Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32005R1068

1068/2005/KE: Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1068/2005 tas- 6 ta' Lulju 2005 li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 824/2000 li jistabbilixxi l-proċeduri għall-pussess ta’ ċereali mill-aġenziji tal-intervent u li jippreskrivi l-metodi tal-analiżi sabiex jistabbilixxu l-kwalità fiċ-ċereali

ĠU L 174, 7.7.2005, p. 65–68 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
ĠU L 306M, 15.11.2008, p. 363–366 (MT)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (BG, RO)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 01/07/2008; Impliċitament imħassar minn 32008R0687

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2005/1068/oj

15.11.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

363


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 1068/2005

tas-6 ta' Lulju 2005

li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 824/2000 li jistabbilixxi l-proċeduri għall-pussess ta’ ċereali mill-aġenziji tal-intervent u li jippreskrivi l-metodi tal-analiżi sabiex jistabbilixxu l-kwalità fiċ-ċereali

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1784/2003 tad-29 ta’ Settembru 2003 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq fiċ-ċereali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 6 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) 1784/2003 ma jipprevedix intervent ulterjuri għas-segala mis-sena tal-ħsad 2004/2005. Għalhekk għandu jiġi adattat ir-Regolament (KE) Nru 824/2000 tal-Kummissjoni (2) sabiex din is-sitwazzjoni ġdida tiġi kkunsidrata.

(2)

Il-qamħ komuni u l-qamħ tal-Awstralja huma ċereali li għalihom ġew stabbiliti kriterji ta’ kwalità minimi għall-konsum mill-bniedem u li għandhom jirrispettaw l-istandards sanitarji stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 315/93 tat-8 ta’ Frar 1993 li jistabblixxi proċeduri tal-Komunità għall-kontaminanti fl-ikel (3). Iċ-ċereali l-oħra jintużaw prinċipalment bħala għalf għall-annimali u għandhom jikkonformaw mad-Direttiva 2002/32/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Mejju 2002 dwar sustanzi mhux mixtieqa fl-għalf tal-annimali (4). Għandu jkun stipulat li dawn l-istandards japplikaw meta jsir il-pussess tal-prodotti kkonċernati b’din l-iskema ta’ intervent.

(3)

Xi wħud minn dawn l-istandards japplikaw mill-1 ta’ Lulju 2006 meta jiġu pproċessati l-prodotti għall-ewwel darba. Sabiex jiggarantixxu li ċ-ċereali, li l-pussess tagħhom isir qabel id-data msemmija, jkunu jistgħu jiġu kkumerċjalizzati f’kundizzjonijiet tajbin waqt il-kunsinna ’l barra mill-iskema ta’ intervent, għandu jiġi stabbilit mis-sena tal-ħsad 2005/2006 li l-prodotti offruti għall-intervent jirrispettaw ir-rekwiżiti stabbiliti minn dawn l-istandards.

(4)

Il-possibiltajiet li jiżviluppaw xi mikotossini huma marbuta ma’ xi kundizzjonijiet partikolari li jistgħu jiġu identifikati essenzjalment fuq il-bażi tal-kundizzjonijiet tal-klima li ġew osservati waqt l-iżvilupp u b’mod partikolari waqt li ċ-ċereali jwarrdu.

(5)

Ir-riskji inerenti li jinqabżu l-livelli massimi ta’ kontaminazzjoni aċċettabbli jistgħu jiġu identifikati mill-aġenziji ta’ intervent fuq il-bażi ta’ informazzjoni li ġiet irċevuta minngħand l-offerenti u mill-kriterji tal-analiżi tagħhom stess. Għalhekk sabiex jiġu limitati l-ispejjeż finanzjarji, huwa ġġustifikat li jiġu mitluba l-analiżi, taħt ir-responsabbiltà tal-aġenziji ta’ intervent qabel ma jsir il-pussess tal-prodotti, fuq il-bażi ta’ analiżi tar-riskju biss li jippermetti li tiġi ggarantita l-kwalità tal-prodotti meta jidħlu taħt l-iskema ta’ intervent.

