EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32005E0411

Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2005/411/PESK tat- 30 ta' Mejju 2005 dwar miżuri restrittivi kontra s-Sudan u li tħassar il-Pożizzjoni Komuni 2004/31/PESK

ĠU L 139, 2.6.2005, p. 25–28 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
ĠU L 164M, 16.6.2006, p. 93–96 (MT)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (BG, RO)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 17/07/2011; Imħassar b' 32011D0423

ELI: http://data.europa.eu/eli/compos/2005/411/oj

16.6.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

93


POŻIZZJONI KOMUNI TAL-KUNSILL 2005/411/PESK

tat-30 ta' Mejju 2005

dwar miżuri restrittivi kontra s-Sudan u li tħassar il-Pożizzjoni Komuni 2004/31/PESK

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 15 tiegħu,

Billi:

(1)

Fid-9 ta' Jannar 2004, il-Kunsill adotta l-Pożizzjoni Komuni 2004/31/PESK (1) dwar l-impożizzjoni ta' embargo fuq armamenti, munizzjon, u tagħmir militari fuq is-Sudan.

(2)

Fl-10 ta' Ġunju 2004, il-Kunsill adotta l-Pożizzjoni Komuni 2004/510/PESK li temenda l-Pożizzjoni Komuni 2004/31/PESK sabiex tippermetti eżenzjonijiet mill-embargo għall-Kummissjoni Afrikana mmexxija mill-Unjoni għall-Waqfien tal-Ġlied.

(3)

Il-Kunsill iqis li huwa xieraq li l-embargo fuq l-armamenti kontra s-Sudan jinżamm fis-seħħ. L-għan tal-politika ta' l-Unjoni Ewropea fir-rigward ta' dan huwa li jippromwovi paċi dejjiema u rikonċiljazzjoni fis-Sudan.

(4)

Fit-30 ta' Lulju 2004, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti adotta r-Riżoluzzjoni 1556 (2004), minn issa 'l quddiem imsejħa “UNSCR 1556 (2004)”, li timponi embargo fuq l-entitajiet non-governattivi u l-individwi kollha, inkluż il-Janjaweed, li jopera fl-istati ta' Darfur tat-Tramuntana, Darfur ta' Nofs-in-nhar, u Darfur tal-Punent.

(5)

Fid-29 ta' Marzu 2005, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti adotta r-Riżoluzzjoni 1591 (2005) minn issa 'l quddiem imsejħa “UNSCR 1591(2005)”, li timponi miżuri li jimpedixxu d-dħul fi jew it-transitu minn territorji ta' l-Istati Membri tal-persuni kollha indikati mill-Kumitat stabbilit bil-paragrafu 3 ta' dik ir-Riżoluzzjoni (“il-Kumitat”).

(6)

L-UNSCR 1591(2005) timponi wkoll iffriżar tal-fondi, l-assi finanzjarji u r-riżorsi ekonomiċi kollha, li huma l-proprjetà ta' jew ikkontrollati, direttament jew indirettament mill-persuni indikati mill-Kumitat jew li huma fil-pussess ta' entitajiet li huma l-proprjetà ta' jew ikkontrollati direttament jew indirettament minn tali persuni jew kwalunkwe persuna li qiegħda taġixxi f'isimhom jew taħt id-direzzjoni tagħhom.

(7)

Barra minn hekk, l-UNSCR 1591 (2005) tafferma l-miżuri imposti mill-UNSCR 1556 (2004) u tipprovdi li dawn il-miżuri għandhom japplikaw ukoll għall-partijiet kollha tal- Ftehim ta' N'djamena għall-Waqfien tal-Ġlied u kull belliġerent ieħor fl-istati ta' Darfur tat-Tramuntana, Darfur ta' Nofs-in-nhar, u Darfur tal-Punent.

