EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32007E0107

2007/107/PESK: Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2007/107/PESK tal- 15 ta' Frar 2007 li taħtar ir-Rappreżentant Speċjali ta' l-Unjoni Ewropea għar-Repubblika tal-Moldova

ĠU L 46, 16.2.2007, p. 59–62 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
ĠU L 4M, 8.1.2008, p. 81–84 (MT)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 28/02/2010

ELI: http://data.europa.eu/eli/joint_action/2007/107/oj

8.1.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

81


AZZJONI KONĠUNTA TAL-KUNSILL 2007/107/PESK

tal-15 ta' Frar 2007

li taħtar ir-Rappreżentant Speċjali ta' l-Unjoni Ewropea għar-Repubblika tal-Moldova

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u, b'mod partikolari, l-Artikoli 14, 18(5) u 23(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Fl-20 ta' Frar 2006, il-Kunsill adotta l-Azzjoni Konġunta 2006/120/PESK li estendiet il-mandat tar-Rappreżentant Speċjali ta' l-Unjoni Ewropea għall-Moldova (1).

(2)

Fis-7 ta' Ġunju 2006, il-Kunsill approva l-politika ta' l-Unjoni Ewropea dwar is-sigurtà tal-persunal skjerat barra l-Unjoni Ewropea f'kapaċità operattiva taħt it-Titolu V tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

(3)

Abbażi ta' reviżjoni ta' l-Azzjoni Konġunta 2006/120/PESK, il-mandat tar-Rappreżentant Speċjali ta' l-Unjoni Ewropea (RSUE) għandu jiġi estiż b'perjodu ta' 12-il xahar.

(4)

Is-Sur Adriaan Jacobovits de Szeged informa lis-Segretarju Ġenerali/Rappreżentant Għoli (SĠ/RGħ) bl-intenzjoni tiegħu li jirriżenja fl-aħħar ta' Frar 2007. Mill-1 ta' Marzu 2007 għandu għalhekk jiġi maħtur RSUE ġdid.

(5)

Fil-31 ta' Jannar 2007, is-SĠ/RGħ rrakkomanda li s-Sur Kálmán MIZSEI jiġi maħtur bħala r-RSUE l-ġdid għar-Repubblika tal-Moldova.

(6)

Ir-RSUE ser jimplementa l-mandat tiegħu fil-kuntest ta' sitwazzjoni li tista' tiddeterjora u li tista' tagħmel ħsara lill-objettivi tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni kif stabbiliti fl-Artikolu 11 tat-Trattat,

ADOTTA DIN L-AZZJONI KONĠUNTA:

Artikolu 1

Ħatra

Is-Sur Kálmán MIZSEI huwa b'dan maħtur Rappreżentant Speċjali ta' l-Unjoni Ewropea (RSUE) għar-Repubblika tal-Moldova mill-1 ta' Marzu 2007 sad-29 ta' Frar 2008.

Artikolu 2

Objettivi ta' politika

1.   Il-mandat tar-RSUE għandu jkun ibbażat fuq l-objettivi tal-politika ta’ l-Unjoni Ewropea fir-Repubblika tal-Moldova. Dawn l-objettivi jinkludu:

(a)

il-kontribut għal soluzzjoni paċifika tal-kunflitt tat-Transnistrija u għall-implimentazzjoni ta’ tali riżoluzzjoni abbażi ta’ soluzzjoni vijabbli, b'rispett għas-sovranità u l-integrità territorjali tar-Repubblika tal-Moldova fi ħdan il-fruntieri internazzjonalment rikonoxxuti tagħha;

(b)

il-kontribut għat-tisħiħ tad-demokrazija, l-istat ta' dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali għaċ-ċittadini kollha tar-Repubblika tal-Moldova;

(ċ)

il-promozzjoni ta' relazzjonijiet tajba u mill-qrib bejn ir-Repubblika tal-Moldova u l-Unjoni Ewropea abbażi ta’ valuri u interessi komuni u kif stabbiliti fil-Pjan ta’ Azzjoni tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV);

(d)

l-għajnuna fil-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u ta’ armi u ta' merkanzija oħra, mir-Repubblika tal-Moldova u li jgħaddu minnha;

(e)

il-kontribut għat-tisħiħ ta’ l-istabbiltà u l-koperazzjoni fir-reġjun;

(f)

it-tisħiħ ta' ta' l-effikaċja u l-viżibbiltà ta’ l-Unjoni Ewropea fir-Repubblika tal-Moldova u fir-reġjun;

(g)

it-tisħiħ ta' l-effikaċja tal-kontrolli tal-fruntiera u dawk doganali u s-sorveljanza ta' l-attivitajiet fil-fruntiera fir-Repubblika tal-Moldova u fl-Ukrajna tul il-fruntiera komuni tagħhom, b'attenzjoni partikolari għat-taqsima Transnistrijana, notevolment permezz ta' Missjoni tal-Fruntiera ta' l-UE.

