Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32007D0131

    Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal- 21 ta' Frar 2007 dwar il-permess ta' użu ta' l-ispektrum ta' frekwenzi tar-radju, għal apparat li juża teknoloġija ultra-wideband, b'mod armonizzat fil-Komunità (notifikat bid-dokument numru C(2007) 522) Test b'rilevanza għaż-ŻEE

    ĠU L 55, 23.2.2007, p. 33–36 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
    ĠU L 219M, 24.8.2007, p. 282–285 (MT)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 15/05/2019; Imħassar b' 32019D0785

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2007/131(1)/oj

    24.8.2007   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    282


    DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

    tal-21 ta' Frar 2007

    dwar il-permess ta' użu ta' l-ispektrum ta' frekwenzi tar-radju, għal apparat li juża teknoloġija ultra-wideband, b'mod armonizzat fil-Komunità

    (notifikat bid-dokument numru C(2007) 522)

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    (2007/131/KE)

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 676/2002/KE tas-7 ta' Marzu 2002 dwar qafas regolatorju għall-politika dwar l-ispektrum tal-frekwenzi tar-radju fil-Komunità Ewropea (Id-Deċiżjoni dwar l-Ispektrum ta' Frekwenzi tar-Radju) (1), u partikolarment l-Artikolu 4(3) tagħha,

    Billi:

    (1)

    Il-Kunsill Ewropew irrikonoxxa l-kontribuzzjoni siewja lejn it-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi fil-bini ta' soċjetà ta' l-informazzjoni totalment inklussiva, ibbażata fuq l-użu mifrux tat-teknoloġiji ta' l-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ICTs) fis-servizz pubbliku, fin-negozji żgħar u medji (SMEs) u fid-djar (2). Bl-inizjattiva i2010, il- Kummissjoni saħqet dwar kemm l-ICT hija xprun għall-kompetittività, it-tkabbir u l-impjiegi (3).

    (2)

    Il-ħolqien ta' suq waħdieni, miftuħ u kompetittiv għall-apparat tas-soċjetà ta' l-informazzjoni u għas-servizzi tal-medja fil-Komunità huwa kritiku għall-adozzjoni ta' l-ICT. Il-qafas regolatorju tas-servizzi ta' komunikazzjoni elettronika u apparat tal-Komunità, jista jtejjeb il-kompetittività u jrawwem il-kompetizzjoni fil-qasam ta' l-ICT, inter alia billi jiżgura l-introduzzjoni f'waqtha ta' teknoloġiji ġodda.

    (3)

    It-tekonoloġija ultra-wideband tipikalment karatterizzata b'radjazzjoni ta' qawwa ferm baxxa fuq firxa kbira ta' frekwenzi tar-radju, tista' tipprovdi għadd kbir ta' applikazzjonijiet fil-komunikazzjonijiet, fit-tkejjil, fil-lokazzjoni, fil-mediċina, fis-sorveljanza u fil-ħolqien ta' immaġini, li huma ta' benefiċċju għall-politiki diversi tal-Komunità, fosthom is-soċjetà ta' l-informatika u s-suq intern. F'dan il-kuntest, huwa importanti li jiġu stabbiliti kundizzjonijiet regolatorji li jinkoraġġixxu l-iżvilupp ta' swieq ekonomikament vijabbli għal applikazzjonijiet ta' teknoloġiji ultra-wideband hekk kif jitfaċċaw opportunitajiet kummerċjali.

    (4)

    L-użu u l-adozzjoni f'waqthom ta' l-applikazzjonijiet li jużaw teknoloġija ultra-wideband fil-Komunità se jiġu mgħejjuna billi jiġu armonizzati r-regoli ta' l-użu ta' l-ispektrum tal-frekwenzi tar-radju madwar il-komunità, u b'hekk jiġi stabbilit suq waħdieni effettiv għal dawn l-applikazzjonijiet, bil-konsegwenza ta' ekonomiji fil-kobor u benefiċċji għall konsumatur.