(8)

Il-paragrafu 4 ta' l-UNSCR 1591(2005) jipprovdi li l-miżuri relatati mad-dħul fi jew it-transitu mit-territorji ta' l-Istati Membri u ma' l-iffriżar ta' fondi, assi finanzjarji u riżorsi ekonomiċi għandhom jidħlu fis-seħħ fit-28 ta' April 2005, sakemm il-Kunsill tas-Sigurtà ma jiddeterminax qabel dak iż-żmien li l-partijiet tal-konfitt f'Darfur kienu konformi ma l-impennji u t-talbiet tal-Kunsill tas-Sigurtà msemmija fil- UNSCR 1556(2004) u r-Riżoluzzjonijiet 1564(2004) u 1574(2004) u li ħadu passi immedjati biex iwettqu l-impenni kollha tagħhom fir-rigward tal-Ftehim ta' N'djamena għall-Waqfien tal-Ġlied u l-Protokolli ta' Abuja, inkluż notifika dwar il-pożizzjonijiet tal-forzi, biex tiġi ffaċilitata l-għajnuna umanitarja u biex ikun hemm koperazzjoni sħiħa mal-Missjoni ta' l-Unjoni Afrikana.

(9)

Huwa xieraq li l-miżuri imposti mill-Pożizzjoni Komuni 2004/31/CFSP u l-miżuri li ser ikunu imposti skond l-UNSCR 1591 (2005) jiġu integrati fi strument legali wieħed.

(10)

Il-Pożizzjoni Komuni 2004/31/PESK għandha għalhekk tiġi imħassra.

(11)

Hi meħtieġa azzjoni mill-Komunità biex jiġu implimentati ċerti miżuri,

ADOTTA DIN IL-POŻIZZJONI KOMUNI:

Artikolu 1

Bi qbil ma' l-UNSCR 1591 (2005), miżuri restrittivi għandhom jiġu imposti kontra dawk l-individwi li jfixklu l-proċess ta' paċi, jikkonstitwixxu theddida għall-istabbiltà f'Darfur u r-reġjun, iwettqu ksur tal-liġi umanitarja internazzjonali jew tal-liġi internazzjoniali tad-drittijiet umani jew atroċitajiet oħra jiksru l-embargo fuq l-armamenti u/jew huma responsabbli għal titjiriet militari offensivi fi u fuq ir-reġjun ta' Darfur, kif magħżula mill-Kumitat stabbilit mill-paragrafu 3 tal-UNSCR 1591 (2005) minn hawn 'il quddiem imsejjaħ 'il-Kumitat'.

Il-persuni relevanti huma mniżżla fl-Anness għal din il-Pożizzjoni Komuni.

Artikolu 2

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jimpedixxu d-dħul fi jew it-transitu mit-territorji tagħhom tal-persuni msemmija fl-Artikolu 1.

2.   Il-paragrafu 1 ma għandux jobbliga Stat Membru li jirrifjuta d-dħul fit-territorju tiegħu taċ-ċittadini tiegħu stess.

3.   Il-paragrafu 1 m’għandux japplika fejn il-Kumitat jiddetermina li l-ivvjaġġar huwa ġġustifikat għal raġunijiet ta' ħtieġa umanitarja, inkluż l-obbligu reliġjuż, jew fejn il-Kumitat jikkonkludi li eżenzjoni tmexxi l-quddiem l-għanijiet tar-Riżoluzzjonijiet tal-UNSCR għall-ħolqien ta' paċi u stabbiltà fis-Sudan u r-reġjun.

4.   F'każijiet fejn skond il-paragrafu 3, Stat Membru jawtorizza d-dħul fi, jew it-transitu mit-territorju tiegħu, ta' persuni indikati mill-Kumitat, l-awtorizzazzjoni għandha tkun limitata għall-iskop li għalih tkun ingħatat u għall-persuni kkonċernati minnha.

Artikolu 3

1.   Il-fondi, l-assi finanzjarji u r-riżorsi ekonomiċi kollha li huma l-proprjetà ta' jew ikkontrollati direttament jew indirettament mill-persuni msemmija fl-Artikolu 1 jew li huma fil-pussess ta' entitajiet li huma l-proprjetà ta' jew ikkontrollati direttament jew indirettament minn tali persuni jew minn kwalunkwe persuna li qiegħda taġixxi f'isimhom jew taħt id-direzzjoni tagħhom, kif identifikati fl-Anness, għandhom jiġu ffriżati.

2.   L-ebda fondi, assi finanzjarji jew riżorsi ekonomiċi m'għandhom ikunu disponibbli direttament jew indirettament lil jew għall-benefiċċju ta' tali persuni jew entitajiet.

