Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32006R0123

Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 123/2006 tat- 23 ta' Jannar 2006 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1338/2002 li jimponi dazju definittiv ta’ kontrobilanċ fuq l-importazzjonijiet ta’ aċidu sulfaniliku li joriġinaw mill-Indja u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1339/2002 li jimponi dazju definittiv antidumping fuq l-importazzjonijiet ta’ aċidu sulfaniliku li joriġinaw, inter alia, mill-Indja

ĠU L 22, 26.1.2006, p. 5–9 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
ĠU L 270M, 29.9.2006, p. 69–73 (MT)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (BG, RO, HR)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 24/12/2008

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2006/123(1)/oj

29.9.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

69


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 123/2006

tat-23 ta' Jannar 2006

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1338/2002 li jimponi dazju definittiv ta’ kontrobilanċ fuq l-importazzjonijiet ta’ aċidu sulfaniliku li joriġinaw mill-Indja u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1339/2002 li jimponi dazju definittiv antidumping fuq l-importazzjonijiet ta’ aċidu sulfaniliku li joriġinaw, inter alia, mill-Indja

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 tat-22 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet oġġett ta' dumping minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Komunità Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku antidumpi”), u b’mod partikolari l-Artikoli 8 u 11(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2026/97 tas-6 ta’ Ottubru 1997 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjoni ssussidjata minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Komunità Ewropea (2) (“ir-Regolament bażiku kontra s-sussidji”), u b’mod partikolari l-Artikoli 13 u 19 tiegħu,

Wara li kkunsidrat il-proposta preżentata mill-Kummissjoni wara li kkonsultat il-Kumitat Konsultattiv,

Billi:

A.   PROĊEDURA

1.   Investigazzjonijiet preċedenti u miżuri eżistenti

(1)

F’Lulju 2002, il-Kunsill, bir-Regolament (KE) Nru 1338/2002 (3) impona dazji definittivi ta' kontrobilanċ fuq l-importazzjonijiet ta’ aċidu sulfaniliku li joriġinaw mill-Indja. Fl-istess jum, il-Kunsill, bir-Regolament (KE) Nru 1339/2002 (4), impona dazji definittivi antidumping fuq l-importazzjonijiet ta’ aċidu sulfaniliku li joriġina mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u mill-Indja (“il-miżuri”).

(2)

Fil-qafas ta’ dawn il-proċeduri, il-Kummissjoni, bid-Deċiżjoni 2002/611/KE (5) aċċettat impenn ta’ prezz offrut mill-kumpanija Indjana, i.e. Kokan Synthetics & Chemicals Pvt Ltd. (“il-kumpanija”).

(3)

F’Ġunju 2003, il-Kummissjoni tat bidu għal investigazzjoni mill-ġdid ta’ anti-assorbiment skond l-Artikolu 12 tar-Regolament bażiku antidumping, li jikkonċerna l-importazzjonijiet ta’ aċidu sulfaniliku li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (“ir-RPĊ”) (6).

(4)

F’Diċembru 2003, il-kumpanija infurmat lill-Kummissjoni, li xtaqet tirtira l-impenn tagħha b’mod volontarju. Għaldaqstant, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tilqa’ l-impenn tħassret bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/255/KE (7).

(5)

Fi Frar 2004, investigazzjoni anti-assorbiment dwar l-importazzjonijiet ta’ l-aċidu sulfaniliku li joriġinaw mir-RPĊ ġiet konkluża bir-Regolament (KE) Nru 236/2004 (8), li żied ir-rata tad-dazju definittiv antidumping għar-RPĊ minn 21 % għal 33,7 % (“l-investigazzjoni anti-assorbiment”).

2.   Talba għal reviżjoni interim

(6)

F’Diċembru 2004, wara l-konklużjoni ta’ l-investigazzjoni anti-assorbiment, il-kumpanija ressqet talba għal reviżjoni interim parzjali skond l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku antidumping u l-Artikolu 19 tar-Regolament bażiku kontra s-sussidji rispettivament, limitat fil-firxa li jeżamina l-aċċettabilità tar-ristabbiliment ta’ l-impenn tagħha.