    (5)

    Għalkemm is-sinjali ultra-wideband huma ta' qawwa ferm baxxa, il-possibbiltà ta' interferenza ta' ħsara ma' servizzi ta' radjukomunikazzjoni teżisti u trid tiġi mmaniġġjata. Għalhekk, il-qafas regolatorju dwar l-użu ta' l-ispektrum ta' frekwenzi tar-radju għal teknoloġiji ultra-wideband irid bilfors jirrispetta d-drittijiet ta' protezzjoni kontra interferenza li tagħmel il-ħsara (fosthom l-aċċess għall-ispektrum ta' frekwenzi tar-radju minn servizzi tar-radjoastronomija, tas-satelliti għall-esplorazzjoni tad-dinja u tar-riċerka spazjali) u jibbilanċja l-interessi tas-servizzi importanti kontra l-oġġettiv ewlieni tal-politika, li jipprovdi kundizzjonijiet favorevoli għall-introduzzjoni ta' teknoloġiji innovattivi għall benefiċċju tas-soċjetà.

    (6)

    L-użu ta' l-ispektrum huwa soġġett għall-rekwiżiti tal-liġijiet tal-Komunità dwar il-protezzjoni tas-saħħa pubblika, b'mod partikulari d-Direttiva 2004/40/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar il-ħtiġiet minimi ta' saħħa u sigurtà li jirrigwardaw l-espożizzjoni ta' ħaddiema għal riskji li jirriżultaw minn aġenti fiżiċi (kampi elettromanjetiċi) (4) u r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill 1999/519/KE tat-12 ta' Lulju 1999 dwar il-limitazzjoni ta' l-esponiment tal-pubbliku ġenerali għall-kampi elettromanjetiċi (0 Hz sa 300 GHz) (5). Il-protezzjoni tas-saħħa għall-apparat tar-radju hija żgurata bil-konformità tat-tali apparat mal-bżonnijiet essenzjali skond id-Direttiva 1999/5/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Marzu 1999 dwar apparat tar-radju u tat-telekomunikazzjonijiet u l-għarfien bejniethom tal-konformità tagħhom (“id-Direttiva R&TTE”) (6).

    (7)

    Skond Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni ta' l-Ispektrum ta' Frekwenzi tar-Radju, il-Kummissjoni ħarġet tliet mandati (7) lill-Konferenza Ewropea ta' l-Amministrazzjonijiet tal-Posta u tat-Telekomunikazzjonijiet (minn hawn 'il quddiem “is-CEPT”) sabiex tagħmel ix-xogħol kollu neċessarju biex tidentifika il-kriterji tekniċi u operazzjonali għall-introduzzjoni armonizzata fl-Unjoni Ewropea ta' applikazzjonijiet ibbażati fuq l-ultra-wideband.

    (8)

    Din id-Deċiżjoni hija bbażata fuq studji li għamel is-CEPT taħt mandat tal-KE. Dawn l-istudji ta' kompatibilità jinkludu, inter alia, l-preżunzjoni li l-apparat li juża t-teknoloġija ultra-wideband jitħaddem l-aktar ġewwa u li jwaqqaf it–trażmissjoni wara għaxar sekondi jekk ma jirċevix sinjal minn riċevitur assoċjat miegħu, li juri li t-trasmissjoni tiegħu qed tintlaqa'. Barra minn hekk, is-sinjali vidjo għandhom jiġu trażmessi bl-użu ta' kodiċi ta' effiċjenza għolja.

    (9)

    L-użu barra ta' apparat li juża teknoloġija ultra-wideband kopert b'din id-Deċiżjoni ma għandux jinkludi l-użu f'lokazzjoni barra fissa jew imqabbad ma' antenna jew ġo vetturi. L-interferenza li tista' tinħoloq b'dan it-tip ta' użu teħtieġ aktar studju.

    (10)

    Apparat li juża' t-teknoloġija ultra-wideband kopert b'din id-deċiżjoni jaqa' taħt l-ambitu tad-Direttiva R&TTE. Madankollu, l-użu ta' meded ta' frekwenzi minn apparat li juża' t-teknoloġija ultra-wideband għall-ġestjoni tal-komunikazzjonijiet tat-traffiku ta' l-ajru fl-ajruplani u għal applikazzjonijiet ta' salvatagg fuq il-vapuri ma taqax taħt id-direttiva R&TTE, u kwalunkwe użu ta' apparat tali f'dawn l-ambjenti ta' salvataġġ għandu jkun determinat b'regolament adattat u speċifiku skond is-settur.