(6)

L-Artikoli 2 u 5 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3492/90 tas-27 ta’ Novembru 1990 li jistabbilixxi l-fatturi li jridu jittieħdu f’konsiderazzjoni fil-kontijiet annwali għall-finanzjament tal-miżuri ta’ intervent fil-għamla ta’ ħażna pubblika mit-Taqsima Garanziji tal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Gwida u l-Garanziji (5), jistipulaw xi regoli ta’ responsabbiltà. Dawn l-Artikoli jistabbilixxu b’mod partikolari li l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha sabiex jiggarantixxu li l-prodotti li għalihom saru interventi Komunitarji jiġu miżmuma tajjeb u li l-kwantitajiet li tħassru minħabba l-kundizzjonijiet materjali tal-ħżin jew għax inżammew għal żmien twil wisq jiġu kkalkolati fil-ħruġ tal-ħażna ta’ intervent fid-data meta saret l-osservazzjoni li l-prodotti tħassru. Huma jispeċifikaw ukoll li prodott huwa kkunsidrat bħala mħassar jekk ma jirrispettax aktar il-kundizzjonijiet ta’ kwalità li japplikaw waqt ix-xiri. Għalhekk it-tħassir inerenti għal dawn id-dispożizzjonijiet biss jista’ jiġi kopert mill-baġit Komunitarju. Deċiżjoni mhux adegwata meħuda minn xi Stat Membru waqt ix-xiri tal-prodott, rigward l-analiżi tar-riskju mitluba b’konformità ma’ dan ir-Regolament, għandha taqa’ taħt ir-responsabbiltà tiegħu stess jekk wara jidher li l-prodott ma jirrispettax l-istandards minimi. Fil-fatt, deċiżjoni bħal din ma tippermettix li tkun iggarantita l-kwalità tal-prodott u għalhekk li jiġi miżmum tajjeb. Għalhekk għandhom jiġu speċifikati l-kundizzjonijiet skont liema r-responsabbiltà tkun tal-Istat Membru.

(7)

Sabiex tiġi stabbilita l-kwalità taċ-ċereali offruti għall-intervent, l-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 824/2000 jerġa’ jagħti lista ta’ metodi skont il-kriterji għall-analiżi. Fost dawn il-metodi, l-Organizzazzjoni Internazzjonali ta' Standardizzazzjoni adattat il-metodu ta’ kif jiġi ddeterminat l-indiċi ta’ tnaqqis ta’ Hagberg. Għandha tiġi adattata r-referenza relevanti. Għandhom jiġu speċifikati wkoll il-metodi ta’ analiżi li għandhom x’jaqsmu mal-ħarsien tal-istandards dwar il-kontaminazzjoni.

(8)

Għall-finijiet ta’ ċarezza u preċiżjoni, l-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 824/2000 tal-Kummissjoni għandu jiġi fformulat mill-ġdid, b’mod partikolari f’dak li għandu x’jaqsam mal-ordni tad-dispożizzjonijiet relatati. Meta jiġi kkunsidrat il-prinċipju ta’ analiżi użat għall-kontroll tal-mikotossini, ikun iġġustifikat li jiġu miżjuda, fost l-analiżi li l-ispejjeż tagħhom jitħallsu mill-offerenti, dawk inerenti għad-determinazzjoni tar-rati ta’ mikotossini.

(9)

Għaldaqstant ir-Regolament (KE) Nru 824/2000 għandu jiġi emendat.

(10)

Il-Kumitat ta’ Ġestjoni taċ-ċereali ma tax opinjoni fiż-żmien stipulat mill-president tiegħu.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

L-Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) 824/2000 huwa emendat kif jidher hawn taħt:

1.

