This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32005R0945
Council Regulation (EC) No 945/2005 of 21 June 2005 amending Regulation (EC) No 658/2002 imposing a definitive anti-dumping duty on imports of ammonium nitrate originating in Russia and Regulation (EC) No 132/2001 imposing a definitive anti-dumping duty on imports of ammonium nitrate originating in, inter alia, Ukraine, following a partial interim review pursuant to Article 11(3) of Regulation (EC) No 384/96
Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 945/2005 tal- 21 ta' Ġunju 2005 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 658/2002 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq importazzjoni tan-nitrat ta’ l-ammonju li joriġina mir-Russja u r-Regolament (KE) Nru 132/2001 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq importazzjoni tan-nitrat ta’ l-ammonju li joriġina, inter alia, mill-Ukraina, wara r-reviżjoni interim parzjali skond l-Artikolu 11(3) tar-Regolament (KE) Nru 384/96
Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 945/2005 tal- 21 ta' Ġunju 2005 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 658/2002 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq importazzjoni tan-nitrat ta’ l-ammonju li joriġina mir-Russja u r-Regolament (KE) Nru 132/2001 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq importazzjoni tan-nitrat ta’ l-ammonju li joriġina, inter alia, mill-Ukraina, wara r-reviżjoni interim parzjali skond l-Artikolu 11(3) tar-Regolament (KE) Nru 384/96
ĠU L 160, 23.6.2005, p. 1–9
(ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV) Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali
(BG, RO, HR)
ĠU L 164M, 16.6.2006, p. 195–203
(MT)
No longer in force, Date of end of validity: 19/04/2007
16.6.2006 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
195 |
REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 945/2005
tal-21 ta' Ġunju 2005
li jemenda r-Regolament (KE) Nru 658/2002 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq importazzjoni tan-nitrat ta’ l-ammonju li joriġina mir-Russja u r-Regolament (KE) Nru 132/2001 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq importazzjoni tan-nitrat ta’ l-ammonju li joriġina, inter alia, mill-Ukraina, wara r-reviżjoni interim parzjali skond l-Artikolu 11(3) tar-Regolament (KE) Nru 384/96
IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,
Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 tat-22 ta’ Diċembru 1995 dwar il-ħarsien kontra l-importazzjoni li hija l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), u b’mod partikolari l-Artikolu 11(3) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mressqa mill-Kummissjoni wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv,
Billi:
A. PROĊEDURA
1. Miżuri fis-seħħ
(1) |
Bir-Regolament (KE) Nru 2022/95 (2), il-Kunsill impona dazju anti-dumping definittiv fuq importazzjoni tan-nitrat ta’ l-ammonju li joriġina mir-Russja. Skond investigazzjoni ulterjuri, li stabbiliet li d-dazju kien qed jiġi assorbit, il-miżuri kienu emendati bir-Regolament (KE) Nru 663/98 (3). Wara talba għal reviżjoni ta' skadenza u ta' interim in segwitu għall-Artikoli 11(2) u 11(3) tar-Regolament bażiku, il-Kunsill impona bir-Regolament (KE) Nru 658/2002 (4), dazju anti-dumping definittiv ta’ EUR 47,07 għal kull tunnellata fuq l-importazzjoni tan-nitrat ta’ l-ammonju li taqa’ taħt il-kodiċi NM 3102 30 90 u 3102 40 90 u li toriġina fir-Russja. |
(2) |
Bir-Regolament (KE) Nru 132/2001 (5), il-Kunsill impona dazju anti-dumping definittiv ta’ EUR 33,25 għal kull tunnellata fuq l-importazzjoni tan-nitrat ta’ l-ammonju li taqa’ taħt il-kodiċi NM 3102 30 90 u 3102 40 90 u li toriġina, inter alia, mill-Ukraina. |
