Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32005R1645

1645/2005/KE: Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1645/2005 tas- 6 ta’ Ottubru 2005 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2603/2000 li jimponi taxxa kompensatorja definittiva fuq l-importazzjonijiet ta' ċertu tereftalat tal-poljetilene li joriġina, inter alia, mill-Indja

ĠU L 266, 11.10.2005, p. 1–9 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
ĠU L 352M, 31.12.2008, p. 311–319 (MT)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (BG, RO)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 01/12/2005

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2005/1645/oj

31.12.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

311


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 1645/2005

tas-6 ta’ Ottubru 2005

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2603/2000 li jimponi taxxa kompensatorja definittiva fuq l-importazzjonijiet ta' ċertu tereftalat tal-poljetilene li joriġina, inter alia, mill-Indja

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2026/97 tas-6 ta’ Ottubru 1997 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), u b’mod partikolari l-Artikolu 20 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta ppreżentata mill-Kummissjoni wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv,

Billi:

A.   PROĊEDURA PREĊEDENTI

(1)

Il-Kunsill, bir-Regolament (KE) Nru 2603/2000 (2), impona taxxa kompensatorja definittiva fuq l-importazzjonijiet ta' ċertu tereftalat tal-poljetilene (“PET”) b’koeffiċjent ta’ viskożità ta’ 78 ml/g jew ogħla, skond id-DIN (“Deutsche Industrienorm”) 53728, normalment iddikjarat fl-ambitu tal-kodiċi NM 3907 60 20 u li joriġina, inter alia, fl-Indja (“il-prodott konċernat”). Il-miżuri ħadu l-forma ta’ dazju speċifiku li jvarja bejn EUR 0 u 41,3 kull tunnellata għal esportaturi individwali Indjani kooperanti, b’dazju speċifiku ta’ EUR 41,3 kull tunnellata għal esportaturi Indjani oħrajn.

B.   PROĊEDURA ATTWALI

1.   TALBA GĦAL REVIŻJONI

(2)

Wara l-impożizzjoni ta’ miżuri definittivi, il-Kummissjoni rċeviet talba għall-bidu ta’ reviżjoni aċċellerata tar-Regolament (KE) Nru 2603/2000 b’mod konformi ma’ l-Artikolu 20 tar-Regolament bażiku mingħand produttur Indjan tal-prodott ikkonċernat, South Asian Petrochem Limited (“l-applikant”). L-applikant saħaq li m’huwa relatat ma’ ebda esportatur ieħor tal-prodott ikkonċernat. Barra minn hekk, huwa sostna li ma kienx esporta l-prodott ikkonċernat waqt il-perijodu ta’ l-investigazzjoni orġinali (l-1 ta’ Ottubru 1998 u t-30 ta’ Settembru 1999), imma kien sussegwentement esporta l-prodott lejn il-Komunità.

2.   BIDU TA’ REVIŻJONI AĊĊELLERATA

(3)

Il-Kummissjoni eżaminat ix-xhieda ppreżentata mill-applikant u kkunsidratHa biżżejjed biex tiġġustifika l-bidu ta'reviżjoni skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 20 tar-Regolament bażiku. Wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv u wara li l-industrija Komunitarja konċernata kienet ingħatat l-opportunità biex tikkummenta, il-Kummissjoni bdiet b’avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea  (3) reviżjoni aċċellerata tar-Regolament (KE) Nru 2603/2000 rigward l-applikant.

3.   PRODOTT IKKONĊERNAT

(4)

Il-prodott kopert b’din ir-reviżjoni huwa l-istess prodott bħal dak taħt konsiderazzjoni fir-Regolament (KE) Nru 2603/2000 (ara l-premessa (1)).

4.   PERIJODU TA’ INVESTIGAZZJONI

(5)

L-investigazzjoni ta’ ssussidjar kopriet il-perijodu mill-1 ta’ Ottubru 2003 sat-30 ta’ Settembru 2004 (“il-perijodu ta’ investigazzjoni tar-reviżjoni”).

5.   PARTIJIET IKKONĊERNATI

(6)

Il-Kummissjoni avżat uffiċjalment lill-applikant u lill-Gvern ta’ l-Indja (“il-GOI”) bil-bidu ta’ l-investigazzjoni. Barra minn hekk, tat l-opportunità lill-partijiet oħrajn interessati biex jgħarrfu bil-miktub l-opinjonijiet tagħhom u biex jitolbu smigħ. Madankollu, ma kienu rċevuti ebda tali opinjonijiet jew talbiet għas-smigħ mill-Kummissjoni.

(7)

Il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarju lill-applikant u rċeviet tweġiba sħiħa fiż-żmien stipulat. Il-Kummissjoni fittxet u vverifikat l-informazzjoni kollha meqjusa meħtieġa għall-iskop ta’ l-investigazzjoni u wettqet żjarat ta’ verifika fil-kwartieri ta’ l-applikant f’Kalkutta u f’Haldia.

C.   KAMP TA’ APPLIKAZZJONI TAR-REVIŻJONI

(8)

Il-Kummissjoni eżaminat l-istess skemi sussidjarji li kienu analizzati fl-investigazzjoni oriġinali. Hija eżaminat ukoll jekk l-applikant kienx uża xi skemi sussidjarji oħrajn jew jekk kienx irċieva sussidji ad hoc fejn jidħol il-prodott konċernat.

D.   RIŻULTATI TA’ L-INVESTIGAZZJONI

1.   KWALIFIKA TA’ ESPORTATUR ĠDID

(9)

L-applikant seta’ juri b’sodisfazzjon li ma kienx relatat, direttament jew indirettament, ma’ xi produtturi esportaturi soġġetti għal miżuri kompensatorji fis-seħħ rigward il-prodott ikkonċernat.

(10)

L-investigazzjoni kkonfermat li l-applikant ma kienx esporta l-prodott ikkonċernat waqt il-perijodu oriġinali ta’ l-investigazzjoni, jiġifieri mill-1 ta’Ottubru 1998 sat-30 ta’ Settembru 1999, u li kien beda jesporta lejn il-Komunità wara dan il-perijodu. Barra minn hekk, l-applikant ma kienx investigat individwalment waqt l-investigazzjoni oriġinali għal raġunijiet oħrajn u mhux għax irrifjuta li jikkoopera mal-Kummissjoni.

(11)

Konsegwentement, huwa kkonfermat li l-applikant għandu jitqies bħala esportatur ġdid. Għalhekk, skond l-Artikolu 20 tar-Regolament bażiku, għandha tkun iddeterminata rata ta’ taxxa kompensatorja individwali għall-applikant.

