Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32006R1168

    Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1168/2006 tal- 31 ta' Lulju 2006 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 2160/2003 dwar mira Komunitarja għat-tnaqqis tal-prevalenza ta' ċerti serotipi tas-salmonella fit-tiġieġ tal-bajd tat-tip Gallus gallus u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1003/2005 Test b’rilevanza għaż-ŻEE.

    ĠU L 211, 1.8.2006, p. 4–8 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
    ĠU L 314M, 1.12.2007, p. 148–152 (MT)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (BG, RO)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 28/05/2011; Imħassar b' 32011R0517

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2006/1168/oj

    1.12.2007   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    148


    REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 1168/2006

    tal-31 ta' Lulju 2006

    li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 2160/2003 dwar mira Komunitarja għat-tnaqqis tal-prevalenza ta' ċerti serotipi tas-salmonella fit-tiġieġ tal-bajd tat-tip Gallus gallus u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1003/2005

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 2160/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Novembru 2003 dwar il-kontroll tas-salmonella u aġenti żoonotiċi (1) oħra speċifikati li jinġarru mill-ikel u, partikularment l-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 13 tiegħu;

    Billi:

    (1)

    L-għan tar-Regolament (KE) Nru 2160/2003 huwa li jassigura li jittieħdu miżuri xierqa u effettivi għall-individwazzjoni u l-kontroll tas-salmonella u aġenti żoonotiċi oħra fl-istadji rilevanti kollha tal-produzzjoni, l-ipproċessar u d-distribuzzjoni, partikularment fil-livell ta’ produzzjoni primarja, sabiex titnaqqas il-prevalenza tagħhom u r-riskju li dawn ifissru għas-saħħa pubblika.

    (2)

    Ir-Regolament (KE) Nru 2160/2003 jiddisponi li għandha tiġi stabbilita mira Komunitarja għat-tnaqqis tal-prevalenza tas-serotipi tas-salmonella kollha b’sinifikat għas-saħħa pubblika fit-tiġieġ tat-tip Gallus gallus fil-livell ta’ produzzjoni primarja. Tnaqqis ta’ din ix-xorta hu importanti minħabba l-miżuri stretti li għandhom japplikaw għal qatgħat ta’ tjur infettati skond ir-Regolament (KE) Nru 2160/2003 minn Diċembru 2009 ’l quddiem. B’mod partikulari, il-bajd li joriġina mill-qatgħat bi status mhux magħruf ta’ salmonella, issuspettat li huwa infettat jew ġej minn qatgħat infettati li jistgħu jintużaw għall-konsum uman biss jekk ittrattat b’mod li jiggarantixxi t-tneħħija tas-serotipi tas-salmonella b’sinifikat għas-saħħa pubblika skond il-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar l-iġjene ta’ l-ikel.

    (3)

    Ir-Regolament (KE) Nru 2160/2003 jipprevedi li l-mira Komunitarja tinkludi espressjoni numerika tal-persentaġġ massimu ta’ unitajiet epidemjoloġiċi li jibqgħu pożittivi u/jew il-persentaġġ minimu ta’ tnaqqis fin-numru ta’ unitajiet epidemjoloġiċi li jibqgħu pożittivi, il-limitu massimu ta’ żmien li fih għandha tintlaħaq il-mira, kif ukoll id-definizzjoni ta’ l-iskemi ta’ ttestjar meħtieġa għall-verifika tal-kisba tal-mira. Għandu jinkludi wkoll definizzjoni, fejn xieraq, tas-serotipi b’sinifikat għas-saħħa pubblika.

    (4)

    Sabiex tiġi stabbilita l-mira Komunitarja, data komparabbli dwar il-prevalenza tas-serotipi tas-salmonella kkonċernati fit-tiġieġ għall-bajd tat-tip Gallus gallus fl-Istati Membri nġabret skond id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/665/KE tat-22 ta’ Settembru 2004 li tikkonċerna studju fuq linja bażi dwar il-prevalenza tas-salmonella fil-qatgħat għall-bajd tat-tip Gallus gallus  (2).

    (5)

    Ir-Regolament (KE) Nru 2160/2003 jiddisponi li għal perjodu tranżitorju ta’ tliet snin, il-mira tal-Komunità għat-tiġieġ għall-bajd tat-tip Gallus gallus hi li jiġu koperti s-Salmonella enteritidis u s-Salmonella typhimurium.

