Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32004R2053

    Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2052/2004 tat- 22 ta' Novembru 2004 li jestendi d-dazju anti-dumping definittiv impost bir-Regolament (KE) Nru 964/2003 fuq l-importazzjonijiet ta' tagħmir ta' tubi jew pajpijiet, tal-ħadid jew l-azzar, ġejjin mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, għall-importazzjonijiet ta' tagħmir ta' tubi jew pajpijiet, tal-ħadid jew l-azzar, li jkunu ġew ikkunsinnati mis-Sri Lanka, kemm jekk ikunu dikjarati li ġejjin mis-Sri Lanka kif ukoll jekk le

    ĠU L 355, 1.12.2004, p. 9–13 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
    ĠU L 153M, 7.6.2006, p. 202–206 (MT)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (BG, RO, HR)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 07/06/2008

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2004/2053/oj

    7.6.2006   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    202


    REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 2052/2004

    tat-22 ta' Novembru 2004

    li jestendi d-dazju anti-dumping definittiv impost bir-Regolament (KE) Nru 964/2003 fuq l-importazzjonijiet ta' tagħmir ta' tubi jew pajpijiet, tal-ħadid jew l-azzar, ġejjin mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, għall-importazzjonijiet ta' tagħmir ta' tubi jew pajpijiet, tal-ħadid jew l-azzar, li jkunu ġew ikkunsinnati mis-Sri Lanka, kemm jekk ikunu dikjarati li ġejjin mis-Sri Lanka kif ukoll jekk le

    IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 tat-22 ta' Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet li huma soġġett ta' dumping minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Komunità Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), u b' mod partikolari l-Artikolu 13 tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta preżentata mill-Kummissjoni wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv,

    Billi:

    A.   PROĊEDURA

    1.   Il-Miżuri preżenti

    (1)

    Wara r-reviżjoni ta' għeluq iż-żmien, il-Kunsill kien impona, bir-Regolament (KE) Nru 964/2003 (2) (“ir-Regolament oriġinali”), inter alia, dazju anti-dumping definittiv ta' 58,6 % fuq l-importazzjonijiet ta' tagħmir ta' tubi jew pajpijiet (għajr tagħmir fondut (cast fittings), fanġi u tagħmir bil-kamin) tal-ħadid jew ta' l-azzar (li ma jinkludix azzar abjad), b'dijametru ta' barra li ma jkunx aktar minn 609,6 mm, ta' għamla użata għall-issaldjar tarf ma' tarf jew għanijiet oħrajn, li jaqa' taħt il-kodiċi NM ex 7307 93 11 (kodiċi TARIC 7307931199), ex 7307 93 19 (kodiċi TARIC 7307931999), ex 7307 99 30 (kodiċi TARIC 7307993098) u ex 7307 99 90 (kodiċi TARIC 7307999098) u li jkun ġej mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“PRC”).

    2.   Talba

    (2)

    Fl-20 ta' Jannar 2004, il-Kummissjoni rċeviet talba skond l-Artikolu 13(3) tar-Regolament bażiku biex tistħarreġ l-allegat evitar tal-miżuri anti-dumping fuq l-importazzjoni ta' tagħmir ta' tubi jew pajpijiet li jkunu ġejjin mill-PRC. It-talba ntbagħtet mill-Kumitat tad-Difiża ta' l-Industrija tat-Tagħmir ta' l-Issaldjar Tarf ma' Tarf ta' l-Unjoni Ewropea f'isem erba' produtturi tal-Komunità.

    (3)

    It-talba allegat li kien hemm tibdil fil-mudell tal-kummerċ wara li daħlu fis-seħħ il-miżuri anti-dumping fuq l-importazzjonijiet ta' tagħmir ta' tubi jew pajpijiet li jkunu ġejjin mill-PRC, kif intwera minn żieda sostanzjali fl-importazzjoni ta' l-istess prodott li ġej mis-Sri Lanka.

