Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32006D0216

    Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas- 16 ta' Marzu 2006 dwar il-pubblikazzjoni ta' l-istandard EN 143:200 Apparati respiratorji protettivi — Filtri tal-partiċelli — Rekwiżiti, ittestjar, immarkar skond id-Direttiva tal-Kunsill 89/686/KEE (Apparat Personali Protettiv) (innotifikata taħt dokument numru C(2006) 777) Test b'rilevanza għaż-ŻEE.

    ĠU L 80, 17.3.2006, p. 76–78 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
    ĠU L 118M, 8.5.2007, p. 478–480 (MT)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (BG, RO, HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2006/216/oj

    8.5.2007   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    478


    DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

    tas-16 ta' Marzu 2006

    dwar il-pubblikazzjoni ta' l-istandard EN 143:200 “Apparati respiratorji protettivi — Filtri tal-partiċelli — Rekwiżiti, ittestjar, immarkar” skond id-Direttiva tal-Kunsill 89/686/KEE (Apparat Personali Protettiv)

    (innotifikata taħt dokument numru C(2006) 777)

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    (2006/216/KE)

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 89/686/KEE tas-21 ta' Diċembru 1989 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri rigward l-appart personali protettiv (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 6 (1) tagħha,

    Wara li kkunsidrat l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit skond l-Artikolu 5 tad-Direttiva 98/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ġunju 1998 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta' informazzjoni fil-qasam ta' l-istandards u tar-Regolamenti Tekniċi (2),

    Billi:

    (1)

    Id-Direttiva 89/668/KEE tipprevedi li l-apparat personali protettiv jista' jitqiegħed fis-suq u fis-servizz biss jekk jippreserva s-saħħa u jiżgura s-sikurezza ta' l-utenti bla ħsara għas-saħħa u s-sikurezza ta' individwi, annimali domestiċi jew oġġetti oħra, meta jinżamm kif suppost u jintuża għal-għan li huwa maħsub għalih.

    (2)

    Skond l-Artikolu 5 tad-Direttiva 89/686/KEE, l-apparat personali protettiv li jkollu l-marka CE skond liema l-manifattur hu kapaċi jipproduċi id-dikjarazzjoni tal-konformità msemmija u ċ-ċertifikat ta' l-eżami tat-tip KE maħruġ minn korp li għalih ingħatat notifika u li jivverifika l-konformità tiegħu ma' l-istandards nazzjonali relevanti, li jbiddlu l-istandards armonizzati, li r-riferenzi tagħhom ġew ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea mill-Kummissjoni, għandu jitqies bħala jissodisfa l-ħtiġijiet bażiċi dwar is-sigurtà u s-saħħa imsemmija fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 89/686/KEE u elenkati fl-Anness II tagħha. L-Istati Membri huma meħtieġa jippubblikaw l-istandards nazzjonali billi jittrasponu l-istandards armonizzati.

    (3)

    In segwitu għall-Artikolu 6 (1) tad-Direttiva 89/686/KEE, il-Kummissjoni u Franza ppreżentaw oġġezzjoni formali għall-effett li l-istandard “Apparati respiratorji protettivi — Filtri tal-partiċelli — Rekwiżiti, ittestjar, immarkar” approvat mill-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni (CEN) fis-7 ta' Frar 2000 u li r-referenzi tiegħu ġew ippubblikati l-ewwel darba fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej fl-24 ta' Jannar 2001 (3), ma jissodisfawx għal kollox il-ħtiġijiet bażiċi dwar is-sigurtà u s-saħħa imsemmija fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 89/686/KEE fil-konfront tal-filtri għall-partiċelli li l-effiċjenza ta' l-iffiltrar tagħhom tintlaħaq esklussivament jew parzjalment bl-użu ta' materjali bbażati fuq fibri mhux minsuġa u ċċarġjati bl-elettriku, min issa 'l quddiem imsemmija “filtri elettrostatiċi”.

    (4)

    Fuq il-bażi tar-riżultati tat-testijiet dwar l-effiċjenza ta' l-iffiltrar ta' tipi varji ta' filtri tal-partiċelli, hemm evidenza sostantiva li l-proċedura tat-test għall-kejl tal-penetrazzjoni tal-filtru kif imniżżel fil-klawżoli 8.7.2.4, l-aħħar sentenza, u 8.7.3.4, l-aħħar sentenza, ta' l-istandard EN 143:2000, skond liema l-kejl tal-penetrazzjoni jittieħed tliet minuti wara li jibda t-test ta' l-aerosol, tonqos milli tiżgura l-konformità mal-ħtieġa bażika dwar is-sigurtà u s-saħħa 3.10.1 (“Protezzjoni respiratorja”) ta' l-Anness II tad-Direttiva 89/686/KEE fir-rigward tal-filtri elettrostatiċi.

