EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32007D0365

2007/365/KE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal- 25 ta’ Mejju 2007 dwar miżuri ta’ emerġenza għall-prevenzjoni ta’ l-introduzzjoni u t-tixrid fil-Komunità tar- Rhynchophorus ferrugineus (Olivier) (notifikata taħt id-dokument numru C(2007) 2161)

ĠU L 139, 31.5.2007, p. 24–27 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 30/09/2018; Imħassar b' 32018D0490

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2007/365/oj

31.5.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 139/24


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-25 ta’ Mejju 2007

dwar miżuri ta’ emerġenza għall-prevenzjoni ta’ l-introduzzjoni u t-tixrid fil-Komunità tar-Rhynchophorus ferrugineus (Olivier)

(notifikata taħt id-dokument numru C(2007) 2161)

(2007/365/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE tat-8 ta’ Mejju 2000 fuq miżuri ta’ ħarsien kontra l-introduzzjoni fil-Komunità ta’ organiżmi perikolużi għall-pjanti jew prodotti tal-pjanti u kontra l-firxa tagħhom fi ħdan il-Komunità (1), u b’mod partikolari t-tielet sentenza ta’ l-Artikolu 16(3) tagħha,

Billi:

(1)

Skond id-Direttiva 2000/29/KE, meta Stat Membru jqis li hemm periklu ta’ introduzzjoni jew ta’ tixrid fit-territorju tiegħu ta’ organiżmu perikoluż li mhux elenkat fl-Anness I jew Anness II ta’ dik id-Direttiva, jista’ temporanjament jieħu miżuri addizzjonali meħtieġa biex jipproteġi lilu nnifsu minn dak il-periklu.

(2)

B’riżultat tal-preżenza tar-Rhynchophorus ferrugineus (Olivier) (“l-organiżmu speċifiku”) fin-Nofsinhar tal-Peniżola Iberika, fis-27 ta’ Ġunju 2006 Spanja għarrfet lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra li, fis-6 ta’ Ġunju 2006, hija kienet adottat miżuri uffiċjali addizzjonali biex tipprevjeni l-introduzzjoni u t-tixrid aktar fit-territorju tagħha ta’ dak l-organiżmu speċifiku.

(3)

Ir-Rhynchophorus ferrugineus (Olivier) mhuwiex elenkat fl-Annessi I jew II tad-Direttiva 2000/29/KE. Madankollu, rapport ta’ l-evalwazzjoni tar-riskju sanitarju bbażat fuq informazzjoni xjentifika limitata disponibbli wera li dan l-organiżmu speċifiku jikkawża ħsara serja lis-siġar, inkluża mortalità sinifikanti fuq speċijiet speċifiċi ta’ pjanti, li jappartjenu lill-familja tal-Palmae, u ristretta għal pjanti li d-dijametru fil-parti ta’ isfel taz-zokk tagħhom ikun ta’ aktar minn 5 ċm (“pjanti suxxettibbli”). Il-pjanti suxxettibbli jinsabu f’bosta partijiet ta’ l-Ewropa, l-aktar fin-naħa ta’ isfel fejn huma mħawla f’għadd kbir għal finijiet ta’ ornament u fejn huma ta’ importanza kbira għall-ambjent.

(4)

B’hekk jeħtieġ li jittieħdu miżuri ta’ emerġenza kontra l-introduzzjoni u t-tixrid fil-Komunità ta’ dan l-organiżmu speċifiku.

(5)

Dawk il-miżuri ta’ emerġenza għandhom japplikaw għall-introduzzjoni u t-tixrid ta’ l-organiżmu speċifiku, għad-demarkazzjoni ta’ żoni fil-Komunità fejn hemm l-organiżmu speċifiku, għall-importazzjoni, il-produzzjoni, iċ-ċaqliq u l-kontroll ta’ pjanti suxxettibbli fil-Komunità. Għandu jsir stħarriġ biex tiġi vverifikata l-preżenza jew l-assenza kontinwa ta’ l-organiżmu speċifiku fuq il-pjanti kollha tal-Palmae fl-Istati Membri biex tinġabar aktar informazzjoni xjentifika dwar is-suxxettibbiltà tal-pjanti.

(6)

Jixraq li r-riżultati tal-miżuri jkunu riveduti sal-31 ta’ Marzu 2008 billi jitqiesu l-esperjenzi mill-ewwel staġun tat-tkabbir taħt il-miżuri ta’ emerġenza.

