Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32007E0110

    2007/110/PESK: Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2007/110/PESK tal- 15 ta' Frar 2007 li testendi u temenda l-mandat tar-Rappreżentant Speċjali ta' l-Unjoni Ewropea għall-proċess ta' paċi fil-Lvant Nofsani

    ĠU L 46, 16.2.2007, p. 71–74 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
    ĠU L 4M, 8.1.2008, p. 93–96 (MT)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 29/02/2008

    ELI: http://data.europa.eu/eli/joint_action/2007/110/oj

    8.1.2008   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    93


    AZZJONI KONĠUNTA TAL-KUNSILL 2007/110/PESK

    tal-15 ta' Frar 2007

    li testendi u temenda l-mandat tar-Rappreżentant Speċjali ta' l-Unjoni Ewropea għall-proċess ta' paċi fil-Lvant Nofsani

    IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u, b'mod partikolari, l-Artikoli 14, 18(5) u 23(2) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Fl-20 ta' Frar 2006 l-Kunsill adotta l-Azzjoni Konġunta 2006/119/PESK li estendiet il-mandat tar-Rappreżentant Speċjali ta' l-Unjoni Ewropea (RSUE) għall-proċess ta' paċi fil-Lvant Nofsani (1) sat-28 ta' Frar 2007.

    (2)

    Fis-7 ta' Ġunju 2006 l-Kunsill approva l-politika ta' l-Unjoni Ewropea dwar is-sigurtà tal-persunal skjerat barra l-Unjoni Ewropea f'kapaċità operattiva taħt it-Titolu V tat-Trattat ta' l-Unjoni Ewropea.

    (3)

    Fl-14 ta' Novembru 2005, il-Kunsill adotta l-Azzjoni Konġunta 2005/797/PESK dwar il-Missjoni tal-Pulizija ta' l-Unjoni Ewropea għat-territorji Palestinjani (2), l-EUPOL COPPS, li tagħti rwol speċifiku għar-RSUE.

    (4)

    Fil-25 ta' Novembru 2005 l-Kunsill adotta l-Azzjoni Konġunta 2005/889/PESK dwar l-istabbiliment ta' Missjoni ta' l-Unjoni Ewropea ta' Assistenza fil-Fruntieri għall-Punt ta' Qsim ta' Rafah (EU BAM Rafah) (3), u li tagħti wkoll rwol speċifiku għar-RSUE.

    (5)

    Abbażi ta' reviżjoni ta' l-Azzjoni Konġunta 2006/119/PESK, il-mandat tar-RSUE għandu jiġi emendat u estiż b'perijodu ta' 12-il xahar.

    (6)

    Ir-RSUE sejjer jimplimenta l-mandat tiegħu fil-kuntest ta' sitwazzjoni li tista' tiddeterjora u li tista' tagħmel ħsara lill-objettivi tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni stabbiliti fl-Artikolu 11 tat-Trattat,

    ADOTTA DIN L-AZZJONI KONĠUNTA:

    Artikolu 1

    Rappreżentant Speċjali ta' l-Unjoni Ewropea

    Il-mandat tas-Sur Marc OTTE bħala r-Rappreżentant Speċjali ta' l-Unjoni Ewropea (RSUE) għall-proċess ta' paċi fil-Lvant Nofsani huwa b'dan estiż sad-29 ta' Frar 2008.

    Artikolu 2

    Objettivi ta' politika

    1.   Il-mandat tar-RSUE għandu jkun ibbażat fuq l-objettivi ta' politika ta' l-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-proċess ta' paċi fil-Lvant Nofsani.

    2.   Dawn l-objettivi jinkludu:

    (a)

    soluzzjoni ta' żewġ Stati b'Iżrael u bi Stat Palestinjan demokratiku, vijabbli, paċifiku u sovran jgħixu maġenb xulxin fi ħdan fruntieri sikuri u rikonoxxuti, li jgawdu relazzjonijiet normali mal-ġirien tagħhom skond ir-Riżoluzzjonijiet 242 (1967), 338 (1973), 1397 (2002) u 1402 (2002) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) u l-prinċipji tal-konferenza ta' Madrid;

    (b)

    soluzzjoni fil-linji Iżrealita-Sirjana u Iżraelita-Libaniża;

    (ċ)

    soluzzjoni ġusta għall-kwistjoni kumplessa ta' Ġerusalemm u soluzzjoni ġusta, vijabbli u miftehma għall-problema tar-refuġjati Palestinjani;

