Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32007D0522

    2007/522/KE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat- 18 ta’ Lulju 2007 li temenda d-Deċiżjoni 2006/802/KE dwar laħam tal-majjal minn ħnieżer li tlaqqmu b’tilqima ħajja attenwata konvenzjonalment fir-Rumanija (notifikata taħt id-dokument numru C(2007) 3418) (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    ĠU L 193, 25.7.2007, p. 23–24 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2007

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2007/522/oj

    25.7.2007   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    L 193/23


    DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

    tat-18 ta’ Lulju 2007

    li temenda d-Deċiżjoni 2006/802/KE dwar laħam tal-majjal minn ħnieżer li tlaqqmu b’tilqima ħajja attenwata konvenzjonalment fir-Rumanija

    (notifikata taħt id-dokument numru C(2007) 3418)

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    (2007/522/KE)

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat ta’ Adeżjoni tal-Bulgarija u r-Rumanija,

    Wara li kkunsidrat l-Att ta’ Adeżjoni tal-Bulgarija u tar-Rumanija, u partikolarment l-Artikolu 42 tiegħu,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2001/89/KE tat-23 ta’ Ottubru 2001 dwar il-miżuri tal-Komunità għall-kontroll tad-deni klassiku tal-ħnieżer (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 19(3) tagħha,

    Billi:

    (1)

    Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/802/KE tat-23 ta’ Novembru 2006 li tapprova l-pjanijiet għall-qerda tad-deni klassiku tal-ħnieżer fi ħnieżer slavaġ u t-tilqim ta’ emerġenza ta’ dawk il-ħnieżer u ħnieżer f’azjendi kontra dik il-marda fir-Rumanija (2) kienet adottata sabiex tikkumbatti d-deni klassiku tal-ħnieżer f’dak l-Istat Membru.

    (2)

    L-Artikolu 4 ta’ dik id-Deċiżjoni japprova l-pjan imressaq mir-Rumanija quddiem il-Kummissjoni fis-27 ta’ Settembru 2006 għat-tilqim ta’ emerġenza kontra d-deni klassiku tal-ħnieżer f’azjendi tal-ħnieżer b’tilqima ħajja attenwata konvenzjonalment (“il-pjan approvat”).

    (3)

    L-Artikolu 5(ċ) tad-Deċiżjoni 2006/802/KE jistipula li r-Rumanija għandha tiżgura li l-laħam tal-majjal miksub mill-ħnieżer imlaqqma skond l-Artikolu 4 ta’ dik id-Deċiżjoni jkun limitat għall-konsum domestiku privat jew għall-forniment dirett, mill-produttur, ta’ kwantitajiet żgħar lill-konsumatur finali jew lis-suq lokali fl-istess muniċipalità u ma jintbagħatx lejn Stati Membri oħra. L-Artikolu 5(b) ta’ dik id-Deċiżjoni jipprevedi l-immarkar speċjali ta’ tali laħam tal-majjal.

    (4)

    Il-pjan approvat jipprevedi l-moviment ta’ ħnieżer domestiċi minn azjendi mhux professjonisti u tal-laħam tal-majjal, prodotti tal-ħanżir u prodotti sekondarji minn dawk il-ħnieżer huwa pprojbit, minbarra għal konsum tal-familja fl-azjenda ta’ oriġini. Fejn xieraq, annimali ħajjin jistgħu jiġu kkummerċjalizzati esklussivament fis-suq lokali.

    (5)

    Fit-3 ta’ Mejju 2007, ir-Rumanija ppreżentat lill-Kummissjoni emenda għall-pjan approvat. Il-pjan approvat, kif emendat, jawtorizza, taħt ċerti kondizzjonijiet, il-moviment dirett ta’ ħnieżer minn azjendi iżgħar jew mhux professjonisti u, fejn it-tilqima ta’ emerġenza b’tilqima ħajja attenwata konvenzjonalment twettqet skond l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 2006/802/KE, għand biċċerija li tinsab fl-istess kontea bħal dik ta’ l-azjenda ta’ l-oriġini jew, jekk ma teżisti l-ebda biċċerija f’dik il-kontea, għand biċċerija li tinsab f’kontea li tmiss magħha.

    (6)

    Barra minn dan, ir-Rumanija talbet deroga temporanja mill-Artikolu 5(ċ) tad-Deċiżjoni 2006/802/KE sal-31 ta’ Awissu 2007 sabiex tkun tista’ tikkummerċjalizza l-laħam tal-majjal miksub minn dawk il-ħnieżer fil-livell ta’ kontea fid-dawl tad-diffikultajiet kbar li qamu sabiex jinstab suq lokali suffiċjenti fil-muniċipalità.