2.   Ir-RSUE għandu jappoġġa l-ħidma tas-Segretarju Ġenerali/Rappreżentant Għoli (SĠ/RGħ) fir-Repubblika tal-Moldova u fir-reġjun, u jaħdem f’koperazzjoni mill-qrib mal-Presidenza, mal-Kapijiet tal-Missjonijiet ta’ l-Unjoni Ewropea u mal-Kummissjoni.

Artikolu 3

Mandat

1.   Sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-politika, il-mandat tar-RSUE għandu jkun li:

(a)

isaħħaħ il-kontribut ta’ l-Unjoni Ewropea għar-riżoluzzjoni tal-kunflitt tat-Transnistrija skond l-objettivi miftiehma tal-politika ta’ l-Unjoni Ewropea u f’koordinazzjoni mill-qrib ma’ l-OSCE, billi filwaqt li jirrappreżenta lill-Unjoni Ewropea permezz tal-mezzi adatti u f’fora miftiehma u billi jiżviluppa u jżomm kuntatti mill-qrib ma’ l-atturi rilevanti kollha;

(b)

jgħin fit-tħejjija, skond il-każ, tal-kontributi ta’ l-Unjoni Ewropea għall-implimentazzjoni ta’ riżoluzzjoni eventwali tal-kunflitt;

(ċ)

isegwi mill-qrib l-iżviluppi politiċi fir-Repubblika tal-Moldova, anke fir-reġjun Transnistrijan, billi jiżviluppa u jżomm kuntatti mill-qrib mal-Gvern tar-Repubblika tal-Moldova u atturi domestiċi oħra, u joffri skond il-każ il-konsulenza u l-faċilitazzjoni ta’ l-Unjoni Ewropea;

(d)

jassisti fl-iżvilupp ulterjuri tal-politika ta’ l-Unjoni Ewropea lejn ir-Repubblika tal-Moldova u r-reġjun, b’mod partikolari fir-rigward tal-prevenzjoni ta’ kunflitti u r-riżoluzzjoni ta’ kunflitti;

(e)

permezz ta' grupp ta' appoġġ immexxi mill-Konsulent Politiku Anzjan għar-RSUE:

(i)

tiġi żgurata vista politika ġenerali ta' l-iżviluppi u l-attivitajiet relatati mal-fruntiera statali Moldova-Ukrajna;

(ii)

issir analiżi ta' l-impenn politiku tar-Repubblika tal-Moldova u ta' l-Ukrajna sabiex tittejjeb il-ġestjoni tal-fruntiera;

(iii)

tiġi promossa l-koperazzjoni fir-rigward ta' kwistjonijiet ta' fruntiera bejn in-naħa Moldova u dik Ukrajna bil-ħsieb ukoll li jiġu żviluppati l-prekondizzjonijiet għar-riżoluzzjoni tal-konflitt Transnistrijan;

(f)

jingħata kontribut fl-implimentazzjoni tal-politika ta' l-Unjoni Ewropea dwar id-drittijiet tal-bniedem u tal-Linji Gwida ta' l-Unjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, b'mod partikolari fir-rigward tat-tfal u n-nisa f'żoni milquta mill-konflitt, speċjalment billi jiġu monitorjati u indirizzati l-iżviluppi f'dan ir-rigward.

2.   Għall-fini tat-twettiq tal-mandat tiegħu, ir-RSUE għandu jżomm vista ġenerali ta’ l-attivitajiet kollha ta’ l-Unjoni Ewropea, partikolarment l-aspetti rilevanti tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-PEV.

Artikolu 4

Implimentazzjoni tal-mandat

1.   Ir-RSUE għandu jkun responsabbli għall-implementazzjoni tal-mandat waqt li jaġixxi taħt l-awtorità u d-direzzjoni operattiva tas-SĠ/RGħ. Ir-RSUE għandu jagħti rendikont ta' kull infiq lill-Kummissjoni.

2.   Il-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà (KPS) għandu jżomm rabta privileġġata mar-RSUE u għandu jkun il-punt primarju ta' kuntatt mal-Kunsill. Il-KPS għandu jipprovdi gwida strateġika u kontribut politiku lir-RSUE fil-qafas tal-mandat.

Artikolu 5

Finanzjament

1.   L-ammont finanzjarju ta' referenza maħsub sabiex ikopri n-nefqa relatata mal-mandat tar-RSUE mill-1 ta' Marzu 2007 sad-29 ta' Frar 2008 għandu jkun ta' EUR 1 100 000.