(7)

Il-kumpanija sostniet li x-xewqa oriġinali tagħha li tirtira l-impenn ħarġet mill-fatt li wara l-impożizzjoni ta’ miżuri fl-2002, esportaturi Ċiniżi assorbew id-dazji antidumping imposti, ħaġa li wasslet għal waqgħa fil-prezzijiet u b’riżultat li l-impenn ma kienx prattiku. Il-kumpanija għamlet referenza wkoll għall-fatt li bħala riżultat tal-konklużjoni tar-reviżjoni ta’ l-assorbiment, il-livell tad-dazju fuq l-importazzjonijiet mir-RPĊ żdied, ħaġa li wasslet biex il-prezzijiet fis-suq jogħlew. Għalhekk, il-kumpanija infurmat lill-Kummissjoni li kienet lesta li terġa’ toffri l-impenn tagħha taħt it-termini u l-kondizzjonijiet ta’ qabel, li kienu kkunsidrati xierqa biex jeliminaw l-effetti ta’ ħsara relevanti tad-dumping u s-sussidji.

(8)

Il-kumpanija pprovdiet biżżejjed evidenza prima facie li ma kienu saru ebda bidliet strutturali fil-kumpanija mill-konklużjonijiet preċedenti ‘l hawn li jista’ jkollhom impatt fuq l-aċċettabilità u l-inforzabilità ta’ impenn.

(9)

F’April 2005, skond avviż ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea  (9), il-Kummissjoni tat bidu għal reviżjoni interim parzjali tal-miżuri antidumping u ta' kontrobilanċ applikabbli għall-importazzjonijiet ta’ aċidu sulfaniliku li joriġinaw mill-Indja, limitat fil-firxa għall-eżami ta’ l-aċċettabilità ta’ impenn li għandu jiġi offrut mill-kumpanija.

3.   Proċedura

(10)

Il-Kummissjoni avżat uffiċjalment lir-rappreżentanti tal-pajjiż esportatur, l-applikant u l-industrija tal-Komunità bil-bidu tar-reviżjoni interim parzjali u tat lill-partijiet kollha affettwati direttament l-opportunità li jesprimu l-veduti tagħhom bil-miktub u biex jitolbu smigħ.

(11)

Il-kumpanija offriet formalment mill-ġdid l-impenn oriġinali tagħha.

(12)

Il-Kummissjoni talbet u vverifikat l-informazzjoni kollha li dehrilha meħtieġa bl-iskop li teżamina mill-ġdid jekk dan l-impenn kienx aċċettabbli jew le.

B.   RIŻULTATI TA’ L-INVESTIGAZZJONI

(13)

L-investigazzjoni wriet li ma kien sar l-ebda tibdil strutturali fil-kumpanija mill-investigazzjoni oriġinali ‘l hawn li jista’ jkollu impatt negattiv fuq l-aċċettabilità u l-prattiċità ta’ impenn. Barra minn hekk, l-esperjenza miksuba tul l-applikazzjoni ta’ l-impenn oriġinali wriet li l-kumpanija rrispettat it-termini ta’ l-impenn u li l-impenn seta’ jiġi sorveljat b’mod effettiv mill-Kummissjoni.

(14)

Minkejja dan, għandu jiġi nnutat li mill-investigazzjoni oriġinali ‘l hawn ġew osservati differenzi sinifikanti fil-prezz ta’ l-ingredjenti ewlenin fil-produzzjoni ta’ l-aċidu sulfaniliku, b’mod partikolari l-anilina, u l-materja prima ewlenija tiegħu, il-benżin. Fid-dawl ta’ dan, l-applikant qabel li jagħmel indiċi tal-prezz minimu offrut oriġinarjament sabiex jindirizza n-natura ċiklika tal-prezzijiet ta’ l-aċidu sulfaniliku b’mod li raġonevolment jelimina r-riskju ta’ dumping dannuż. Fid-dawl tal-fatt li teżisti bażi tad-data disponibbli pubblikament u indipendenti li tipprovdi informazzjoni affidabbli dwar informazzjoni ta’ prezzijiet internazzjonali tal-benżin imma mhux ta’ l-anilina u dan barra l-fatt li hemm korrelazzjoni qawwija bejn il-prezz tal-benżin u l-prezz ta’ l-anilina, l-indiċi ġie bbażat fuq il-prezz tal-benżin.