    (5)

    B'mod speċifiku, ġie osservat li l-effiċjenza ta' l-iffiltrar ta' dan it-tip ta' filtru tista' tiddeterjora malajr waqt l-użu. L-effiċjenza ta' l-iffiltrar kif iddeterminata skond il-proċedura tat-test standardizzata — tliet minuti wara li jkun beda t-test — tista' ma tfisser xejn f'kull waqt wara dawk it-tliet minuti. Il-waqgħa fl-effiċjenza ta' l-iffiltrar tista' tkun drastika u għalhekk tikkomprometti l-klassi ta' effiċjenza allokata għal filtru elettrostatiku u l-informazzjoni relatata miegħu. Meta l-allokazzjoni għal klassi ta' effiċjenza titqies bħala mhux korretta waqt il-perjodu ta' l-użu, l-esponiment potenzjali li jirriżulata għal sustanzi partikulati fl-arja perikolużi jista' jkun ta' dannu gravi għas-saħħa u s-sigurtà ta' min jużah. Ir-riżultati tat-test jindikaw telf ta' effiċjenza ta' l-iffiltrar tal-filtri elettrostatiċi anki meta jintużaw b'mod intermittenti.

    (6)

    Fid-dawl ta' dawn is-sejbiet, il-klawżoli 8.7.2.4, l-aħħar sentenza, u 8.7.3.4, l-aħħar sentenza, ta' l-istandrad EN 143:2000 jonqsu wkoll milli jiżguraw il-konformità mal-ħtiġijiet bażiċi tas-saħħa u s-sigurtà 1.1.1. (“Ergonomija”), 1.1.2.1 (“L-ogħla livell ta' protezzjoni possibbli”) u 1.1.2.2 (“Gruppi ta' protezzjoni xierqa għal-livelli differenti ta' riskju”) ta' l-Anness II tad-Direttiva 89/686/KEE fir-rigward tal-filtri elettrostatiċi. Barra minn hekk, il-klawżola 10 ta' l-istandard tonqos milli tiżgura l-konformità mal-ħtieġa bażika tas-saħħa u s-sigurtà 1.4(b) (“Informazzjoni mogħtija mill-manifattur”), minħabba li mhemmx ħtieġa ta' twissija dwar id-deterjorament ta' l-effiċjenza ta' l-iffiltrar tal-filtri elettrostatiċi biż-żmien.

    (7)

    Skond dan, anki standards armonizzati relatati oħra, li jew jipprevedu li t-testjar isir skond l-istandard EN 143:2000 jew jipprevedu proċedura ta' kejl għat-testijiet identika għal dik stipulata fl-istandard EN 143:2000, jonqsu milli jiżguraw il-konformità mal-ħtiġijiet bażiċi tas-saħħa u s-sigurtà tad-Direttiva 89/686/KEE msemmija hawn fuq fir-rigward tal-filtri elettrostatiċi.

    (8)

    Fuq talba tal-Kummissjoni, l-Organizzazzjoni Ewropea għall-Istandardizzazzjoni — CEN, Kumitat Tekniku CEN/TC 79 “Mezzi respiratorji ta' protezzjoni”, bdiet ir-reviżjoni ta' l-istandard EN 143:2000 sabiex tindirizza n-nuqqasijiet deskritti. Sakemm ssir ir-reviżjoni, fl-interess tas-sigurtà u ċ-ċertezza legali, il-pubblikazzjoni tar-referenzi għall-istandard EN 143:2000 għandhom ikollhom twissija xierqa li għandha titqies wkoll fir-rigward ta' l-istandards armonizzati relatati. L-Istati Membri għandhom iżidu twissija identika fl-istandards nazzjonali tagħhom li jitrasponu dak l-istandard armonizzat.

    (9)

    Ir-referenzi ta' l-istandard armonizzat EN 143:2000 għandhom għalhekk jiġu ppubblikati mill-ġdid skond dan.

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Ir-referenzi ta' l-istandard armonizzat EN 143:2000 jiġu sostitwiti bit-test f'dan l-Anness.