    (4)

    Kien allegat li din il-bidla fil-mudell tal-kummerċ kienet qed tibda mill-ġarr ta' tagħmir ta' tubi jew pajpijiet li jkunu ġejjin mill-PRC vija s-Sri Lanka. Kien allegat ukoll li ma kienx hemm raġuni biżżejjed jew ġustifikazzjoni ekonomika għal dawn il-ħidmiet, għajr l-eżistenza tad-dazji anti-dumping fuq tagħmir ta' tubi jew pajpijiet li jkun ġejjin mill-PRC.

    (5)

    Fl-aħħar, l-applikant allega li l-effetti ta' rimedju tad-dazji anti-dumping li hemm bħalissa fuq tagħmir ta' tubi jew pajpijiet li jkunu ġejjin mill-PRC kienu qed jidgħajjfu kemm f'termini ta' kwantitajiet u ta' prezzijiet, u li kien qed iseħħ dumping f'relazzjoni mal-valuri normali li kienu ġew stabbiliti qabel għat-tagħmir ta' tubi jew pajpijiet li jkun ġejjin mill-PRC.

    3.   Bidu

    (6)

    Bis-saħħa tar-Regolament (KE) Nru 395/2004 (3) (“ir-Regolament tal-bidu ta' l-istħarriġ”) il-Kummissjoni bdiet stħarriġ fl-allegat evitar tal-miżuri anti-dumping, liema miżuri kienu ġew imposti fuq l-importazzjoni ta' tagħmir ta' tubi jew pajpijiet li jkun ġej mill-PRC, f'relazzjoni ma' l-importazzjonijiet ta' tagħmir ta' tubi jew pajpijiet ikkunsinnati mis-Sri Lanka, kemm jekk dawn ikunu ġew iddikjarati li ġejjin mis-Sri Lanka kif ukoll jekk le. Skond l-Artikoli 13(3) u 14(5) tar-Regolament bażiku, din ordnat lill-awtoritajiet tad-dwana biex mill-4 ta' Marzu 2004 dawn jibdew jirreġistraw l-importazzjonijiet ta' tagħmir ta' tubi jew pajpijiet ikkunsinnati mis-Sri Lanka, kemm jekk iddikjarati li ġejjin mis-Sri Lanka kif ukoll jekk le, li jaqgħu taħt il-kodiċi NM ex 7307 93 11 (kodiċi TARIC 7307931194), ex 7307 93 19 (kodiċi TARIC 7307931994), ex 7307 99 30 (kodiċi TARIC 7307993094) u ex 7307 99 90 (kodiċi TARIC 7307999094). Il-Kummissjoni infurmat lill-awtoritajiet tal-PRC u s-Sri Lanka dwar il-fatt li kien ingħata bidu għal dan l-istħarriġ.

    4.   Stħarriġ

    (7)

    Kienu ntbagħtu kwestjonarji lill-produtturi/esportaturi fil-PRC (ma kien hemm l-ebda produtturi magħrufa fis-Sri Lanka) kif ukoll lill-importaturi fil-Komunità msemmija fit-talba jew magħrufa mill-Kummissjoni mill-istħarriġ li kien wassal għall-impożizzjoni tal-miżuri preżenti fuq l-importazzjoni ta' tagħmir ta' tubi jew pajpijiet li jkun ġej mill-PRC (“l-istħarriġ ta' qabel”). Il-partijiet interessati kienu ngħataw l-opportunità biex jagħrfu bl-ideat tagħhom bil-miktub u li jitolbu għal smigħ fiż-żmien stabbilit fir-Regolament tal-bidu ta' l-istħarriġ.

    (8)

    L-ebda produttur jew esportatur fil-PRC ma wieġeb għall-kwestjonarju u l-ebda importatur fil-Komunità ma kien wieġeb għall-kwestjonarju. Ħadd mill-produtturi jew l-esportaturi tas-Sri Lanka m'għamel lilu nnifsu magħruf jew wieġeb għall-kwestjonarju.