    (6)

    Sabiex jiġi vverifikat it-twettiq tal-mira tal-Komunità, hu meħtieġ li jiġi organizzat it-teħid ta’ kampjuni b’mod ripetittiv tal-qatgħat.

    (7)

    Skond l-Artikolu 15 tar-Regolament (KE) Nru 2160/2003, l-Awtorità Ewropea għas-Sigurtà ta’ l-Ikel (EFSA) kienet ikkunsultata dwar it-twaqqif tal-mira Komunitarja għat-tiġieġ għall-bajd tat-tip Gallus gallus.

    (8)

    Mill-adozzjoni tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1003/2005 tat-30 ta’ Ġunju 2005 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 2160/2003 fir-rigward tal-mira Komunitarja għat-tnaqqis tal-prevalenza ta’ ċerti serotipi ta’ salmonella fil-qatgħat għat-tnissil tat-tip Gallus gallus u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2160/2003, metodi alternattivi ta’ analiżi ġew żviluppati u ġġustifikati. Barra minn hekk il-varjanti ta’ salmonella misjuba fil-qatgħat għat-tnissil għandhom jiġu maħżuna għal skopijiet futuri ta’ phagetyping u l-ittestjar għas-suxxettibilità anti-mikrobika. Għalhekk ir-Regolament (KE) Nru 1003/2005 għandu jiġi emendat skond iċ-ċirkostanzi.

    (9)

    Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa ta’ l-Annimali,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Mira Komunitarja

    1.   Il-mira Komunitarja li għaliha hemm referenza fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament (KE) Nru 2160/2003 għat-tnaqqis tas-Salmonella enteritidis u s-Salmonella typhimurium fit-tiġieġ għall-bajd adulti tat-tip Gallus gallus (“Mira Komunitarja”) għandha tkun kif ġej:

    (a)

    Persentaġġ annwali minimu ta’ tnaqqis ta’ qatgħat pożittivi ta’ tiġieġ għall-bajd adulti ekwivalenti ta’ l-anqas għal:

    (i)

    10 % jekk il-prevalenza fis-sena preċedenti kienet anqas minn 10 %;

    (ii)

    20 % jekk il-prevalenza fis-sena preċedenti kienet bejn 10 % u 19 %;

    (iii)

    30 % jekk il-prevalenza fis-sena preċedenti kienet bejn 20 % u 39 %;

    (iv)

    40 % jekk il-prevalenza fis-sena preċedenti kienet 40 % jew aktar;

    jew,

    (b)

    tnaqqis tal-persentaġġ massimu għal 2 % jew inqas; madankollu, għall-Istati Membri b’inqas minn 50 qatgħa ta’ tiġieġ għall-bajd adulti, mhux iktar minn qatgħa waħda ta’ adulti tista’ tibqa’ pożittiva.

    L-ewwel mira għandha titwettaq fl-2008 bbażata fuq il-monitoraġġ li jibda fil-bidu ta’ dik is-sena. Fir-rigward tal-mira fl-2008, ir-riżultati ta’ l-istudju fuq linja bażi mwettqa skond l-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 2004/665/KE għandhom jintużaw bħala r-referenza msemmija f’dan l-Artikolu.

    2.   L-iskema ta’ ttestjar għall-verifika tal-progress fit-twettiq tal-mira Komunitarja hi stipulata fl-Anness.

    It-twettiq għandu jiġi vvalutat billi jiġu kkunsidrati r-riżultati ta’ tliet snin konsekuttivi.

    Meta mhumiex deskritti fl-Anness, l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi msemmija fl-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/665/KE għandhom jiġu kkunsidrati bħala rakkomandazzjonijiet għall-implimentazzjoni ta’ dan il-punt fil-programmi nazzjonali ta’ kontroll.

    3.   Il-Kummissjoni għandha tikkunsidra li tanalizza l-iskema ta’ ttestjar fl-Anness ibbażata fuq l-esperjenza akkwistata matul l-ewwel sena tal-programm ta’ kontroll bħalma hu msemmi fl-Artikolu 5(1) tar-Regolament (KE) Nru 2160/2003 (‘il-programm nazzjonali ta’ kontroll’).