(3) |
Ir-Regolament (KE) 658/2002 u r-Regolament (KE) 132/2001 minn hawn ’il quddiem jissejħu “ir-Regolamenti oriġinali”, u d-dazji anti-dumping stabbiliti f’dawk ir-Regolamenti jissejħu, “il-miżuri eżistenti”. |
2. Talba għar-reviżjoni
(4) |
Fil-15 ta’ Marzu 2004, il-Kummissjoni rċeviet talba in segwitu għall-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku biex teżamina l-firxa ta’ applikazzjoni ta’ miżuri eżistenti bil-għan li tinkludi tipi ġodda tal-prodott. |
(5) |
It-talba kienet ippreżentata mill-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Manifatturi tal-Fertilizzanti (“EFMA”) f’isem produtturi li jirrappreżentaw parti kbira tal-produzzjoni tan-nitrat ta’ l-ammonju tal-Komunità. |
(6) |
It-talba għamlet referenza għal tipi ġodda tal-prodott iddefiniti bħala fertilizzanti tan-nitrat ta’ l-ammonju li għandhom kontenut ta’ Nitroġenu (“N”) ta’ aktar minn 28 % sa massimu ta’ 33 % fil-piż, li magħhom ġew miżjuda, magħġuna, imħallta jew ipproċessati 5 % ta’ l-ekwivalenti tal-P2O5 (nutrijent tal-fosforu “P”), u/jew sa 5 % (inklużiv) ta’ ekwivalenti tal-K2O (nutrijent tal-Potassju “K”). Minn hawn ’il quddiem dawn il-prodotti jissejħu “tipi ġodda tal-prodott imsemmija fit-talba”. |
(7) |
Ġie argumentat li t-tipi ġodda tal-prodott imsemmija f’din it-talba kellhom essenzjalment l-istess karatteristiċi fiżiċi u kimiċi bażiċi bħall-prodott ikkonċernat u kienu mibjugħa mill-istess sors ta’ bejgħ lill-istess utenti għall-istess finijiet. Apparti dan, issemma’ li t-tipi ġodda tal-prodott, meta importati fil-Komunità, kienu elenkati taħt il-kodiċi NM li ġejjin: 3105 10 00, 3105 20 10, 3105 20 90, 3105 51 00, 3105 59 00 u 3105 90 91. |
3. Bidu
(8) |
Fit-2 ta’ Lulju 2004, permezz ta’ notifika (“avviż ta’ bidu”) ippublikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni bdiet reviżjoni interim parzjali tal-miżuri anti-dumping applikabbli għall-importazzjoni tan-nitrat ta’ l-ammonju li toriġina mir-Russja u mill-Ukraina in segwitu għall-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku. Ir-reviżjoni interim kienet limitata fil-firxa ta’ applikazzjoni għad-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat. |
(9) |
B'sottomissjoni mressqa fl-20 ta’ Settembru 2004, l-EFMA infurmat lill-Kummissjoni li produttur Russu tal-prodott ikkonċernat kien għadu kemm beda jipproduċi tip ġdid ta’ prodott mhux imsemmi fit-talba, b’kontenut N li jaqbeż it-28 % li miegħu żdied 6 % ta’ P. Bħala konsegwenza l-EFMA talbet lill-Kummissjoni biex tikkunsidra soluzzjonijiet li jippermettu li jiġu indirizzati kif suppost it-tipi ġodda tal-prodott tan-nitrat ta’ l-ammonju kollha b’kontenut N li jaqbeż it-28 % fil-piż. Ladarba l-avviż ta' bidu għamel referenza għat-“tipi ġodda tal-prodott” mingħajr ebda dettall ieħor rigward il-kompożizzjoni tagħhom, kien ikkunsidrat li din l-aħħar talba kienet diġà koperta mill-avviż ta’ ftuħ. |
(10) |
Xi partijiet ikkunċernati sostnew li l-Kummissjoni kellha tikkonverti “ex-officio” l-analiżi parzjali f’analiżi sħiħa fid-dawl ta’ numru ta’ ċirkonstanzi li seħħew minn meta l-miżuri eżistenti kienu imposti, li jinkludu l-għoti lir-Russja ta’ status ta’ ekonomija tas-suq u t-tkabbir ta’ l-UE b’għaxar pajjiżi ġodda. Għaldaqstant, l-ebda evidenza li hi suffiċjentement korretta u adegwata ma kienet ippreżentata li indikat lejn bidla fil-livell tal-miżuri. Kien għalhekk ikkunsidrat li ma kienx hemm raġunijiet għal analiżi interm sħiħa “ex-officio”. L-ewwelnett, l-għoti lir-Russja ta’ status ta’ ekonomija tas-suq, fih innifsu, ma kienx ifisser