    5.   Perjodu ta' l-istħarriġ

    (9)

    Il-perjodu ta' l-istħarriġ kopra l-perjodu bejn l-1 ta' Jannar 2003 sal-31 ta' Diċembru 2003 (“l-IP”). Id-data mis-sena 2000 sat-tmiem tal-IP kienet intużat biex ikun mistħarreġ it-tibdil fil-mudell tal-kummerċ.

    B.   RIŻULTATI TA' L-ISTĦARRIĠ

    1.   Konsiderazzjonijiet ġenerali/il-grad ta' kooperazzjoni

    (a)   Sri Lanka

    (10)

    L-ebda produttur jew esportatur ta' tagħmir ta' tubi jew pajpijiet mis-Sri Lanka ma għen fl-istħarriġ. Fil-fatt, l-awtoritajiet tas-Sri Lanka għarrfu lill-Kummissjoni li ma kien hemm l-ebda kumpannija fis-Sri Lanka reġistrata bħala manifattur ta' tagħmir ta' tubi jew pajpijiet kif definit fi-Regolament tal-bidu. L-uniku tagħrif li l-Kummissjoni rċeviet mill-importaturi kienu dikjarazzjonijiet li dawn ma mportawx tagħmir ta' tubi jew pajpijiet mis-Sri Lanka. Il-Kummissjoni għamlitha ċara lill-importaturi u lill-awtoritajiet tas-Sri Lanka li n-nuqqas ta' kooperazzjoni setgħet twassal għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku. Dawn il-partijiet kienu wkoll konxji mill-konsegwenzi tan-nuqqas ta' kooperazzjoni.

    (b)   PRC

    (11)

    L-ebda produttur jew esportatur Ċiniż ma għen fl-istħarriġ.

    (12)

    Il-Kummissjoni għamlitha ċara lil dawn il-kumpanijji li n-nuqqas ta' kooperazzjoni jista' jwassal għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku. Dawn il-partijiet kienu wkoll konxji mill-konsegwenzi tan-nuqqas ta' kooperazzjoni.

    2.   Prodott konċernat u l-prodott li jixxiebaħ

    (13)

    Il-prodott konċernat mill-allegat evitar huwa t-tagħmir ta' tubi jew pajpijiet (għajr tagħmir fondut, flanġi jew tagħmir bil-kamin) tal-ħadid jew l-azzar (li ma jinkludix azzar abjad), b'dijametru ta' barra li ma jkunx aktar minn 609,6 mm, ta' għamla użata għall-issaldjar tarf ma' tarf jew għanijiet oħrajn, li bħalissa huwa klassifikat fil-kodiċi NM ex 7307 93 11 (kodiċi TARIC 7307931194), ex 7307 93 19 (kodiċi TARIC 7307931994), ex 7307 99 30 (kodiċi TARIC 7307993094) u ex 7307 99 90 (kodiċi TARIC 7307999094).

    (14)

    Fin-nuqqas ta' kooperazzjoni mill-partijiet kollha fis-Sri Lanka u meta wieħed iqis it-tibdil li sar fil-mudell tal-kummerċ kif deskritt fit-taqsima li ġejja, wieħed jista' jikkonkludi, fin-nuqqas ta' kull evidenza kuntrarja, li t-tagħmir ta' tubi jew pajpijiet esportati lejn il-Komunità mill-PRC u dawk ikkunsinnati mis-Sri Lanka għandhom l-istess karatteristiċi fiżiċi u kimiċi bażiċi u għandhom ukoll l-istess użi. Għalhekk, dawn jitqiesu bħala prodotti li jixxiebhu fit-tifsira ta' l-Artikolu 1(4) tar-Regolament bażiku.

    3.   Bidla fil-mudell tal-kummerċ

    (15)

    Kif intqal fil-punt (4), it-tibdil fil-mudell tal-kummerċ kien allegat li qed jibda mill-ġarr vija s-Sri Lanka.