    (7)

    L-emenda għall-pjan approvat u t-talba għal deroga mill-Artikolu 5(ċ) tad-Deċiżjoni 2006/802/KE huma kompatibbli ma’ l-għan tal-qerda tad-deni klassiku tal-ħnieżer fir-Rumanija. Minkejja dan, fl-interessi tas-saħħa ta’ l-annimali, id-deroga għandha tkun soġġetta għal ċerti kundizzjonijet, b’mod partikolari, il-laħam tal-majjal li qed jitqies għandu jkun immarkat b’marka speċjali sabiex tiggarantixxi traċċabilità sħiħa u ma għandux jintbagħat lejn Stati Membri oħra.

    (8)

    Id-Deċiżjoni 2006/802/KE għandha għalhekk tiġi emendata skond dan.

    (9)

    Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa ta’ l-Annimali,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Id-Deċiżjoni 2006/802/KE hija emendata kif ġej:

    (1)

    L-Artikolu 4 jinbidel b’dan li ġej:

    “Artikolu 4

    Pjan għat-tilqim ta’ emerġenza kontra d-deni klassiku tal-ħnieżer ta’ ħnieżer f’azjendi b’tilqima ħajja attenwata konvenzjonalment

    Il-pjan imressaq mir-Rumanija quddiem il-Kummissjoni fis-27 ta’ Settembru 2006, kif emendat bl-emenda ppreżentata lill-Kummssjoni fit-3 ta’ Mejju 2007, għat-tilqima ta’ emerġenza kontra d-deni klassiku tal-ħnieżer fi ħnieżer ta’ l-azjendi b’tilqima ħajja attenwata konvenzjonalment, fiż-żona kif stipulata fil-punt 4 ta’ l-Anness, huwa approvat.”

    (2)

    Għandu jiddaħħal l-Artikolu 5a li ġej:

    “Artikolu 5a

    Deroga mill-kondizzjoni stipulata fl-Artikolu 5(ċ)

    1.   Permezz ta’ deroga mill-Artikolu 5(ċ), ir-Rumanija tista’ tawtorizza l-kummerċjalizzazzjoni tal-laħam tal-majjal, miksub minn ħnieżer imlaqqma skond l-Artikolu 4 għas-suq lokali fl-istess kontea bħall-azjenda ta’ l-oriġini ta’ dawk il-ħnieżer sakemm huwa:

    (a)

    kien irreġistrat fil-biċċerija skond l-istruzzjonijiet ta’ l-awtorità kompetenti;

    (b)

    inżamm u nħażen separatament mil-laħam tal-majjal mhux imsemmi f’dan l-Artikolu;

    (ċ)

    mmarkat b’marka speċjali ta’ saħħa jew ta’ identifikazzjoni li:

    (i)

    hija differenti mill-marki msemmija fl-Artikolu 5(b);

    (ii)

    ma tistax ma tkunx distinta miit-timbru tal-Komunità, kif imsemmi fl-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 2006/779/KE;

    (d)

    jista’ jintbagħat biss lil stabbilimenti fi ħdan l-istess kontea bħall-azjenda ta’ l-oriġini tal-ħnieżer;

    (e)

    huwa akkumpanjat b’ċertifikat maħruġ minn veterinarju uffiċjali, li jispeċifika l-oriġini, l-identifikazzjoni u d-destinazzjoni tal-laħam tal-majjal.

    2.   Il-laħam tal-majjal imsemmi fil-paragrafu 1 mhux ser jintbagħat lejn l-Istati Membri l-oħra.”

    Artikolu 2

    Il-Rumanija għandha tiżgura li l-miżuri meħtieġa biex tikkonforma ma’ din id-Deċiżjoni jittieħdu immedjatament u tippubblika dawn il-miżuri. Għandha tgħarraf minnufih lill-Kummissjoni dwar dan.

    Artikolu 3

    L-Artikolu 1(2) għandu japplika sal-31 ta’ Awissu 2007.

    Artikolu 4

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmula fi Brussell, 18 ta’ Lulju 2007.

    Għall-Kummissjoni

    Markos KYPRIANOU

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 316, 1.12.2001, p. 5. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2006/104/KE (ĠU L 363, 20.12.2006, p. 352).

    (2)  ĠU L 329, 25.11.2006, p. 34.


    Top