(15)

L-industrija tal-Komunità sostniet li l-applikant m’għandux jitħalla jagħżel il-forma tal-miżuri u b’mod partikolari m’għandux jirrispetta l-prezz minimu ta’ importazzjoni fil-każ biss li l-prezzijiet prevalenti fis-suq jaqblu għall-kumpanija. Tabilħaqq, kumpanija m’għandiex titħalla tikseb bdil fil-forma tal-miżuri li jkunu ibbażati fuq l-evoluzzjoni tas-suq. Madankollu, għandha tingħata l-konsiderazzjoni dovuta liċ-ċirkostanzi eċċezzjonali tal-każ. F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnutat li l-investigazzjoni anti-assorbiment uriet li t-tnaqqis fil-prezzijiet tas-suq fiż-żmien li l-kumpanija rtirat volontarjament l-impenn tagħha kien imqanqal mill-assorbiment tad-dazju antidumping fuq l-importazzjonijiet ta’ aċidu sulfaniliku li joriġinaw mir-RPĊ. Għalhekk, u fid-dawl taċ-ċirkostanzi mibdula li jirriżultaw mill-investigazzjoni anti-assorbiment, ix-xewqa tal-kumpanija li tinstalla mill-ġdid l-impenn tagħha hija meqjusa xierqa.

(16)

L-industrija tal-Komunità barra dan talbet li l-offerta ta’ l-impenn għandha tiġi aċċettata biss wara reviżjoni interim sħiħa, peress li l-evoluzzjoni tas-suq li tista’ tiġġustifika l-impenn ġdid tista’ tiġġustifika wkoll reviżjoni tal-marġini ta’ dumping tal-kumpanija. F’dawn ir-rigward, għandu jiġi nnutat li l-investigazzjoni kurrenti hija limitata fil-firxa għall-eżami ta’ l-impenn li se jiġi offrut mill-kumpanija u ma waslet ebda talba għal reviżjoni interim b’firxa differenti. Għalhekk, it-talba kellha tiġi rrifjutata.

(17)

Utent talab li jitnaqqas id-dazju antidumping jew, inkella, li tiġi indirizzata d-disponibilità limitata ta’ l-aċidu sulfaniliku ppurifikat fis-suq Komunitarju billi tiddaħħal sistema ta’ kwoti. Hawn ukoll, fid-dawl tal-firxa limitata ta’ l-investigazzjoni kurrenti, it-talba kellha tiġi rrifjutata.

Ċ.   IMPENN

(18)

Fid-dawl ta’ dan imsemmi hawn fuq, l-impenn ġie aċċettat mill-Kummissjoni bid-Deċiżjoni (*).

(19)

Bil-għan li l-Kummissjoni tkun f’pożizzjoni aħjar biex tissorvelja b’mod effettiv l-osservanza ta’ l-impenn mill-kumpanija, meta tiġi ppreżentata t-talba għar-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera lill-awtoritajiet tad-dwana relevanti, l-eżenzjoni mid-dazji tkun soġġetta għall-preżentazzjoni ta’ fattura kummerċjali li tkun tinkludi minn ta’ l-inqas l-elementi elenkati fl-Anness. Dan il-livell ta’ informazzjoni huwa meħtieġ ukoll biex l-awtoritajiet tad-dwana jkunu f’pożizzjoni li jaċċertaw b’biżżejjed preċiżjoni li l-kunsinni jaqblu mad-dokumenti kummerċjali. Fejn ebda tali fattura ma tiġi ppreżentata, jew meta ma taqbilx mal-prodott ippreżentat lid-dwana, titħallas minflok ir-rata applikabbli ta’ dazju antidumping u ta' kontrobilanċ.