    (16)

    Billi l-ebda kumpannija tas-Sri Lanka ma għenet fl-istħarriġ, l-esportazzjonijiet mis-Sri Lanka lejn il-Komunità kellhom jiġu stabbiliti fuq il-bażi tal-fatti disponibbli skond l-Artikolu tar-Regolament bażiku. Id-data ta' l-Eurostat, li kienet l-aktar tagħrif xieraq, għalhekk intużat biex ikunu stabbiliti l-prezzijiet ta' l-esportazzjoni mis-Sri Lanka lejn il-Komunità.

    (17)

    L-importazzjonijiet ta' tagħmir ta' tubi jew pajpijiet mis-Sri Lanka żdiedu minn 0 tunnellati fis-sena 2000 għal 302 tunnellati fl-IP. Dawn l-importazzjonijiet mis-Sri Lanka bdew f'Lulju ta' l-2002, fi żmien meta l-istħarriġ ta' qabel kien għadu għaddej. L-importazzjonijiet fil-Komunità ta' tagħmir ta' tubi jew pajpijiet mill-PRC żdiedu minn 44 tunnellata fis-sena 2000 għal 287 tunnellata fl-IP. Madankollu, din iż-żieda fl-esportazzjonijiet mill-PRC għandha tinqara flimkien mal-livell ta' esportazzjonijiet li kien hemm fil-perjodu in kwistjoni ta' l-istħarriġ oriġinali (4). Fil-fatt, il-volum ta' l-esportazzjonijiet miċ-Ċina fl-IP kien ilaħħaq għal inqas minn 10 % tal-volum esportat fil-perjodu in kwistjoni ta' l-istħarriġ oriġinali. Fid-dawl ta' dan t'hawn fuq, u fin-nuqqas ta' kull xhieda kuntrarja, instab li l-importazzjonijiet kunsinnati mis-Sri Lanka kienu qed jikkumpensaw għal uħud mill-importazzjonijiet ta' qabel mill-PRC.

    (18)

    Mill-figuri t'hawn fuq, wieħed jista' jikkonkludi li kien hemm tibdil ċar fil-mudell tal-kummerċ. Dan kien beda mill-istħarriġ ta' qabel u wassal għall-impożizzjoni tal-miżuri preżenti fuq l-importazzjoni tal-prodott ikkonċernat li ġej mill-PRC u mbagħad żviluppa f'daqqa wara l-impożizzjoni ta' dawn il-miżuri.

    4.   Raġuni jew ġustifikazzjoni ekonomika mhux suffiċjenti

    (19)

    Fin-nuqqas ta' kooperazzjoni mill-partijiet kollha tas-Sri Lanka jew tal-PRC u fin-nuqqas ta' kull xhieda kuntrarja, wieħed jista' jikkonkludi li, meta titqies il-koinċidenza fiż-żmien ma' l-istħarriġ ta' qabel li wassal għal impożizzjoni tal-miżuri preżenti, it-tibdil fil-mudell tal-kummerċ beda mat-tpoġġija fis-seħħ tad-dazju anti-dumping impost fuq l-importazzjoni tal-prodott konċernat li kien ġej mill-PRC aktar milli ma' xi raġuni suffiċjenti oħra jew ġustifikazzjoni ekonomika fit-tifsira ta' l-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku.

    (20)

    Għalhekk, wieħed jista' jikkonkludi li ma kien hemm l-ebda raġuni raġonevoli oħra fit-tibdil tal-mudell tal-kummerċ ħlief li jkunu evitati d-dazji anti-dumping fuq l-importazzjoni ta' tagħmir ta' tubi jew pajpijiet ġejjin mill-PRC.