li ċ-ċirkustanzi fir-rigward tad-dumping u l-ħsara għall-produtturi individwali kien awtomatikament mibdul. L-ebda evidenza ma kienet ippreżentata li turi li l-marġini kkalkulat tad-dumping skond il-prezzijiet u l-ispejjeż Russi, meta mqabbla ma’ dawk ta’ pajjiż analogu, ma kienu b’mod sinifikanti differenti minn dawk misjuba fl-investigazzjonijiet ta' qabel. It-tieninett, it-tkabbir ma varjax awtomatikament id-dumping u l-parametri tal-ħsara li kienu jifformaw il-bażi tal-miżuri eżistenti u l-ebda evidenza valida ma kienet ippreżentata biex tiġġustifika xi bidla f’dan ir-rigward. |
(11) |
Barra minn hekk, xi partijiet ikkonċernati talbu kjarifika għaliex il-bidu ta’ l-investigazzjoni kkonċerna wkoll lill-Ukraina, meta jkun ikkunsidrat li fit-talba l-ebda referenza ma kienet magħmula għall-importazzjoni ta’ tipi ġodda ta’ prodotti li joriġinaw minn dan il-pajjiż. Għalkemm l-analiżi interim kienet limitata fl-iskop għal kjarifika tal-prodott ikkonċernat, kien ikkunsidrat li kull sejba f’dan ir-rispett ma kinetx marbuta maċ-ċirkostanzi li kienu speċifiċi għal pajjiż partikulari, iżda kellha aktar tapplika għall-importazzjonijiet tan-nitrat ta’ l-ammonju suġġetti għall-miżuri, kienu x’kienu l-oriġini tagħhom. |
(12) |
Fl-aħħarnett, produttur komunitarju tal-prodott ikkonċernat sostna, matul l-investigazzjoni, li wieħed mit-tipi ġodda ta’ prodotti kien ikklassifikat taħt il-kodiċi NM 3105 90 99. B’referenza għall-kowds NM 3105 20 90 (imsemmija fit-talba) u 3105 90 99, l-investigazzjoni wriet li dawn id-diversi kodiċi koperew biss il-fertilizzanti li kellhom kontenut nitroġeniku li ma kienx jaqbeż l-10 % f’termini ta’ piż tal-prodott anidru xott. Kien għalhekk konkluż li dawn id-diversi kodiċi ma setgħux ikunu kkonsidrati, għaliex ma kinux ikopru, a fortiori, il-fertilizzanti li, f’kondizzjonijiet normali, kellhom aktar minn 28 % ta’ nitroġenu f’termini ta’ piż. |
4. Kwestjonarji
(13) |
Il-Kummissjoni uffiċjaliment tat parir lill-awtoritajiet tal-pajjiżi ta’ esportazzjoni u lill-partijiet magħrufa li huma kkonċernati bil-ftuħ ta’ din ir-reviżjoni. Kwestjonarji kienu mibgħuta lil sittax-il produttur/esportatur fir-Russja u wieħed lill-Ukraina, kif ukoll importaturi, utenti, produtturi u assoċjazzjonijiet rilevanti fil-Komunità, imsemmija fit-talba inkella magħrufa lill-Kummissjoni. Il-Partijiet interessati ngħataw l-opportunità li jressqu l-opinjonijiet tagħhom bil-miktub u li jitolbu smigħ fiż-żmien stipulat fl-avviż ta’ ftuħ. |
(14) |
Il-kwestjonarji mwieġba b’mod komplet waslu minn żewġ produtturi esportaturi fir-Russja u wieħed mill-Ukraina, u minn ħdax-il produttur fil-Komunità. Għadd ta’ produtturi esportaturi, produtturi fil-Komunità, importaturi u assoċjazzjonjiet rilevanti ppreżentaw ruħhom bħala partijiet interessati u bagħtu kummenti. Meta wieħed jikkunsidra d-disponibbiltà ta’ l-informazzjoni kollha u d-data meħtieġa, ma ġiex ikkunsidrat neċessarju li jitwettqu żjarat ta’ verifika fis-sede tal-kumpaniji li ppreżentaw it-tweġibiet sħaħ tagħhom. |
5. Perjodu ta’ investigazzjoni
(15) |
Il-perjodu ta’ investigazzjoni (“PI”) kopert mill-perjodu li jibda mill-1 ta’ Lulju 2003 sat-30 ta’ Ġunju 2004. Id-data nġabret mis-sena 2000 sa l-aħħhar tal-PI biex tinvestiga tendenzi fil-bejgħ, importazzjoni u xiri fis-suq tal-Komunità tal-prodott ikkonċernat u tipi ġodda tal-prodott. |
B. PRODOTT IKKONĊERNAT LI JAQA’ TAĦT IR-REGOLAMENTI ORIĠINALI
(16) |
