This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32007D0414
2007/414/EC: Commission Decision of 21 February 2007 on State aid — C 36/2004 (ex N 220/2004) — Portugal — Foreign direct investment aid for CORDEX, Companhia Industrial Têxtil S.A. (notified under document number C(2007) 474) (Text with EEA relevance)
2007/414/KE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal- 21 ta’ Frar 2007 Dwar L-Għajnuna mill-Istat C 36/2004 (ex N 220/2004) — Il-Portugall — Għajnuna ta’ investiment dirett barrani għal CORDEX, Companhia Industrial Têxtil S.A. (notifikata taħt id-dokument numru C(2007) 474) (Test b’relevanza għaż-ŻEE)
2007/414/KE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal- 21 ta’ Frar 2007 Dwar L-Għajnuna mill-Istat C 36/2004 (ex N 220/2004) — Il-Portugall — Għajnuna ta’ investiment dirett barrani għal CORDEX, Companhia Industrial Têxtil S.A. (notifikata taħt id-dokument numru C(2007) 474) (Test b’relevanza għaż-ŻEE)
ĠU L 156, 16.6.2007, p. 23–27
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
16.6.2007 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
L 156/23 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI
tal-21 ta’ Frar 2007
Dwar L-Għajnuna mill-Istat C 36/2004 (ex N 220/2004) — Il-Portugall — Għajnuna ta’ investiment dirett barrani għal CORDEX, Companhia Industrial Têxtil S.A.
(notifikata taħt id-dokument numru C(2007) 474)
(Il-verżjoni Portugiża biss hija awtentika)
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
(2007/414/KE)
IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,
Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 88(2) tiegħu,
Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 62(1)(a) tiegħu,
Wara li l-partijiet interessati ġew imsejħa jissottomettu l-kummenti tagħhom skond dawk id-dispożizzjonijiet (1) u wara li kkunsidrat il-kummenti tagħhom,
Billi:
I. PROĊEDURA
(1) |
B’ittra tal-5 ta’ Mejju 2004 (reġistrata li waslet fid-19 ta’ Mejju), il-Portugall innotifika lill-Kummissjoni l-intenzjoni tiegħu li jipprovdi għajnuna lil CORDEX, Companhia Industrial Têxtil S.A. (aktar ‘l isfel “CORDEX”) sabiex jgħin l-iffinanzjar ta’ investiment mill-kumpannija fil-Brażil. Fuq talba tal-Kummissjoni, il-Portugall ipprovda aktar informazzjoni bl-ittri tal-31 ta’ Awwissu 2004 (reġistrata li waslet fis-6 ta’ Settembru) u tat-13 ta’ Settembru 2004 (reġistrata li waslet fis-16 ta’ Settembru). |
(2) |
Bl-ittra tad-19 ta’ Novembru 2004, il-Kummissjoni informat lill-Portugall li kienet iddeċidiet tagħti bidu għall-proċedura stipulata fl-Artikolu 88(2) tat-Trattat KE fir-rigward ta’ l-għajnuna. |
(3) |
Bl-ittra tas-7 ta’ Jannar 2005 (reġistrata li waslet fil-11 ta’ Jannar), l-awtoritajiet Portugiżi ppreżentaw il-kummenti tagħhom fil-kuntest tal-proċedura hawn fuq imsemmija. |
(4) |
Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tagħti bidu għall-proċedura ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea (2). Il-Kummissjoni talbet lill-partijiet interessati jissottomettu l-kummenti tagħhom. |