    (d)

    tlaqqigħ ta' konferenza ta' paċi fi żmien xieraq, li għandha tindirizza aspetti politiċi u ekonomiċi kif ukoll materji relatati mas-sigurtà, tikkonferma l-parametri ta' soluzzjoni politika u tistabbilixxi skeda realistika u definita tajjeb ta' żmien;

    (e)

    l-istabbiliment ta' arranġamenti sostenibbli u effettivi tal-pulizija ta' appartenenza Palestinjana skond l-aħjar standards internazzjonali, f'koperazzjoni mal-programmi tal-Komunità Ewropea għall-bini ta' istituzzjonijiet kif ukoll ma' sforzi internazzjonali oħra fil-kuntest usa' tas-Settur tas-Sigurtà, inkluża r-Riforma tal-Ġustizzja Kriminali;

    (f)

    it-tkomplija ta' proviżjoni ta' preżenza ta' parti terza fil-Punt ta' Qsim ta' Rafah sabiex tikkontribwixxi, f'koperazzjoni ma' l-isforzi tal-Komunità għall-bini ta' istituzzjonijiet, għall-ftuħ tal-Punt ta' Qsim ta' Rafah u sabiex tinbena l-fiduċja bejn il-Gvern ta' l-Iżreal u l-Awtorità Palestinjana.

    3.   Dawn l-objettivi huma bbażati fuq l-impenn ta' l-Unjoni Ewropea sabiex:

    (a)

    taħdem mal-partijiet u ma' sħab fil-komunità internazzjonali, speċjalment fi ħdan il-qafas tal-Kwartett tal-Lvant Nofsani, sabiex tiġi segwita kull opportunità għall-paċi u għal futur deċenti għan-nies kollha tar-reġjun;

    (b)

    tkompli tassisti fir-riformi politiċi u amministrattivi Palestinjani, fil-proċess elettorali u fir-riformi tas-sigurtà;

    (ċ)

    tikkontribwixxi bis-sħiħ għall-bini tal-paċi, kif ukoll għall-irkupru ta' l-ekonomija Palestinjana bħala parti integrali ta' l-iżvilupp reġjonali.

    4.   Ir-RSUE għandu jappoġġa l-ħidma tas-Segretarju Ġenerali/Rappreżentant Għoli (SĠ/RGħ) fir-reġjun, anke fil-qafas tal-Kwartett tal-Lvant Nofsani.

    Artikolu 3

    Mandat

    Sabiex jintlaħqu l-objettivi ta' politika, il-mandat tar-RSUE għandu jkun li:

    (a)

    jipprovdi kontribut attiv u effiċjenti mill-Unjoni Ewropea għal azzjonijiet u inizjattivi li jwasslu għal riżoluzzjoni finali tal-kunflitt bejn l-Iżrael u l-Palestina u tal-kunflitti bejn l-Iżrael u s-Sirja u bejn l-Iżrael u l-Libanu;

    (b)

    jiffaċilita u jżomm kuntatt mill-qrib mal-partijiet kollha għall-proċess ta' paċi fil-Lvant Nofsani, ma' pajjiżi oħra tar-reġjun, ma' membri tal-Kwartett tal-Lvant Nofsani u ma' pajjiżi rilevanti oħra, kif ukoll man-NU u ma' organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti oħra, sabiex jaħdem magħhom fit-tisħiħ tal-proċess ta' paċi;

    (ċ)

    jiżgura preżenza kontinwa ta' l-Unjoni Ewropea fuq il-post u f'fora internazzjonali rilevanti oħra u jikkontribwixxi għall-maniġġar u l-prevenzjoni ta' kriżijiet;

    (d)

    josserva u jappoġġa n-negozjati għall-paċi bejn il-partijiet u joffri l-pariri u l-medjazzjoni ta' l-Unjoni Ewropea skond il-każ;

    (e)

    jikkontribwixxi, meta jkun mitlub, għall-implimentazzjoni ta' ftehim internazzjonali milħuqa bejn il-partijiet u jinvolvi ruħu magħhom diplomatikament fil-każ ta' nuqqas ta' konformità mat-termini ta' dawn il-ftehim;

    (f)

    jagħti attenzjoni partikolari lil fatturi li jkollhom implikazzjoni għad-dimensjoni reġjonali tal-proċess ta' paċi fil-Lvant Nofsani;

    (g)

    jinvolvi ruħu b'mod kostruttiv ma' firmatarji għall-ftehim fi ħdan il-qafas tal-proċess ta' paċi sabiex jippromwovi konformità man-normi bażiċi tad-demokrazija, inklużi r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-istat ta' dritt;

    (h)

    jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-politika ta' l-Unjoni Ewropea dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-Linji Gwida ta' l-Unjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, b'mod partikolari fir-rigward ta' tfal u nisa f'żoni milquta minn konflitt, speċjalment bil-monitoraġġ u l-indirizz ta' żviluppi f'dan ir-rigward.