    Artikolu 2

    Emenda għar-Regolament (KE) Nru 1003/2005

    Fl-Anness għar-Regolament (KE) Nru 1003/2005, ġew inseriti l-punti 3.4 u 3.5 segwenti:

    “3.4.   Metodi alternattivi

    Fir-rigward tal-kampjuni meħuda fil-bidu ta’ l-operatur, il-metodi ta’ l-analiżi previsti fl-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) Nru 882/2004 (*), jistgħu jintużaw minflok il-metodi għall-preparazzjoni tal-kampjuni, metodi ta’ stħarriġ u tas-serotipi previsti f’punt 3 ta’ dan l-Anness, jekk ivvalidati skond l-EN/ISO 16140/2003.

    3.5.   Ħżin ta’ varjanti

    Ta’ l-anqas il-varjanti iżolati bħala parti mill-kontrolli uffiċjali, għandhom jiġu maħżuna għall-phagetyping jew l-ittestjar għas-suxxettibilità anti-mikrobika, bl-użu tal-metodi normali għall-ġbir tal-koltura, li għandhom jiżguraw l-integrità tal-varjanti għal perjodu minimu ta’ sentejn.”

    Artikolu 3

    Dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

    Għandu jidħol fis-seħħ mill-1 ta’ Awissu 2006.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, 31 ta' Lulju 2006.

    Għall-Kummissjoni

    Markos KYPRIANOU

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 325, 12.12.2003, p. 1. Ir-Regolament kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1003/2005 (ĠU L 170, 1.7.2005, p. 12).

    (2)  ĠU L 303, 30.9.2004, p. 30.


    ANNESS

    L-iskema ta’ ttestjar neċessarja għall-verifika tat-twettiq tal-mira Komunitarja għat-tnaqqis tas-Salmonella enteritidis u s-Salmonella typhimurium f’tiġieġ għall-bajd adulti tat-tip Gallus gallus, kif imsemmija fl-Artikolu 1(2)

    1.   QAFAS GĦAT-TEĦID TAL-KAMPJUNI

    Il-qafas għat-teħid tal-kampjuni għandu jkopri l-qatgħat kollha tat-tiġieġ għall-bajd adulti tat-tip Gallus gallus (‘il-qatgħat għall-bajd’) imsemmija fl-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 2160/2003.

    2.   MONITORAĠĠ FIL-QATGĦAT GĦALL-BAJD

    2.1.   Il-frekwenza u l-istatus tat-teħid tal-kampjuni

    Il-qatgħat għall-bajd għandhom jitteħdilhom kampjuni fil-bidu ta’ l-operatur kummerċjali ta’ l-ikel (“l-operatur”) u mill-awtorità kompetenti.

    It-teħid ta’ kampjuni fil-bidu ta’ l-operatur għandu jsir ta’ l-anqas kull ħmistax-il ġimgħa. L-ewwel teħid ta’ kampjuni għandu jsir fl-età ta’ 24 ± 2 ġimgħat.

    It-teħid ta’ kampjuni mill-awtoritajiet kompetenti għandu jsir ta’ l-anqas:

    (a)

    f’kull qatgħa fis-sena għal kull magħlaq li jiġbor fih ta’ l-anqas 1 000 tajra;

    (b)

    fl-età ta’ 24 ± 2 ġimgħa fil-qatgħat għall-bajd miżmuma f’bini fejn is-salmonella nstabet fil-qatgħa preċedenti;

    (c)

    f’każ li jkun hemm suspett ta’ infezzjoni tas-Salmonella enteritidis jew is-Salmonella typhimurium, bħala riżultat ta’ l-investigazzjoni epidemjoloġika ta’ tfaqqigħ minn fuq l-ikel skond l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2003/99/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1);

    (d)

    fil-qatgħat għall-bajd l-oħra kollha fil-magħlaq fil-każ li s-Salmonella enteritidis u s-Salmonella typhimurium jinstabu f’waħda mill-qatgħat fil-magħlaq;

    (e)

    f’każijiet fejn l-awtorità kompetenti jikkunsidraw li dan hu adatt.

    It-teħid ta’ kampjuni mwettaq mill-awtorità kompetenti jista’ jieħu post teħid wieħed ta’ kampjuni fuq l-inizjattiva ta’ l-operatur.