2.   ISSUSSIDJAR

(12)

Abbażi ta’ l-informazzjoni li tinsab fit-tweġiba ta’ l-applikant għall-kwestjonarju tal-Kummissjoni u miġbura wara waqt l-investigazzjoni, kienu investigati l-iskemi li ġejjin:

L-Iskema ta' Krediti ta' Dazji fuq l-Importazzjoni;

L-Iskema tal-Kreditu fuq l-Esportazzjoni;

L-Iskema ta’ l-Unità Orjentata lejn l-Esportazzjoni/L-iskema taż-Żoni Ekonomiċi Speċjali;

L-Iskema tal-Promozzjoni ta’ l-Esportazzjoni tal-Merkanzija Kapitali;

L-Iskema ta’ l-Eżenzjoni mit-Taxxa fuq id-Dħul;

L-Iskema ta’ l-Inċentivi tal-Bengal tal-Punent.

2.1.   SKEMI INVESTIGATI ORIĠINARJAMENT U UŻATI MILL-KUMPANNIJA

2.1.1.   L-Iskema ta’ l-Unità Orjentata għall-Esportazzjoni (“EOUS”)/ L-Iskema taż-Żoni Ekonomiċi Speċjali (“SEZS”);

(a)   Bażi legali

(13)

Dawn l-iskemi huma bbażati fuq l-Att 1992 (Nru 22 ta’ l-1992) tal-Kummerċ Barrani (Żvilupp u Regolamentazzjoni) li daħal fis-seħħ fis-7 ta’ Awwissu 1992 (“L-Att tal-Kummerċ Barrani”). Dan l-att jawtorizza lill-GOI biex joħroġ avviżi rigward il-politika kummerċjali, qabel imsejħa “Il-Politika Esportazzjoni-Importazzjoni” u mill-1 ta’ Settembru 2004 msejħa “Politika tal-Kummerċ Barrani”. Il-Politika tal-Kummerċ Barrani 2004 sa l-2009 (“FTP”), li tinkorpora fiha l-Politika ta’ l-Esportazzjoni u Importazzjoni 2002 sa l-2007, hija rilevanti għall-perijodu ta’ l-investigazzjoni tar-reviżjoni ta’ dan il-każ. Barra minn hekk il-GOI jistabbilixxi wkoll il-proċeduri li jirregolaw l-FTP fi “Ktieb ta’ Proċeduri Volum I” (“HOP I”) (4).

(14)

Id-dettalji ta’ dawn l-iskemi jinsabu fil-kapitoli 6 (EOUS) u 7 (SEZS) rispettivament ta’ l- FTP u tal-HOP I.

(b)   Eliġibbiltà

(15)

Bl-eċċezzjoni tal-kumpanniji purament kummerċjali, l-intrapriżi kollha li, fil-prinċipju, jintrabtu li jesportaw il-produzzjoni kollha tagħhom ta’ merkanzija u servizzi jistgħu jkunu stabbiliti taħt l-EOUS jew is-SEZS. Madankollu, kuntrarju għas-servizzi ta’ l-agrikoltura, intrapriżi fis-setturi industrijali jridu jissodisfaw livell ta’ investiment minimu f’beni fissi (10 miljun rupee Indjan) biex ikunu eliġibbli għall-EOUS.

(ċ)   Implimentazzjoni prattika

(16)

Is-SEZS hija l-iskema li ġiet wara dik li kienet l-Iskema taż-Żoni ta’ Ipproċessar ta’ l-Esportazzjoni (“EPZS”). Is-SEZs huma żoni ddelinjati speċifikament bħala ħielsa mid-dazju u kkunsidrati mill-FTP bħala territorju barrani għall-fini ta’ operazzjonijiet kummerċjali, dazji u taxxi. 35 SEZs kienu approvati mill-awtoritajiet Indjani.

(17)

L-EOUs, min-naħa l-oħra, huma ġeografikament iktar flessibbli u jistgħu jkunu stabbiliti kullimkien fl-Indja. Din l-iskema hija komplimentari għas-SEZS.

(18)

Applikazzjoni għall-operazzjoni taħt dawn l-iskemi għandha tinkludi dettalji għall-perijodu tal-ħames snin li ġejjin fuq, inter alia, kwantitajiet ta’ produzzjoni ppjanati, il-valur ipproġettat ta' l-esportazzjonijiet, ħtiġiet ta’ importazzjoni u ħtiġiet indiġeni. Jekk l-awtoritajiet jaċċettaw l-applikazzjoni tal-kumpannija, it-termini u l-kundizzjonijiet mehmuża ma’ l-aċċettazzjoni jiġu kkomunikati lill-kumpannija. Il-ftehim li jagħraf il-kumpannija bħala intrapriża taħt l-EOUS jew is-SEZS huwa validu għal perijodu ta’ ħames snin. Il-ftehim jista’ jiġġedded għal perijodi ulterjuri.

(19)

Obbligu kruċjali ta’ intrapriża EOU jew SEZ kif stabbilit fl-FTP huwa li tikseb qligħ nett mill-kambju barrani (“NFE”), jiġifieri f’perijodu ta’ referenza (5 snin), il-valur totali ta’ l-esportazzjonijiet irid ikun ogħla mill-valur totali tal-merkanzija importata.

(20)

L-unitajiet ta’ l-EOUS/is-SEZS huma intitolati għall-konċessjonijiet li ġejjin:

(i)

eżenzjoni mid-dazji fuq l-importazzjoni fuq kull tip ta’ merkanzija (inklużi merkanzija kapitali, materja prima u oġġetti ta’ konsum) meħtieġa għall-manifattura, il-produzzjoni, l-ipproċessar jew relatati magħhom;

(ii)

eżenzjoni mid-dazju fuq merkanzija miksuba minn sorsi indiġeni;

(iii)

rimborż tat-taxxa fuq il-bejgħ ċentrali mħallsa fuq merkanzija miksuba lokalment;

(iv)

“rimborż tad-dazju fuq ir-rati kollha ta’ l-industrija” fir-rigward taż-żejt għall-ifran miksub minn kumpanniji domestiċi taż-żejt;

(v)

faċilità ta’ bejgħ ta’ parti mill-produzzjoni fuq is-suq lokali mal-ħlas tad-dazji applikabbli fuq il-prodott lest b’eċċezzjoni għall-ħtieġa ġenerali li tkun esportata l-produzzjoni kollha;

(vi)

eżenzjoni mit-taxxa tad-dħul normalment dovuta fuq il-profitti magħmulin fuq il-bejgħ ta’ l-esportazzjoni skond l-Artikolu 10A jew l-Artikolu 10B ta’ l-Att tat-Taxxa tad-Dħul, għal perijodu ta’ 10 snin wara l-bidu ta’ l-operazzjonijiet tagħhom, imma sa mhux iktar tard mill-2010;

(vii)

possibbiltà ta’ dritt ta' proprjetà ta' ekwità barranija ta’ 100 %.

