EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32007D0273

2007/273/KE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal- 25 ta’ April 2007 dwar kontribuzzjoni finanzjarja mill-Komunità għal miżuri ta’ emerġenza fil-ġlieda kontra l-influwenza tat-tjur fil-Ġermanja fl-2006 (notifikata taħt id-dokument numru C(2007) 1786)

ĠU L 115, 3.5.2007, p. 26–27 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2007/273/oj

3.5.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 115/26


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-25 ta’ April 2007

dwar kontribuzzjoni finanzjarja mill-Komunità għal miżuri ta’ emerġenza fil-ġlieda kontra l-influwenza tat-tjur fil-Ġermanja fl-2006

(notifikata taħt id-dokument numru C(2007) 1786)

(It-test bil-Ġermaniż biss hu awtentiku)

(2007/273/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni tal-Kunsill 90/424/KEE tas-26 ta’ Ġunju 1990 dwar in-nefqa fil-kamp veterinarju (1), u partikolarment l-Artikoli 3(3) u 3a(1) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni 90/424/KEE tistipula l-proċeduri li jirregolaw il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità għal miżuri veterinarji speċifiċi, inklużi miżuri ta’ emerġenza. Id-Deċiżjoni 90/424/KEE, kif emendata bid-Deċiżjoni 2006/53/KE (2), tipprovdi għal kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità għall-Istati Membri biex tkopri ċerti spejjeż involuti fit-teħid ta’ miżuri biex tinqered l-influwenza tat-tjur.

(2)

Seħħew tifqigħat ta’ l-influwenza tat-tjur fil-Ġermanja fl-2006. Li tfaċċat din il-marda jirrappreżenta riskju serju għall-popolazzjoni tal-bhejjem tal-Komunità. Skond l-Artikolu 3a(2) tad-Deċiżjoni 90/424/KEE, il-Ġermanja ħadet miżuri biex tikkumbatti dawn it-tifqigħat.

(3)

Il-ħlas ta’ kontribuzzjoni finanzjarja mill-Komunità għandu jsir soġġett għall-kondizzjoni li l-miżuri ppjanati fil-fatt twettqu u li l-awtoritajiet kompetenti pprovdew t-tagħrif kollu meħtieġ lill-Kummissjoni f’ċerti limiti taż-żmien imfassla.

(4)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 349/2005 tat-28 ta’ Frar 2005 li jistabilixxi r-regoli rigward il-finanzjament Komunitarju għall-interventi urġenti u l-ġlieda kontra ċertu mard ta’ l-annimali kif imsemmi fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 90/424/KEE (3), wara l-emenda tad-Deċiżjoni 90/424/KEE bid-Deċiżjoni 2006/53/KE, ma jkoprix aktar l-influwenza tat-tjur. Għalhekk jeħtieġ li jiġi espressament ipprovdut fid-Deċiżjoni preżenti li l-għoti ta’ kontribuzzjoni finanzjarja lill-Ġermanja jkun suġġett għal konformità ma’ ċerti regoli stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 349/2005.

(5)

L-Artikolu 3a(3) tad-Deċiżjoni 90/424/KEE jipprovdi li l-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità għandha tkun 50 % ta’ l-ispejjeż eliġibbli mġarrba mill-Istat Membru.

(6)

Il-Ġermanja kienet konformi fis-sħiħ ma’ l-obbligi tekniċi u amministrattivi tagħha kif stabbilit fl-Artikoli 3(3) u 3a(2) tad-Deċiżjoni 90/424/KEE. Il-Ġermanja ressqet it-tagħrif lill-Kummissjoni dwar l-ispejjeż imġarrba fi ħdan il-qafas ta’ din it-tifqigħa fl-14 ta’ Marzu 2006 u minn dakinhar issuktat tipprovdi t-tagħrif kollu meħtieġ dwar spejjeż ta’ kumpens u l-spiża ta’ l-operazzjonijiet.

(7)

Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti għall-Katina Alimentari u s-Saħħa ta’ l-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Kontribuzzjoni finanzjarja mill-Komunità

1.   Kontribuzzjoni finanzjarja mill-Komunità tista’ tingħata lill-Ġermanja għall-ispejjeż imġarrba minn dan l-Istat Membru fit-teħid tal-miżuri msemmija fl-Artikolu 3a(2) tad-Deċiżjoni 90/424/KEE fil-ġlieda kontra l-influwenza tat-tjur fl-2006.

Il-kontribuzzjoni finanzjarja għandha tkun ta’ 50 % ta’ l-ispejjeż imġarrba li huma eliġibbli għall-fondi tal-Komunità.

2.   Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, l-Artikoli 2 sa 5 u l-Artikoli 7 u 8 u l-Artikolu 9(2), (3) u (4) u l-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 349/2005 għandhom japplikaw bit-tibdil meħtieġ.

Artikolu 2

Destinatarju

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

Magħmul fi Brussell, 25 ta’ April 2007.

Għall-Kummissjoni

Markos KYPRIANOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 224, 18.8.1990, p. 19. Deċiżjoni kif emendata l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1791/2006 (ĠU L 363, 20.12.2006, p. 1).

(2)  ĠU L 29, 2.2.2006, p. 37.

(3)  ĠU L 55, 1.3.2005, p. 12.


Top