Fl-ewwel Artikolu, l-ewwel inċiż jiġi mibdul bit-test li ġej:

“Matul il-perjodu msemmi fl-Artikolu 5(2), tar-Regolament (KE) Nru 1784/2003, kull detentur ta’ lottijiet omoġenj ta’ mill-inqas 80 tunnellata ta’ qamħ komuni, xgħir, qamħirrum u sorgu, jew 10 tunnellati ta’ qamħ tal-Awstralja, maħsuda fil-Komunità, huwa awtorizzat li jippreżenta ċ-ċereali tiegħu lill-aġenzija ta’ intervent.”

2.

Fl-Artikolu 2(2), l-ewwel u t-tieni inċiżi jiġu mibdula bit-test li ġej:

“Iċ-ċereali huma kkunsidrati ta’ kwalità tajba, leali u tajbin għall-kummerċ meta jkollhom kulur li s-soltu jkollhom dawn iċ-ċereali, mingħajr riħa, mingħajr predaturi ħajjin (inklużi araknidi) fl-istadji kollha tal-iżvilupp tagħhom, meta jirrispettaw il-kriterji ta’ kwalità minimi msemmija fl-Anness I u ma jaqbżux il-livelli massimi aċċettabbli ta’ kontaminazzjoni, inkluża r-radjoattività, li saru japplikaw bir-regolamentazzjoni Komunitarja. Rigward dan, il-livelli massimi aċċettabbli ta’ kontaminazzjoni, li ma jistgħux jinqabżu, huma dawn li ġejjin:

għall-qamħ komuni u l-qamħ tal-Awstralja, dawk stabbiliti bl-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 315/93 (*) inklużi r-rekwiżiti tal-livell tat-tossini Fusarium għall-qamħ komuni u l-qamħ tal-Awstralja stabbiliti fil-punti 2.4 sa 2.7 tal-Anness I tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 466/2001 (**),

għax-xgħir, il-qamħirrum u s-sorgu, dawk stabbiliti fid-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2002/32/KE (***).

L-Istati Membri jagħmlu l-kontroll tal-livell ta’ kontaminazzjoni, inkluża r-radjoattività, fuq il-bażi ta’ analiżi tar-riskju, u jikkunsidraw, b’mod partikolari, l-informazzjoni mogħtija mill-offerent u l-obbligi dwar il-ħarsien tal-istandards meħtieġa, b’mod partikolari rigward ir-riżultati tal-analiżi miksuba. F’każ ta’ bżonn, ir-ritmu u l-portata tal-miżuri ta’ kontroll huma ddeterminati skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 25 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1784/2003, b’mod partikolari jekk is-sitwazzjoni tas-suq tista’ tkun serjament imfixkla sfrattata mill-kontaminazzjoni.

(*)  ĠU L 37, 13.2.1993, p. 1."

(**)  ĠU L 77, 16.3.2001, p. 1. Regolament kif emendat l-aħhar mir-Regolament (KE) Nru 856/2005 (ĠU L 143, 7.6.2005, p. 3)."

(***)  ĠU L 140, 30.5.2002, p. 10.”"

3.

L-Artikolu 3 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-punt 3.7. jiġi mibdul bit-test li ġej:

“3.7.

l-indiċi ta' nżul ta' Hagberg (test tal-attività tal-amilażi) huwa ddeterminat b’konformità mal-metodu ISO 3093:2004;”

(b)

il-punt 3.10. hawn taħt huwa miżjud:

“3.10.

il-metodi ta’ teħid ta’ kampjuni u l-metodi ta’ analiżi ta’ referenza għad-determinazzjoni tar-rata ta’ mikotossini huma dawk imsemmija fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 466/2001”

4.

L-Artikolu 6 jiġi mibdul bit-test li ġej:

“Artikolu 6

1.   L-aġenzija ta’ intervent tieħu r-responsabbiltà biex jiġu analizzati l-karatteristiċi fiżiċi u teknoloġiċi tal-kampjuni meħuda fi żmien għoxrin ġurnata tax-xogħol minn meta jittieħed il-kampjun rappreżentattiv.