2.   In-nefqa ffinanzjata mill-ammont stipulat fil-paragrafu 1 għandha tiġi amministrata skond il-proċeduri u r-regoli applikabbli għall-baġit ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea, bl-eċċezzjoni li kwalunkwe pre-finanzjament ma għandux jibqa' l-proprjetà tal-Komunità.

3.   L-amministrazzjoni tan-nefqa għandha tkun suġġetta għal kuntratt bejn ir-RSUE u l-Kummissjoni. In-nefqa għandha tkun eliġibbli mill-1 ta' Marzu 2007.

4.   Il-Presidenza, il-Kummissjoni, u/jew l-Istati Membri, skond il-każ, għandhom jipprovdu appoġġ loġistiku fir-reġjun.

Artikolu 6

Formazzjoni tal-grupp

1.   Fil-limiti tal-mandat tiegħu u l-mezzi finanzjarji korrispondenti disponibbli, ir-RSUE għandu jkun responsabbli mill-formazzjoni tal-grupp tiegħu f'konsultazzjoni mal-Presidenza, assistita mis-SĠ/RGħ, u f'assoċjazzjoni sħiħa mal-Kummissjoni. Ir-RSUE għandu jinforma lill-Presidenza u l-Kummssjoni dwar il-komposizzjoni finali tal-grupp tiegħu.

2.   L-Istati Membri u l-istituzzjonijiet ta' l-Unjoni Ewropea jistgħu jipproponu li l-issekondar ta' persunal sabiex jaħdem mar-RSUE. Ir-remunerazzjoni tal-persunal li jkun sekondat minn Stat Membru jew minn istituzzjoni ta’ l-Unjoni Ewropea lir-RSUE għandha tiġi koperta mill-Istat Membru jew mill-istituzzjoni ta’ l-Unjoni Ewropea kkonċernata rispettivament.

3.   Il-karigi kollha tat-tip A li ma jkunux koperti permezz ta' sekondar għandhom jiġu pubbliċizzati, adegwatament, mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill u notifikati wkoll lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet ta' l-Unjoni Ewropea sabiex jiġu reklutati l-applikanti bl-aħjar kwalifiki.

4.   Il-privileġġi, l-immunitajiet u l-garanziji ulterjuri meħtieġa għat-tlestija u l-funzjonament bla xkiel tal-missjoni tar-RSUE u tal-membri tal-persunal tiegħu għandhom jiġu definiti mal-Partijiet. L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jagħtu l-appoġġ kollu meħtieġ għal dan il-għan.

Artikolu 7

Sigurtà

1.   Ir-RSUE u l-membri tal-grupp tiegħu għandhom jirrispettaw il-prinċipji ta' sigurtà u l-istandards minimi stabbiliti mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/264/KE tad-19 ta' Marzu 2001 li tadotta r-regolamenti ta' sigurtà tal-Kunsill (2), b'mod partikolari fil-ġestjoni ta' informazzjoni klassifikata ta' l-UE.

2.   Ir-RSUE għandu, skond il-politika ta' l-Unjoni Ewropea dwar is-sigurtà ta' persunal skjerat barra l-Unjoni Ewropea f'kapaċità operattiva taħt it-Titolu V tat-Trattat, jieħu l-miżuri kollha raġonevolment prattikabbli, f'konformità mal-mandat tiegħu u s-sitwazzjoni tas-sigurtà fiż-żona ġeografika taħt ir-responsabbiltà tiegħu, għas-sigurtà tal-persunal taħt l-awtorità diretta tiegħu, b'mod partikolari billi:

(a)

jistabbilixxi pjan ta' sigurtà speċifiku għall-missjoni bbażat fuq il-gwida tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill, inklużi miżuri fiżiċi, organizzattivi u proċedurali ta' sigurtà speċifiċi għall-missjoni, li jirregola l-ġestjoni tal-moviment mingħajr periklu tal-persunal lejn iż-żona tal-missjoni u ġo fiha, il-ġestjoni ta' inċidenti ta' sigurtà u pjan ta' kontinġenza u ta' evakwazzjoni tal-missjoni;

(b)

jiżgura li l-persunal kollu skjerat barra l-Unjoni Ewropea jkun kopert b'assigurazzjoni għal riskju għoli kif rikjest mill-kundizzjonijiet fiż-żona tal-missjoni;

(ċ)

jiżgura li l-membri kollha tal-grupp tiegħu li jkunu ser jiġu skjerati barra l-Unjoni Ewropea, inkluż persunal kuntrattat lokalment, ikunu rċevew taħriġ adatt fir-rigward tas-sigurtà qabel jaslu fiż-żona tal-missjoni jew kif jaslu, abbażi tal-klassifikazzjonijiet tar-riskju assenjati liż-żona tal-missjoni mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill;