    5.   Id-djufija ta' l-effetti ta' rimedju tad-dazju f'termini ta' prezzijiet u/jew il- kwantitajiet tal-prodotti li jixxiebħu

    (21)

    Ibbażat fuq l-analiżi ta' l-andament tal-kummerċ li sar hawn fuq, instab li l-bidla fil-mudell ta' l-importazzjonijiet tal-Komunità kienet marbuta mal-fatt li kien hemm fis-seħħ miżuri anti-dumping. L-importazzjonijiet dikjarati li ġejjin mis-Sri Lanka kienu neqsin mis-suq tal-Komunità sa Ġunju ta' l-2002. Wara din id-data, l-importazzjonijiet dikjarati li ġejjin mis-Sri Lanka żdiedu sostanzjalment, u laħqu mat-302 tunnellati matul l-IP. Dan il-volum jirrappreżenta 0,6 % tal-konsum tal-Komunità matul l-IP ta' l-istħarriġ ta' qabel. Għandu jitqies sew il-fatt li l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat fil-Komunità huma maqsumin bejn numru ta' pajjiżi esportaturi differenti. L-aktar, għall-IP, is-Sri Lanka kellha 2,5 % tal-volumi ta' l-importazzjoni kollha tal-prodott konċernat fil-Komunità, waqt li l-akbar pajjiż esportatur f'dik is-sena (ir-Repubblika Slovakka) kellu 12 %. Barra minn hekk, is-Sri Lanka huwa it-tnax-l-akbar pajjiż importatur tal-prodott konċernat fil-Komunità, minn lista ta' 36 pajjiż esportatur.

    (22)

    Dwar il-prezzijiet tal-prodotti kkunsinnati mis-Sri Lanka u fin-nuqqas ta' kooperazzjoni u ta' kull xhieda kuntrarja, id-data ta' l-Eurostat uriet li l-prezzijiet ta' l-esportazzjoni medji tal-prodotti impurtati mis-Sri Lanka matul l-IP kienu aktar baxxi mill-(i) prezzijiet ta' l-esportazzjoni medji stabbiliti għall-PRC fl-istħarriġ ta' qabel; u (ii) prezzijiet ta' l-industrija tal-Komunità. Kien ġie stabbilit li matul l-IP il-prezzijiet ta' l-importazzjonijiet mis-Sri Lanka kienu iktar minn 12 % aktar baxxi mill-prezzijiet ta' l-esportazzjoni taċ-Ċina.

    (23)

    Fuq il-bażi ta' dan t'hawn fuq, wieħed jista' jikkonkludi li t-tibdil li seħħ fl-andamenti kummerċjali, flimkien mal-prezzijiet baxxi ħafna tal-prodotti esportati mis-Sri Lanka dgħajfu l-effetti tar-rimedju tal-miżuri anti-dumping kemm f'termini ta' kwantitajiet kif ukoll tal-prezzijiet tal-prodotti li jixxiebħu.

    6.   Evidenza ta' dumping f'relazzjoni mal-valuri normali li kienu stabbiliti qabel għal prodotti li jixxiebħu

    (24)

    Biex ikun stabbilit jekk setgħetx tinstab xhieda ta' dumping f' relazzjoni mal-prodott konċernat li kien esportat lejn il-Komunità mis-Sri Lanka matul l-IP, il-prezzijiet ta' l-esportazzjoni stabbiliti fuq il-bażi tad-data ta' l-Eurostat intużaw skond l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku.

    (25)

    L-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku jeħtieġ xhieda ta' dumping f' relazzjoni mal-valuri normali li kienu ġew stabbiliti qabel għall-prodotti li jixxiebħu. Fl-istħarriġ ta' qabel, it-Tajlandja instabet li kienet pajjiż b'ekonomija ta' suq li tixbah lil dik tal-PRC, u għalhekk dan kien xieraq biex ikun stabbilit il-valur normali.

    (26)

    Biex ikun hemm paragun ġust bejn il-valur normali u l-prezz ta' l-esportazzjoni, sar provvediment, fl-għamla ta' aġġustamenti, għad-differenzi li laqtu l-prezzijiet u l-komparabilità tal-prezz. Dawn l-aġġustamenti saru skond l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku f' relazzjoni mal-ġarr u l-assigurazzjoni. Fin-nuqqas ta' tagħrif ieħor dwar dawn il-fatturi, intużat id-data li kien hemm fit-talba.