(7)

L-Istati Membri għandhom jadottaw, jekk meħtieġ, il-leġiżlazzjoni tagħhom biex jiġu f’konformità mad-Deċiżjoni.

(8)

Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma konformi ma’ l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar is-Saħħa tal-Pjanti,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Definizzjonijiet

Għall-għan ta’ din id-Deċiżjoni, għandhom jgħoddu d-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“organiżmu speċifiku” tfisser ir-Rhynchophorus ferrugineus (Olivier);

(b)

“pjanti suxxettibbli” tfisser pjanti, barra frott u żrieragħ, li għandhom dijametru fil-bażi taz-zokk tagħhom ta’ aktar minn 5 ċm u li jappartjenu lill-Areca catechu, Arenga pinnata, Borassus flabellifer, Calamus merillii, Caryota maxima, Caryota cumingii, Cocos nucifera, Corypha gebanga, Corypha elata, Elaeis guineensis, Livistona decipiens, Metroxylon sagu, Oreodoxa regia, Phoenix canariensis, Phoenix dactylifera, Phoenix theophrasti, Phoenix sylvestris, Sabal umbraculifera, Trachy-carpus fortunei u Washingtonia spp.;

(ċ)

“post tal-produzzjoni” tfisser il-post tal-produzzjoni kif imfisser fl-Istandard Internazzjonali għal Miżuri Fitosanitarji Nru 5 approvat mill-FAO (2).

Artikolu 2

Miżuri ta’ emerġenza kontra l-organiżmu speċifiku

L-introduzzjoni u t-tixrid fil-Komunità ta’ l-organiżmu speċifiku għandhom ikunu projbiti.

Artikolu 3

Importazzjoni ta’ pjanti suxxettibbli

Il-pjanti suxxettibbli jistgħu jiġu introdotti biss fil-Komunità jekk:

(a)

ikunu konformi mar-rekwiżiti speċifiċi ta’ l-importazzjoni kif imniżżla f’punt 1 ta’ l-Anness I;

(b)

jiġu spezzjonati, kif jidħlu fil-Komunità, mill-korp uffiċjali responsabbli għall-preżenza ta’ l-organiżmu speċifiku, skond l-Artikolu 13a(1) tad-Direttiva 2000/29/KE, u jinstabu ħielsa minnu.

Artikolu 4

Movimenti ta’ pjanti suxxettibbli fi ħdan il-Komunità

Pjanti suxxettibbli li joriġinaw fil-Komunità jew kienu impurtati fil-Komunità skond l-Artikolu 3 jistgħu jiċċaqilqu fi ħdan il-Komunità biss jekk jissodisfaw il-kundizzjonijiet imsemmija f’punt 2 ta’ l-Anness I.

Artikolu 5

Stħarriġ u notifiki

1.   L-Istati Membri għandhom iwettqu għadd ta’ stħarriġiet uffiċjali kull sena għall-preżenza ta’ l-organiżmu speċifiku jew għall-evidenza ta’ l-infestazzjonijiet mill-organiżmu speċifiku fuq pjanti tal-Palmae fit-territorju tagħhom.

Bla ħsara għall-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 2000/29/KE, ir-riżultati ta’ dawk l-istħarriġiet flimkien mal-lista ta’ żoni demarkati provvduti fil-paragrafu 6, għandhom jiġu nnotifikati lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra sat-28 ta’ Frar ta’ kull sena.

2.   Kull okkorrenza suspettuża jew preżenza kkonfermata ta’ l-organiżmu speċifiku għandha tiġi nnotifikata mill-ewwel lill-korpi uffiċjali responsabbli.

Artikolu 6

Twaqqif ta’ żoni demarkati

Meta r-riżultati ta’ l-istħarriġ li jissemmew fl-Artikolu 5(1) jew in-notifiki li jissemmew fl-Artikolu 5(2) jikkonfermaw il-preżenza ta’ l-organiżmu speċifiku f’xi żona, jew b’mezzi oħra jkun hemm evidenza tal-preżenza ta’ l-organiżmu speċifiku, l-Istati Membri għandhom jiddefinixxu żoni demarkati u għandhom jieħdu miżuri uffiċjali kif stipulat fil-punti 1 u 2 rispettivament ta’ l-Anness II.