(d)

jiżgura li r-rakkomandazzjonijiet kollha miftiehma, magħmula wara valutazzjonijiet ta' sigurtà regolari jiġu implimentati, u jipprovdi lis-SĠ/RGħ, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni b'rapporti bil-miktub dwar l-implimentazzjoni tagħhom u dwar kwistjonijiet oħra ta' sigurtà fil-qafas tar-rapporti ta' nofs it-term u ta' implimentazzjoni tal-mandat;

(e)

jiżgura, kif meħtieġ u fi ħdan ir-responsabbiltajiet tiegħu bħala parti mill-katina ta' kmand, li jittieħed approċċ koerenti fir-rigward tas-sigurtà tal-persunal fl-elementi kollha ta' l-Unjoni Ewropea preżenti f'operazzjoni ta' maniġġar ta' kriżi jew f'operazzjonijiet fiż-żona ġeografika ta' responsabbiltà tiegħu.

Artikolu 8

Rappurtar

Bħala regola ġenerali, ir-RSUE għandu jirrapporta personalment lis-SĠ/RGħ u lill-KPS u jista' jirrapporta wkoll lill-grupp ta' ħidma rilevanti. Rapporti regolari bil-miktub għandhom jiġu ċċirkolati lis-SĠ/RGħ, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni. Fuq ir-rakkomandazzjoni tas-SĠ/RGħ u tal-KPS, ir-RSUE jista’ jirrapporta lill-Kunsill għall-Affarijiet Ġenerali u Relazzjonijiet Esterni.

Artikolu 9

Koordinazzjoni

1.   Sabiex tiġi żgurata l-konsistenza ta’ l-azzjoni esterna ta' l-Unjoni Ewropea, l-attivitajiet tar-RSUE għandhom ikunu kkoordinati ma’ dawk tas-SĠ/RGħ, il-Presidenza u l-Kummissjoni. Ir-RSUE għandu jipprovdi lill-missjonijiet ta' l-Istati Membri u lid-delegazzjonijiet tal-Kummissjoni b'aġġornamenti regolari ta' informazzjoni. F'dan il-qasam, għandu jkun hemm kollaborazzjoni mill-qrib mal-Presidenza, mal-Kummissjoni u mal-Kapijiet tal-Missjoni, li għandhom jagħmlu mill-aħjar sabiex jgħinu lir-RSUE fl-implimentazzjoni tal-mandat. Ir-RSUE għandu wkoll jikkollabora ma' atturi internazzjonali u reġjonali oħra fil-kamp.

2.   Il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jiżguraw, kull wieħed skond is-setgħat rispettivi tiegħu, konsistenza bejn l-implimentazzjoni ta' din l-Azzjoni Konġunta u l-attivitajiet esterni tal-Komunità, skond it-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 3 tat-Trattat. Il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jikkoperaw għal dan il-għan.

Artikolu 10

Reviżjoni

L-implimentazzjoni ta' din l-Azzjoni Konġunta u l-konsistenza tagħha ma’ kontributi oħra mill-Unjoni Ewropea lir-reġjun għandhom jiġu riveduti regolarment. Ir-RSUE għandu jippreżenta lis-SĠ/RGħ, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni rapport ta' progress qabel l-aħħar ta' Ġunju 2007 u rapport komprensiv dwar l-implimentazzjoni tal-mandat sa nofs Novembru 2007. Dawn ir-rapporti għandhom jiffurmaw il-bażi għall-evalwazzjoni ta' din l-Azzjoni Konġunta fil-gruppi ta' ħidma rilevanti u mill-KPS. Fil-kuntest tal-prijoritajiet ġenerali għall-iskjerament, is-SĠ/RGħ għandu jagħmel rakkomandazzjonijiet lill-KPS fir-rigward tad-deċiżjoni tal-Kunsill dwar it-tiġdid, l-emendament jew it-terminazzjoni tal-mandat.

Artikolu 11

Dħul fis-seħħ

Din l-Azzjoni Konġunta għandha tidħol fis-seħħ fid-data ta' l-adozzjoni tagħha.

Artikolu 12

Pubblikazzjoni

Din l-Azzjoni Konġunta għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, 15 ta' Frar 2007.

Għall-Kunsill

Il-President

W. SCHÄUBLE


(1)  ĠU L 49, 21.2.2006, p. 11.

(2)  ĠU L 101, 11.4.2001, p. 1. Deċiżjoni kif emendata l-aħħar bid-Deċiżjoni 2005/952/KE (ĠU L 346, 29.12.2005, p. 18).


Top