3.   Jistgħu jsiru eżenzjonijiet għal fondi, assi finanzjarji oħra u riżorsi ekonomiċi li huma:

(a)

neċessarji għal spejjeż bażiċi, inkluż ħlasijiet għal prodotti ta' l-ikel, kera jew ipoteka, mediċini u kura medika, taxxi, premiums ta' assigurazzjoni, u piżijiet ta' utilità pubblika;

(b)

maħsuba esklużivament għall-ħlas ta' onorarji professjonali raġonevoli u għar-rimbors ta' spejjeż magħmula li huma konnessi mal-forniment ta' servizzi legali;

(ċ)

maħsuba esklużivament għall-ħlas ta' onorarji jew kontijiet għal servizzi, skond il-liġijiet nazzjonali, għal servizzi fiż-żamma jew manteniment normali ta' fondi ffriżati, assi finanzjarji jew riżorsi ekonomiċi oħra,

wara notifika mill-Istat Membru kkonċernat lill-Kumitat dwar l-intenzjoni li jawtorizza, fejn xieraq, l-aċċess għal tali fondi, assi finanzjarji u riżorsi ekonomiċi oħra u fin-nuqqas ta' deċiżjoni negattiva mill-Kumitat fi żmien jumejn ta' xogħol wara tali notifika;

(d)

neċessarji għal spejjeż straordinarji, wara notifika mill-Istat Membru kkonċernat lill-Kumitat u approvazzjoni minnu,

(e)

is-suġġett ta' sentenza jew rahan ġuridiċi, amministrattivi, arbitrali, u f'tali każ il-fondi, l-assi finanzjarji l-oħra u r-riżorsi ekonomiċi jistgħu jintużaw biex jissodisfaw dak ir-rahan jew dik is-sentenza bil-kundizzjoni li r-rahan jew is-sentenza kienu mdaħħla qabel id-data ta' l-UNSCR 1591(2005) u mhijiex għall-benefiċċju ta' persuna jew entità msemmija f'dan l-Artikolu, wara notifika mill-Istat Membru kkonċernat lill-Kumitat.

4.   Il-paragrafu 2 m'għandux japplika għaż-żieda ma' kontijiet iffriżati ta':

(a)

imgħax jew qligħ ieħor fuq dawk il-kontijiet; jew

(b)

ħlasijiet dovuti taħt kuntratti, ftehim jew obbligi li ġew konklużi jew seħħew qabel id-data li fiha dawk il-kontijiet saru soġġetti għal miżuri restrittivi,

bil-kundizzjoni li tali imgħax, dħul u ħlasijiet oħra jkomplu jkunu soġġetti għall-paragrafu 1.

Artikolu 4

1.   Il-bejgħ, fornitura, trasferiment jew esportazzjoni ta' armamenti u materjal relatat ta' kull tip, inkluż armi u munizzjon, vetturi u tagħmir militari, tagħmir paramilitari u partijiet ta' rikambju għal dawk imsemmija qabel lis-Sudan minn ċittadini ta' Stati Membri jew li ġejjin minn territorji ta' Stati Membri, jew l-użu ta' bastimenti jew ajruplani tal-bandiera tagħhom, għandhom ikunu pprojbiti kemm jekk joriġinaw fit-territorji tagħhom jew le.

2.   Għandu jiġi wkoll ipprojbit li:

(a)

jiġu mogħtija, mibjugħa, forniti, jew trasferiti għajnuna teknika, servizzi ta' sensarija u servizzi konnessi ma' attivitajiet militari u mal-provvista, manifattura, manutenzjoni u użu ta' armamenti u materjal konness ta' kull xorta, inkluż armi u munizzjon, vetturi u tagħmir militari, tagħmir paramilitari, u partijiet ta' rikambju għal dawk imsemmija hawn fuq, direttament jew indirettament lil kwalunkwe persuna, entità jew korp fi, jew għall-użu fis-Sudan;

(b)

jiġi fornit finanzjament jew għajnuna finanzjarja relatata ma' attivitajiet militari, inkluż b'mod partikolari għotjiet, self u assigurazzjoni tal-kreditu fuq l-esportazzjoni, għal kwalunkwe bejgħ, forniment, trasferiment jew esportazzjoni ta' armi jew materjal relatat, jew għal kwalunkwe għotja, bejgħ, forniment, jew trasferiment ta' assistenza teknika relatata, servizzi ta' sensarija u servizzi oħra, direttament jew indirettament lil kwalunkwe persuna, entità jew korp fi, jew għall-użu fis-Sudan.