Artikolu 7

Osservanza

L-Istati Membri għandhom, jekk huwa meħtieġ, jemendaw il-miżuri li kienu adottaw biex jipproteġu lilhom infushom kontra l-introduzzjoni u t-tixrid ta’ l-organiżmu speċifiku b’tali mod li dawk il-miżuri jiġu f’konformità ma’ din id-Deċiżjoni. Huma għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni minnufih b’dawk il-miżuri.

Artikolu 8

Reviżjoni

Din id-Deċiżjoni għandha tkun riveduta mhux aktar tard mill-31 ta’ Marzu 2008.

Artikolu 9

Lil min hi indirizzata

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, 25 ta’ Mejju 2007

Għall-Kummissjoni

Markos KYPRIANOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 169, 10.7.2000, p. 1. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/35/KE (ĠU L 88, 25.3.2006, p. 9).

(2)  Glossarju ta’ Termini Fitosanitarji – Standard ta’ Riferenza ISPM Nru. 5 mis-Segretarjat tal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar il-Protezzjoni tal-Pjanti, Ruma.


ANNESS I

Miżuri ta’ emerġenza li jissemmew fl-Artikoli 3 u 4 ta’ din id-Deċiżjoni

1.   Rekwiżiti speċifiċi għall-importazzjoni

Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet imniżżla fl-Anness III, Parti A(17) u fl-Anness IV, Parti A(I)(37) mad-Direttiva 2000/29/KE, pjanti suxxettibbli li joriġinaw f’pajjiżi terzi għandom ikunu akkumpanjati b’ċertifikat kif hemm imniżżel fl-Artikolu 13(1) ta’ dik id-Direttiva li tiddikjara taħt ir-rubrika “Dikjarazzjoni Addizzjonali” li l-pjanti suxxettibbli, fosthom dawk miġbura mill-ħabitat naturali:

(a)

li tul ħajjithom ikunu tkabbru f’pajjiż fejn l-organiżmu speċifiku mhux magħruf li kien jeżisti; jew

(b)

li tul ħajjithom ikunu tkabbru f’żona mhix infestata, stabbilita mill-organizzazzjoni nazzjonali għall-ħarsien tal-pjanti fil-pajjiż ta’ l-oriġini skond l-Istandards Internazzjonali għall-Miżuri Fitosanitarji relevanti; taħt ir-rubrika “post ta’ l-oriġini” għandu jissemma l-isem taż-żona mhux infestata; jew

(ċ)

li, matul il-perjodu ta’ mill-inqas sena qabel l-esportazzjoni, ikunu tkabbru f’post ta’ produzzjoni:

(i)

li jkun reġistrat u sorveljat mill-organizzazzjoni nazzjonali għall-ħarsien tal-pjanti fil-pajjiż ta’ l-oriġini, u

(ii)

fejn il-pjanti jkunu tpoġġew f’sit li jkun kollu kemm hu mħares kontra l-introduzzjoni ta’ l-organiżmu speċifiku jew bl-applikazzjoni ta’ trattamenti preventivi xierqa, u

(iii)

fejn, matul l-ispezzjonijiet uffiċjali li jsiru talanqas kull tliet xhur u immedjatament qabel l-esportazzjoni, ma jkun ġie innutat l-ebda sinjal ta’ l-organiżmu speċifiku.

2.   Kundizzjonijiet għaċ-ċaqliq

Pjanti suxxettibbli, jew dawk li joriġinaw fil-Komunità jew inkella importati fil-Komunità skond l-Artikolu 3, jistgħu jiċċaqilqu fi ħdan il-Komunità biss jekk huma jkunu akkumpanjati minn passaport tal-pjanti ppreparat u maħruġ skond id-Direttiva tal-Kummissjoni 92/105/KEE (1), u jkunu tkabbru:

(a)

matul ħajjithom fi Stat Membru jew pajjiż terz fejn mhux magħruf li l-organiżmu speċifiku kien preżenti; jew

(b)

matul ħajjithom f’post tal-produzzjoni f’żona mhux infestata, stabbilita mill-korp uffiċjali responsabbli fi Stat Membru jew minn organizzazzjoni nazzjonali għall-ħarsien tal-pjanti f’pajjiż terz, skond l-Istandards Internazzjonali għal Miżuri Fitosanitarji; jew