    (27)

    Skond l-Artikoli 2(11) u 2(12) tar-Regolament bażiku, il-paragun bejn il-valur normali medju mwieżen kif stabbilit fl-istħarriġ ta' qabel u l-medja mwieżna tal-prezzijiet ta' l-esportazzjoni matul dan l-IP, imfisser bħala perċentwali tal-prezz CIF fil-fruntieri tal-Komunità, dazju mhux imħallas, wera li kien hemm dumping fl-importazzjoni ta' tagħmir ta' tubi jew pajpijiet li kien kunsinnat mis-Sri Lanka. Il-marġinu ta' dumping li nstab, imfisser bħala perċentwali tal-prezz CIF fil-fruntieri tal-Komunità, dazju mhux imħallas, kien ta' 34,3 %.

    Ċ.   MIŻURI

    (28)

    Minħabba l-evitar li nstab fit-tifsira ta' l-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku, il-miżuri preżenti anti-dumping fuq l-importazzjoni tal-prodott ikkonċernat li ġej mill-PRC għandhom ikunu estiżi għall-istess prodott kunsinnat mis-Sri Lanka, kemm jekk dan ikun dikjarat li ġej mis-Sri Lanka jew le.

    (29)

    Id-dazju estiż għandu jkun dak stabbilit fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament oriġinali.

    (30)

    Skond l-Artikoli 13(3) u 14(5) tar-Regolament bażiku, li jipprovdi li l-miżuri kollha li jiġu estiżi għandhom ikunu jgħoddu għall-importazzjonijiet irreġistrati mid-data tar-reġistrazzjoni, id-dazju anti-dumpinggħandu jinġabar minn fuq l-importazzjonijiet ta' tagħmir ta' tubi jew pajpijiet li jkunu ġew kunsinnati mis-Sri Lanka, u li jkunu daħlu fil-Komunità taħt ir-reġistrazzjoni imposta bl-Artikolu 2 tar-Regolament tal-bidu ta' l-istħarriġ.

    (31)

    L-evitar qed iseħħ barra l-Komunità. L-Artikolu 13 tar-Regolament bażiku waqt li għandu l-għan li jiġġieled il-prattika ta' evitar mingħajr ma jolqot lill-operaturi li jistgħu juru li mhumiex involuti f'dawn il-ħidmiet, m'għandux disposizzjoni speċifika li tipprovdi biex dawk il-produtturi li jippruvaw li mhumiex involuti f'tali ħidmiet jiġu ttrattati mod ieħor. Għalhekk, jidher meħtieġ li tiddaħħal possibilità għal dawk il-produtturi li ma bigħux il-prodott ikkonċernat għall-esportazzjoni matul l-IP u li m'għandhomx x'jaqsmu ma' dawk l-esportaturi jew produtturi li huma suġġetti għad-dazju anti-dumping, biex dawn jitolbu eżenzjoni mill-miżuri fuq dawn l-importazzjonijiet. Il-produtturi konċernati li jistgħu jikkunsidraw li jagħmlu talba għall-eżenzjoni minn dan id-dazju estiż jistgħu jkunu mitluba jimlew kwestjonarju biex il-Kummissjoni tkun tista' tistabbilixxi jekk tkunx tista' tingħata din l-eżenzjoni. Din l-eżenzjoni tista' tingħata wara li tkun saret valutazzjoni ta', per eżempju, is-sitwazzjoni tas-suq tal-prodott ikkonċernat, il-ħila tal-produzzjoni u l-użu tal-ħila, l-akkwist, il-bejgħ, il-probabbiltà ta' prattika li dwarhom ma jkunx hemm raġuni biżżejjed jew ġustifikazzjoni ekonomika, kif ukoll ix-xhieda ta' dumping. Normalment, il-Kummissjoni tista' tagħmel żjajjar ta' verifika fuq il-post. It-talba għandha tiġi ndirizzata lill-Kummissjoni kemm jista' jkun malajr, bit-tagħrif rilevanti kollu, l-aktar dwar kull modifikazzjoni fil-ħidmiet tal-kumpanija li jkunu marbutin mal-produzzjoni u l-bejgħ.