    (i)

    jirrapporta dwar il-possibbiltajiet li l-Unjoni Ewropea tintervjeni fil-proċess ta' paċi u dwar l-aħjar mod kif jiġu segwiti l-inizjattivi ta' l-Unjoni Ewropea u l-isforzi attwali ta' l-Unjoni Ewropea relatati mal-proċess ta' paċi fil-Lvant Nofsani, bħall-kontribut ta' l-Unjoni Ewropea għar-riformi Palestinjani, u inklużi l-aspetti politiċi tal-proġetti rilevanti ta' l-Unjoni Ewropea għall-iżvilupp;

    (j)

    jimmonitorja azzjonijiet minn kwalunkwe waħda miż-żewġ naħat dwar l-implimentazzjoni tar-roadmap u dwar kwistjonijiet li jistgħu jippreġudikaw l-eżitu tan-negozjati dwar status permanenti sabiex jippermetti lill-Kwartett tal-Lvant Nofsani jivvaluta aħjar il-konformità tal-partijiet;

    (k)

    jiffaċilita l-koperazzjoni dwar kwistjonijiet ta' sigurtà fi ħdan il-Kumitat ta' Sigurtà Permanenti Unjoni Ewropea-Palestina stabbilit fid-9 ta' April 1998 kif ukoll b'modi oħra;

    (l)

    jikkontribwixxi għal komprensjoni aħjar tar-rwol ta' l-Unjoni Ewropea fost opinjonisti ewlenin fir-reġjun;

    (m)

    jiżviluppa u jimplimenta programm ta' l-Unjoni Ewropea relatat ma' kwistjonijiet ta' sigurtà. Għal dan il-għan, ir-RSUE jista' jiġi mgħejun minn espert responsabbli mill-implimentazzjoni prattika ta' proġetti operattivi relatati ma' kwistjonijiet ta' sigurtà;

    (n)

    jipprovdi gwida, skond kif ikun meħtieġ, lill-Kap tal-Missjoni/Kummissarju tal-Pulizija ta' l-Uffiċċju ta' Koordinazzjoni ta' l-Unjoni Ewropea għall-Appoġġ tal-Pulizija Palestinjana (EUPOL COPPS);

    (o)

    jipprovdi gwida, skond kif ikun meħtieġ, lill-Kap tal-Missjoni tal-Missjoni ta' Assistenza tal-Fruntieri ta' l-Unjoni Ewropea għall-Punt ta' Qsim ta' Rafah (EU BAM Rafah).

    Artikolu 4

    L-implimentazzjoni tal-mandat

    1.   Ir-RSUE għandu jkun responsabbli mill-implimentazzjoni tal-mandat filwaqt li jaġixxi taħt l-awtorità u d-direzzjoni operattiva tas-SĠ/RGħ. Ir-RSUE għandu jagħti rendikont ta' kull infiq lill-Kummissjoni.

    2.   Il-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà (KPS) għandu jżomm kuntatt privileġġat mar-RSUE u għandu jkun il-punt primarju ta' kuntatt mal-Kunsill. Il-KPS għandu jipprovdi lir-RSUE gwida strateġika u kontribut politiku fil-qafas tal-mandat.

    Artikolu 5

    Finanzjament

    1.   L-ammont finanzjarju ta' referenza maħsub sabiex ikopri n-nefqa relatata mal-mandat tar-RSUE fil-perjodu mill-1 ta' Marzu 2007 sad-29 ta' Frar 2008 għandu jkun ta' EUR 1 700 000.

    2.   In-nefqa ffinanzjata mill-ammont stipulat fil-paragrafu 1 għandha tiġi amministrata skond il-proċeduri u r-regoli applikabbli għall-baġit ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea bl-eċċezzjoni li kwalunkwe pre-finanzjament m'għandux jibqa' l-proprjetà tal-Komunità.