(21)

Għalkemm il-konċessjonijiet taħt iż-żewġ skemi huma komparabbli, jeżistu xi differenzi. Per eżempju, EOU biss tista’ tikseb tnaqqis ta’ 50 % fuq id-dazji pagabbli fuq bejgħ domestiku (“bejgħ DTA”), waqt li f’SEZ 100 % tad-dazji huma pagabbli fuq tali bejgħ. Unità ta’ EOU tista’ tbigħ domestikament 50 % tal-produzzjoni tagħha b’tali rata mnaqqsa.

(22)

Unitajiet li jaħdmu taħt dawn l-iskemi huma marbutin flimkien taħt is-sorveljanza ta’ uffiċjali doganali skond l-Artikolu 65 ta’ l-Att tad-Dwana Indjan.

(23)

Huma legalment obbligati li jżommu, f’format speċifiku, kont xieraq ta’ l-importazzjonijiet kollha, tal-konsum u l-użu tal-materjali importati kollha u ta’ l-esportazzjonijiet imwettqin. Dawn id-dokumenti jridu jiġu ppreżentati perjodikament, kif ikun meħtieġ, lill-awtoritajiet kompetenti (“rapporti ta’ progress annwali u ta’ kull tliet xhur”).

(24)

Madankollu, “fl-ebda punt [unità EOU jew SEZ] ma għandha tkun meħtieġa li tikkorelata kull kunsinna ta’ importazzjoni ma’ l-esportazzjonijiet tagħha, trasferimenti għal unitajiet oħrajn, bejgħ f’DTA jew ħażniet”, kif jiddikjaraw il-paragrafi 6.11.2 u 7.13.2 ta’ l-istat HOP I.

(25)

Bejgħ domestiku jkun mibgħut u rreġistrat abbażi ta’ awto-ċertifikazzjoni mingħajr ħjiel minn qabel ta’ operazzjonijiet speċifiċi. Il-proċess tad-dispaċċ tal-kunsinni ta’ l-esportazzjoni ta’ EOU jkunu kkontrollati minn uffiċjal tad-dwana/tas-sisa, li jkun stazzjonat b’mod permanenti fl-EOU. Il-kumpannija hija obbligata li tirrimborża lill-GOI għas-salarju ta’ tali uffiċjal tal-bond permanenti.

(26)

“L-attivitajiet kollha ta’ l-unitajiet tas-SEZ fiż-żona, jekk ma jkunx speċifikat mod ieħor, inklużi l-esportazzjoni u l-importazzjoni mill-ġdid tal-merkanzija għandhom isiru permezz ta’ proċedura ta’ awto-ċertifikazzjoni”, kif jiddikjara l-paragrafu 7.29 ta’ l-istati tal-HOP I. Għalhekk, ma jsiru l-ebda eżamijiet ta’ rutina tal-kunsinni ta’ l-esportazzjoni ta’ l-unità SEZ mill-awtoritajiet doganali.

(27)

Fil-każ preżenti, l-EOUS intużat mill-applikant. Billi s-SEZS ma ntużatx, mhux meħtieġ li jkun analizzat il-kontrobilanċjar ta’ din l-iskema. L-applikant uża l-EOUS biex jimporta materja prima u merkanzija kapitali ħielsa minn dazji ta’ importazzjoni, biex jikseb merkanzija ħielsa mid-dazju tas-sisa domestiku, biex jikseb rimborż tat-taxxa fuq il-bejgħ kif ukoll rimborż ta’ dazju fuq żejt għall-ifran u biex ibigħ parti mill-produzzjoni tiegħu fis-suq domestiku. Għalhekk, huwa uża l-benefiċċji kollha kif deskritti fil-premessa (20) taħt (i) sa (v). L-applikant ma għamilx użu mill-benefiċċji skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-eżenzjoni tat-taxxa tad-dħul ta’ l-EOUS (ara l-premessa (53)).

(d)   Konklużjonijiet dwar l-EOUS

(28)

L-eżenzjonijiet ta’ l-EOU minn żewġ tipi ta’ dazji fuq l-importazzjoni (’l hekk imsejħin “dazju doganali bażiku” u “dazju doganali addizzjonali speċjali”), ir-rimborż tat-taxxa fuq il-bejgħ u r-rimborż tad-dazju fuq żejt għall-ifran huma kontribuzzjonijiet finanzjarji tal-GOI skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 2(1)(a)(ii) tar-Regolament bażiku. Id-dħul tal-Gvern li jkun dovut fin-nuqqas ta’ din l-iskema huwa ċedut, biex b’hekk, barra minn hekk, lill-applikant jingħatalu benefiċċju skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 2(2) tar-Regolament bażiku, għaliex iggwadanja l-likwidità billi ma kellux iħallas dazji normalment dovuti u billi kiseb rimborż tat-taxxa fuq il-bejgħ.

(29)

L-eżenzjonijiet mid-dazju tas-sisa u mid-dazju fuq l-importazzjonijiet ekwivalenti tiegħu (’l hekk imsejjaħ “dazju doganali addizzjonali”), madankollu, ma jwasslux għad-dħul ċedut li huwa inkella dovut. Id-dazju tas-sisa u doganali addizzjonali, jekk jitħallsu, jistgħu jintużaw bħala kreditu għal obbligi ta’ dazju futuri individwali (’l hekk imsejjaħ “mekkaniżmu CENVAT”). Għaldaqstant, dawn id-dazji mhumiex definittivi. Permezz tal- “kreditu-CENVAT” valur addizzjonali biss jipproduċi dazju definittiv għall-kumpannija, mhux il-materjali li jintużaw fil-produzzjoni tal-prodott.

(30)

Għalhekk, l-eżenzjoni mid-dazju doganali bażiku, id-dazju doganali addizzjonali speċjali, ir-rimborż tat-taxxa fuq il-bejgħ u r-rimborż tad-dazju fuq iż-żejt għall-ifran biss jikkostitwixxu sussidji skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 2 tar-Regolament bażiku. Dawn huma kontinġenti fil-liġi dwar il-prestazzjoni fl-esportazzjoni, u għaldaqstant huma meqjusin li huma speċifiċi u protettivi taħt l-Artikolu 3(4)(a) tar-Regolament bażiku. L-objettiv ta’ esportazzjoni ta’ l-EOU kif stabbilit fil-paragrafu 6.1 tal-FTP huwa conditio sine qua non biex jinkisbu l-inċentivi.