Il-prodott ikkonċernat huwa n-nitrat ta’ l-ammonju li joriġina mir-Russja u l-Ukraina, li jaqa’ taħt il-kodiċi NM 3102 30 90 (nitrat ta’ l-ammonju għajr f’soluzzjonijiet fl-ilma u sustanzi inorganiċi oħra mhux fertilizzanti, b’kontenut ta’ N li jaqbeż it-28 % fil-piż). In-nitrat ta’ l-ammonju huwa fertilizzant solidu tan-nitroġenu użat ta’ spiss fl-agrikoltura. Huwa mmanifiatturat mill-ammonja u aċidu nitriku, u l-kontenut ta’ N tiegħu jaqbeż it-28 % fil-piż fil-forma tonda jew granulari. |
(17) |
Huwa osservat li l-prodott ikkonċernat dejjem jinkorpora sustanzi inorganiċi mhux fertilizzanti, li l-preżenza tagħhom hija meħtieġa, ladarba joperaw bħala stabilizzaturi. Kultant, jista’ jinkorpora wkoll nutrijenti sekondarji u/jew mikro-nutrijenti (6) fi kwantitajiet limitati ħafna. Il-preżenza ta’ sustanzi inorganiċi mhux fertilizzanti, nutrijenti sekondarji u/jew mikro-nutrijenti tista’ tiġi kkunsidrata bħala marġinali u ma għandha ebda influwenza fuq il-klassifikazzjoni doganali tal-prodott ikkonċernat. In-nitrat ta’ l-ammonju, li fih dawn is-sustanzi u/jew nutrijenti (minn hawn ’il quddiem “sustanzi marġinali u/jew nutrijenti”), huwa msemmi f’dan ir-Regolament bħala,“il-prodott ikkonċernat”. |
Ċ. IR-RIŻULTATI TA’ L-INVESTIGAZZJONI
(18) |
Sabiex jiġi deċiż jekk il-miżuri eżistenti kienux aktar meħtieġa biex jopponu d-dumping li kien qed joħloq ħsara, ġie eżaminat jekk: (1) it-tipi ġodda tal-prodott imsemmija fit-talba kellhomx l-istess karatteristiċi kimiċi u fiżiċi u l-istess użu finali bħall-prodott ikkonċernat; (2) kienx hemm tipi ġodda tal-prodott għajr dawk imsemmija fit-talba li kellhom jew seta’ kellhom l-istess karatteristiċi kimiċi u fiżiċi u l-istess użu finali bħall-prodott ikkonċernat; (3) abbażi tal-fatti stabbiliti taħt il-punti ta’ qabel, id-definizzjoni u d-deskrizzjoni tal-prodott ikkonċernat kellux jiġi ċċarat fid-dawl taċ-ċirkostanzi l-ġodda. |
(19) |
Għad-definizzjoni tal-kunċetti kimiċi u agronomiċi użati f’dan ir-Regolament, ġew użati d-definizzjonijiet mogħtija fir-Regolament (KE) Nru 2003/2003 (7) (“ir-Regolament tal-fertilizzanti”) ta’ nutrijenti primarji (N, P, K), nutrijenti sekondarji (kalċju, manjeżju, sodju u sulfur), mikro-nutrijenti (boron, kobalt, ram, ħadid, manganiż, molibdenu u żingu), fertilizzanti tan-nitrat ta’ l-ammonju ta’ kontenut ta’ nitroġenu għoli (N aktar minn 28 %), fertilizzanti sempliċi (nutrijent primarju wieħed biss) u fertilizzanti komposti (aktar minn nutrijent primarju wieħed). |
1. Karatteristiċi kimiċi u fiżiċi u użu finali tal-prodott ikkonċernat u tat-tipi ġodda tal-prodott imsemmija fit-talba
(20) |
Il-prodott ikkonċernat huwa magħmul minn ammonja ((NH3) u aċidu ċitriku (HNO3), li t-taħlita tagħhom toħloq in-nitrat ta’ l-ammonju (NH4NO3, minn hawn ‘il quddiem “AN”). Il-kontenut N tal-prodott ikkonċernat jaqbeż it-28 % fil-piż (normalment ivarja bejn 33 % u 34 %). Il-proporzjon (ratio) bejn il-kontenut AN u kontenut N, li jiddependi fuq il-piż atomiku ta’ l-elementi, huwa ta’ 2.86. Konsegwentement, peress li l-prodott ikkonċernat kellu aktar minn 28 % f’termini ta’ piż ta’ N, hu kellu awtomatikament aktar minn 80 % f’termini ta’ piż ta’ AN (li huma normalment bejn 94 % u 97 %) (8). Kif intqal fil-premessa 17, il-prodott ikkonċernat ukoll jinkorpora sustanzi marġinali u/jew nutrijenti, li l-kontenut totali tagħhom ma jista’ qatt jaqbeż l-20 % f’termini ta’ piż, bil-kondizzjoni li ta’ l-inqas 80 % tal-prodott ikkonċernat hu rrapreżentat mill-AN. |
(21) |
Żewġ fatturi ewlenin jikkaratterizzaw il-kompożizzjoni kimika tal-prodott ikkonċernat: l-espressjoni tal-kontenut N u l-livell totali tal-kontenut N u AN. N huwa espress bħala nitroġenu nitriku (jone (ion) tan-nitrat NO3-) u bħala nitroġenu ammonijaku (jone (ion) ta’ l-ammonju NH4+), u l-proporzjon bejn it-tnejn huwa 1:1. Il-livell tal-kontenut N dejjem jaqbeż it-28 % fil-piż u, bħala riżultat, kif deher hawn fuq, il-livell ta’ AN dejjem jaqbeż it-80 % fil-piż. |
