This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32007D0418
2007/418/EC: Commission Decision of 14 June 2007 setting up the High Level Group on the Competitiveness of the Chemicals Industry in the European Union
2007/418/KE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni ta’ l- 14 ta’ Ġunju 2007 li twaqqaf il-Grupp ta’ Livell Għoli dwar il-Kompetittività fl-Industrija tal-Kimika fl-Unjoni Ewropea
2007/418/KE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni ta’ l- 14 ta’ Ġunju 2007 li twaqqaf il-Grupp ta’ Livell Għoli dwar il-Kompetittività fl-Industrija tal-Kimika fl-Unjoni Ewropea
ĠU L 156, 16.6.2007, p. 34–36
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
No longer in force, Date of end of validity: 13/06/2009
16.6.2007 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
L 156/34 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI
ta’ l-14 ta’ Ġunju 2007
li twaqqaf il-Grupp ta’ Livell Għoli dwar il-Kompetittività fl-Industrija tal-Kimika fl-Unjoni Ewropea
(2007/418/KE)
IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,
Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,
Billi:
(1) |
L-Artikolu 157(1) tat-Trattat jinkariga lill-Komunità u l-Istati Membri biex jiżguraw li jkun hemm il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-kompetittività ta’ l-industrija tal-Komunità. L-Artikolu 157(2) b’mod partikulari jsejjaħ lill-Istat Membri biex jikkonsultaw lil xulxin bi ftehim mal-Kummissjoni u, fejn hemm bżonn, biex jikkoordinaw l-azzjonijiet tagħhom. Il-Kummissjoni tista’ tieħu kwalunkwe inizjattiva utli biex tippromwovi din il-koordinazzjoni. |
(2) |
Fil-Komunikazzjoni tagħha “L-Implimentazzjoni tal-Programm Komunitarju ta’ Liżbona: Qafas ta’ politika għat-tisħiħ ta’ l-industrija tal-manifattura ta’ l-UE — Lejn strateġija aktar integrata għall-politika industrijali” (1), il-Kummissjoni ħabbret l-intenzjoni li twaqqaf Grupp ta’ Livell Għoli li jikkonċerna l-kompetittività ta’ l-industrija tal-kimika fl-Ewropa. |
(3) |
Għalhekk hu neċessarju li jitwaqqaf grupp ta’ esperti fil-qasam tal-kompetittività ta’ l-industrija tal-kimika ta’ l-UE u li jkunu definiti l-kompiti u l-istruttura tiegħu. |
(4) |
Il-kompitu primarju tal-grupp hu li jwettaq analiżi ekonomika u statistika tal-fatturi li jiddeterminaw il-bidliet rapidi strutturali fis-settur tal-kimika, kif ukoll fatturi oħrajn li jinfluwenzaw il-pożizzjoni kompetittiva ta’ l-industrija tal-kimika fl-Ewropa. Abbażi ta’ din l-analiżi l-grupp għandu jifformula sett ta’ rakkomandazzjonijiet politiċi speċifiċi għas-settur bil-ħsieb li titjieb il-kompetittività ta’ l-industrija tal-kimika skond l-għan ta’ żvilupp sostenibbli. Ġaladarba r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) li jikkonċerna REACH jidħol fis-seħħ biss fl-1 ta’ Ġunju 2007 u d-dispożizzjonijiet operattivi ewlenin tiegħu se japplikaw 12-il xahar biss wara, ma jkunx xieraq li kwistjonijiet relatati direttament ma’ REACH għandhom ikunu eżaminati. |
(5) |
Il-grupp għandu jkun magħmul minn rappreżentanti tal-Kummissjoni, l-Istati Membri, il-Parlament Ewropew u l-partijiet interessati relevanti notevolment mill-industrija tal-kimika u utenti kurrenti, kif ukoll is-soċjetà ċivili, li jkunu ġejjin, inter alia, minn rappreżentanti tal-konsumaturi, it-trejd unjons, l-organizzazzjonijiet mhux governattivi u tar-riċerka u ta’ l-akkademiċi. |
(6) |
Ir-regoli dwar l-iżvelar ta’ l-informazzjoni mill-membri tal-grupp għandhom jiġu pprovduti, bla ħsara għar-regoli tal-Kummissjoni dwar is-sigurtà kif stabbilit fl-Anness għad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/844/KE, KEFA, Euratom (3). |