(20)

Biex tkun żgurata aktar l-osservanza effettiva ta’ l-impenn, l-importaturi għandhom ikunu mgħarrfa li kull ksur ta’ l-impenn jista’ jwassal għall-applikazzjoni retroattiva tad-dazju antidumping u ta' kontrobilanċ għat-transazzjonijiet relevanti. Għalhekk, huwa meħtieġ li jitwettqu d-dispożizzjonijiet legali li jipprovdu għall-impożizzjoni ta’ debitu doganali fil-livell applikabbli ta’ dazju antidumping u ta' kontrobilanċ kull darba li waħda jew iktar mill-kundizzjonijiet ta’ l-eżenzjoni ma jiġux osservati. Għalhekk debitu doganali għandu jiġi impost kull meta min jiddikjara jkun għażel li jirrilaxxa l-kunsinna għaċ-ċirkolazzjoni libera, i.e. mingħajr ma jkun inġabar id-dazju antidumping u ta’ kontrobilanċ, u waħda jew aktar mill-kundizzjonijiet ta’ dak l-impenn jinstab li jkunu nkisru.

(21)

F’każ ta’ ksur, id-dazju antidumping u ta’ kontrobilanċ, jista’ jiġi rkuprat, ġaladarba l-Kummissjoni tkun irtirat l-aċċettazzjoni ta’ l-impenn f’konformità ma’ l-Artikolu 8(9) tar-Regolament bażiku antidumping jew l-Artikolu 13(9) tar-Regolament bażiku kontra s-sussidji, billi ssir referenza għal dik it-transazzjoni partikolari u, skond il-każ, billi jiġi ddikjarat li l-fatturi rilevanti ta’ l-impenn huma invalidi. Għalhekk, skond l-Artikolu 14(7) tar-Regolament bażiku antidumping u l-Artikolu 24(7) tar-Regolament bażiku kontra s-sussidji, l-awtoritajiet doganali għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni immedjatament kull meta jinstabu indikazzjonijiet ta’ ksur ta’ l-impenn.

(22)

Għandu jiġi nnutat li f’każ ta’ ksur jew irtirar ta’ l-impenn, jew f’każ li tiġi rtirata l-aċċettazzjoni ta’ l-impenn mill-Kummissjoni, id-dazju antidumping u ta’ kontrobilanċ impost skond l-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku antidumping u l-Artikolu 15(1) tar-Regolament bażiku kontra s-sussidji għandhom japplikaw awtomatikament skond l-Artikolu 8(9) tar-Regolament ta' bażiku antidumping u l-Artikolu 13(9) tar-Regolament bażiku kontra s-sussidji.

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   Il-paragrafu li ġej għandu jiddaħħal fl-Artikolu 1 kemm fir-Regolament (KE) Nru 1338/2002 kif ukoll fir-Regolament (KE) Nru 1339/2002:

“3.   Minkejja l-paragrafu 1, id-dazju definittiv m’għandux japplika għal importazzjonijiet li jinħarġu għaċ-ċirkolazzjoni libera skond l-Artikolu 2.”

.

2.   L-Artikolu li ġej għandu jiddaħħal fir-Regolament (KE) Nru 1338/2002:

“Artikolu 2

2.1.   Importazzjonijiet iddikjarati għar-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera li huma fatturati minn kumpaniji li għandhom impenji aċċettati mill-Kummissjoni u li l-ismijiet tagħhom huma elenkati fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (**), kif emendata minn żmien għal żmien għandhom ikunu eżenti mid-dazji imposti mill-Artikolu 1, bil-kundizzjoni li:

huma manifatturati, trasportati u fatturati direttament mill-kumpaniji msemmija lill-ewwel klijent indipendenti fil-Komunità;

u

tali importazzjonijiet ikunu akkumpanjati minn fattura ta’ impenn valida. Fattura ta’ impenn hija fattura kummerċjali li minn ta’ l-inqas tinkludi l-elementi u d-dikjarazzjoni stipulati fl-Anness;

u

il-prodotti ddikjarati u ppreżentati lid-dwana jaqblu preċiżament mad-deskrizzjoni fuq il-fattura ta’ impenn.

