’ mirja fuq vetturi tqal tal-merkanzija reġistrati fil-Komunità

    ĠU L 184, 14.7.2007, p. 25–28 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2007/38/oj

    14.7.2007   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    L 184/25


    DIRETTIVA 2007/38/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    tal-11 ta’ Lulju 2007

    dwar ir-retrofitting ta’ mirja fuq vetturi tqal tal-merkanzija reġistrati fil-Komunità

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi il-Komunitá Ewropea, b’mod partikolari l-Artikolu 71(1)(ċ) tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali (1),

    Wara li kkonsultaw lill-Kumitat tar-Reġjuni,

    Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (2),

    Billi:

    (1)

    Numru ta’ inċidenti huma kkawżati minn sewwieqa ta’ vetturi tqal tal-merkanzija li ma jindunawx li utenti oħra tat-triq ikunu qegħdin viċin ħafna jew ħdejn il-vettura tagħhom. Dawn l-inċidenti ħafna drabi huma marbuta ma’ xi tibdil fid-direzzjoni fil-crossings, fil-junctions u fir-roundabouts meta s-sewwieqa jonqsu milli jaraw lill-utenti l-oħra tat-triq fil-blind spots li jeżistu fil-partijiet immedjatament madwar il-vettura tagħhom. Huwa stmat li kull sena madwar 400 persuna fl-Ewropa tmut f’ċirkostanzi bħal dawn, ħafna minnhom utenti vulnerabbli tat-triq bħaċ-ċiklisti, motoċiklisti u dawk li jimxu fit-triq.

    (2)

    Fil-White Paper tagħha tat-12 ta’ Settembru 2001“Politika għal trasport Ewropew għall-2010: wasal iż-żmien għal deċiżjoni” il-Kummissjoni Ewropea għamlet mira li tnaqqas bin-nofs in-numru ta’ mwiet fit-toroq fl-UE sa l-2010. Fit-tielet Programm tagħha dwar l-Azzjoni għas-Sigurezza fit-Toroq, il-Kummissjoni impenjat ruħha li tinvestiga l-kwistjoni tar-retrofitting fuq vetturi tqal tal-merkanzija li diġà qegħdin fiċ-ċirkulazzjoni u li għandhom tagħmir għall-viżjoni indiretta biex jitnaqqsu l-blind spots tagħhom u b’hekk isir kontribut għat-tnaqqis ta’ l-imwiet fit-toroq.

    (3)

    Fil-pjan tagħha fuq 10 snin fir-Rapport Finali “Sistema Regolatorja Kompetittiva għall-Vetturi bil-Mutur għas-Seklu 21”, il-Grupp ta’ Livell Għoli CARS 21 irrakkomanda approċċ integrat fir-rigward ta’ sigurezza fit-triq li tinkludi l-introduzzjoni obbligatorja tal-karatteristiċi ta’ sigurezza ġodda, bħalma huma l-mirja, biex jitnaqqsu l-blind spots tal-vetturi tqal tal-merkanzija.

    (4)

    It-tagħmir għal viżjoni indiretta, bħall-mirja ta’ angolu wiesa’ u għall-viċin, cameras, moniters u sistemi oħra ta’ viżjoni indiretta li jkollhom approvazzjoni tat-tip, itejbu l-kamp tal-viżjoni tas-sewwieq u jżidu s-sigurezza tal-vetturi.

    (5)

    Id-Direttiva 2003/97/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ l-10 ta’ Novembru 2003 dwar it-tqarrib lejn xulxin tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ l-approvazzjoni skond it-tip tal-viżjoni indiretta u tal-vetturi mgħammra b’dawn il-mezzi (3) filwaqt li jkun hemm potenzjal kbir biex jitnaqqsu n-numru ta’ mwiet tolqot biss il-vetturi reġistrati ġodda.

    (6)

    Għalhekk il-vetturi li qegħdin diġà fiċ-ċirkulazzjoni mhumiex suġġetti għall-obbligi stabbiliti fid-Direttiva 2003/97/KE. Jista’ jkun stmat li dawk il-vetturi mhumiex se jkunu kompletament sostitwiti sa l-2023.

    (7)

    Bħala għajnuna sabiex jitnaqqsu l-inċidenti fatali u serji fit-toroq ikkawżati minn dawk il-vetturi u li jinvolvu l-utenti vulnerabbli tat-triq, huwa xieraq li sadanittant isir prov(v)ediment sabiex il-vetturi kkonċernati jiġu retrofitted b’tagħmir aħjar għal viżjoni indiretta.

    (8)

    Vetturi li qegħdin diġà fiċ-ċirkulazzjoni għandhom jiġu mgħammra b’mirja li jnaqqsu l-blind spots laterali tal-vettura waqt li jissodisfaw ir-rekwiżiti tekniċi tad-Direttiva 2003/97/KE. Dan huwa teknikament fattibbli għall-maġġoranza tal-vetturi kkonċernati.