    (11)

    Skond id-Direttiva R&TTE, il-Kummissjoni Ewropea ħarġet mandat (M/329) lill-organizzazzjonijiet Ewropej għall-istandardizzazzjoni sabiex jistabbilixxu sett ta' standards armonizzati li jkopru l-applikazzjonijiet ultra-wideband li jkunu rikonoxxuti taħt din id-Direttiva, u li jirriżultaw fi preżunzjoni ta' konformità mar-rekwiżiti tagħha.

    (12)

    Bħala rispons għall-mandat M/329 tal-KE, l-ETSI qed jiżviluppa standards bħall-Istandard Armonizzat EN 302 065 għall-użu tat-teknoloġija ultra-wideband li jagħti kas l-effetti totali potenzjali, jekk it-tali effetti jistgħu iwasslu għal interferenza li tagħmel ħsara, u l-istudji ta' kompatibbiltà tas-CEPT. Standards Armonizzati għandhom jiġu sostnuti u żviluppati matul iż-żmien sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni ta' servizzi li għadhom ġodda u li għalihom għadhom ma ġewx assenjati meded ta' frekwenzi.

    (13)

    Barra minn hekk, meta Stat Membru jqis li xi apparat li juża tekonoloġija ultra-wideband fl-ambitu tad-Direttiva R&TTE, u ta' kwalunkwe Standard Armonizzat addottat skond din, ma jkunx kompatibbli mar-rekwiżiti tad-Direttiva hawn fuq imsemmija, jistgħu jittieħdu miżuri ta' salvagwardja skond Artikoli 9 u 5 tad-Direttiva rispettivament.

    (14)

    L-użu ta' l-ispektrum ta' frekwenzi tar-radju minn apparat li juża teknoloġija ultra-wideband skond din id-Deċiżjoni għandu jkun permess, abbażi li ma jkunx hemm interferenza u protezzjoni, u għalhekk għandu jkun soġġett għal Artikolu 5(1) tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2002/20/KE tas-7 ta' Marzu 2002 dwar l-awtorizzazzjoni ta' netwerks ta' komunikazzjoni u servizzi elettroniċi (8).

    (15)

    Bil-għan li tiġi żgurata relevanza kontinwa tal-kundizzjonijiet speċifikati f'din id-Deċiżjoni, u fid-dawl tal-bidliet veloċi fl-ambjent ta' l-ispektrum ta' frekwenzi tar-radju, l-amministrazzjonijiet nazzjonali għandhom jimmonitorjaw, fejn ikun possibbli, l-użu ta' l-ispektrum ta' frekwenzi tar-radju, b'apparat li juża teknoloġija ultra-wideband, sabiex din id-Deċiżjoni tiġi soġġetta għal reviżjoni attiva. Reviżjoni bħal din għandha tagħti kas l-iżvilupp teknoloġiku u l-bidliet fis-sitwazzjon tas-suq u tiżgura li s-suppożizzjonijiet tal-bidu dwar it-tħaddim ta' apparat li juża teknoloġija ultra-wideband fil-medda ta' frekwenzi speċifikati f'din id-Deċiżjoni għadhom rilevanti. Sabiex tiġi żgurata protezzjoni adegwata tas-servizzi eżistenti, din id-Deċiżjoni għandha tistabbilixxi kundizzjonijiet li jitqiesu adegwati sabiex jipproteġu s-servizzi attwali.

    (16)

    Tekniki ta' mitigazzjoni addattati (fosthom metodi ta' detect-and-avoid jew low-duty-cycle) studjati u speċifikati mis-CEPT u l-ETSI skond il mandat rispettiv tal-KE, għandhom jiġu nklużi fl-Istandards Armonizzati skond id-Direttiva R&TTE ġaladarba jkunu stabbli u żguri li jipprovdu protezzjoni ekwivalenti għall-livelli ta' emissjonijiet identifikati f'din id-Deċiżjoni.

    (17)

    Il-kundizzjonijiet fil medda ta' 4.2 sa 4.8 GHz għal apparat li juża teknoloġija ultra-wideband mingħajr tekniki ta' mitigazzjoni xierqa għandu jkollhom limitu ta' żmien u jiġu sostitwiti b'kundizzjonijiet aktar ristrettivi wara d-data tal-31 ta' Diċembru 2010, għaliex hemm aspettattiva li apparat ta' dan it-tip, fit-tul għandu jopera esklussivament fuq frekwenzi 'l fuq minn 6 GHZ.