2.   L-offerent għandu jħallas l-ispejjeż relatati ma’:

(a)

il-kontenut tat-tannin fis-sorgu;

(b)

it-test għall-attività tal-amilażi (Hagberg);

(c)

il-kontenut ta’ proteina fil-qamħ tal-Awstralja u l-qamħ komuni;

(d)

it-test Zeleny;

(e)

it-test dwar kif jinħadem bil-magna;

(f)

l-analiżi tal-kontaminazzjoni.

3.   Jekk l-analiżi stabbiliti fil-paragrafu 1 juru li ċ-ċereali offruti ma jikkorrispondux mal-kwalità minima mitluba fl-intervent, dawn iċ-ċereali jerġgħu jittieħdu lura bl-ispejjeż tal-offerent. Dan iħallas ukoll l-ispejjeż kollha li jinqalgħu.

4.   F’każ ta’ litiġju, l-aġenzija ta’ intervent terġa’ tissottometti l-prodotti inkwistjoni għall-kontrolli meħtieġa u l-ispejjeż relatati jitħallsu mill-parti li titlef.”

5.

L-AArtikolu 9 jiġi emendat kif ġej:

(a)

Il-punti c) u d) jiġu mibdula bit-test li ġej:

“(c)

Meta l-perċentwal tal-qamħ imfarrak ikun aktar minn 3 % għall-qamħ tal-Awstralja, il-qamħ komuni u x-xgħir u 4 % għall-qamħirrum u s-sorgu, japplika tnaqqis bil-prezz ta’ EUR 0,05 għal kull żieda fid-differenza ta’ 0,1 %.

(d)

Meta l-perċentwal tal-impuritajiet fil-qamħ ikun aktar minn 2 % għall-qamħ tal-Awstralja, 4 % għall-qamħirrum u s-sorgu u 5 % għall-qamħ komuni u x-xgħir, japplika tnaqqis bil-prezz ta’ EUR 0,05 għal kull żieda fid-differenza ta’ 0,1 %.”;

(b)

Il-punt f) jiġi mibdul bit-test li ġej:

“(f)

Meta l-perċentwal ta’ impuritajiet diversi (Schwarzbesatz) ikun aktar minn 0,5 % għall-qamħ tal-Awstralja u 1 % għall-qamħ komuni, ix-xgħir, il-qamħirrum u s-sorgu, japplika tnaqqis bil-prezz ta’ EUR 0,1 għal kull żieda fid-differenza ta’ 0,1 %.”;

6.

Mal-Artikolu 10(3) jiġi miżjud:

“3.   Meta l-kontrolli stabbiliti skont dan ir-Regolament għandhom isiru fuq il-bażi tal-analiżi tar-riskju stabbilita fit-tieni inċiż tal-Artikolu 2(2), il-konsegwenzi finanzjarji li jirriżultaw meta ma jiġux rispettati l-livelli massimi aċċettabbli ta’ kontaminazzjoni jaqgħu taħt ir-responsabbiltà finanzjarja tal-Istat Membru. Din ir-responsabbiltà tiġi assunta, mingħajr ħsara għall-miżuri li l-Istati Membri jistgħu jieħdu kontra l-offerent jew dak li jaħżen, fil-każ li ma jirrispettawx l-impenji jew l-obbligi tagħhom.

Għaldaqstant, fil-każ tal-ochratoxin A u tal-aflatoxin, jekk l-Istat Membru kkonċernat jista’ jagħti, għas-sodisfazzjon tal-Kummissjoni, prova li ġew irrispettati l-istandards fil-ħin tad-dħul, il-kundizzjonijiet normali ta’ ħżin kif ukoll l-obbligi l-oħra ta’ dak li jaħżen, ir-responsabbiltà finanzjarja tkun tal-baġit Komunitarju.”