(ċ)

f’post ta’ produzzjoni fi Stat Membru matul perjodu ta’ sentejn qabel iċ-ċaqliq li matulu:

(i)

l-pjanti jkunu tpoġġew f’sit li jkun kollu kemm hu mħares kontra l-introduzzjoni ta’ l-organiżmu speċifiku jew bl-applikazzjoni ta’ trattamenti preventivi xierqa, u

(ii)

ma kien osservat l-ebda sinjal ta’ l-organiżmu speċifiku fl-ispezzjonijiet uffiċjali li jkunu saru talanqas kull tliet xhur;

jew

(d)

jekk kienu impurtati skond punt 1 (c) ta’ dan l-Anness, mindu ddaħħlu fil-Komunità, ikunu tkabbru f’post ta’ produzzjoni fi Stat Membru matul perjodu ta’ talanqas sena qabel iċ-ċaqliq tagħhom, li matulu:

(i)

il-pjanti jkunu tpoġġew f’sit li jkun kollu kemm hu mħares kontra l-introduzzjoni ta’ l-organiżmu speċifiku jew bl-applikazzjoni ta’ trattamenti preventivi xierqa, u

(ii)

ma kien osservat l-ebda sinjal ta’ l-organiżmu speċifiku fi spezzjonijiet uffiċjali li jkunu saru talanqas kull tliet xhur.


(1)  ĠU L 4, 8.1.1993, p. 22. Id-Direttiva kif emendata bid-Direttiva 2005/17/KE (ĠU L 57, 3.3.2005, p. 23).


ANNESS II

Miżuri ta’ emerġenza li jissemmew fl-Artikolu 6 ta’ din id-Deċiżjoni

1.   Twaqqif ta’ żoni demarkati

(a)

Iż-żoni demarkati li jissemmew fl-Artikolu 6 għandhom jikkonsistu fil-partijiet li ġejjin:

(i)

żona infestata fejn il-preżenza ta’ l-organiżmu speċifiku ġiet ikkonfermata u li tinkludi l-pjanti suxxettibbli kollha li juru sintomi kkawżati mill-organiżmu speċifiku, u, fejn huwa xieraq, il-pjanti suxxettibbli kollha li jagħmlu parti mill-istess lott fiż-żmien tat-tħawwil,

(ii)

żona marġinali ta’ lqugħ li l-konfini tagħħa tkun talanqas 10 km ‘l bogħod minn dik taż-żona infestata.

Fil-każijiet fejn bosta żoni marġinali ta’ lqugħ jidħlu f’xulxin jew li jkunu ġografikament qrib xulxin, żona demarkata iktar wiesgħa għandha tiġi definita li tinkludi ż-żoni demarkati rilevanti u ż-żoni ta’ bejniethom.

(b)

Id-delimitazzjoni eżatta taż-żoni msemmija fil-punt (a) għandha tkun ibbażata fuq prinċipji xjentifiċi sodi, il-bijoloġija ta’ l-organiżmu speċifiku, il-livell ta’ infestazzjoni, il-perjodu tas-sena u d-distribuzzjoni partikolari tal-pjanti suxxettibbli fl-Istat Membru kkonċernat.

(ċ)

Jekk tiġi kkonfermata l-preżenza ta’ l-organiżmu speċifiku ‘l barra miż-żona infestata, id-delimitazzjoni taż-żoni demarkati għandha tinbidel kif jixraq.

(d)

Jekk, skond l-istħarriġiet annwali msemmija fl-Artikolu 5 (1), l-organiżmu speċifiku ma jkunx instab f’żona demarkata għal perjodu ta’ tliet snin, din iż-żona ma għandhiex tibqa’ teżisti u l-miżuri msemmija f’punt 2 ta’ dan l-Anness ma għandhomx jibqgħu meħtieġa.

2.   Miżuri f’żoni demarkati

Il-miżuri uffiċjali li jissemmew fl-Artikolu 6 li għandhom jittieħdu fiż-żoni demarkati għandhom jinkludi talanqas dan li ġej:

(a)

miżuri xierqa li jkollhom l-għan li jeradikaw l-organiżmu speċifiku;

(b)

monitoraġġ intensiv għall-preżenza ta’ l-organiżmu speċifiku minn spezzjonijiet xierqa.


Top