2.   Debitu doganali għandu jiġi impost fid-data ta’ l-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni għar-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni ħielsa kull meta jiġi stabbilit, fil-konfront ta’ prodotti deskritti fl-Artikolu 1 u eżentati mid-dazji taħt il-kondizzjonijiet elenkati fil-paragrafu 1, li waħda jew aktar minn tali kondizzjonijiet ma jkunux ġew osservati. Il-kondizzjoni stipulata fit-tieni daħla tal-paragrafu 1 għandha tiġi kkunsidrata li ma ġietx osservata fejn il-fattura ta’ impenn jinstab li ma taqbilx mad-dispożizzjonijiet ta’ l-Anness jew tinstab li ma tkunx awtentika jew fejn il-Kummissjoni tkun irtirat l-aċċettazzjoni ta’ l-impenn bis-saħħa ta’ l-Artikolu 8(9) tar-Regolament Nru 384/96 tat-22 ta' Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni minn importazzjonijiet li huma oġġett ta' kontra d-dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunita Ewropea (***) jew l-Artikolu 13(9) tar-Regolament bażiku f’Regolament jew Deċiżjoni li tirreferi għal transazzjoni(jiet) partikolari u tiddikjara l-fattura(i) ta’ impenn relevanti bħala nulla(i).

3.   L-importaturi għandhom jaċċettaw bħala riskju kummerċjali normali, il-fatt li n-nuqqas ta’ osservanza, minn xi parti, ta’ waħda jew aktar mill-kondizzjonijiet elenkati fil-paragrafu 1 u ddefiniti ulterjorment fil-paragrafu 2 jistgħu jwasslu għal debitu doganali impost skond l-Artikolu 201 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2913/92 tat-12 ta' Ottubru 1992 li jistabbilixxi il-Kodiċi Doganali Komuni (****). Id-debitu doganali impost jiġi rkuprat ma’ l-irtirar min-naħa tal-Kummissjoni ta’ l-aċċettazzjoni ta’ l-impenn.

3.   L-Artikolu li ġej għandu jiddaħħal fir-Regolament (KE) Nru 1339/2002:

“Artikolu 2

3.1.   Importazzjonijiet iddikjarati għar-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera li huma fatturati minn kumpaniji li għandhom impenji aċċettati mill-Kummissjoni u li l-ismijiet tagħhom huma elenkati fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (*****), kif emendata minn żmien għal żmien għandhom ikunu eżenti mid-dazji imposti mill-Artikolu 1, bil-kundizzjoni li:

huma manifatturati, trasportati u fatturati direttament mill-kumpaniji msemmija lill-ewwel klijent indipendenti fil-Komunità;

u

tali importazzjonijiet ikunu akkumpanjati minn fattura ta’ impenn valida. Fattura ta’ impenn hija fattura kummerċjali li minn ta’ l-inqas tinkludi l-elementi u d-dikjarazzjoni stipulati fl-Anness;

u

il-prodotti ddikjarati u ppreżentati lid-dwana jaqblu preċiżament mad-deskrizzjoni fuq il-fattura ta’ impenn.

2.   Debitu doganali għandu jiġi impost fid-data ta’ l-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni għar-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni ħielsa kull meta jiġi stabbilit, fil-konfront ta’ prodotti deskritti fl-Artikolu 1 u eżentati mid-dazji taħt il-kondizzjonijiet elenkati fil-paragrafu 1, li waħda jew aktar minn tali kondizzjonijiet ma jkunux ġew osservati. Il-kondizzjoni stipulata fit-tieni daħla tal-paragrafu 1 għandha tiġi kkunsidrata li ma ġietx osservata fejn il-fattura ta’ impenn jinstab li ma taqbilx mad-dispożizzjonijiet ta’ l-Anness jew tinstab li ma tkunx awtentika jew fejn il-Kummissjoni tkun irtirat l-aċċettazzjoni ta’ l-impenn bis-saħħa ta’ l-Artikolu 8(9) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 jew l-Artikolu 13(9) tar-Regolament bażiku f’Regolament jew Deċiżjoni li tirreferi għal transazzjoni(jiet) partikolari u tiddikjara l-fattura(i) ta’ impenn relevanti bħala nulla(i).

3.   L-importaturi għandhom jaċċettaw bħala riskju kummerċjali normali, il-fatt li n-nuqqas ta’ osservanza, minn xi parti, ta’ waħda jew aktar mill-kondizzjonijiet elenkati fil-paragrafu 1 u ddefiniti ulterjorment fil-paragrafu 2 jistgħu jwasslu għal debitu doganali impost skond l-Artikolu 201 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2913/92 tat-12 ta' Ottubru 1992 li jistabbilixxi il-Kodiċi Doganali Komuni (******). Id-debitu doganali impost jiġi rkuprat ma’ l-irtirar min-naħa tal-Kummissjoni ta’ l-aċċettazzjoni ta’ l-impenn.