7.

Fl-Anness I, il-kolonna “segala” titneħħa.

8.

L-Anness II jiġi emendat kif ġej:

(a)

Fil-punt 1.2.a), l-ewwel inċiż jiġi mibdul bit-test li ġej:

“jitqiesu bħala qmuħ niexfa dawk li, wara l-eliminazzjoni tal-elementi l-oħra kollha tal-kampjun stabbiliti f’dan l-Anness jgħaddu minn għarbiel b’toqob ta’ dawn il-qisien: qamħ komuni 2,0 mm, qamħ tal-Awstralja 1,9 mm, xgħir 2,2 mm.”;

(b)

Il-punt 2.3 jitneħħa.

9.

L-Anness III, punt 1, jiġi emendat kif ġej:

(a)

L-ewwel inċiż jiġi mibdul bit-test li ġej:

“Għall-qamħ komuni, il-qamħ tal-Awstralja, ix-xgħir, kampjun medju ta’ 250 g jingħadda minn żewġt għeriebel, wieħed b’toqob ta’ 3,5 mm u l-ieħor b’toqob ta’ 1,0 mm għal nofs minuta kull wieħed.”;

(b)

Is-seba’ inċiż jiġi mibdul bit-test li ġej:

“Il-kampjun parzjali jingħadda għal nofs minuta minn għarbiel b’toqob ta’ 2,0 mm għall-qamħ komuni, 1,9 mm għall-qamħ tal-Awstralja, 2,2 mm għax-xgħir. Dawk l-elementi li jgħaddu minn dan l-għarbiel huma kkunsidrati bħala qmuħ niexfa. Il-qamħ imħassar bil-ġelu, kif ukoll il-qamħ aħdar li jkun għadu ma sarx biżżejjed, jagħmel parti mill-grupp ‘qamħ niexef’.”;

10.

Fin-nota f’qiegħ il-paġna 2 tal-Anness IV, it-tieni inċiż jiġi mibdul bit-test li ġej:

“Għandha jkollha ventilazzjoni li tippermetti li jekk jitħallew jinxfu għal sagħtejn għaċ-ċereali bi frott żgħir (qamħ komuni, qamħ tal-Awstralja, xgħir u sorgu) u għal erba’ sigħat għal qamħirrum, il-kampjuni għat-testijiet ta’ semolina jew skont il-każ ta’ qamħirrum li jista’ jkollha, ir-riżultati juru differenza ta’ inqas minn 0,15 % meta mqabbla mar-riżultati miksuba wara li jitħallew jinxfu għal tlett siegħat għaċ-ċereali bi frott żgħir u ħames sigħat għall-qamħirrum;”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament jidħol fid-seħħ mis-seba’ jum wara li jiġi ppubblikat f’Il-Ġurnal Ufficjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Għaldaqstant, id-dispożizzjonijiet li għandhom x’jaqsmu mat-tossini Fusarium kif ukoll il-metodu ta’ kontroll tal-livell ta’ kontaminazzjoni introdotti mill-punt 2 m’humiex applikabbli ħlief għaċ-ċereali maħsuda u meħuda f’pussess mis-sena tal-ħsad 2005/2006.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha

Magħmul fi Brussell, 6 ta' Lulju 2005.

Għall-Kunsill

Mariann FISCHER BOEL

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 270, 21.10.2003, p. 78.

(2)  ĠU L 100, 20.4.2000, p. 31. Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 777/2004 (ĠU L 123, 27.4.2004, p. 50).

(3)  ĠU L 37, 13.2.1993, p. 1. Regolament emendat mir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 284, 31.10.2003, p. 1).

(4)  ĠU L 140, 30.5.2002, p. 10. Direttiva kif emendata l-aħħar mid-Direttiva 2003/100/KE tal-Kummissjoni (ĠU L 285, 1.11.2003, p. 33).

(5)  ĠU L 337, 4.12.1990, p. 3.


Top