(22) |
Fir-rigward tat-tipi ġodda tal-prodott imsemmija fit-talba, instab li dawn kienu wkoll manifatturati mill-ammonja u l-aċidu nitriku, il-kontenut N qabeż it-28 % fil-piż u, bħala riżultat, il-kontenut AN qabeż it-80 % fil-piż. Apparti AN, dawn it-tipi l-ġodda ta’ prodott setgħu wkoll inkorporaw sustanzi marġinali u/jew nutrijenti. F’dawn il-prodotti N kien espress ukoll bħala nitroġenu nitriku u nitroġenu ammonijakali u l-proporzjon bejn it-tnejn kien approssimament ta’ 1:1 ukoll. |
(23) |
Madankollu, it-tipi ġodda tal-prodott imsemmija fit-talba għaddew minn proċess ulterjuri bil-għan li apparti N jiżdiedu nutrijenti primarji (9) oħra magħhom i.e. P u/jew K, li l-preżenza tagħhom bidlet il-prodott ġo fertilizzant kompost (10). Dan il-fertilizzant kompost jista’ jinkiseb kimikament jew permezz ta’ taħlit. Minkejja din iż-żjieda ta’ nutrijenti primarji oħra u indipendentement mit-tip ta’ trasformazzjoni (kimika jew permezz ta’ taħlit), instab li dan il-proċess ma affettwa ebda fattur kimiku prinċipali tal-kontenut AN li jinsab fih, jiġifieri l-espressjoni tal-kontenut N u l-livell totali ta’ N u AN, li qabeż, rispettivament, it-28 % u t-80 % fil-piż. |
(24) |
Partikolarment, fir-rigward tal-livell totali ta’ N u AN, kellha ssir distinzjoni bejn fertilizzanti komposti li jinkisbu kimikament u li jinkisbu permezz ta’ taħlit. Fl-ewwel każ, il-kontenut massimu ta’ 5 % ta’ P u/jew K, kif indikat fit-talba, instab kimikament kompatibbli ma’ kontenut AN li jaqbeż it-80 % (l-ispazju massimu li kien fadal għal P u/jew K fil-komposti li jaqbżu t-80 % ta’ AN varjaw bejn ammont massimu ta’ 7.4 % għall-polifosfat ta’ l-ammonju, u 12 % f’termini ta’ piż skond il-komponent użat — 7,4 % għall-polifosfat ta’ l-ammonju, 9,2 % għal — fosfat diammonju, 10,4 % għall-fosfat monoammonju u 12 % għall-kloridju tal-potassju). Fil-każ ta’ komposti miksuba permezz ta’ operazzjoni ta’ taħlit, instab li l-prodott li rriżulta kien fih mikro-granuli jew granuli tal-prodott ikkonċernat imħallta ma’ mikro-granuli jew granuli ta’ nutrijenti P u/jew K b’tali mod li żguraw li, mill-piż totali tal-kompost, għall-anqas 80 % kien irrappreżentat minn AN. |
(25) |
Fir-rigward tal-proprjetajiet fiżiċi, instab li dawn kienu strettament relatati mal-karatteristiċi agronomiċi u għalhekk setgħu jiġu analizzati fir-rigward ta’ dawn il-karatteristiċi. Ġeneralment, il-proprjetajiet agronomiċi ta’ fertilizzant essenzjalment jiddependu fuq in-nutrijenti (11) primarji li jinsabu fih, l-espressjoni tagħhom u l-kwantità tagħhom fil-piż. Fid-dawl ta’ dawn it-tliet kriterji, instab li kemm il-prodott ikkonċernat kif ukoll it-tipi ġodda tal-prodott imsemmija fit-talba kellhom l-istess proprjetajiet agronomiċi fir-rigward tal-kontenut N u AN tagħhom. L-espressjoni ta’ N - li kienet l-istess għaż-żewġ kategoriji ta’ prodotti - ippermettiet li jintlaħqu l-kondizzjonijiet meħtieġa mill-uċuħ tar-raba’ kemm fi żmien qasir kif ukoll fuq medda ta’ żmien medju u twil. Bla dubju, il-parti ta’ N espressa bħala nitroġenu nitriku setgħat tinxtorob faċilment u malajr mill-uċuħ tar-raba’, billi l-parti espressa bħhala nitroġenu ammonijakali kellha tgħaddi minn proċess ulterjuri (fermentazzjoni mill-batterja fil-ħamrija) qabel tinxtorob. Apparti dan, l-għatba ta’ 28 % dehret importanti wkoll biex jintlaħqu l-bżonnijiet speċifiċi għall-N ta’ l-uċuħ tar-raba’, kif ġiet rikonoxxuta fuq livell Komunitarju mir-Regolament tal-fertilizzanti, li, fl-Artikolu 25 tiegħu, stabbilixxa li l-fertilizzanti tan-nitrat ta’ l-ammonju ta’ kontenut ta’ nitroġenu għoli seta’ jiġi ddefinit bħala tali biss jekk kien fihom aktar minn 28 % ta’ N fil-piż. Ġara li l-bżonnijiet speċifiċi ta’ l-uċuħ tar-raba’ kienu ntlaħqu xorta waħda kemm mill-prodott ikkonċernat kif ukoll mit-tipi ġodda tal-prodott imsemmija fit-talba, irrispettivament mill-fatt li t-tipi ġodda tal-prodott kien fihom ukoll nutrijenti primarji għajr N, i.e. P u/jew K, li ma affettwawx negattivament il-proprjetajiet agronomiċi tan-Nitroġenu. |