4.   It-test ta' l-Anness ta’ dan ir-Regolament għandu jiġi miżjud kemm mar-Regolament (KE) Nru 1338/2002 kif ukoll mar-Regolament (KE) Nru 1339/2002.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara l-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, nhar it-23 ta' Jannar 2006.

Għall-Kunsill

Il-President

J. PRÖLL


(1)  ĠU L 56, 6.3.1996, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 461/2004 (ĠU L 77, 13.3.2004, p. 12).

(2)  ĠU L 288, 21.10.1997, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 461/2004

(3)  ĠU L 196, 25.7.2002, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 492/2004 (ĠU L 80, 18.3.2004, p. 6).

(4)  ĠU L 196, 25.7.2002, p. 11. Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 492/2004

(5)  ĠU L 196, 25.7.2002, p. 36.

(6)  ĠU C 149, 26.6.2003, p. 14.

(7)  ĠU L 80, 18.3.2004, p. 29.

(8)  ĠU L 40, 12.2.2004, p. 17.

(9)  ĠU C 101, 27.4.2005, p. 34.

(*)  Ara paġna 52 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.


ANNESS

“ANNESS

L-elementi li ġejjin għandhom jiġu indikati fil-fattura kummerċjali li takkumpanja l-bejgħ mill-kumpanija ta’ aċidu sulfaniliku lill-Komunità li huwa suġġett għal Impenn:

1.

It-titlu ‘FATTURA KUMMERĊJALI LI TAKKUMPANJA PRODOTTI SUĠĠETTI GĦAL IMPENN’.

2.

L-isem tal-kumpanija msemmija fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/37/KE li taċċetta l-impenn li qed toħroġ il-fattura kummerċjali.

3.

In-numru tal-fattura kummerċjali

4.

Id-data tal-ħruġ tal-fattura kummerċjali.

5.

Il-kodiċi TARIC addizzjonali li taħtu l-prodotti fil-fattura jridu jiġu rilaxxati mid-dwana fuq il-fruntiera tal-Komunità.

6.

Id-deskrizzjoni eżatta ta’ l-oġġetti, inklużi:

In-numru tal-kodiċi tal-prodott (PCN) użat għall-iskopijiet ta’ l-investigazzjoni u l-impenn (e.g. ‘PA99’, ‘PS85’ jew ‘TA98’),

l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi/fiżiċi tal-PCN, i.e. għall-‘PA99’ u ‘PS85’ white free-flowing powder, u għall-‘TA98’ grey free-flowing powder.

il-kodiċi tal-prodott tal-kumpanija (CPC) (jekk japplika),

il-kodiċi NM,

il-kwantità (għandha tingħata f’tunnellati)

7.

Id-deskrizzjoni tal-kondizzjonijiet tal-bejgħ, li tinkludi:

il-prezz kull tunnellata

it-termini ta’ ħlas applikabbli,

it-termini tal-konsenja,

tnaqqis fil-prezz u roħs totali.

8.

L-isem tal-kumpanija li qed taġixxi ta’ importatur fil-Komunità u li fuqha hija maħruġa direttament mill-kumpanija, il-fattura kummerċjali li qed takkumpanja oġġetti suġġetti għal impenn.

9.

L-isem ta’ l-uffiċjal tal-kumpanija li ħarġet il-fattura u d-dikjarazzjoni ffirmata li ġejja:

‘Jiena, hawn taħt iffirmat, niċċertifika li l-bejgħ għall-esportazzjoni diretta lejn l-Unjoni Ewropea ta’ l-oġġetti koperti minn din il-fattura qed isir fil-firxa ta’ applikazzjoni u skond it-termini ta’ l-impenn offrut minn [KUMPANIJA], u aċċettat mill-Kummissjoni Ewropea permezz tad-Deċiżjoni 2006/37/KE. Jiena niddikjara li l-informazzjoni mogħtija f’din il-fattura hija kompluta u korretta.’”

.

Top