    3.   L-amministrazzjoni tan-nefqa għandha tkun suġġetta għal kuntratt bejn ir-RSUE u l-Kummissjoni. In-nefqa għandha tkun eliġibbli mill-1 ta' Marzu 2007.

    4.   Il-Presidenza, il-Kummissjoni, u/jew l-Istati Membri, skond ma jkun il-każ, għandhom jipprovdu appoġġ loġistiku fir-reġjun.

    Artikolu 6

    Formazzjoni tal-grupp

    1.   Fil-limiti tal-mandat tiegħu u l-mezzi finanzjarji korrispondenti disponibbli, ir-RSUE għandu jkun responsabbli mill-formazzjoni tal-grupp tiegħu f'konsultazzjoni mal-Presidenza, assistita mis-SĠ/RGħ, u f'assoċjazzjoni sħiħa mal-Kummissjoni. Ir-RSUE għandu jinforma lill-Presidenza u lill-Kummissjoni dwar il-formazzjoni finali tal-grupp tiegħu.

    2.   L-Istati Membri u l-istituzzjonijiet ta' l-Unjoni Ewropea jistgħu jipproponu l-issekondar ta' persunal sabiex jaħdem mar-RSUE. Ir-remunerazzjoni tal-persunal li jiġi ssekondat minn Stat Membru jew minn istituzzjoni ta' l-Unjoni Ewropea għar-RSUE għandha tiġi koperta mill-Istat Membru jew mill-istituzzjoni ta' l-Unjoni Ewropea kkonċernati rispettivament.

    3.   Il-karigi kollha tat-tip A li mhumiex koperti mis-sekondar għandhom jiġu ppubbliċċizzati, adegwatament, mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill u notifikati wkoll lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet ta' l-Unjoni Ewropea sabiex jiġu reklutati l-applikanti bl-aħjar kwalifiki.

    4.   Il-privileġġi, l-immunitajiet u l-garanziji ulterjuri meħtieġa għat-tlestija u l-funzjonament bla xkiel tal-missjoni tar-RSUE u l-membri tal-persunal tiegħu għandhom jiġu definiti mal-partijiet. L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jagħtu l-appoġġ meħtieġ kollu għal dan il-għan.

    Artikolu 7

    Sigurtà

    1.   Ir-RSUE u l-membri tal-grupp tiegħu għandhom jirrispettaw il-prinċipji ta' sigurtà u l-istandards minimi stabbiliti bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/264/KE tad-19 ta' Marzu 2001 li tadotta r-regolamenti ta' sigurtà tal-Kunsill (4), b'mod partikolari fil-ġestjoni ta' informazzjoni klassifikata ta' l-Unjoni Ewropea.

    2.   Ir-RSUE għandu, skond il-politika ta' l-Unjoni Ewropea dwar is-sigurtà tal-persunal skjerat barra mill-Unjoni Ewropea f'kapaċità operattiva taħt it-Titolu V tat-Trattat ta' l-Unjoni Ewropea, jieħu l-miżuri prattikabbli raġonevoli kollha, f'konformità mal-mandat tiegħu u mas-sitwazzjoni ta' sigurtà fiż-żona ġeografika taħt ir-responsabbiltà tiegħu, għas-sigurtà tal-persunal kollu taħt l-awtorità diretta tiegħu, notevolment billi:

    (i)

    jistabbilixxi pjan ta' sigurtà speċifiku għall-missjoni, ibbażat fuq il-gwida tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill, li jinkludi miżuri ta' sigurtà fiżiċi, organizzativi u proċedurali speċifiċi għall-missjoni, li jirregolaw l-immaniġġar tal-moviment sikur tal-persunal lejn, u ġewwa, iż-żona tal-missjoni, l-immaniġġar ta' inċidenti ta' sigurtà u pjan ta' kontinġenza u ta' evakwazzjoni tal-missjoni;

    (ii)

    jiżgura li l-persunal kollu skjerat barra mill-Unjoni Ewropea jkun kopert b'assigurazzjoni ta' riskju għoli kif mitlub mill-kondizzjonijiet fiż-żona tal-missjoni;

    (iii)

    jiżgura li l-membri kollha tal-grupp tiegħu li ser jiġu skjerati barra mill-Unjoni Ewropea, inkluż il-persunal kuntrattat lokalment, ikunu rċivew taħriġ adegwat ta' sigurtà qabel jew malli jaslu fiż-żona tal-missjoni, ibbażat fuq il-klassifikazzjoni ta' riskju magħżula għaż-żona tal-missjoni mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill;