(5) |
Il-Kummissjoni rċeviet kummenti mingħand partijiet interessati. Hija bagħtithom lill-Portugall, li ngħata l-opportunità jwieġeb, il-kummenti tal-Portugall waslu b’ittra ta’ l-20 ta’ Mejju 2005 (reġistrata li waslet fil-25 ta’ Mejju). |
(6) |
Il-Kummissjoni talbet aktar informazzjoni mingħand il-Portugall b’ittra datata s-26 ta’ Settembru 2005, li għaliha l-Portugall wieġeb b’ittra datata d-9 ta’ Novembru 2005 (reġistrata li waslet fl-10 ta’ Novembru). L-awtoritajiet Portugiżi pprovdew l-informazzjoni addizzjonali finali b’ittra tat-22 ta’ Diċembru 2005 (reġistrata li waslet fit-23 ta’ Diċembru). |
II. DESKRIZZJONI DETTALJATA TA’ L-GĦAJNUNA
Id-destinatarju
(7) |
CORDEX huwa produttur tal-ħbula li jinsab f’Ovar, reġjun kopert mill-Artikolu 87(3)(a) tat-Trattat. Ġiet imwaqqfa fl-1969 u tispeċjalizza fil-produzzjoni tal-ħbula tal-fibra sintetika (polypropylene u polyethylene) u kif ukoll spag għall-irbit u għall-imballar u prodotti sisali oħra. Fiż-żmien tan-notifika ta’ l-għajnuna, CORDEX kellha 259 impjegat. Id-dħul tagħha fl-istess sena (2004) kien madwar 25 miljun euro. CORDEX hija affiljata ma’ żewġ kumpanniji oħra li jinsabu fl-istess reġjun: FLEX 2000, li twaqqfet fl-2001, u CORDENET, li twaqqfet fl-2003. Flimkien, it-tliet kumpanniji għandhom 415 impjegat (3). |
Il-proġett
(8) |
Il-proġett jikkonsisti fit-twaqqif ta’ kumpannija ġdida fil-Brażil - Cordebras Lda. - li tkun biss involuta fil-produzzjoni ta’ l-ispag għall-imballar, li huwa użat prinċipalment fl-agrikoltura. B’dan l-investiment, CORDEX tistenna li żżid il-produzzjoni tagħha tal-prodotti sisali u li tieħu vantaġġ mill-ispejjeż aktar baxxi u d-disponibbiltà tal-materja prima u l-ħaddiema fil-Brażil, li huwa kkunsidrat bħala l-produttur prinċipali tad-dinja tal-materja prima (fibra sisali) u l-ispejjeż tax-xogħol hemmhekk huma madwar 1/3 ta’ dawk fil-Portugall. |
(9) |
B’dan il-proġett, CORDEX qed tippjana wkoll li tistabbilixxi bażi fi swieq ġodda, b’mod partikolari fl-Istati Uniti, il-Kanada u l-pajjiżi tal-Mercosur. Barra minn hekk, xi wħud mis-sisali maħduma fil-Brażil għandhom jiġu importati fil-Portugall bħala prodott lest jew nofsu lest (4). Fil-każ ta’ l-aħħar, il-prodott għandu jkun suġġett għall-ipproċessar ibbażat fuq iż-żejt u kif ukoll għal rewinding u ippakkjar qabel ma jiġi mibjugħ fis-suq. |
(10) |
L-ispejjeż eliġibbli ta’ dan l-investiment jammontaw għal €2 678 630, li hija ekwivalenti għall-kapital nominali tal-kumpannija l-ġdida, Cordebrás Lda. Il-proġett tlesta fl-2002 u huwa issa operattiv. |
L-għajnuna
(11) |
CORDEX applikat għall-għajnuna mill-awtoritajiet Portugiżi taħt skema Portugiża li għandha l-għan li tippromwovi l-internazzjonalizzazzjoni tal-kumpanniji Portugiżi (5). Taħt l-iskema, għajnuna lill-kumpanniji kbar għandha tiġi notifikata lill-Kummissjoni. Għalkemm CORDEX talbet l-għajnuna fis-sena 2000 qabel ma bdiet il-proġett, in-notifika ta’ l-għajnuna lill-Kummissjoni mill-Portugall saret biss f’Jannar 2004 minħabba dewmien intern. |