    2.2.   Il-Protokoll għat-teħid tal-kampjuni

    Sabiex is-sensittività tat-teħid tal-kampjuni tkun dik massima, kemm il-materjal tal-ħmieġ kif ukoll l-ambjent għandhom jitteħdilhom kampjuni ta’ l-anqas kif previst f’(a) u (b):

    (a)

    F’qatgħat li jinżammu fil-gaġeġ, 2 × 150 gramm ta’ ħmieġ magħqud b’mod naturali għandu jittieħed miċ-ċineg jew mill-barraxiet fil-barrakka wara li titħaddem is-sistema tat-tneħħija tad-demel; madankollu, fil-każ ta’ barrakki li għandhom gaġeġ b’turġien mingħajr barraxiet jew ċineg 2 × 150 gramm ta’ ħmieġ frisk imħallat għandu jinġabar minn 60 post differenti taħt il-gaġeġ fil-ħofra tal-ħmieġ.

    (b)

    F’barrakki magħluqa jew fil-beraħ, għandhom jittieħdu mill-buz jew mill-kalzetti żewġ pari ta’ kampjuni miġburin b’tajjara, mingħajr ma jinbidel il-buz li jintlibes fuqhom waqt t-teħid mill-buz tal-kampjuni miġburin b’tajjara.

    F’każ ta’ teħid ta’ kampjuni mill-awtorità kompetenti, 250 ml li jkollhom fihom ta’ l-anqas 100 gramm ta’ trab għandhom jinġabru minn sorsi prolifiċi ta’ trab minn kull parti tal-barrakka. Jekk ma jkunx hemm trab biżżejjed, jittieħed kampjun addizzjonali ta’ 150 gramm ta’ ħmieġ magħqud b’mod naturali jew jittieħdu kampjuni miġburin b’tajjara minn par addizzjonali ta’ buz jew ta’ kalzetti.

    Fil-każ tat-teħid ta’ kampjuni msemmi fl-punt 2.1 (b), (c) u (d), l-awtorità kompetenti għandha tissodisfa lilha nfisha billi tagħmel aktar testijiet kif meħtieġ sabiex ir-riżultati ta’ l-eżaminazzjonijiet għas-salmonella fit-tjur ma jkunux affettwati bl-użu ta’ antimikrobiċi fil-qatgħat.

    Fejn ma tinstabx il-preżenza tas-Salmonella enteritidis u s-Salmonella typhimurium iżda jinstabu antimikrobiċi jew l-effett inibitorju tal-formazzjoni tal-batterji l-qatgħa għall-bajd għandha tkun ikkunsidrata bħala infettata għall-għan tal-mira Komunitarja msemmija fl-Artikolu 1(2).

    3.   L-EŻAMINAZZJONI TAL-KAMPJUNI

    3.1.   It-trasport u t-tħejjija tal-kampjun

    Il-kampjuni għandhom jintbagħtu bis-servizz express tal-posta jew kurjer lil-laboratorji msemmija fl-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) Nru 2160/2003, fil-ġurnata li jittieħdu. Fil-laboratorji, il-kampjuni għandhom jinżammu fil-friża sakemm issir l-eżaminazzjoni, li għandha ssir fi żmien 48 siegħa wara t-twassil.

    3.1.1   Il-Kampjuni miġburin b’tajjara mill-buz

    (a)

    Iż-żewġ pari tal-kampjuni miġburin b’tajjara mill-buz (jew “kalzetti”) għandhom jinħarġu bil-galbu mill-ippakkjar sabiex jiġi evitat li jinqala’ materjal ta’ ħmieġ, miġbur flimkien u jitpoġġew f’225ml ta’ Buffered Peptone Water (BPW) imsaħħan minn qabel għal temperatura ambjentali;

    (b)

    Il-kampjun għandu jiddawwar sakemm jassorbih kollu u l-koltura għandha titkompla bl-użu tal-metodu ta’ stħarriġ f’3.2.

    3.1.2   Materjal ta’ ħmieġ ieħor u kampjuni ta’ trab

    (a)

    Il-kampjuni tal-ħmieġ għandhom jingħaqqdu flimkien u jitħawdu sew u sotto-kampjun ta’ 25 gramm għandu jittieħed għall-koltura.

    (b)

    Is-sotto-kampjun ta’ 25 gramm għandu jiżdied ma’ 225 ml ta’ BPW msaħħan għal temperatura ambjentali;

    (c)

    Il-koltura tal-kampjun għandha titkompla billi jintuża l-metodu ta’ stħarriġ f’3.2.