(26) |
Fl-aħħarnett, fir-rigward ta’ l-użu finali, ebda parti ma’ kkontestat - sakemm l-AN meħtieġ intlaħaq - li kemm il-prodott ikkonċernat kif ukoll it-tipi ġodda tal-prodott imsemmija fit-talba ntużaw matul l-PI mill-istess bdiewa għall-istess għanijiet. Din il-konklużjoni kienet imsaħħa mill-istħarriġ tas-suq, li sab li kważi l-bdiewa kollha li aċċettaw li jipparteċipaw fl-istħarriġ kienu qalbu mill-prodott ikkonċernat għat-tipi ġodda tal-prodott għaliex kienu irħas. Dan il-fatt kien ikkonfermat minn importatur. |
(27) |
Apparti dan, sors pubbliku rrefera għal dawn it-tipi ġodda tal-prodott sew bħala AN kif ukoll NP/NK/NPK. Din l-evidenza ssaħħaħ il-konklużjoni li l-istrateġija tas-suq tal-fornitur (produttur esportatur u importatur) u l-perċezzjoni tal-konsumatur ingħaqdu għal waħda li tikkunsidra li l-prodott ikkonċernat u t-tipi ġodda tal-prodott jilħqu l-istess bżonnijiet. |
(28) |
Għalhekk kien konkluż li, minn perspettiva kimika u fiżika/agronomika, it-tipi ġodda tal-prodott imsemmija fit-talba ma setgħux jiġu kkunsidrati bħall-prodott ikkonċernat minħabba l-preżenza ta’ nutrijenti primarji apparti n-Nitroġenu, speċifikament P u/jew K. Madankollu, il-prodott ikkonċernat u t-tipi ġodda tal-prodott imsemmija fit-talba kienu identiċi fir-rigward tal-kontenut AN tagħhom - sakemm jaqbeż it-80 % fil-piż -, is-sustanzi marġinali u n-nutrijenti li seta’ kien fihom, kif ukoll l-użu finali bażiku tagħhom. Għalhekk, il-kontenut AN u s-sustanzi marġinali u n-nutrijenti tat-tipi ġodda tal-prodott imsemmija fit-talba għandhom ikunu kkunsidrati wkoll bħala l-prodott ikkonċernat. |
2. Karatteristiċi kimiċi u fiżiċi u użu finali tal-prodott ikkonċernat u tat-tipi ġodda tal-prodott għajr dawk imsemmija fit-talba.
(29) |
Kien ukoll mistħarreġ jekk kienx hemm tipi ġodda tal-prodott għajr dawk imsemmija fit-talba li kellhom jew jista’ jkollhom l-istess karatteristtiċi kimiċi u fiżiċi bażiċi u użu finali mal-prodott ikkonċernat u li għalhekk għandhom jaqgħu wkoll fi ħdan il-firxa tal-prodott ikkonċernat. |
(30) |
Kif intqal qabel, il-karatteristiki kimiċi prinċipali li jattribwixxu l-proprjetajiet agronomiċi li jikkaratterizzaw il-prodott ikkonċernat kienu l-espressjoni tal-kontenut N u l-livell totali ta’ N u AN. Għalhekk, kien eżaminat jekk fertilizzanti oħra kellhom jew setgħu kellhom N espress bħala nitroġenu nitriku u nitroġenu ammonijaku f’livell li jaqbeż it-28 % f’termini ta’ piż (u, konsegwentement, livell AN li jaqbeż it-80 % f’termini ta’ piż). |
(31) |
It-tipi ġodda tal-prodott li ġejjin, kienu identifikati: (1) melħ doppju (double salts) u taħlitiet ta’ sulfat ta’ l-ammonju u nitrat ta’ l-ammonju (bħhalissa elenkat taħt il-kodiċi NM 3102 29 00), (2) melħ doppju u taħlitiet tan-nitrat tal-kalċju u n-nitrat ta’ l-ammonju (bħalissa elenkat taħt il-kodiċi NM 3102 60 00), (3) melħ doppju u taħlitiet ta’ melħ kompost tal-manjeżju u n-nitrat ta’ l-ammonju (bħalissa elenkat taħt il-kodiċi NM 3102 90 00), u (4) fertilizzanti NPK, NP u NK, li għandhom kontenut ta’ P, K jew PK li jaqbeż dak identifikat fit-talba (5 %) iżda mhux il-għatba li kienet kimikament possibbli b’kontenut N li jaqbeż 28 % (ara l-premessa 24). Din il-lista mhijex komprensiva fil-firxa tagħha. |