(12) |
Il-miżura notifikata tikkonsisti f’inċentiv ta’ taxxa ta’ 401 795 euro, li jirrappreżenta 15 % ta’ l-ispejjeż eliġibbli ta’ l-investiment. |
III. RAĠUNIJIET GĦALL-BIDU TAL-PROĊEDURA
(13) |
Il-Kummissjoni, fid-deċiżjoni tagħha li tibda l-proċedura fil-każ preżenti, iddikjarat li għandha teżamina l-miżura fid-dawl ta’ l-Artikolu 87(3)(c) tat-Trattat sabiex tiddetermina jekk l-għajnuna tgħinx l-iżvilupp ta’ attività ekonomika mingħajr ma tfixkel il-kundizzjonijiet tal-kummerċ sa grad li jkun kuntrarju għall-interess komuni. |
(14) |
Il-Kummissjoni kkunsidrat ukoll il-kriterji li ġejjin, li ġew applikati f’każi preċedenti ta’ għajnuna lill-kumpanniji kbar għall-iffinanzjar ta’ proġetti ta’ investiment dirett barrani (6): jekk l-għajnuna għandhiex elementi ta’ l-esportazzjoni moħbija; kwalunkwe effetti fuq ix-xogħol fil-pajjiż ta’ l-oriġini u fil-pajjiż ospitanti; ir-riskju tar-rilokazzjoni; l-impatt tal-miżura fuq ir-reġjun fejn ikun jinsab il-benefiċjarju ta’ l-għajnuna; il-ħtieġa ta’ l-għajnuna, inkluża l-intensità ta’ l-għajnuna prevista, fil-kuntest tal-kompetittività ta’ l-industrija ta’ l-UE u/jew fil-kuntest tar-riskji assoċjati mal-proġetti ta’ l-investiment f’ċerti pajjiżi terzi. |
(15) |
F’dan il-kuntest il-Kummissjoni kkonkludiet li l-għajnuna ngħatat għal investiment produttiv inizjali u ma kellhiex elementi ta’ l-esportazzjoni moħbija. Lanqas ma kienet twassal għar-rilokazzjoni ta’ impjiegi mill-Portugall għall-Brażil inkwantu CORDEX kellha l-ħsieb iżżomm il-livelli tax-xogħol fil-Portugall. Il-fatt li l-kumpannija l-ġdida fil-Brażil kienet attrezzata b’impjant ġdid tal-produzzjoni u l-fatt li ġew reklutati ħaddiema lokali komplew inaqqsu r-riskju tar-rilokazzjoni. |
(16) |
Il-Kummissjoni nnotat ukoll l-argumenti ta’ l-awtoritajiet Portugiżi li din hija l-ewwel esperjenza ta’ internazzjonalizzazzjoni ta’ CORDEX, li m’hijiex familjari mas-suq Brażiljan u li l-investiment f’suq mhux magħruf jista’ jinvolvi riskji kbar. B’mod raġonevoli huwa mistenni li, jekk il-proġett ifalli, dan ikollu impatt finanzjarju sinifikanti fuq il-kumpannija, ġaladarba l-ispejjeż ta’ l-investiment jammontaw għal madwar 12 % tad-dħul tagħha. Barra minn hekk, il-kumpannija applikat għall-għajnuna qabel ma bdiet il-proġett, u dan għandu jidher li jindika li l-miżura tissodisfa l-“kriterji ta’ l-inċentiv” kif normalment meħtieġ mil-Linji Gwida dwar l-għajnuna reġjonali nazzjonali (7). |
(17) |