(31)

Barra minn hekk, dawn is-sussidji ma jistgħux ikunu kkunsidrati bħala sistemi ta’ rimborż tad-dazju permissibbli jew sistemi ta’ rimborż ta’ sostituzzjoni skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 2(1)(a)(ii) tar-Regolament bażiku. Dawn ma jikkonformawx mar-regoli stretti stabbiliti fl-Anness I (punti (h) u (i)), l-Anness II (definizzjoni u regoli għal ħlas lura) u l-Anness III (definizzjoni u regoli għal ħlas lura ta’ sostituzzjoni) tar-Regolament bażiku

(32)

Sakemm ir-rimborż tat-taxxa fuq il-bejgħ u d-dispożizzjonijiet ta’ l-eżenzjoni tad-dazju ta’ l-importazzjoni jintużaw għax-xiri ta’ merkanzija kapitali, dawn diġà m’humiex f’konformità mar-regoli għas-sistemi ta’ rimborż permessi għaliex dik il-merkanzija ma tkunx ikkunsmata fil-proċess tal-produzzjoni, kif meħtieġa mill-Anness I punt (h) (rimborż tat-taxxa fuq il-bejgħ) u (i) (remissjoni tad-dazji ta’ importazzjoni).

(33)

Barra minn dan, u wkoll fir-rigward tal-benefiċċji l-oħrajn li huma disponibbli taħt din l-iskema, huwa mifhum li l-GOI m’għandu l-ebda sistema jew proċedura stabbilita ta’ verifika effettiva biex jikkonferma kemm-il darba u b’liema ammonti dħul prokurat bla dazju jew dħul soġġett għal rimborż tat-taxxa fuq il-bejgħ u rimborż tat-taxxa fuq żejt għall-ifran kienu kkunsmati fil-produzzjoni tal-prodott esportat (l-Anness II(II)(4) tar-Regolament bażiku u, fil-każ ta’ skemi ta’ rimborż ta’ sostituzzjoni, l-Anness III(II)(2) tar-Regolament bażiku).

(34)

L-EOU titħalla tbigħ ammont sinifikanti tal-produzzjoni tagħha, sa 50 % tal-valur tal-bejgħ tagħha, fis-suq domestiku. Għalhekk, ma jeżisti ebda obbligu fil-liġi biex jiġi esportat l-ammont totali tal-prodotti manifatturati li jirriżultaw. Barra minn hekk, minħabba l-proċedura ta' awto-ċertifikazzjoni, dawn it-transazzjonijiet domestiċi jsiru mingħajr is-superviżjoni u l-kontroll ta’ uffiċjal tal-gvern. Konsegwentement, il-bini marbut ta’ EOU huwa, ta’ l-inqas parti minnu, mhux soġġett għal kontroll fiżiku mill-awtoritajiet Indjani. Dan, iżda, iżid l-importanza ta’elementi ta’ verifika ulterjuri, b’mod partikolari l-kontroll tar-rabta bejn id-dħul bla dazju u l-prodotti ta’ esportazzjoni li jirriżultaw sabiex jikkwalifikaw għas-sistema ta’ verifika tar-rimborż tad-dazju.

(35)

Rigward iktar passi ta’ verifika installati ta’ min ifakkar, kif imsemmi fil-premessa (24) li l-EOU de jure diġà qatt ma hija meħtieġa li tikkorelata kull kunsinna ta’ importazzjoni mad-destinazzjoni tal-prodott riżultanti korrispondenti. Madankollu, tali kontrolli ta’ kunsinna biss jipprovdu lill-awtoritajiet Indjani informazzjoni suffiċjenti dwar id-destinazzjoni finali tad-dħul biex jikkontrollaw li l-eżenzjonijiet tad-dazju, ir-rimborż tat-taxxa fuq il-bejgħ, u r-rimborż tad-dazju fuq iż-żejt għall-ifran ma jaqbżux id-dħul għall-produzzjoni ta’ l-esportazzjoni. Rendikonti tat-taxxi mensili għal bejgħ domestiku abbażi ta’ awto-valutazzjoni, li jkunu perjodikament ivvalutati mill-awtoritajiet Indjani, mhumiex biżżejjed. Sistemi interni tal-kumpannija, li jinżammu mingħajr obbligu legali taħt l-FTP, per eżempju, sistema ta’ mazzi ta’ folji (“batch sheet”), lanqas ma huma biżżejjed biex jissostitwixxu tali ħtieġa essenzjali meħtieġa f’sistema ta’ verifika ta’ rimborż tad-dazju. Barra minn hekk, jeħtieġ li sistema ta’ verifika tar-rifużjoni tad-dazju tkun iddisinjata u rinfurzata minn gvern u m’għandhiex titħalla għad-diskrezzjoni ta' l-amministrazzjoni ta’ kull kumpannija kkonċernata li tistabbilixxi sistema ta’ informazzjoni. Konsegwentement, jidher ukoll li, peress li l-EOU mhux espliċitament meħtieġa mill-FTP Indjani li tirreġistra r-rabta bejn il-materjali tad-dħul u l-prodott riżultanti, ebda mekkaniżmu ta’ kontroll effettiv ma kien stabbilit mill-GOI biex jistabbilixxi liema dħul kien ikkunsmat fi produzzjoni ta’ esportazzjoni u f’liema ammonti.

(36)

Ukoll, il-GOI la wettaq eżami ulterjuri bbażat fuq id-dħul attwali involut, għalkemm dan normalment ikun jinħtieġ li jitwettaq fin-nuqqas ta’ sistema ta’ verifika effettiva (l-Anness II(II)(5) u l-Anness III(II)(3) tar-Regolament bażiku), lanqas ma ta prova li kienet ma saret ebda remissjoni eċċessiva.

(37)

Ma’ l-iżvelar, l-applikant argumenta li ma ntużatx l-istess metodoloġija, skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 22(4) tar-Regolament bażiku, fil-każ trattat meta mqabbel ma’ l-investigazzjoni oriġinali waqt il-valutazzjoni ta’ l-EOUS. Ta’ min wieħed jinnota li esportaturi fl-investigazzjoni oriġinali fornew xhieda li ma seħħet ebda remissjoni eċċessiva u għal din ir-raġuni l-eżenzjoni mid-dazju fuq ksib ta’ materja prima taħt l-EOUS oriġinarjament ma kinitx kontrobilanċjata.