    (18)

    Il-miżuri previsti b'din id-Deċiżjoni huma konformi ma' l-opinjoni tal-Kumitat dwar l-Ispektrum ta' frekwenzi tar-Radju.

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    L-għan ta' din id-Deċiżjoni huwa li tippermetti l-użu ta' l-ispektrum ta' frekwenzi tar-radju minn apparat li juża teknoloġija ultra-wideband u li tarmonizza l-kundizzjonijiet tat-tali użu fil Komunità.

    Din id-Deċiżjoni għandha tapplika bla preġudizzju għad-Direttiva 1995/5/KE (id-Direttiva R&TTE) u għal kull dispożizzjoni tal Komunità li tippermetti l-użu ta' l-ispektrum ta' frekwenzi tar-radju minn tipi speċifiċi ta' apparat li juża teknoloġija ultra-wideband

    Artikolu 2

    Għall-għanijiet ta' din id-Deċiżjoni:

    1.

    “apparat li juża teknoloġija ultra-wideband” tfisser apparat li jinkorpora, bħala parti integrali jew bħala aċċessorju, teknoloġija għal radjukomunikazzjoni b'firxa qasira, li tinvolvi l-ġenerazzjoni intenzjonali u t-trażmissjoni ta' enerġija ta' frekwenzi tar-radju li tinfirex fuq medda ta' frekwenzi usa' min 50 MHz, li tista tkun imrikkba fuq kemm-il medda ta' frekwenzi allokati għal servizzi ta' radjukomunikazzjoni;

    2.

    “abbażi li ma jkunx hemm interferenza u protezzjoni” tfisser li l-ebda interfernza ta' ħsara ma għandha ssir lil xi servizz ta' radjukomunikazzjoni u li l-ebda talba għall-protezzjoni ta' dan l-apparat ma għandha ssir kontra interferenza li tagħmel ħsara u li ġejja minn servizzi ta' radjukomunikazzjoni;

    3.

    “ġewwa” tfisser ġo bini jew postijiet fejn l-ilqugħ tipikament jipprovdi t-tnaqqis meħtieġ sabiex jipproteġi s-servizzi ta' radjukomunikazzjoni kontra interferenza ta' ħsara;

    4.

    “vettura awtomottiva” tfisser kull vettura kif definita bid-Direttiva 70/156/KEE (9);

    5.

    “vettura ferrovjarja” tfisser kul vettura kif definita bir-Regolament (KE) Nru 91/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10);

    6.

    “e.i.r.p.” tfisser qawwa rradjata isotropika ekwivalenti;

    7.

    “densità medja ta' e.i.r.p.” tfisser il-qawwa medja meqjusa b'medda ta' reżoluzzjoni ta' 1 MHz, b'ditekter ta' l-gherq kwadrat medju (RMS) u medja ta' ħin ta' 1 ms jew anqas;

    8.

    “l-ogħla densità ta' e.i.r.p.” tfisser l-ogħla livell ta trażmissjoni ġo medda ta' frekwenzi ta' 50 MHz iċċentrata fuq il-frekwenza fejn isseħħ l-ogħla qawwa irradjata medja. Jekk meqjusa fuq medda ta x MHz, dan il-livell għandu jitnaqqas b'fattur ta' 20log(50/x)dB;

    9.

    “id-densità massima ta' l-e.i.r.p.” tfisser l-ogħla saħħa ta' sinjal meqjus f'kull direzzjoni f'kull frekwenza fil-medda definita;

    Artikolu 3

    L-Istati Membri għandhom, kemm jista' jkun kmieni u mhux aktar tard minn sitt xhur wara li tidħol fis-seħħ din id-Deċiżjoni, jippermettu l-użu ta ' l-ispektrum ta ' frekwenzi tar-radju abbażi li ma jkunx hemm interferenza u protezzjoni minn apparat li juża teknoloġija ultra-wideband sakemm dan l-apparat ikun skond il-kundizzjonijiet ta' l-Anness ta' din id-Deċiżjoni u li jew jintuża ġewwa jew, jekk jintuża barra, ma jkunx imqabbad ma' stallazzjoni fissa, ma' infrastruttura fissa, ma' antenna fissa fuq barra, jew ma vettura awtomottiva jew ferrovjarja.