    Jekk l-istandards ta’ l-ISO dwar il-preparazzjoni tal-ħmieġ għall-istħarriġ tas-salmonella jkun hemm ftehim dwarhom, dawn għandhom jiġu applikati u għandhom jieħdu post id-dispożizzjonijiet ta’ hawn fuq rigward il-preparazzjoni tat-teħid tal-kampjuni.

    3.2.   Metodu ta’ Stħarriġ

    Għandu jintuża l-metodu għall-istħarriġ irrakkomandat mil-Laboratorju Komunitarju ta’ Referenza (CRL) għas-Salmonella f'Bilthoven, l-Olanda. Dan il-metodu hu deskritt fil-verżjoni kurrenti ta’ l-abbozz ta’ l-Anness D ta’ l-ISO 6579 (2002): “Stħarriġ ta’ l-ispeċi tas-Salmonella fil-ħmieġ ta’ l-annimali u fil-kampjuni ta’ l-istadju primarju ta’ produzzjoni”. F’dan il-metodu, sustanza semi-solida (is-sustanza semi-solida mmodifikata Rappaport-Vassiladis, MSRV) tintuża bħala s-sustanza selettiva unika ta’ arrikkiment.

    3.3.   Klassifikazzjoni fuq il-bażi tas-serotipi

    Ta’ l-inqas iżolat wieħed minn kull kampjun pożittiv għandu jkun isserotipizzat, skond l-iskema Kaufmann-White.

    3.4.   Metodi alternattivi

    Fir-rigward tal-kampjuni meħuda fil-bidu ta’ l-operatur, il-metodi ta’ l-analiżi previsti fl-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) Nru 882/2004 (2), jistgħu jintużaw minflok il-metodi għall-preparazzjoni tal-kampjuni, metodi ta’ stħarriġ u tas-serotipi previsti f’punt 3 ta’ dan l-Anness, jekk ivvalidati skond l-EN/ISO 16140/2003.

    3.5.   Ħżin ta’ varjanti

    Ta’ l-anqas il-varjanti iżolati mill-kampjuni miġbura mill-awtorità kompetenti, għandhom jiġu maħżuna għall-phagetyping jew l-ittestjar għas-suxxettibilità anti-mikrobika ġejjiena, bl-użu tal-metodi normali għall-ġbir tal-koltura, li għandhom jiżguraw l-integrità tal-varjanti għal perjodu minimu ta’ sentejn.

    4.   RIŻULTATI U RAPPORTAR

    Qatgħa għall-bajd għandha tkun ikkunsidrata pożittiva għall-iskop tal-verifika tat-twettiq tal-mira Komunitarja, fejn il-preżenza tas-Salmonella enteritidis u s-Salmonella typhimurium (għajr il-varjanti tal-vaċċin) kienet misjuba f’kampjun jew f’aktar minn wieħed fil-qatgħa għall-bajd. Il-qatgħat għall-bajd pożittivi għandhom jingħaddu darba biss, irrispettivament min-numru tat-teħid tal-kampjuni u ta’ l-operazzjonijiet ta’ l-ittestjar u jkunu rrapportati biss fl-ewwel sena li fiha jinstabu.

    Ir-rappurtar jinkludi:

    (a)

    in-numru totali tal-qatgħat ta’ tiġieġ għall-bajd ittestjati u n-numru tal-qatgħat għall-bajd ittestjati għal kull status tat-teħid ta’ kampjuni msemmi f’punt 2.1;

    (b)

    in-numru totali tal-qatgħat infettati u r-riżultati ta’ l-ittestjar għal kull status tat-teħid tal-kampjuni msemmija f’punt 2.1;

    (c)

    spjegazzjonijiet dwar ir-riżultati, partikularment dawk li jikkonċernaw każijiet eċċezzjonali.

    Ir-riżultati msemmija f’dan il-punt u kull informazzjoni rilevanti addizzjonali għandhom jiġu rrapportati bħala parti mir-rapport dwar it-tendenzi u s-sorsi previst fl-Artikolu 9 (1) tad-Direttiva 2003/99/KE.


    (1)  ĠU L 325, 12.12.2003, p. 31.

    (2)  ĠU L 191, 28.5.2004, p. 1.


    Top