Artikolu 5

1.   L-Artikolu 4 m'għandux japplika għal:

(a)

bejgħ, fornitura, trasferiment jew esportazzjoni ta' tagħmir militari mhux letali intiż biss għal użu umanitarju, ta' monitoraġġ tad-drittijiet umani jew protettiv, jew għal programmi tan-NU, l-Unjoni Afrikana, l-UE u l-Komunità, għall-bini ta' istituzzjonijiet, jew ta' materjal intiż għal operazzjonijiet ta' l-UE u n-NU u l-Unjoni Afrikana għall-immaniġġjar ta' kriżijiet;

(b)

taħriġ tekniku u għajnuna relatati ma' tali tagħmir;

(ċ)

bejgħ, fornitura, trasferiment jew esportazzjoni ta' tagħmir għat-tneħħija tal-mini u materjal għall-użu f'operazzonijiet tat-tneħħija tal-mini;

(d)

għajnuna u fornituri mogħtija għas-sostenn ta' l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Paċi Komprensiv;

bil-kondizzjoni li tali kunsinni ikunu ġew approvati minn qabel mill-awtorità kompetenti ta' l-Istat Membru in kwistjoni.

2.   L-Artikolu 4 ma għandux japplika għall-ilbies protettiv, inkluż ġkieket għall-flak u elmi militari, esportati temporanjament lejn is-Sudan mill-persunal tan-Nazzjonijiet Uniti, mill-persunal ta' l-UE, tal-Komunità jew l-Istati Membri tagħha, minn rappreżentanti tal-medja u ħaddiema umanitarji u ħaddiema mpjegati fl-iżvilupp u l-persunal assoċjat għall-użu personali tagħhom biss.

3.   L-Istati Membri għandhom jikkunsidraw kunsinni taħt dan l-Artikolu fuq bażi ta' każ b'każ, b'kont sħiħ meħud tal-kriterji stabbiliti fil-kodiċi ta' kondotta ta' l-Unjoni Ewropea dwar l-esportazzjoni ta' l-armamenti adottat fit-8 ta' Ġunju 1998. L-Istati Membri għandhom jeħtieġu salvagwardji xierqa kontra l-użu ħażin ta' l-awtorizzazzjonijiet mogħtija taħt dan l-Artikolu u, fejn xieraq, jagħmlu dispożizzjonijiet għal ripatrijazzjoni tat-tagħmir.

Artikolu 6

Il-Kunsill għandu jistabbilixxi l-lista li hemm fl-Anness u jimplimenta kwalunkwe modifika tagħha abbażi tad-determinazzjoni magħmula mill-Kumitat.

Artikolu 7

Din il-Pożizzjoni Komuni għandha tidħol fis-seħħ fid-data ta' l-adozzjoni tagħha, bl-eċċezzjoni tal-miżuri stabbiliti taħt l-Artikoli 2 u 3, li għandhom japplikaw mid-29 ta' April 2005, sakemm il-Kunsill ma jiddeċiedix mod ieħor fid-dawl tad-determinazzjoni mill-Kunsill ta' Sigurtà dwar it-twettiq tal-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 1 u 6 ta' l-UNSCR 1591 (2005).

Artikolu 8

Il-miżuri msemmija fl-Artikoli 2 u 3 ta' din il-Pożizzjoni Komuni għandha tiġi riveduta 12-il xahar wara l-adozzjoni tagħha, jew iktar kmieni, fid-dawl tad-deċiżjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà dwar is-sitwazzjoni fis-Sudan. Il-miżuri msemmija fl-Artikolu 4 għandhom ikunu riveduti 12-il xahar wara l-adozzjoni tal-Pożizzjoni Komuni, u kull 12-il xahar wara dan. Għandhom jiġu revokati jekk il-Kunsill jiddeċiedi li l-għanijiet intlaħqu.

Artikolu 9

Il-Pożizzjoni Komuni 2004/31/PESK hija b'dan imħassra.

Artikolu 10

Din il-Pożizzjoni Komuni għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Magħmula fi Brussel, 30 ta' Mejju 2005.

Għall-Kunsill

Il-President

F. BODEN


(1)  ĠU L 6, 10.1.2004, p. 55. Pożizzjoni Komuni kif emendata mill-Pożizzjoni Komuni 2004/510/PESK (ĠU L 209, 11.6.2004, p. 28.)


ANNESS

Lista ta' persuni u entitajiet imsemmija fl-Artikoli 1 u 3


Top