(38)

Madankollu, l-applikant ma pprovdiex tali xhieda fil-każ attwali. F’dan il-kuntest, ta’ min wieħed jinnota wkoll li hu biegħ il-prodott ikkonċernat fis-suq lokali wkoll, jiġifieri mhux il-materjali kollha tad-dħul miksubin bla dazju kienu neċessarjament ikkunsmati fil-produzzjoni ta’ l-esportazzjoni. Barra minn hekk, b’mod partikolari l-fatt li skond il-liġi Indjana, esportaturi ta’ l-EOUS mhumiex obbligati jikkorrelataw kunsinni ta’ importazzjoni mad-destinazzjoni tal-prodott riżultanti korrispondenti, jikkostitwixxi ċirkostanza mhux stabbilita fl-investigazzjoni oriġinali. Għaldaqstant, l-iskema fil-każ preżenti ġiet ivvalutata skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 22(4) tar-Regolament bażiku, li jistipula li jeħtieġ li jkunu kkunsidrati ċirkostanzi ġodda. Konsegwentement, is-sejba preżenti, li l-EOUS ma tikkostitwix rimborż permess ta’ dazju jew sistema ta’ rimborż ta’ sostituzzjoni, hija kkonfermata.

(e)   Kalkolu ta’ l-ammont ta’ sussidju

(39)

Kif meħtieġ, fin-nuqqas ta’ sistema ta’ rimborż tad-dazju permess jew ta’ sistema ta’ rimborż ta’ sostituzzjoni, il-benefiċċju kontrobilanċjat huwa r-remissjoni tad-dazji ta’ l-importazzjoni totali (dazju doganali bażiku u dazju doganali addizzjonali speċjali) normalment dovuti ma’ l-importazzjoni, kif ukoll ir-rimborż tat-taxxa fuq il-bejgħ u r-rimborż tad-dazju fuq iż-żejt għall-ifran, kollha waqt il-perijodu ta’ investigazzjoni tar-reviżjoni.

(40)

Ma’ l-iżvelar, l-applikant iddikjara li l-ammont ta’ sussidju, inklużi aġġustamenti ta' l-imgħax, għal sussidji li ma jirrepetux ruħhom, għandu jkun ikkalkulat biss abbażi tas-7 xhur tal-perijodu ta’ l-investigazzjoni tar-reviżjoni li matulu huwa kien f’operazzjoni kummerċjali. Inkella, l-applikant talab li jkun ikkunsidrat biss il-perijodu ta’ 10 xhur, li jinkludi l-perijodu ta’ produzzjoni bi prova tiegħu.

(41)

Skond l-Artikolu 5 tar-Regolament bażiku, l-ammont ta’ sussidji kompensatorji għandu jkun ikkalkulat f’termini tal-benefiċċju mogħti lir-riċevitur, li hu misjub li jeżisti waqt perijodu ta’ investigazzjoni. F’konformità ma’ l-istess dispożizzjoni u prattika standard ta’ l-UE, intagħżel perijodu ta’ 12-il xahar bħala perijodu ta’ investigazzjoni tar-reviżjoni u s-sejbiet huma bbażati fuq dan il-perijodu ta’ żmien. L-ebda dispożizzjoni fir-Regolament bażiku ma tistipula li l-fażijiet tal-bidu ta’ kumpannija ma jitqisux. It-talba ta’ l-applikant għaldaqstant ġiet miċħuda.

(i)   Eżenzjoni mid-dazji ta’ l-importazzjoni (dazju doganali bażiku u dazju doganali addizzjonali speċjali) u rimborż tat-taxxa fuq il-bejgħ fuq materja prima

(42)

L-ammont ta’ sussidju għall-applikant kien ikkalkulat abbażi tad-dazji ta’ l-importazzjoni inevitabbli (dazju doganali bażiku u dazju doganali addizzjonali speċjali) fuq il-materjali importati, kif ukoll fuq it-taxxa fuq il-bejgħ u r-rimborż tad-dazju fuq żejt għall-ifran eliġibbli għal rimborż, kollha waqt il-perijodu ta’ l-investigazzjoni tar-reviżjoni. Spejjeż li neċessarjament saru biex jinkiseb is-sussidju tnaqqsu skond l-Artikolu 7(1)(a) tar-Regolament bażiku minn din is-somma biex twassal għall-ammont ta’ sussidju bħala numeratur. Skond l-Artikolu 7(2) tar-Regolament bażiku, dan l-ammont ta’ sussidju kien allokat fuq il-fatturat ta’ l-esportazzjoni bħala denominatur xieraq, għaliex is-sussidju huwa kontinġenti fuq il-prestazzjoni ta’ l-esportazzjoni u ma ngħatax b’referenza għall-kwantitajiet manifatturati, prodotti, esportati jew trasportati. Ir-rata ta’ sussidju miksuba b’dan il-mod kienet ta’ 12,6 %.

(43)

F’dan il-kuntest, l-applikant iddikjara li l-proporzjon ta’ l-ammont ta’ sussidju direttament attribbwibbli għall-prodott konċernat biss għandu jintuża bħala numeratur. L-applikant jipproduċi ammont żgħir ta’ PET ta’ viskożità iktar baxxa bħala l-prodott ikkonċernat u l-prodott amorfuż intermedju PET-chips, li ma jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-prodott ta’ din l-investigazzjoni. Huwa ssuġġerixxa t-tqassim ta’ l-ammont tas-sussidju abbażi tal-valur tal-bejgħ għall-prodott ikkonċernat f’rabta mal-valur tal-bejgħ totali.

(44)

Madankollu, ta’ min wieħed jinnota li l-materjali varji tad-dħul ma jistgħux ikunu per se marbuta la mal-prodott ikkonċernat u lanqas mal-PET ta’ viskożità iktar baxxa u l-prodott intermedju għaliex l-istess materjali ta’ dħul jistgħu jintużaw għall-produzzjoni ta’ dawn it-tipi kollha. Barra minn dan, kif stabbilit fil-premessi (32) sa (38), ma kienet teżisti ebda sistema ta’ verifika adatta rigward id-destinazzjoni finali tal-materjali tad-dħul. Fit-tali każ u skond l-Artikolu 7(2) tar-Regolament bażiku, kemm in-numeratur kif ukoll id-denominatur kienu stabbiliti abbażi tal-firxa tal-prodott totali ta’ l-applikant sabiex ikun allokat l-ammont ta’ sussidju attribwibbli għall-prodott ikkonċernat. L-applikant ma ssostanzjax li kwalunkwe metodoloġija alternattiva setgħet twassal għal riżultat iktar preċiż. Partikolarment, ta’ min jinnota li anke li kieku l-pretensjoni kienet aċċettata, id-denominatur kien ikun imnaqqas pro rata, u hekk kien iwassal għal riżultat globali identiku.