Madankollu, il-Kummissjoni esprimiet dubji dwar l-impatt ta’ l-għajnuna fuq il-kompetittività ġenerali ta’ l-industrija kkonċernata ta’ l-UE. Innotat li xi wħud mill-prodotti magħmula fil-Brażil x’aktarx jikkompetu mal-prodotti fis-suq ta’ l-UE u li ma kellha ebda informazzjoni dwar id-daqs relattiv tad-destinatarju jew tas-suq. Lanqas ma kellha informazzjoni dwar l-impatt tal-miżura fir-reġjun fejn CORDEX tinsab. Għalhekk, f’dak l-istadju ma setgħetx tikkonkludi li l-għajnuna kienet konformi ma’ l-eċċezzjoni taħt l-Artikolu 87(3)(c) tat-Trattat. |
Kummenti minn partijiet interessati
(18) |
Kumpannija Franċiża, BIHR, allegat li l-investiment ta’ CORDEX fil-Brażil kien qed isegwi dak ta’ produtturi Portugiżi oħra u li dawn il-kumpanniji, flimkien ma’ kompetituri oħra Brażiljani u Amerikani, kienu qed jheddu l-produzzjoni ta’ BIHR tal-prodotti sisali fl-Ewropa. Kienet ukoll imħassba minħabba li l-għajnuna ssaħħaħ il-pożizzjoni ta’ CORDEX fis-settur tal-fibra sintetika. |
(19) |
Tħassib simili ġie mfisser minn Saint Germaine, produttur Franċiż ieħor, li ssostni li tipproduċi prodotti sintetiċi fl-Ewropa u li ttrasferiet l-attivitajiet sisali tagħha lejn il-Brażil. Saint Germaine tgħid li l-kumpanniji Portugiżi kellhom vantaġġi meta investew fil-Brażil peress li setgħu mbagħad jimportaw il-prodott fl-Ewropa b’rati ta’ dazju aktar baxxi. |
(20) |
Kumpannija oħra li xtaqet tibqa’ anonima għamlet kummenti simili fir-rigward tal-vantaġġ kompetittiv li l-għajnuna kienet se tagħti lil CORDEX fis-settur tal-ħbula. |
Kummenti mill-Portugall
(21) |
Il-Portugall innota li l-investment fil-Brażil huwa parti minn strateġija min-naħa ta’ CORDEX għaż-żamma ta’ firxa wiesgħa ta’ attivitajiet fil-Portugall, filwaqt li fl-istess ħin iżżomm il-livelli preżenti tax-xogħol. CORDEX se tkompli tipproduċi prodotti sisali fil-Portugall b’materja prima importata mill-Brażil, filwaqt li timporta wkoll minn Cordebras Lda prodotti lesti jew nofshom lesti li hija għandha tipproċessa fi prodotti sisali b’valur miżjud aktar għoli. Dawn l-attivitajiet jinkludu wkoll l-adattament ta’ l-ippakkjar ta’ l-ispag għall-imballar importat għad-domanda tal-klijenti (per eżempju, fir-rigward tad-daqs u l-ittikkettar) u għandhom għalhekk jikkontribwixxu wkoll fil-qasam tax-xogħol fl-industrija ta’ l-ippakkjar fir-reġjun fejn CORDEX tinsab. |
(22) |
Wara l-investiment fil-Brażil, CORDEX waqqfet żewġ kumpanniji ġodda f’Ovar (FLEX u CORDENET, li jipproduċu prodotti bbażati fuq il-fowm u xbieki rispettivament). Dan wassal għal xi spostamenti ta’ persunal bejn dawn il-kumpanniji u għal żieda żgħira fil-livelli tax-xogħol in ġenerali tat-tliet kumpanniji f’Ovar: minn 358 impjegat fis-sena 2000 għal 415 fis-sena 2005. Il-kumpannija Brażiljana Cordebras Lda., imwaqqfa reċentement, għandha madwar 145 impjegat. |
(23) |
Skond l-awtoritajiet Portugiżi, l-istrateġija ta’ diversifikazzjoni ta’ CORDEX, inkluż l-investiment fil-Brażil, twassal għalhekk għaż-żamma tax-xogħol f’reġjun (Ovar) li diġà jbati minn livelli ta’ qgħad ferm ogħla mill-medja nazzjonali. Hija tikkontribwixxi wkoll għall-ħolqien tax-xogħol fl-Istat ta’ Bahia (fil-Brażil), fejn tinsab Cordebras Lda. |
(24) |