(7) |
Id-data personali kollha relatata mal-membri tal-grupp għandha tkun ipproċessata b’konformità mar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 45/2001 tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ din id-data (4). |
(8) |
Huwa xieraq li jiġi stabbilit perjodu għall-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni. Malli jasal il-waqt, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra jekk estensjoni tkunx f’lokha, |
IDDEĊIDIET KIF ĠEJ:
Artikolu 1
Grupp ta’ Livell Għoli dwar il-Kompetittività fl-Industrija tal-Kimika fl-Unjoni Ewropea
Grupp ta’ Livell Għoli dwar il-Kompetittività fl-Industrija tal-Kimika fl-Unjoni Ewropea, minn hawn ’il quddiem jissemma bħala “il-grupp”, qiegħed hawn jitwaqqaf b’effett mill-jum ta’ l-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Kompitu
1. Il-grupp għandu jindirizza kwistjonijiet li jiddeterminaw il-kompetittività ta’ l-industrija tal-kimika fil-Komunità. B’mod partikulari l-kompiti tiegħu huma:
(a) |
li jwettaq analiżi ekonomika u statistika tal-fatturi li jiddeterminaw il-bidliet strutturali fis-settur tal-kimika, kif ukoll fatturi oħrajn li jinfluwenzaw il-pożizzjoni kompetittiva ta’ l-industrija tal-kimika fl-Ewropa; |
(b) |
li jassisti lill-Kummissjoni fi kwistjonijiet relatati mal-kompetittività ta’ l-industrija tal-kimika; |
(ċ) |
biex jifformula sett ta’ rakkomandazzjonijiet politiċi speċifiċi għas-settur indirizzati lil dawk li jfasslu l-politika fuq il-livell Komunitarju u nazzjonali, l-industrija u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. |
2. Il-grupp mhux se jiddiskuti kwistjonijiet konnessi direttament mar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 li jikkonċerna REACH u jew jeżamina t-tħaddim tiegħu.
Artikolu 3
Konsultazzjoni
1. Il-Kummissjoni tista’ tikkonsulta l-grupp dwar kwalunkwe kwistjoni relatata mal-kompetittività ta’ l-industrija tal-kimika fl-UE.
2. Il-President tal-grupp jista’ jagħti parir lill-Kummissjoni li jkun mixtieq li jiġi kkonsultat il-Grupp fuq kwistjoni speċifika.
Artikolu 4
Sħubija - ħatra
1. Il-membri tal-grupp għandhom jinħatru mill-Kummissjoni minn qalb speċjalisti ta’ livell għoli b’kompetenza u responsabbiltà f’oqsma li huma relatati mal-kompetittività ta’ l-industrija tal-kimika fl-Ewropa.
2. Il-grupp għandu jkun magħmul minn massimu ta’ 31 membru b’rappreżentanti tal-Kummissjoni, il-Parlament Ewropew, l-Istati Membri, l-industrija, u tas-soċjetà ċivili.
3. Il-membri tal-grupp jinħatru għall-għarfien espert tagħhom fil-kapaċità personali. Kull membru tal-grupp għandu jinnomina rappreżentant personali fis-sottogrupp preparatorju minn hawn ’il quddiem imsemmi bħala s-sottogrupp ta’ “sherpa”.
4. Il-membri jinħatru għal terminu ta’ ħatra ta’ sentejn rinnovabbli u għandhom jibqgħu fil-ħatra sakemm jinbidlu skond il-paragrafu 5 jew sakemm tispiċċa l-ħatra tagħhom.
5. Il-membri jistgħu jinbidlu għall-bqija tal-perjodu tal-ħatra tagħhom fi kwalunkwe każ li ġej:
(a) |
Meta l-membru jirreżenja; |
(b) |
Meta l-membru mhux kapaċi aktar li jikkontribwixxi b’mod effettiv fid-deliberazzjonijiet tal-grupp; |
(ċ) |
Meta l-membru ma josservax l-Artikolu 287 tat-Trattat. |
6. L-ismijiet tal-membri għandhom ikunu ppubblikati fuq is-sit ta’ l-Internet tad-DĠ ta’ l-Intrapriża u l-Industrija. L-ismijiet tal-membri għandhom jinġabru, ikunu pproċessati u ppubblikati skond id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 45/2001.