(ii)   Eżenzjoni mid-dazji ta’ l-importazzjoni (dazju doganali bażiku u dazju doganali addizzjonali speċjali) fuq merkanzija kapitali

(45)

Kuntrarju għall-materja prima, il-merkanzija kapitali mhijiex fiżikament inkorporata fil-merkanzija lesta. Skond l-Artikolu 7(3) tar-Regolament bażiku, il-benefiċċju għall-kumpannija investigata ġie kkalkulat abbażi ta’ l-ammont ta’ dazju doganali mhux imħallas fuq merkanzija kapitali importata mifruxa tul perijodu li jirrifletti l-perijodu ta’ deprezzament normali ta’ tali merkanzija fl-industrija tal-prodott ikkonċernat (jiġifieri 18,465 sena), li jwassal għal deprezzament ta’ 5,42 % imqarreb għall-eqreb ċifra. L-ammont hekk ikkalkulat li allura jkun attribbwibbli għall-perijodu ta’ l-investigazzjoni tar-reviżjoni kien aġġustat biż-żjieda ta’ l-interess matul dan il-perijodu sabiex jirrifletti l-valur tal-benefiċċju maż-żmien u hekk ġie stabbilit il-benefiċċju kollu ta’ din l-iskema lir-riċevitur. L-ammont ta’ l-imgħax miżjud kien ibbażat fuq ir-rata ta’ imgħax kummerċjali waqt il-perijodu ta’ l-investigazzjoni tar-reviżjoni fl-Indja. L-ispejjeż mġarrba neċessarjament biex jinkiseb is-sussidju tnaqqsu skond l-Artikolu 7(1)(a) tar-Regolament bażiku minn din is-somma biex jintlaħaq l-ammont ta’ sussidju bħala numeratur. Skond l-Artikolu 7(2) u (3) tar-Regolament bażiku, dan l-ammont ta’ sussidju kien allokat fuq l-ammont tal-valur tal-bejgħ ta’ esportazzjoni iġġenerat tul il-perijodu ta’ l-investigazzjoni tar-reviżjoni bħala denominatur xieraq, għaliex is-sussidju huwa kontinġenti fuq il-prestazzjoni ta’ l-esportazzjoni u ma ngħatax b’referenza għall-kwantitajiet manifatturati, prodotti, esportati jew trasportati. Ir-rata ta’ sussidju miksuba b’dan il-mod kienet ta’ 0,9 %.

(46)

Ma’ l-iżvelar, l-applikant argumenta li l-perijodu tad-deprezzament speċifiku tal-kumpannija tiegħu ta’ 18,93 snin għandu jintuża u mhux 18,465 snin, li huwa l-medja kombinata flimkien mal-perijodu ta’ deprezzament stabbilit oriġinarjament. Barra minn hekk, huwa afferma li l-perijodu ta’ deprezzament individwali tiegħu jirrifletti l-livell ta’ l-industrija standard fl-Indja illum.

(47)

Madankollu, kif stabbilit hawn fuq, l-Artikolu 7(3) tar-Regolament bażiku jeħtieġ li jiffoka fuq il-perijodu ta’ deprezzament normali, jiġifieri, medju, ta' l-industrija u mhux perijodu speċifiku ta’ kumpannija. Barra minn hekk, l-applikant ma ssostanzjax il-fatt li l-livell ta’ deprezzament industrijali ta’ l-industrija kkonċernata żdied b’mod ġenerali. Għalhekk l-argument ġie miċħud.

(48)

Barra minn hekk, l-applikant iddikjara li għall-kalkolu ta’ l-ammont tas-sussidju, ir-rata ta’ deprezzament ma kellhiex titqarreb għall-eqreb ċifra.

(49)

Madankollu, ta’ min wieħed jinnota li t-tqarrib għall-eqreb ċifra ma għandu ebda impatt fuq ir-riżultat globali, b’hekk dan il-kumment ma kellu ebda konsegwenza.

(50)

Konsegwentement, ir-rata ta’ sussidju totali taħt l-EOUS għall-applikant tammonta għal 13,5 %.

2.2.   SKEMI ORIĠINARJAMENT INVESTIGATI IMMA MHUX UŻATI MILL-KUMPANNIJA

2.2.1.   L-Iskema ta' Krediti ta' Dazji fuq l-Importazzjoni (“DEPBS”)

(51)

L-applikant ma użax il-benefiċċji taħt id-DEPBS.

2.2.2.   Skema tal-Promozzjoni ta’ l-Esportazzjoni tal-Merkanzija Kapitali (“EPCGS”)

(52)

Kien stabbilit li l-applikant ma kienx importa merkanzija kapitali taħt l-EPCGS u għalhekk ma kienx għamel użu mill-EPCGS.

2.2.3.   Skema ta’ Eżenzjoni mit-Taxxa fuq id-Dħul

(53)

Kien stabbilit li l-applikant, fin-nuqqas ta’ profitti taxxabbli, ma rċeviex il-benefiċċju ta’ eżenzjoni tat-taxxa fuq id-dħul taħt l-Artikolu 10B ta’ l-Att tat-Taxxa tad-Dħul 1961 waqt il-perijodu ta’ l-investigazzjoni tar-reviżjoni.

2.3.   SKEMI OĦRAJN UŻATI MILL-KUMPANNIJA RIGWARD IL-PRODOTT KONĊERNAT U MISJUBIN KOMPENSATORJI.

2.3.1.   Skema tal-Kreditu fuq l-Esportazzjoni (“ECS”)

(a)   Bażi legali

(54)

L-ECS hija bbażata fuq l-artikoli 21 u 35A ta’ l-Att Indjan ta’ l-1949 dwar ir-Regolamentazzjoni ta' l-Attività Bankarja, li jippermetti lir-Reserve Bank ta’ l-Indja (“RBI”) jiddirieġi lill-banek kummerċjali fil-qasam tal-krediti ta’ l-esportazzjoni.

(55)

Id-dettalji ta’ l-iskema huma stabbiliti fil-Master Circular IECD Nru 35/04.02.02/2004-05 (Foreign Currency Export Credit) u l-Master Circular IECD No. 27/04.02.02/2004-05 (Rupee Export Credit) tar-RBI, li huma indirizzati lill-banek kummerċjali kollha fl-Indja.

(b)   Eliġibbiltà

(56)

Esportaturi li jimmanifatturaw u esportaturi kummerċjanti huma eliġibbli għal din l-iskema.