    (9)

    Huwa għalhekk xieraq u proporzjonat li jiġu provduti eżenzjonijiet u derogi għal vetturi li ma tantx għad fadlilhom biex jitneħħew, vetturi li huma mgħammra b’mirja laterali li l-kamp ta’ viżjoni tagħhom ikopri kem(m)xejn inqas mill-kampijiet ta’ viżjoni stabbiliti fid-Direttiva 2003/97/KE, u l-vetturi fejn it-tagħmir b’mirja konformi ma’ dik id-Direttiva ma jkunx vijabbli ekonomikament.

    (10)

    Il-vetturi fil-kategoriji N2 and N3 li oriġinalment kienu reġistrati u/jew li kellhom approvazzjoni tat-tip u/jew bdew jintużaw qabel l-1 ta’ Jannar 2000, u li jkunu mħaddma l-aktar minħabba l-interess storiku tagħhom m’għandhomx jintlaqtu mir-regoli u l-proċeduri stabbiliti f’din id-Direttiva.

    (11)

    Għall-vetturi tqal tal-merkanzija li, minħabba raġunijiet tekniċi u/jew ekonomiċi, ma jistgħux jinġiebu konformi bis-sħiħ mar-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jipprovdu u japprovaw soluzzjonijiet alternattivi. F’dawn il-każijiet l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw listi ta’ soluzzjonijiet tekniċi permessi u approvati lill-Kummissjoni, li min-naħa tagħha, għandha tagħmilhom disponibbli għall-Istati Membri kollha.

    (12)

    Sabiex is-suq ilaħħaq mad-domanda għolja għal mirja f’perjodu qasir ta’ żmien għandha ssir dispożizzjoni għal perjodu tranżitorju.

    (13)

    Il-vetturi tqal tal-merkanzija li ġew retrofitted qabel id-dati tat-transpożizzjoni tad-Direttiva 2003/97/KE b’tagħmir ta’ viżjoni indiretta li l-biċċa l-kbira jkopru il-kamp ta’ viżjoni mitluba minn dik id-Direttiva għandhom jiġu eżentati mir-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva.

    (14)

    L-eżerċizzju tar-retrofitting għandu jiġi akkumpanjat minn miżuri adegwati mfassla biex jikber l-għarfien tal-perikli marbuta ma’ l-eżistenza ta’ blind spots tal-vetturi tqal tal-merkanzija, inklużi kampanji li jqajmu kuxjenza mmirati lejn utenti vulnerabbli, kif ukoll għall-aġġustament u l-użu korrett ta’ tagħmir ta’ viżjoni indiretta.

    (15)

    Vetturi oħra barra minn dawk koperti minn din id-Direttiva, bħal vetturi ħfief tal-merkanzija u xarabanks, li m’humiex mgħammra b’tagħmir imtejjeb għal viżjoni indiretta wkoll huma involuti f’inċidenti li jikkonċernaw blind spots. Għalhekk, il-leġislazzjoni Komunitarja dwar rekwiżiti ta’ sigurezza attivi u passivi għandha tkun riveduta b’mod kontinwu bil-għan li tittejjeb u tkun promossa s-sigurezza fuq it-toroq.

    (16)

    Għall-finijiet ta’ analiżi iżjed komprensiva u strateġija futura dwar it-tnaqqis ta’ l-inċidenti dovuti għall-blind spots, il-Kummissjoni għandha, skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 93/704/KE tat-30 ta’ Novembru 1993 dwar il-ħolqien ta’ database tal-Komunità dwar inċidenti tat-triq (4) u atti rilevanti oħrajn tal-Komunità, bħad-Deċiżjoni Nru 2367/2002/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2002 dwar il-programm ta’ l-istatistiċi fil-Komunità bejn l-2003 sa l-2007 (5), tiġbor data rilevanti mill-Istati Membri u tipproċessaha kif meħtieġ.

    (17)

    Id-Direttiva tal-Kunsill 96/96/KE ta’ l-20 ta’ Diċembru 1996 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu mat-testijiet dwar jekk il-vetturi u l-karrijiet tagħhom humiex tajba għat-triq (6) tistipula li għandhom isiru testijiet perjodiċi dwar jekk humiex tajba għat-triq għal vetturi bil-mutur użati għall-ġarr ta’ merkanzija u li jkollhom piż massimu permissibbli li jeċċedi t-3,5 tunnellati, għallinqas fuq bażi annwali. Huwa meħtieġ li l-vetturi tqal tal-merkanzija jkunu, fost l-oħrajn, mgħammra b’mirja ta’ wara li jkunu konformi mar-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva sabiex jgħaddu minn dan it-test dwar jekk humiex tajba għat-triq. Iċ-ċertifikati, li jattestaw li huma tajba għat-triq, maħruġa mill-Istati Membri għal vetturi reġistrati fit-territorju tagħhom huma rikonoxxuti reċiprokament għall-finijiet taċ-ċirkolazzjoni libera tal-vetturi fit-toroq ta’ l-Istati Membri.