Fir-rigward tal-kummenti magħmula mill-partijet interessati, l-awtoritajiet Portugiżi nnotaw li meta CORDEX timporta prodotti sisali mill-Brażil hija suġġetta għall-istess kundizzjonijiet u l-istess dazji ta’ importazzjoni bħal kwalunkwe produttur ieħor fl-UE u li l-ammont żgħir ta’ għajnuna ppjanat li jingħata lil CORDEX m’huwiex mistenni li jkollu impatt sinifikanti fuq is-suq Komunitarju. Fil-fehma ta’ l-awtoritajiet Portugiżi, l-investiment minn CORDEX fil-Brażil kien meħtieġ sabiex jagħmel tajjeb għall-effetti taż-żieda ta’ l-esportazzjoni minn pajjiżi b’vantaġġi fil-forma ta’ spejjeż aktar baxxi (pajjiżi fl-Afrika u l-Brażil) (8). |
(25) |
Fl-aħħarnett, il-Portugall iddikjara li l-fatt li l-investiment sar mingħajr iffinanzjar pubbliku ma jistax jitqies bħala responsabbiltà tal-kumpannija, li għamlet dan l-investiment b’selfiet mill-bank u b’kapital tagħha fl-aspettativa tagħha li tikseb l-għajnuna mill-istat li għaliha hija applikat taħt l-iskema nazzjonali rilevanti (9). |
IV. EVALWAZZJONI
Il-preżenza ta’ l-għajnuna skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 87(1) tat-Trattat tal-KE
(26) |
Taħt l-Artikolu 87(1) tat-Trattat tal-KE, kull għajnuna, ta’ kwalunkwe forma, mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi ta’ l-Istat, li twassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew il-produzzjoni ta’ ċerti prodotti hija, safejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, inkompatibbli mas-suq komuni. Fid-deċiżjoni tagħha li tibda l-proċedura fil-każ preżenti, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-miżura ta’ l-għajnuna taqa’ fl-ambitu ta’ l-Artikolu 87(1) tat-Trattat tal-KE għar-raġunijiet li ġejjin:
|
Il-kompatibbiltà ta’ l-għajnuna mat-Trattat tal-KE
(27) |
Minħabba l-fatt li l-għajnuna ma setgħetx tinstab kompatibbli taħt kwalunkwe mil-linji gwida jew oqsfa eżistenti, il-Kummissjoni indikat li għandha tevalwa jekk l-għajnuna setgħetx tinstab kompatibbli mat-Trattat tal-KE fuq il-bażi ta’ l-eċċezzjoni taħt l-Artikolu 87(3)(c) tat-Trattat, li tippermetti għajnuna sabiex tiffaċilita l-iżvilupp ta’ attività ekonomika basta din l-għajnuna ma tfixkilx il-kundizzjonijiet tal-kummerċ sa grad li jkun kuntrarju għall-interess komuni. Il-Kummissjoni għandha, għalhekk, tevalwa jekk l-għajnuna tgħinx l-iżvilupp tal-produzzjoni sisali u/jew attivitajiet ekonomiċi oħra fl-Unjoni Ewropea mingħajr ma tfixkel il-kundizzjonijiet tal-kummerċ bejn l-Istati Membri. |
(28) |
Fid-deċiżjoni li tagħti bidu għall-proċedura, il-Kummissjoni nnutat ukoll li għandha tikkunsidra ċerti kriterji li użat f’każi preċedenti ta’ għajnuna lill-kumpanniji kbar fir-rigward ta’ proġetti ta’ investiment dirett barrani (ara paragrafu 14) maħsuba li jilħqu bilanċ bejn il-benefiċċji ta’ l-għajnuna fil-kuntest ta’ kontribuzzjoni lejn il-kompetittività internazzjonali ta’ l-industrija ta’ l-UE kkonċernata (eż. jekk l-għajnuna hijiex meħtieġa, filwaqt li jittieħed kont tar-riskji involuti tal-proġett fil-pajjiż terz) u l-effetti negattivi possibbli fuq is-suq ta’ l-UE. |