(ċ)   Implimentazzjoni prattika

(57)

Taħt din l-iskema, l-RBI mandatorju jistipula livelli massimi ta’ rati ta’ imgħax applikabbli għal krediti ta’ esportazzjoni, kemm f’rupees Indjani kif ukoll f’muniti barranin, liema banek kummerċjali jistgħu jitolbu ħlas mingħand esportatur “bil-ħsieb li jkun hemm kreditu disponibbli għall-esportaturi b’rati kompetittivi fuq livell internazzjonali”. L-ECS jikkonsisti f’żewġ sotto-skemi, il-Pre-Shipment Export Credit Scheme (“packing credit”), li tkopri krediti pprovduti lil esportatur għall-iffinanzjar tax-xiri, l-ipproċessar, l-immanifatturar, l-imballaġġ u/jew it-trasport marittimu tal-merkanzija qabel l-esportazzjoni, u l-Post-Shipment Export Credit Scheme, li tipprovdi għal self kapitali għall-ħidma għall-għanijiet ta’ iffinanzjar ta’ esportazzjonijiet aċċettati. L-RBI jidderieġi wkoll lill-banek biex jipprovdu ċertu ammont ta’ kreditu tal-bank nett tagħhom għall-iffinanzjar ta’ l-esportazzjoni.

(58)

Bħala riżultat ta’ dawn l-RBI Master Circulars, l-esportaturi jistgħu jiksbu krediti ta’ esportazzjoni b’rati ta’ imgħax preferenzjali meta mqabblin mar-rati ta’ imgħax għal krediti kummerċjali ordinarji (“cash credits”), li huma purament stabbiliti skond il-kundizzjonijiet tas-suq. F’dan ir-rigward, il-Master Circular on Rupee Export Credit tinnota li “il-livelli tar-rati ta’ imgħax fuq il-kreditu estiżi għall-esportaturi kif preskritt f’din iċ-Ċirkulari huma iktar baxxi mill-massimu tar-rati ta’ self normalment imposti fuq persuni oħra li jisselfu u huma, għalhekk, indikati bħala konċessivi f’dan is-sens.”

(59)

Minħabba l-Master Circulars ta’ l-RBI, l-applikant gawda minn rati ta’ imgħax preferenzjali għal krediti ta’ l-ECS meta mqabblin mar-rati ta’ imgħax tal-kreditu tiegħu.

(d)   Konklużjoni dwar l-ECS

(60)

L-ewwelnett, ir-rati ta’ imgħax preferenzjali ta’ kreditu ta’ l-ECS stabbiliti mill-Master Circular tal-RBI msemmija fil-premessa (55) naqqsu l-ispejjeż ta’ l-imgħax għall-applikant meta mqabblin ma’ l-ispejjeż tal-kreditu purament stabbiliti mill-kundizzjonijiet tas-suq, biex b’hekk taw benefiċċju skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 2(2) tar-Regolament bażiku dwaru. It-tieninett, u minkejja l-fatt li l-krediti preferenzjali taħt l-ECS huma mogħtijin mill-banek kummerċjali, dan il-benefiċċju għandu jitqies bħala kontribut finanzjarju mill-gvern skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 2(1)(iv) tar-Regolament bażiku. F’dan il-kuntest, ta’ min wieħed jinnota li la l-Artikolu 2(1)(iv) tar-Regolament bażiku u lanqas il-Ftehim WTO dwar Sussidji u Miżuri Protettivi (“ASCM”) ma jeħtieġu ħlas mill-kontijiet pubbliċi, per eżempju rimborż tal-banek kummerċjali mill-GOI, biex jistabbilixxu sussidju, iżda jeħtieġu biss direzzjoni biex jitwettqu funzjonijiet murijin fil-punti (i), (ii) jew (iii) ta’ l-Artikolu 2(1) tasr-Regolament bażiku. Ir-RBI huwa korp pubbliku u għalhekk jaqa’ taħt id-definizzjoni ta’ “gvern” kif stabbilit fl-Artikolu 1(3) tar-Regolament bażiku. Huwa 100 % proprjetà tal-gvern, isegwi objettivi ta’ politika pubblika, per eżempju l-politika monetarja u l-immaniġġjar tagħha huwa maħtur mill-GOI. Ir-RBI jidderieġi korpi privati fis-sens li l-banek kummerċjali huma marbutin b’ċerti kondizzjonijiet, inter alia, (i) mil-livelli massimi tar-rati ta’ imgħax fuq krediti ta’ esportazzjoni awtorizzati fil-Master Circulars tar-RBI u (ii) mid-dispożizzjonijiet tar-RBI li l-banek kummerċjali jridu jipprovdu ċertu ammont mill-kreditu nett tal-bank għall-iffinanzjar ta’ l-esportazzjoni. Din id-direzzjoni tobbliga lill-banek kummerċjali biex iwettqu l-funzjonijiet imsemmijin fl-Artikolu 2(1)(a)(i) tar-Regolament bażiku, f’dan il-każ self fil-forma ta’ ffinanzjar ta’ esportazzjoni preferenzjali. Tali trasferiment dirett ta’ fondi f’forma ta’ self taħt ċerti kondizzjonijiet normalment ikun investit fil-gvern u, skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 2(1)(a)(iv) tar-Regolament bażiku, il-prattika, fl-ebda sens reali, ma tkun differenti mill-prattiċi normalment segwiti mill-gvernijiet. Barra minn hekk, dan is-sussidju huwa maħsub li jkun speċifiku u kompensatorju peress li r-rati ta’ l-imgħax preferenzjali jkunu disponibbli biss fir-rigward ta’ l-iffinanzjar ta’ l-esportazzjoni u għalhekk huma kontinġenti ma’ l-aġir ta’ l-esportazzjoni skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 3(4)(a) tar-Regolament bażiku.

(e)   Kalkolu ta’ l-ammont tas-sussidju

(61)

L-ammont tas-sussidju kien ikkalkolat abbażi tad-differenza bejn l-imgħax akkumulat għall-krediti ta’ l-esportazzjoni waqt il-perijodu ta’ l-investigazzjoni tar-reviżjoni u l-ammont li kieku kien ikun pagabbli li kieku kienu applikabbli l-istess rati ta’ imgħax bħall-krediti kummerċjali ordinarji użati mill-applikant. Dan l-ammont ta’ sussidju (numeratur) kien allokat fuq id-dħul mill-esportazzjoni totali waqt il-perijodu ta’ l-investigazzjoni tar-reviżjoni bħala denominatur xieraq skond l-Artikolu 7(2) tar-Regolament bażiku, għaliex is-sussidju huwa kontinġenti fuq il-prestazzjoni ta’ l-esportazzjoni u ma kienx mogħti b’referenza għall-kwantitajiet immanifatturati, prodotti, esportati jew trasportati. Ir-rata ta’ sussidju ta’ l-ECS hekk stabbilita hija ta’ 0,4 %.