(32) |
Fir-rigward ta’ l-użu finali tagħhom, instab li l-istruttura kimika u l-proprjetajiet agronomiċi kienu b’tali mod li jagħmilhom adatti sabiex jintużaw għall-istess raġunijiet bħall-prodott ikkonċernat sakemm il-kontenut AN tagħhom kien biżżejjed, jiġifieri f’livell li jaqbeż it-28 % bil-piż (u, bħala riżultat, livell AN li jaqbeż it-80 % fil-piż). |
(33) |
Għalhekk kien konkluż li l-prodott ikkonċernat u t-tipi ġodda tal-prodott għajr dawk imsemmija fit-talba kienu identiċi fir-rigward tal-kontenut AN - sakemm dan kien jaqbeż it-80 % fil-piż -, is-sostanzi u nutrijenti marġinali li jista’ jkollhom, kif ukoll l-użu finali bażiku tagħhom. Għalhekk, il-kontenut AN u s-sostanzi u n-nutrijenti marġinali tat-tipi ġodda tal-prodott minbarra dawk imsemmija fit-talba għandhom ikunu kkunsidrati wkoll bħal prodott ikkonċernat |
(34) |
Xi partijiet ikkonċernati sostnew li l-inklużjoni ta’ fertilizzanti li ma kinux indikati bħala problematiċi fit-talba ma kinitx iġġustifikata. F’dan ir-rigward hu nnotat li l-għan ta’ din l-investigazzjoni kien li jkunu inklużi t-tipi ġodda ta’ prodotti, li għandhom ikunu kkunsidrati bħala prodott ikkonċernat għaliex għandhom essenzjalment l-istess karatteristiki kimiċi u fiżiċi u l-istess użu bażiku. B’dan il-mod, fin-notifika ta’ bidu saret referenza għat-“tipi ġodda ta’ prodotti” mingħajr dettall addizzjonali li jikkonċerna l-kompożizzjoni kimika tagħhom, bl-iskop li jkun eżaminat abbażi ta’ kriterji oġġettivi jekk u liema tipi ġodda ta’ prodotti għandhom ikunu inklużi. Kien għalhekk ikkunsidrat li kull tip ta’ fertilizzanti li kienu jinkorporaw il-prodott ikkonċernat, u l-klassifikazzjoni tat-tariffa tagħhom, setgħu jkunu investigati u inklużi fir-Regolament. Għalhekk, it-talba kienet irrifjutata. |
3. Konklużjonijiet
(35) |
Fid-dawl tas-sejbiet ta' hawn fuq, huwa konkluż li t-tipi ġodda tal-prodott kollha għandhom jitqiesu bħala l-prodott ikkonċernat b'mod esklussiv fir-rigward tal-kontenut tagħhom ta' AN - sakemm dan ma jaqbiżx it-80 % fil-piż - flimkien mas-sostanzi u n-nutrijenti marġinali, iżda mhux fejn jidħlu n-nutrijenti primarji P u K. Bħala riżultat, sabiex jiġu applikati biss il-miżuri eżistenti għal prodott ikkonċernat li huwa inkorporat fit-tipi ġodda tal-prodott kollha, l-applikazzjoni b'mod proporzjonali tal-miżuri eżistenti tidher li hija garantita. |
(36) |
Minn dan il-lat, huwa meqjus, fil-każ ta’ importazzjonijiet ta’ komposti (12) tal-fertilizzanti tan-nitrat ta’ l-ammonju li għandhom kontenut ta’ nitroġenu li jaqbeż it-28 % fil-piż, il-miżuri eżistenti għandhom jiġu applikati fi proporzjon mal-kontenut ta’ AN tagħhom u ta’ sostanzi u nutrijenti marġinali oħra. Bil-għan li tiħfief il-proċedura doganali u l-applikazzjoni tar-rati ta’ dazju adatti li jikkorrispondu għall-ammont tal-prodott ikkonċernat inkorporat fil-kompost, erba' firxiet ta’ rati doganali kienu stabbiliti li kull wieħed minnhom jikkorrispondi għal grupp ta’ komposti li għandhom rispettivament l-ewwel wieħed anqas minn 3 % bil-piż ta’ P u/jew K, it-tieni wieħed 3 % bil-piż jew aktar iżda anqas minn 6 % bil-piż ta’ P u/jew K, it-tielet wieħed 6 % bil-piż jew aktar iżda anqas minn 9 % bil-piż ta’ P u/jew K u r-raba’ wieħed 9 % bil-piż jew aktar iżda li ma jaqbiżx it-12 % bil-piż ta’ P u/jew K. |
(37) |