(29) |
F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni kellha dubji dwar l-impatt tal-miżura fuq is-suq komuni u fuq il-kompetittività ġenerali ta’ l-industrija ta’ l-UE kkonċernata; lanqas ma kellha informazzjoni dwar l-importanza tad-destinatarju fil-kuntest tal-kompetituri ta’ l-UE jew dwar l-impatt tal-miżura fir-reġjun fejn CORDEX tinsab (ara paragrafu 17). |
Il-ħtieġa ta’ l-għajnuna
(30) |
Il-leġiżlazzjoni dwar l-għajnuna mill-istat tistipula bħala prinċipju ġenerali li, sabiex l-għajnuna tkun kompatibbli mas-suq komuni, għandu jiġi muri li din twassal għal attività addizzjonali mid-destinatarju li ma kienetx issir mingħajr l-għajnuna. Altrimenti, l-għajnuna tkun sempliċiment qed toħloq distorsjoni mingħajr ebda kontro-effett pożittiv. Il-Kummissjoni nnutat li, peress li l-kumpannija applikat għall-għajnuna qabel ma bdiet il-proġett, deher li kien hemm indikazzjoni li l-miżura tissodisfa l-“kriterji ta’ l-inċentiv” kif normalment meħtieġ mir-regoli ta’ l-għajnuna mill-istat reġjonali (11). Madankollu, dan ma jurix bis-sħiħ jekk l-għajnuna kienetx verament meħtieġa fil-kuntest tal-kompetittività internazzjonali ta’ l-industrija ta’ l-UE u/jew fil-kuntest tar-riskji involuti għall-proġetti ta’ investiment f’ċerti pajjiżi terzi. |
(31) |
Il-Kummissjoni, fid-deċiżjoni tagħha tad-19 ta’ Novembru 2004, innotat l-argument ta’ l-awtoritajiet Portugiżi li, għal CORDEX, investiment fil-Brażil jista’ jinvolvi riskji ogħla minn investiment fl-Unjoni Ewropea minħabba l-imprevedibbiltà tal-munita Brażiljana, speċjalment minħabba li din hija l-ewwel esperjenza ta’ internazzjonalizzazzjoni ta’ CORDEX u l-kumpannija ma kellhiex esperjenza tas-suq Brażiljan (12). |
(32) |
Madankollu, l-informazzjoni sottomessa lill-Kummissjoni wara li ngħata bidu għall-proċedura tindika li produtturi oħra li huma kompetituri ta’ CORDEX kienu investew fil-Brażil (minkejja l-imprevedibbiltà apparenti tal-munita Brażiljana). B’mod partikolari, Quintas & Quintas S.A., kumpannija Portugiża li tikkompeti ma’ CORDEX, kienet, skond l-informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet Portugiżi, waqqfet unità ta’ produzzjoni fil-Brażil (Brascorda) mingħajr ma talbet għajnuna mill-awtoritajiet Portugiżi. Għalhekk ma hemmx provi ta’ xi defiċjenza ġenerali tas-suq assoċjata ma’ dan it-tip ta’ proġett li jżomm lil CORDEX jew il-kompetituri tagħha milli jinvestu fil-Brażil mingħajr sostenn mill-istat. |
(33) |
Għalkemm din kienet l-ewwel esperjenza ta’ internazzjonalizzazzjoni ta’ CORDEX, l-awtoritajiet Portugiżi naqsu milli juru diffikultajiet partikolari ta’ CORDEX fit-twettiq ta’ l-investiment ikkonċernat. Per eżempju, minkejja d-daqs relattivament żgħir ta’ CORDEX fir-rigward ta’ dħul (taħt il-limitu ta’ l-SME), ma kien hemm ebda indikazzjoni mill-awtoritajiet Portugiżi ta’ defiċenzi fir-rigward tal-possibbiltà ta’ CORDEX li tiġi ffinanzjata minn banek kummerċjali; minflok, jidher li l-kumpannija kienet kapaċi tiffinanzja l-investiment minn riżorsi tagħha u billi tirrikorri għal selfiet kummerċjali. |