    (18)

    Ladarba l-għan ta’ din id-Direttiva, jiġifieri r-retrofitting ta’ vetturi li qegħdin diġà fiċ-ċirkulazzjoni fil-Komunità, ma jistax jinkiseb biżżejjed mill-Istati Membri u jista’ għalhekk, minħabba l-iskala u l-effetti tagħha, jinkiseb aħjar fil-livell Komunitarju, il-Komunità tista’ tadotta miżuri, skond il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-għan.

    (19)

    Konformement mal-punt 34 tal-Ftehima Interistituzzjonali dwar it-tfassil aħjar tal-liġijiet (7), l-Istati Membri huma mħeġġa sabiex, kemm għalihom, kif ukoll fl-interess tal-Komunità, ifasslu t-tabelli tagħhom, li kemm jista’ jkun għandhom juru l-korrelazzjoni bejn din id-Direttiva u l-miżuri ta’ traspożizzjoni, u sabiex jippubblikawhom,

    ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

    Artikolu 1

    Din id-Direttiva tistabbilixxi r-rekwiżiti għat-tagħmir ta’ sistemi ta’ viżjoni indiretta fuq vetturi ta’ kategoriji N2 u N3, kif imsemmi fil-punt 2 tat-Taqsima A ta’ l-Anness II mad-Direttiva tal-Kunsill 70/156/KEE tas-6 ta’ Frar 1970 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom (8), li huma reġistrati fil-Komunità.

    Artikolu 2

    1.   Din id-Direttiva għandha tapplika għal vetturi tal-kategoriji N2 u N3 li ma jkollhomx l-approvazzjoni tat-tip jew li ma jkunux approvati bħala vettura unika taħt id-Direttiva 2003/97/KE.

    2.   Din id-Direttiva ma għandhiex tapplika għal dawn li ġejjin:

    (a)

    vetturi tal-kategoriji N2 u N3 reġistrati qabel l-1 ta’ Jannar 2000;

    (b)

    vetturi tal-kategorija N2 li jkollhom piż massimu permissibbli li ma jeċċedix 7,5 tunnellati, fejn ikun impossibbli li tiġi installata mera tal-klassi V b’mod li jiżgura li jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet li ġejjin:

    (i)

    l-ebda parti tal-mera ma tkun inqas minn 2 m (tista’ tiġi applikata tolleranza ta’ + 10 ċm) mill-art, irrispettivament mill-pożizzjoni ta’ l-aġġustament, meta l-vettura jkollha tagħbija li tikkorrispondi għall-piż massimu teknikament permissibbli għaliha; u

    (ii)

    (i)l-mera tkun għal kollox viżibbli mill-pożizzjoni tas-sewqan;

    (ċ)

    vetturi tal-kategoriji N2 u N3 li jkunu suġġetti għal miżuri nazzjonali li daħlu fis-seħħ qabel id-dati tat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2003/97/KE, u li jeħtieġu l-installazzjoni, fuq in-naħa tal-passiġġier, ta’ mezzi oħra ta’ viżjoni indiretta li jkopru mhux anqas minn 95% tal-kamp totali ta’ viżjoni fil-livell ta’ l-art ta’ mirja tal-klassi IV u tal-klassi V taħt dik id-Direttiva.

    Artikolu 3

    1.   B’effett mis-6 ta’ Awwissu 2007 u mhux aktar tard mill-31 ta’ Marzu 2009, l-Istati Membri għandhom jesiġu li l-vetturi kollha msemmija fl-Artikolu 2(1) ikunu mgħammra, fuq in-naħa tal-passiġġieri, b’mirja ta’ angolu wiesa’ u għall-viċin li jissodisfaw ir-rekwiżiti għall-mirja tal-klassi IV u l-mirja tal-klassi V skond id-Direttiva 2003/97/KE rispettivament.

    2.   B’deroga mill-paragrafu 1, il-konformità mar-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva għandha titqies bħala miksuba meta l-vetturi mgħammra, fuq in-naħa tal-passiġġier, b’mirja ta’ angolu wiesa’ u għall-viċin li l-kombinazzjoni tal-kampijiet ta’ viżjoni tagħhom tkopri mhux inqas minn 95 % tal-kamp ta’ viżjoni fil-livell ta’ l-art ta’ mirja tal-klassi IV u mhux inqas minn 85 % tal-kamp ta’ viżjoni fil-livell ta’ l-art ta’ mera tal-klassi V taħt id-Direttiva 2003/97/KE.