    (iv)

    jiżgura li r-rakkomandazzjonijiet kollha miftiehma, magħmula wara valutazzjonijiet regolari ta' sigurtà, jiġu implimentati, u jipprovdi lis-SĠ/RGħ, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni rapporti bil-miktub dwar l-implimentazzjoni tagħhom u dwar kwistjonijiet oħra ta' sigurtà fil-qafas tar-rapporti ta' nofs it-terminu u ta' implimentazzjoni tal-mandat;

    (v)

    jiżgura, kif meħtieġ u fi ħdan ir-responsabbiltajiet tiegħu bħala parti mill-katina ta' kmand, li jittieħed approċċ koerenti fir-rigward tas-sigurtà tal-persunal fl-elementi kollha ta' l-Unjoni Ewropea preżenti f'operazzjoni jew operazzjonijiet ta' maniġġar ta' kriżi fiż-żona ġeografika ta' responsabbiltà tiegħu.

    Artikolu 8

    Rappurtar

    Bħala regola, ir-RSUE għandu jirrapporta personalment lis-SĠ/RGħ u lill-KPS u jista' jirrapporta wkoll lill-grupp ta' ħidma rilevanti. Għandhom jiġu ċċirkolati rapporti regolari bil-miktub lis-SĠ/RGħ, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni. Fuq ir-rakkomandazzjoni tas-SĠ/RGħ u tal-KPS, ir-RSUE jista' jirrapporta lill-Kunsill ta' l-Affarijiet Ġenerali u r-Relazzjonijiet Esterni.

    Artikolu 9

    Koordinazzjoni

    Sabiex tiġi żgurata l-konsistenza ta' l-azzjoni esterna ta' l-Unjoni Ewropea, l-attivitajiet tar-RSUE għandhom ikunu kkoordinati ma' dawk tas-SĠ/RGħ, tal-Presidenza u tal-Kummissjoni. Ir-RSUE għandu jipprovdi lill-missjonijiet ta' l-Istati Membri u lid-delegazzjonijiet tal-Kummissjoni aġġornamenti regolari ta' informazzjoni. Fil-kamp, għandu jinżamm kollegament mill-qrib mal-Presidenza, mal-Kummissjoni u mal-Kapijiet tal-Missjoni li għandhom jagħmlu mill-aħjar sabiex jgħinu lir-RSUE fl-implimentazzjoni tal-mandat. Ir-RSUE għandu jżomm ukoll kollegament ma' atturi internazzjonali u regjonali oħra fil-kamp.

    Artikolu 10

    Reviżjoni

    L-implimentazzjoni ta' din l-Azzjoni Konġunta u l-konsistenza tagħha ma' kontributi oħra mill-Unjoni Ewropea lir-reġjun għandhom jiġu riveduti regolarment. Ir-RSUE għandu jippreżenta lis-SĠ/RGħ, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni rapport ta' progress qabel l-aħħar ta' Ġunju 2007 u rapport komprensiv dwar l-implimentazzjoni tal-mandat sa nofs Novembru 2007. Dawn ir-rapporti għandhom jiffurmaw il-bażi għall-valutazzjoni ta' din l-Azzjoni Konġunta fil-gruppi ta' ħidma rilevanti u mill-KPS. Fil-kuntest tal-prijoritajiet globali għall-iskjerament, is-SĠ/RGħ għandu jagħmel rakkomandazzjonijiet lill-KPS fir-rigward tad-deċiżjoni tal-Kunsill dwar it-tiġdid, l-emendament jew it-terminazzjoni tal-mandat.

    Artikolu 11

    Dħul fis-seħħ

    Din l-Azzjoni Konġunta għandha tidħol fis-seħħ fid-data ta' l-adozzjoni tagħha.

    Artikolu 12

    Pubblikazzjoni

    Din l-Azzjoni Konġunta għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fi Brussell, 15 ta' Frar 2007.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    W. SCHÄUBLE


    (1)  ĠU L 49, 21.2.2006, p. 8.

    (2)  ĠU L 300, 17.11.2005, p. 65.

    (3)  ĠU L 327, 14.12.2005, p. 28.

    (4)  ĠU L 101, 11.4.2001, p. 1. Deċiżjoni kif emendata l-aħħar bid-Deċiżjoni 2005/952/KE (ĠU L 346, 29.12.2005, p. 18).


    Top