(34) |
Għalhekk il-Kummissjoni tikkunsidra fuq il-bażi ta’ l-informazzjoni t’hawn fuq li l-Portugall ma rnexxilux juri li, mingħajr l-għajnuna, CORDEX ma kienetx tagħmel l-investiment ikkonċernat fil-Brażil u li l-għajnuna kienet meħtieġa minħabba r-riskji involuti tal-proġett tagħha fil-Brażil. Il-Kummissjoni tinnota li l-fatt li s’issa CORDEX wettqet dawn l-attivitajiet kollha mingħajr ma rċeviet għajnuna mill-Istat jidher li juri li l-għajnuna ma kienetx meħtieġa. |
L-impatt ta’ l-għajnuna fuq is-suq tal-Komunità
(35) |
Skond l-informazzjoni disponibbli, hemm madwar tnax-il produttur ta’ l-UE tas-sisal fis-suq Komunitarju. Ħamsa minnhom jinsabu fil-Portugall u jammontaw għal madwar 81 % tal-produzzjoni ta’ l-UE (13). Dawn il-kumpanniji lkoll jipproduċu prodotti sintetiċi u ħbula u spag sisali. Jidher li l-produzzjoni tal-fibra sintetika huwa l-kummerċ ewlieni għal ħafna minnhom. Dan huwa l-każ ukoll fil-każ ta’ CORDEX (prodotti sisali jammontaw biss għal madwar 20 % tal-kapaċità tagħha). Il-fibra sisali u sintetika għandhom ċertu grad ta’ sostitwibbiltà f’użi agrikoli. |
(36) |
Fl-2003 is-sehem tas-suq ta’ CORDEX tal-prodotti sisali fl-UE kien madwar 6.6 %. Madankollu, jekk jiġi kkunsidrat il-bejgħ ta’ prodotti minn Cordebras Lda, is-sehem tas-suq ta’ CORDEX fl-UE jiżdied għal 17.7 % (14). L-awtoritajiet Portugiżi indikaw f’dan ir-rigward li madwar 47 % ta’ l-esportazzjoni ta’ Cordebras (xi 2 210 tunnellati fl-2003) kienet diretta lejn is-suq ta’ l-UE. |
(37) |
Minħabba l-perċentwali sinifikanti ta’ prodotti sisali magħmula minn Cordebras Lda u importati (permezz ta’ CORDEX) fl-UE, il-Kummissjoni tikkonkludi li jidher li l-għajnuna għandha impatt sinifikanti fuq il-kompetizzjoni fis-suq ta’ l-UE. Barra minn hekk, jidher ukoll li l-għajnuna ssaħħaħ il-pożizzjoni ġenerali ta’ CORDEX fl-UE, biex b’hekk jiġu potenzjalment effettwali livelli oħra tas-suq fejn CORDEX u l-kompetituri tagħha joperaw. Din il-konklużjoni hija korroborata mill-kummenti sottomessi minn kompetituri, li jindikaw distorsjonijiet serji tal-kompetizzjoni maħluqa mill-għajnuna fis-swieq tal-ħbula u l-ispag sisali u kif ukoll tal-fibra sintetika. |
(38) |
Meta tevalwa l-kompatibbiltà ta’ l-għajnuna, il-Kummissjoni għandha tevalwa bir-reqqa l-bilanċ bejn l-effetti negattivi u pożittivi tal-miżura fi ħdan l-UE u tiddetermina jekk l-effetti benefiċjali għall-Komunità jegħlbux l-effetti negattivi tagħha fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ fis-suq Komunitarju. Fuq il-bażi ta’ l-informazzjoni t’hawn fuq, il-Kummissjoni tikkonkludi li ma hemmx provi li jindikaw li l-għoti ta’ l-għajnuna lil CORDEX