    3.   Il-vetturi msemmija fl-Artikolu 2 li, minħabba nuqqas ta’ soluzzjonijiet tekniċi disponibbli u ekonomikament vijabbli, ma jistgħux jiġu mgħammra b’mirja li jikkonformaw mar-rekwiżiti stipulati fil-paragrafi 1 jew 2 ta’ dan l-Artikolu, jistgħu jiġu mgħammra b’mirja supplimentari u/jew tagħmir ieħor ta’ viżjoni indiretta, kemm-il darba l-kombinazzjoni ta’ tali tagħmir ikun ikopri mhux anqas minn 95 % tal-kamp ta’ viżjoni fil-livell ta’ l-art ta’ mirja tal-Klassi IV, u mhux anqas minn 85 % tal-kamp ta’ viżjoni fil-livell ta’ l-art ta’ mirja ta’ Klassi V skond id-Direttiva 2003/97/KE.

    4.   L-Istati Membri għandhom jikkomunkaw lista ta’ soluzzjonijiet tekniċi konformi ma’ dan l-Artikolu lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tpoġġi l-informazzjoni notifikata għad-dispożizzjoni tal-pubbliku permezz tal-websajt tagħha jew kwalunkwe mezzi oħra adegwati, għall-Istati Membri kollha.

    Artikolu 4

    1.   Il-konformità mar-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 3(1), (2) u (3) għandha tiġi stabbilita permezz ta’ prova mogħtija minn Stat Membru skond l-Artikolu 3 tad-Direttiva 96/96/KE.

    2.   Il-Kummissjoni, assistita mill-kumitati msemmija fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 96/96/KE u fl-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 70/156/KEE, fl-oqsma rispettivi tagħhom, għandha tieħu l-miżuri adegwati sabiex tiżgura li t-tagħmir imsemmi fl-Artikolu 3 ta’ din id-Direttiva jiġi installat u jiġi ttestjat sabiex jiġu stabbiliti il-konformità tiegħu u jekk hux tajjeb għat-triq skond ir-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva. Dawn il-miżuri għandhom jittieħdu sa mhux aktar tard mis-6 ta’ Awwissu 2008.

    Artikolu 5

    Sas-6 ta’ Awwissu 2011, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva flimkien ma’ studju dwar inċidenti dovuti għall-blind spots li jkopri l-vetturi kollha u l-ispejjeż involuti, bil-għan li tittejjeb is-sigurezza fit-toroq. Fuq il-bażi ta’ analiżi aktar komprensiva dwar l-ispejjeż imqabbla mal-benefiċċji, ir-rapport tal-Kummissjoni għandu jkun akkumpanjat, jekk ikun il-każ, minn proposta għar-reviżjoni tal-leġislazzjoni eżistenti.

    Artikolu 6

    1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa għall-konformità ma’ din id-Direttiva sas-6 ta’ Awwissu 2008. Għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet u tabella ta’ korrelazzjoni bejn dawk id-dispożizzjonijiet u din id-Direttiva.

    Meta l-Istati Membri jad(d)ottaw dawn id-dispożizzjonijiet, għandu jkollhom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu kif għandha ssir tali referenza.

    2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġijiet nazzjonali li dawn jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

    Artikolu 7

    Din id-Direttiva tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

    Artikolu 8

    Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmula fi Strasburgu, 11 ta’ Lulju 2007.

    Għall-Parlament Ewropew

    Il-President

    H.-G. PÖTTERING

    Għall-Kunsill

    Il-President

    M. LOBO ANTUNES


    (1)  Opinjoni ta’ l-14 ta’ Marzu 2007 (għadha mhix pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

    (2)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew ta’ l-10 ta’ Mejju 2007 (għadha mhix pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill tal-25 ta’ Ġunju 2007.

    (3)  ĠU L 25, 29.1.2004, p. 1. Direttiva kif emendata l-aħħar mid-Direttiva tal-Kunsill 2006/96/KE (ĠU L 363, 20.12.2006, p. 81).

    (4)  ĠU L 329, 30.12.1993, p. 63. Id-Deċiżjoni kif emendata mir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1882/2003 (ĠU L 284, 31.10.2003, p. 1).

    (5)  ĠU L 358, 31.12.2002, p. 1. Id-Deċiżjoni kif emendata mid-Deċiżjoni Nru 787/2004/KE (ĠU L 138, 30.04.2004, p. 12).

    (6)  ĠU L 46, 17.2.1997, p. 1. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 1882/2003.

    (7)  ĠU C 321, 31.12.2003, p. 1.

    (8)  ĠU L 42, 23.2.1970, p. 1. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar mid-Direttiva 2007/37/KE (ĠU L 161, 22.6.2007, p. 60).


    Top