Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32007D0367

    2007/367/KE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal- 25 ta’ Mejju 2007 li tikkonċerna l-kontribut finanzjarju mill-Komunità lill-Italja għall-implimentazzjoni ta’ sistema għall-ġbir u l-analiżi ta’ tagħrif epidemjoloġiku dwar il- bluetongue (notifikata taħt id-dokument numru C(2007) 2166)

    ĠU L 139, 31.5.2007, p. 30–31 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2007/367/oj

    31.5.2007   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    L 139/30


    DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

    tal-25 ta’ Mejju 2007

    li tikkonċerna l-kontribut finanzjarju mill-Komunità lill-Italja għall-implimentazzjoni ta’ sistema għall-ġbir u l-analiżi ta’ tagħrif epidemjoloġiku dwar il-bluetongue

    (notifikata taħt id-dokument numru C(2007) 2166)

    (It-test bit-Taljan biss huwa awtentiku)

    (2007/367/KE)

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni tal-Kunsill 90/424/KEE tas-26 ta’ Ġunju 1990 dwar spejjeż fil-qasam veterinarju (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 19 u l-Artikolu 20 tagħha,

    Billi:

    (1)

    Il-bluetongue hi marda li tittieħed minn organiżmi insetti “Culicoïdes spp”. Din hi marda li tmur lil hinn mill-fruntieri u sforzi nazzjonali individwali mhumiex biżżejjed għal sorveljanza u kontroll effettiv. Jinħtieġ trattament integrat fuq livell Komunitarju biex ikunu analizzati kemm id-distribuzzjoni reġjonali kif ukoll dik globali ta’ l-infezzjoni tal-bluetongue kif ukoll ta’ l-organiżmi kompetenti tal-Culicoides. Għalhekk, il-ġabra u l-iskambju ta’ tagħrif epidemjoloġiku dwar il-bluetongue fl-Istati Membri huma ta’ importanza fondamentali biex jistabbilixxu l-miżuri xierqa għall-kontroll tal-marda f’din il-popolazzjoni u għall-verifika ta’ l-effiċjenza tagħhom.

    (2)

    L-implimentazzjoni tan-netwerk Komunitarju ta’ sorveljanza tippermetti analiżi tar-riskju effettiva fuq livell Komunitarju u tnaqqis ta’ ċerti spejjeż li jista’ jkollhom sistemi nazzjonali skarsi.

    (3)

    F’dan il-kuntest, l-użu ta’ Sistemi ta’ Tagħrif Ġeografiku (GIS) jtejbu l-kapaċitajiet ta’ l-analiżi tad-data u jissimplifikaw il-fehim tad-dinamiżmu u t-tixrid tal-marda.

    (4)

    L-Istituto Zooprofilattico Sperimentale dell’Abruzzo e del Molise “G. Caporale”, Teramo fl-Italja, li hu Ċentru ta’ Kollaborazzjoni ta’ l-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa ta’ l-Annimali (OIE) għal Taħriġ Veterinarju, Epidemjoloġiku, għas-Sikurezza ta’ l-Ikel u l-Benesseri ta’ l-Annimali jinsab fil-proċess li jistabbilixxi GIS imsejsin fuq l-Internet biex jiġbru, jaħżnu u janalizzaw id-data ta’ sorveljanza tal-bluetongue (BlueTongue NETwork application). Din is-sistema tista’ tintuża mill-Istati Membri u l-pajjiżi terzi l-oħra sabiex jivverifikaw il-validità tagħha bħala għodda ta’ kontroll tal-marda u sabiex jinftehmu aħjar id-dinamiżmu u t-tixrid tal-marda.

    (5)

    Għandu jingħata kontribut finanzjarju għal dan il-proġett, peress li jista’ jikkontribwixxi għall-iżvilupp tal-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar il-bluetongue u eventwalment biex jikkontrolla aħjar il-marda.

    (6)

    Skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 tal-21 ta’ Ġunju 2005 dwar il-finanzjament tal-Politika Agrikola Komuni (2), għandhom jiġu ffinanzjati miżuri veterinarji skond il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija. Għal raġunijiet ta’ kontroll finanzjarju, għandhom japplikaw l-Artikoli 9, 36 u 37 ta’ dak ir-Regolament.

    (7)

    Il-ħlas tal-kontribut finanzjarju mill-Komunità għandu jkun suġġett għall-kondizzjoni li l-azzjonijiet ippjanati tabilħaqq twettqu u li l-awtoritajiet jipprovdu t-tagħrif meħtieġ kollu.

    (8)

    Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa ta’ l-Annimali.

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    1.   Il-Komunità se toffri għajnuna finanzjarja lill-Italja għall-proġett tagħha għat-twaqqif ta’ sistema msejsa fuq l-Internet biex tiġbor, taħżen, u tanalizza d-data ta’ sorveljanza tal-bluetongue (BlueTongue NETwork application) fl-Istituto Zooprofilattico Sperimentale dell’Abruzzo e del Molise “G. Caporale”, Teramo l-Italja, kif ippreżentat mill-Italja.

    2.   Iridu jintlaħqu l-kondizzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    Is-sistema għandha titwaqqaf u tkun disponibbli għall-Istati Membri kollha meta jitolbu dan sal-31 ta’ Mejju 2007 l-aktar tard;

    (b)

    L-Italja għandha tressaq rapport tekniku u finanzjarju lill-Kummissjoni fit-30 ta’ Settembru 2007 l-aktar tard, ir-rapport finanzjarju flimkien ma’ dokumenti anċillari li jiġġustifikaw l-evidenza rigward l-ispejjeż imġarrba u r-riżultati miksuba.

    Artikolu 2

    1.   L-għajnuna finanzjarja Komunitarja mogħtija lill-Italja għall-proġett imsemmi fl-Artikolu 1 għandha tkun b’rata ta’ 100 % ta’ l-ispejjeż imġarrba għall-impjegati u x-xiri ta’ tagħmir, li jinkludi l-hardware u s-software u oġġetti tal-konsum mill-Istituto Zooprofilattico Sperimentale dell’Abruzzo e del Molise “G. Caporale”, Teramo l-Italja għax-xogħol imsemmi fl-Artikolu 1(1) li ma jaqbiżx il-EUR 100 000.

    2.   L-għajnuna finanzjarja Komunitarja għandha titħallas kif ġej:

    (a)

    70 % permezz ta’ self bil-quddiem fuq talba ta’ l-Italja;

    (b)

    Il-bilanċ wara l-preżentazzjoni tar-rapporti u d-dokumenti anċillari msemmija fl-Artikolu 1(2)(b).

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Taljana.

    Magħmul fi Brussell, 25 ta’ Mejju 2007.

    Għall-Kummissjoni

    Markos KYPRIANOU

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 224, 18.8.1990, p. 19. Id-Deċiżjoni kif emendata l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1791/2006 (ĠU L 363, 20.12.2006, p. 1).

    (2)  ĠU L 209, 11.8.2005, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 378/2007 (ĠU L 95, 5.4.2007, p. 1).


    Top