fir-rigward ta’ l-investiment tagħha fil-Brażil jista’ jgħin sabiex itejjeb il-kompetittività ta’ l-industrija Ewropea kkonċernata. Din l-għajnuna kienet x’aktarx issaħħaħ il-pożizzjoni tad-destinatarju iżda dan bi ħsara għall-kompetituri tiegħu li ma jirċevux għajnuna mill-Istat. Għalhekk ma ġiex muri li l-għajnuna għandha effetti pożittivi għal Komunità li jegħlbu l-impatt negattiv fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ fis-suq Komunitarju. |
Konklużjoni
(39) |
Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li ma hemmx provi li l-għajnuna hija meħtieġa għal CORDEX sabiex isir l-investiment ikkonċernat fil-Brażil. Barra minn hekk x’aktarx l-għajnuna ser ikollha effett ta’ distorsjoni sinifikanti fuq il-kompetizzjoni fis-suq Komunitarju. Il-Kummissjoni għalhekk tikkonkludi li l-għajnuna mill-Istat ippjanata għal CORDEX fir-rigward ta’ l-investiment dirett barrani fil-Brażil ma tgħinx l-iżvilupp ta’ ċerti attivitajiet ekonomiċi skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 87(3)(c) mingħajr tfixkil tal-kundizzjonijiet tal-kummerċ sa grad li jkun kuntrarju għall-interess komuni u hija għalhekk inkompatibbli mas-suq komuni, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-inċentiv tat-taxxa notifikat ta’ €401 795 li l-Portugall qed jipprepara li jagħti lil CORDEX, Companhia Industrial Têxtil S.A., bl-għan li jiffinanzja l-investiment dirett barrani tagħha fil-Brażil huwa inkompatibbli mas-suq komuni peress li ma jissodisfax il-kriterji stipulati fl-Artikolu 87(3)(c) tat-Trattat tal-KE.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Portugall.
Magħmul fi Brussell, 21 ta’ Frar 2007.
Għall-Kummissjoni
Neelie KROES
Membru tal-Kummissjoni
(2) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 1.
(3) Ċifra għall-2005.
(4) Il-Portugall spjega li l-ispag għall-imballar maħdum fil-Brażil jista’ jintuża kemm bħala prodott lest kif ukoll bħala prodott nofsu lest għall-ipproċessar ulterjuri fi prodotti oħra bħat-twapet jew oġġetti dekorattivi jew fis-settur ta’ l-ippakkjar tradizzjonali.
(5) N 96/99 (ĠU C 375, 24.12.1999, p. 4).
(6) Ara l-Każ C 77/97, Austrian LiftGmbH –Doppelmayr, l-Awstrija, (ĠU L 142, 5.6.1999, p. 32) u l-Każ C 47/02, Vila Galé-Cintra (ĠU L 61, 27.2.2004, p. 76).
(7) Ara l-punt 4.2 tal-Linji Gwida fis-seħħ fiż-żmien tan-notifika tal-miżura: “applikazzjoni għall-għajnuna għandha tiġi sottomessa qabel ma jinbeda x-xogħol fuq il-proġetti”; ĠU C 74, 10.3.1998, p. 13.
(8) Skond l-awtoritajiet Portugiżi, il-bejgħ tas-sisal Portugiż fl-UE naqas bi 12.3 % bejn l-1999 u l-2004 prinċipalment minħabba żieda fl-importazzjoni
(9) Ara n-nota f’qiegħ il-paġna 5.
(10) Il-Każ C -142/87 Tubermeuse [1990] ECR I-959, fi 35.
(11) Ara n-nota f’qiegħ il-paġna 7.
(12) F’dan il-kuntest, ara l-każ C 47/02, Vila Galé Cintra.
(13) Ċifri għall-2003.
(14) Ċifri pprovduti mill-Portugall u bbażati fuq il-konsum apparenti fl-UE 15 fl-2003.