Fl-aħħar nett, huwa konkluż li d-deskrizzjoni tal-prodott ikkonċernat mogħtija fil-parti operativa tar-Regolamenti oriġinali teħtieġ li tiġi ċċarata: il-kliem “nitrat ta’ l-ammonju” għandu jinbidel b’ “fertilizzanti b’kontenut ta’ nitrat ta’ l-ammonju li jaqbeż it-80 % fil-piż”, sabiex jirrikonoxxi li bosta fertilizzanti għandhom kontenut ta’ AN li jaqbeż it-80 % fil-piż, u għandhom kontenut N espress bħala nitroġenu nitriku u nitroġenu ammonijaku li jaqbeż it-28 % fil-piż, u sabiex tiġi evitata konfużjoni bejn il-prodott ikkonċernat u l-kontenut ewlieni tiegħu (AN). |
(38) |
Diversi partijiet ikkonċernati ma qablux ma dak li huma ddefinixxew bħala estensjoni tal-miżuri eżistenti għal prodotti oħra għajr il-prodott ikkonċernat. Hu mfakkar li l-konklużjonijiet ma jipprevedux għall-estensjoni tal-miżuri eżistenti bħala tali għal tipi ġodda ta’ prodotti, iżda għall-applikazzjoni proporzjonali tagħhom għall-prodott ikkonċernat inkorporat fit-tipi ġodda ta’ prodotti. |
ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
1. |
L-Artikolu 1(1) tar-Regolament (KE) Nru 658/2002 għandu jinbidel b’dan li ġej: “1. Dazju anti-dumping definittiv huwa hawnhekk impost fuq l-importazzjoni ta’ fertilizzanti solidi b'kontenut tan-nitrat ta’ l-ammonju li jaqbeż it-80 % fil-piż, li jaqgħu taħt il-kodiċi NM 3102 30 90, 3102 40 90, ex 3102 29 00, ex 3102 60 00, ex 3102 90 00, ex 3105 10 00, ex 3105 20 10, ex 3105 51 00, ex 3105 59 00 u ex 3105 90 91, u li joriġinaw mir-Russja.” |
2. |
L-Artikolu 1(1) tar-Regolament (KE) Nru 132/2001 għandu jinbidel b’dan li ġej: “1. Dazju anti-dumping definittiv huwa hawnhekk impost fuq l-importazzjoni ta’ fertilizzanti solidi b'kontenut tan-nitrat ta’ l-ammonju li jaqbeż it-80 % fil-piż, li jaqgħu taħt il-kodiċi NM 3102 30 90, 3102 40 90, ex 3102 29 00, ex 3102 60 00, ex 3102 90 00, ex 3105 10 00, ex 3105 20 10, ex 3105 51 00, ex 3105 59 00 u ex 3105 90 91, u li joriġinaw mill-Ukraina.” |
3. |
L-Artikolu 1.2 tar-Regolament (KE) Nru 658/2002 għandu jinbidel b’dan li ġej: “2. Ir-rata tad-dazju anti-dumping definittiv għandha tkun stabbilita għal ammont fiss espress f’termini ta’ euro għal kull tunnellata kif jidher hawn taħt:
|
4. |
L-Artikolu 1(2) tar-Regolament (KE) Nru 132/2001 għandu jinbidel b’dan li ġej: “2. Ir-rata tad-dazju anti-dumping definittiv għandha tkun stabbilita għal ammont fiss espress f’termini ta’ euro għal kull tunnellata kif jidher hawn taħt:
|
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil- jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussel, 21 ta' Ġunju 2005.
Għall-Kunsill
Il-President
F. BODEN
(1) ĠU L 56, 6.3.1996, p. 1. Ir-Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 461/2004 (ĠU L 77, 13.3.2004, p. 12).
(2) ĠU L 198, 23.8.1995, p. 1.
(4) ĠU L 102, 18.4.2002, p. 1. Ir-Regolament kif l-aħħar emendat mir-Regolament (KE) Nru 993/2004 (ĠU L 182, 19.5.2004, p. 28).
(5) ĠU L 23, 25.1.2001, p. 1. Ir-Regolament kif emendat mir-Regolament (KE) Nru 993/2004.
(6) Għad-definizzjoni ta’ “nutrijenti sekondarji” u “mikro-nutrijenti”, ara l-premessa 19 tar-Regolament u ta’ l-Artikoli 2(ċ) u 2(d) tar-Regolament (KE) Nru 2003/2003 (ĠU L 304, 21.11.2003, p. 1).
(7) ĠU L 304, 21.11.2003, p. 1.
(8) Il-piż atomiku ta' N huwa 14.0067, ta' H — idroġenu – huwa 1.00794 u ta' l-O — ossiġnu — 15.9994. Il-piż totali ta' AN għalhekk huwa ta' 80.04, li minnu 28.01 huwa rrapreżentat minn N. Il-proporzjon bejn AN u N huwa ta' 2.86.
(9) Ara l-premessa 19 ta’ dan ir-Regolament u d-definizzjoni mogħtija fl-Artikolu 2(b) tar-Regolament dwar il-Fertilizzanti.
(10) Ara l-premessa 19 ta’ dan ir-Regolament u d-definizzjoni mogħtija fl-Artikolu 2(j) tar-Regolament dwar il-Fertilizzanti.
(11) Ara l-premessa 19 ta’ dan ir-Regolament u d-definizzjoni mogħtija fl-Artikolu 2(b) tar-Regolament dwar il-fertilizzanti.
(12) Skond id-definizzjoni mogħtija fl-Artikolu 2(j) tar-Regolament dwar il-Fertilizzanti.