    Artikolu 4

    L-Istati Membri għandhom iżommu taħt skrutinju l-użu ta' meded identifikati fl-Anness minn apparat li juża teknoloġija ultra-wideband, b'mod partikolari fejn tidħol ir-rilevanza kontinwa tal-kundizzjonijiet kollha speċifikati f'Artikolu 3, u li jirrappurtaw is-sejbiet tagħhom lill-Kummissjoni sabiex ikun hemm żmien biżżejjed għar-reviżjoni ta' din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 5

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmul fi Brussell, 21 ta' Frar 2007.

    Għall-Kummissjoni

    Viviane REDING

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 108, 24.4.2002, p. 1.

    (2)  Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew 7619/1/05 Rev. 1 tat-23.3.2005.

    (3)  COM(2005) 229.

    (4)  ĠU L 159, 30.4.2004, p. 1, kif emendata bil-ĠU L 184, 24.5.2004, p. 1.

    (5)  ĠU L 199, 30.7.1999, p. 59.

    (6)  ĠU L 91, 7.4.1999, p. 10. Id-Direttiva kif emendata bir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 (ĠU L 284, 31.10.2003, p. 1).

    (7)  Il-Mandat lis-CEPT biex tarmonizza l-użu ta' l-ispektrum ta' frekwenzi tar-radju għas-sistemi ultra-wideband fl-Unjoni Ewropea (“Mandat 1”); il-Mandat lis-CEPT biex tidentifika l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-armonizzazzjoni ta' l-użu ta' l-ispektrum ta' frekwenzi tar-radju għas-sistemi ultra-wideband fl-Unjoni Ewropea (“Mandat 2”); il-Mandat lis-CEPT biex tidentifika l-kundizzjonijiet rigward l-introduzzjoni armonizzata ta' applikazzjonijiet ta' l-ispektrum tal-frekwenzi tar-radju ibbażati fuq it-teknoloġija Ultra-Wideband (UWB) (“Mandat 3”)

    (8)  ĠU L 108, 24.4.2002, p. 21.

    (9)  ĠU L 42, 23.2.1970, p. 1.

    (10)  ĠU L 14, 21.1.2003, p. 1.


    ANNESS

    1.   Densitajiet massimi ta' e.i.r.p. fin-nuqqas ta' tekniki ta' mitigazzjoni xierqa

    Firxa ta' Frekwenzi

    (GHz)

    Densità ta' e.i.r.p. medja massima

    (dBm/MHz)

    Densità ta' e.i.r.p. l-ogħla massimu

    (dBm/MHz)

    Anqas minn 1,6

    -90,0

    -50,0

    1,6 sa 3,4

    -85,0

    -45,0

    3,4 sa 3,8

    -85,0

    -45,0

    3,8 sa 4,2

    -70,0

    -30,0

    4,2 sa 4,8

    -41,3

    (sal-31 ta' Diċembru 2010)

    0,0

    (sal-31 ta' Diċembru 2010)

    -70,0

    (wara l-31 ta' Diċembru 2010)

    -30,0

    (wara l-31 ta' Diċembru 2010)

    4,8 sa 6,0

    -70,0

    -30,0

    6,0 sa 8,5

    -41,3

    0,0

    8,5 sa 10,6

    -65,0

    -25,0

    'il fuq minn 10,6

    -85,0

    -45,0

    2.   Tekniki ta' mitigazzjoni xierqa

    Medja massima ta' Densità ta' e.i.r.p. ta' - 41.3 dBm/MHz hija permessa fil-meded ta' 3.4 – 4.8 GHz sakemm tiġi applikata restrizzjoni hija applikata fejn is-somma tas-sinjali kollha trażmessi tkun anqas minn 5 % tal-ħin kull sekonda u anqas minn 0.5 % tal-ħin kull siegħa, u sakemm kull sinjal trażmess ma jaqbiżx il-5 millisekondi.

    Apparat li juża' t-teknoloġija ultra-wideband jista' jkun permess juża l-ispektrum ta' frekwenzi tar-radju b'limiti ta' e.i.r.p. barra minn dawk li hemm fit-tabella fil-punt 1, sakemm tekniki ta' mitigazzjoni xierqa barra minn dawk fl-ewwel subparagrafu jkunu applikati, bir-riżultat li l-apparat jilħaq talanqas livell ta' protezzjoni ekwivalenti għal dak provdut mill-limiti tat-tabella fil-punt 1.


    Top