    Artikolu 2

    Fejn, skond l-Artikolu 5(4) tad-Direttiva 89/686/KEE, l-Istati Membri jippublikaw ir-referenzi ta' l-istandards nazzjonali li jittrasponu l-istandard armonizzat imsemmi fl-Artikolu 1, għandhom iżidu ma' dik il-pubblikazzjoni twissija identika għal dik prevista fit-test ta' l-Anness ta' din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmula fi Brussell, is-16 ta' Marzu 2006.

    Għall-Kummissjoni

    Günter VERHEUGEN

    Viċi President


    (1)  ĠU L 399, 30.12.1989, p. 18. Direttiva kif emendata l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 284, 31.10.2003, p. 1).

    (2)  ĠU L 204, 21.7.1998, p. 37. Direttiva kif emendata l-aħħar mill-Att ta' l-Adeżjoni ta' l-2003.

    (3)  ĠU L 21, 24.1.2001, p. 2.


    ANNESS

    Pubblikazzjoni tar-referenzi ta' l-istandards armonizzati Ewropej skond id-Direttiva tal-Kunsill 89/686/KEE tal-21 ta' Diċembru 1989 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri rigward l-appart personali protettiv

    ESO (*)

    Referenza u titlu ta' l-istandard armonizzat (u d-dokument ta' referenza)

    L-ewwel pubblikazzjoni ĠU

    Referenza ta' l-istandard li ħa post l-ieħor

    Id-data ta' tmiem tal-preżunzjoni tal-konformità ta' l-istandard li ħa post l-ieħor (**)

    CEN

    EN 143:2000

    Apparati respiratorji protettivi — Filtri tal-partiċelli — Rekwiżiti, ittestjar, immarkar

    24.1.2001

    EN

    143:1990

    Data ta' meta skada

    (31.8.2000)

    Avviż: Fir-rigward tal-filtri tal-partċielli, l-effiċjenza ta' l-iffiltrar li tintlaħaq esklussivament jew parzjalment bl-użu ta' materjali bbażati fuq fibri mhux minsuġa ċċarġjati bl-elettriku, din il-pubblikazzjoni ma tikkonċernax il-klawżoli 8.7.2.4, l-aħħar sentenza, 8.7.3.4, l-aħħar sentenza, u 10 ta' l-istandard, li fir-rigward tagħhom m'għandux ikun hemm preżunzjoni ta' konformità mal-ħtiġijiet bażiċi tas-saħħa u s-sigurtà tad-Direttiva 89/686/KEE. Din it-twissija trid titqies fl-applikar ta' l-istandards armonizzati li ġejjin: EN 149:2001; EN 405:2001; EN 1827:1999; EN 12083:1998; EN 12941:1998; EN 12941:1998/A1:2003; EN 12942:1998; EN 12942:1998/A1:2002; EN 13274-7:2002.

    NOTA:

    Kull tagħrif dwar id-disponibbiltà ta' l-istandards tista' tinkiseb jew mil-Organizzazzjonijiet Ewropej għall-Istandardizzazzjoni jew mill-korpi nazzjonali ta' l-istandardizzazzjoni li l-lista tagħhom hija annessa fid-Direttiva 98/34/KE.

    Il-pubblikazzjoni tar-referenzi fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea ma għandhiex timplika illi l-istandards huma disponibbli fl-ilsna Komunitarji kollha.

    Din il-lista tissostitwixxi l-listi kollha ta' qabel ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea Il-Kummissjoni tiżgura l-aġġornament ta' din il-lista.

    Aktar tagħrif minn fuq l-Internet dwar l-istandards armonizzati: http://europa.eu.int/comm/enterprise/newapproach/standardization/harmstds/


    (*)  ESO: Organizzazzjoni Ewropea għall-Istandarizzazzjoni:

    CEN: rue de Stassart/Stassartstraat 36, B-1050 Brussell, Tel.(32-2) 550 08 11; fax (32-2) 550 08 19 (http://www.cenorm.be)

    CENELEC: rue de Stassart/Stassartstraat 35, B-1050 Brussell, Tel.(32-2) 519 68 71; fax (32-2) 519 69 19 (http://www.cenelec.org)

    ETSI: 650, route des Lucioles, F-06921 Sophia Antipolis, Tel.(33) 492 94 42 00; fax (33) 493 65 47 16 (http://www.etsi.org)

    (**)  Ġeneralment, id-data ta' tmiem il-preżunzjoni tal-konformità se tkun id-data ta' l-irtirar (“dow”), stipulata mill-Organizzazzjoni Ewropea għall-Istandardizzazzjoni, imma tinġibed l-attenzjoni ta' l-utenti għall-fatt li dan jista' jkun mod ieħor f'ċerti każi eċċezzjonali.


    Top