2.3.2.   Skema ta’ l-Inċentivi tal-Bengal tal-Punent (“WBIS”)

(62)

Id-deskrizzjoni ddettaljata tad-WBIS tinsab fin-notifika Nru 588-CI/H tat-22 ta’ Ġunju 1999 (“WBIS 1999”) li kienet emendata l-aħħar bin-notifika Nru 134-CI/O/Incentive/17/03/I ta’ l-24 ta’ Marzu 2004 (“WBIS 2004”). L-investigazzjoni stabbiliet li l-benefiċċju miksub mill-applikant ma kienx wieħed sinifikanti, u għalhekk, id-WBIS ma kinitx analizzata iktar.

3.   AMMONT TOTALI TA’ SUSSIDJI KOMPENSATORJI

(63)

Waqt li ġew ikkunsidrati s-sejbiet definittivi relatati ma’ l-iskemi kif stabbilit hawn fuq, ir-rata tas-sussidji kompensatorji għall-applikant hija kif ġej:

 

ECS

EOUS

Total

South Asian Petrochem Limited

0,4  %

13,5  %

13,9  %

E.   EMENDAR TAL-MIŻURI LI QED IKUNU RIVEDUTI

(64)

Skond l-Artikolu 15(1) tar-Regolament bażiku, l-ammont ta’ dazju kompensatorji għandu jkun inqas mill-ammont totali ta’ sussidji kompensatorji, li kieku tali dazju inqas kellu jkun biżżejjed biex titneħħa l-ħsara lill-industrija Komunitarja. Fl-investigazzjoni oriġinali kien stabbilit livell ta’ eliminazzjoni tal-ħsara ġenerali ta’ 44,3 %, li huwa ogħla mir-rata tas-sussidju stabbilita għall-applikant.

(65)

Abbażi tas-sejbiet magħmula waqt l-investigazzjoni tar-reviżjoni, huwa kkunsidrat li importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat fil-Komunità prodotti u esportati mill-applikant għandhom ikunu soġġetti għal livell ta’ dazju protettiv korrispondenti għar-rata individwali ta’ sussidji stabbilita għal din il-kumpannija, jiġifieri 13,9 %. Peress li d-dazju impost bir-Regolament (KE) Nru 2603/2000 ħa l-forma ta’ ammont speċifiku għal kull tunnellata, ir-rata ta’ dazju msemmija hawn fuq għall-applikant kienet ukoll mibdula f’ammont speċifiku ta’ EUR 106,5 għal kull tunnellata.

(66)

Ir-Regolament (KE) Nru 2603/2000 għaldaqstant għandu jkun emendat kif meħtieġ.

F.   IMPENN

(67)

L-applikant offra impenn ta’ prezz rigward l-esportazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat lill-Komunità, skond l-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku.

(68)

Wara eżami ta’ l-offerta, il-Kummissjoni kkunsidrat l-impenn bħala aċċettabbli peress li jelimina l-effetti dannużi tas-sussidju. Barra minn hekk, ir-rapporti regolari u dettaljati li l-applikant aċċetta li jipprovdi lill-Kummissjoni jippermettu monitoraġġ effettiv. Barra minn hekk, in-natura tal-prodott u l-istruttura tal-bejgħ ta’ l-applikant hija tali li l-Kummissjoni tikkunsidra li r-riskju taċ-ċirkonvenzjoni ta’ l-evażjoni ta’ l-impenn huwa limitat.

(69)

Sabiex ikun assigurat ir-rispett effettiv u l-monitoraġġ ta’ l-impenn, meta tkun ippreżentata t-talba għar-rilaxx f’ċirkolazzjoni libera skond l-impenn, eżenzjoni mid-dazju tkun kondizzjonali għall-preżentazzjoni lill-awtoritajiet doganali ta’ l-Istat Membru konċernat ta’ “Fattura Kummerċjali” valida maħruġa mill-applikant u li jkun fiha l-informazzjoni elenkata fl-Anness għar-Regolament (KE) Nru 2603/2000. Fejn ma tkunx ippreżentata tali fattura, jew fejn din ma tkunx tikkorrispondi mal-prodott ippreżentat lid-dwani, ir-rata xierqa tad-dazju protettiv għandha tkun pagabbli sabiex tassigura l-applikazzjoni effettiva ta’ l-impenn.

(70)

Fil-każ ta’ ksur jew irtirar ta’ l-impenn, id-dazju kompensatorju jista’ jkun impost skond l-Artikolu 13(9) u (10) tar-Regolament bażiku.

G.   ŻVELAR U KEMM IDUMU APPLIKABBLI L-MIŻURI

(71)

L-applikant u l-GOI kienu infurmati bil-fatti u l-konsiderazzjonijiet essenzjali li abbażi tagħhom kien intenzjonat li jkun propost li r-Regolament (KE) Nru 2603/2000 ikun emendat u ngħataw l-opportunità biex jikkummentaw. L-applikant biss għamel kummenti, essenzjalment dwar l-EOUS, li ġew indirizzati fil-kuntest tal-konklużjonijiet rispettivi msemmijin hawn fuq taħt it-taqsima 2.1.1.(d),

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 2603/2000 għandu jiġi emendat kif ġej:

(a)

Fl-Artikolu 1(3), għandu jiżdied dan li ġej fl-iskeda taħt produtturi fl-Indja:

Pajjiż

Kumpannija

Dazju definittiv

(EUR għal kull tunnellata)

Kodiċi addizzjonali TARIC

“L-Indja

South Asian Petrochem Limited

106,5

A585 ”

(b)

Fl-Artikolu 2(3), dan li ġej għandu jiżdied fit-tabella:

Kumpannija

Pajjiż

Kodiċi addizzjonali TARIC

“South Asian Petrochem Limited

L-Indja

A585 ”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u huwa direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fil-Lussemburgu, 6 ta’ Ottubru 2005.

Għall-Kunsill

Il-President

A. DARLING


(1)  ĠU L 288, 21.10.1997, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 461/2004 (ĠU L 77, 13.3.2004, p. 12).

(2)  ĠU L 301, 30.11.2000, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 822/2004 (ĠU L 127, 29.4.2004, p. 3).

(3)  ĠU C 8, 12.1.2005, p. 2.

(4)  Notifika Nru 1/2002-07 tal-31.3.2002 tal-Ministeru tal-Kummerċ u l-Industrija tal-GOI.


Top