Artikolu 5
Operat
1. Il-Kummissjoni għandu jkollha l-presidenza tal-grupp.
2. Is- sottogrupp tas-“sherpa” għandu jipprepara d-diskussjonijiet, id-dokumenti ta’ pożizzjoni u l-parir għall-azzjonijiet u/jew il-miżuri politiċi li jridu jkunu rakkomandati mill-grupp; għandu jaħdem f’kuntatt mill-qrib mas-servizzi tal-Kummissjoni sabiex jipprepara x-xogħol għal-laqgħat tal-grupp.
3. Bi ftehim mal-Kummissjoni, il-grupp jista’ jwaqqaf sottogruppi biex jeżaminaw il-kwistjonijiet speċifiċi skond it-termini ta’ referenza stabbiliti mill-grupp. Kif jintemm il-mandat tagħhom dawn is-sottogruppi għandhom jixxoljew.
4. Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni jista’ jistieden esperti jew osservaturi b’kompetenza speċifika f’suġġett fuq l-aġenda biex jipparteċipaw fil-ħidma tal-grupp jew fid-deliberazzjonijiet jew ħidma tas-sottogrupp u gruppi ad hoc jekk, fil-fehma tal-Kummissjoni, dan ikun neċessarju jew utli.
5. L-informazzjoni miksuba mill-parteċipazzjoni fid-deliberazzjonijiet jew il-ħidma tal-grupp jew gruppi ad hoc jew sottogruppi ma tistax tinkixef, jekk, fil-fehma tal-Kummissjoni, dik l-informazzjoni tittratta kwistjonijiet kunfidenzjali.
6. Il-grupp, is-sottogrupp “sherpa” u sottogruppi oħrajn għandhom normalment jiltaqgħu fl-istabbilimenti tal-Kummissjoni skond il-proċeduri u l-iskeda stabbilita minnha. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi s-servizzi segretarjali. Uffiċjali oħrajn tal-Kummissjoni li għandhom interess fil-proċeduri jistgħu jattendu l-laqgħat tal-grupp u s-sottogruppi tiegħu.
7. Il-grupp għandu jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu abbażi tar-regoli standard ta’ proċedura adottati mill-Kummissjoni.
8. Il-Kummissjoni tista’ tippubblika jew turi fuq l-Internet, fil-lingwa oriġinali tad-dokument ikkonċernat, kwalunkwe sommarju, konklużjoni, parti minn konklużjoni jew dokument ta’ ħidma tal-grupp. Il-proċedimenti u r-rapporti interim se jkunu disponibbli fuq websajt iddedikat. Ir-rapport finali se jkun ippubblikat kmieni wara l-laqgħa finali tal-grupp.
Artikolu 6
Rimborż ta’ l-ispejjeż
L-ispejjeż tal-vjaġġ u, fejn hu xieraq, ta’ l-għajxien imħallsa għall-membri, il-membri tas-sottogrupp tas-“sherpa”, l-esperti u l-osservaturi fl-ambitu ta’ l-attivitajiet tal-grupp għandhom jiġu rimborżati mill-Kummissjoni f’konformità mar-regoli tal-Kummissjoni dwar il-kumpens ta’ spejjeż għal esperti esterni.
Il-membri tal-grupp, il-membri tas-sottogrupp “sherpa”, l-esperti u l-osservaturi m’għandhomx jitħallsu għas-servizzi mogħtija.
L-ispejjeż għal-laqgħat għandhom jiġu rrimborżati fil-limiti tal-baġit annwali allokat għall-grupp mid-dipartiment kompetenti tal-Kummissjoni.
Artikolu 7
Applikabilità
Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sa sentejn mill-jum ta’ l-addozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, 14 ta’ Ġunju 2007.
Għall-Kummissjoni
Günter VERHEUGEN
Viċi President
(1) COM(2005) 474 ta’ Ottubru 2005.
(2) ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1; ikkoreġut bil-ĠU L 136, 29.5.2007, p. 3.
(3) ĠU L 317, 3.12.2001, p. 1. Id-Deċiżjoni kif emendata l-aħħar bid-Deċiżjoni 2006/548/KE, Euratom (ĠU L 215, 5.8.2006, p. 38).