    (32)

    L-importaturi xorta jistgħu jgawdu mill-eżenzjoni tar-reġistrazzjoni jew tal-miżuri sakemm l-importazzjonijiet tagħhom huma minn esportaturi li jkunu ngħataw din l-eżenzjoni, u sakemm dawn ikunu skond l-Artikolu 13(4) tar-Regolament bażiku.

    (33)

    Fejn eżenzjoni tkun ġustifikata, il-Kummissjoni, wara li tkun ikkonsultat il-Kumitat Konsultattiv, se tipproponi li ssir emenda f'dan ir-Regolament kif xieraq. Wara, l-eżenzjonijiet kollha li jingħataw se jiġu mmonitorjati biex tkun żgurata l-konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti f'dan.

    (34)

    Il-partijiet interessati kienu mgħarrfa dwar il-fatti essenzjali u l-kunsiderazzjonijiet li fuq il-bażi tagħhom il-Kunsill ħaseb li jestendi d-dazju anti-dumping definittiv li hemm fis-seħħ, u kienu wkoll ingħataw l-opportunità biex jagħtu l-kummenti tagħhom. Il-Kunsill ma rċieva l-ebda kummenti li setgħu iwasslu għal xi bdil fil-konklużjonijiet imsemmija fuq,

    ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    1.   Id-dazju anti-dumping definittiv impost bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 964/2003 fuq l-importazzjonijiet ta' tagħmir ta' tubi jew pajpijiet (għajr tagħmir fondut, flanġi jew tagħmir bil-kamin), tal-ħadid jew ta' l-azzar (li ma jinkludix azzar abjad), b'dijametru ta' barra li ma jkunx aktar minn 609,6 mm, ta' għamla użata għall-issaldjar tarf ma' tarf jew għanijiet oħrajn, li jaqa' taħt il-kodiċi NM ex 7307 93 11 (kodiċi TARIC 7307931199), ex 7307 93 19 (kodiċi TARIC 7307931999), ex 7307 99 30 (kodiċi TARIC 7307993098) u ex 7307 99 90 (kodiċi TARIC 7307999098) u li jkun ġej mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina qed ikun hawnhekk estiż għall-importazzjoni ta' tagħmir ta' tubi jew pajpijiet (għajr tagħmir fondut, flanġi u tagħmir bil-kamin), tal-ħadid jew ta' l-azzar (li ma jinkludix azzar abjad), b'dijametru ta' barra li ma jkunx aktar minn 609,6 mm, ta' għamla użata għall-issaldjar tarf ma' tarf jew għanijiet oħrajn, li bħalissa huma kklassifikati fil-kodiċi NM ex 7307 93 11 (kodiċi TARIC 7307931194), ex 7307 93 19 (kodiċi TARIC 7307931994), ex 7307 99 30 (kodiċi TARIC 7307993094) u ex 7307 99 90 (kodiċi TARIC 7307999094), kunsinnat mis-Sri Lanka, kemm jekk dan ikun ġie iddikjarat li ġej mis-Sri Lanka kif ukoll jekk le.

    2.   Id-dazju estiż bil-paragrafu 1 għandu jinġabar fuq l-importazzjonijiet reġistrati skond l-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 395/2004 u l-Artikoli 13(3) u 14(5) tar-Regolament (KE) Nru 384/96.

    3.   Id-disposizzjonijiet li hemm fis-seħħ dwar id-dazji doganali għandhom jgħoddu.

    Artikolu 2

    1.   It-talbiet għall-eżenzjoni mid-dazju estiż bl-Artikolu 1 għandhom isiru bil-miktub f'waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Komunità, u għandhom ikunu ffirmati minn persuna awtorizzata li tirrappreżenta lill-applikant. It-talba għandha tintbagħat fl-indirizz li ġej:

    Il-Kummissjoni Ewropea

    Direttorat-Ġenerali għall-Kummerċ

    Direttorat B

    J-79 5/16

    B – 1049 Brussels

    Fax (32 2) 295 65 05

    Telex COMEU B 21877.

    2.   Il-Kummissjoni, wara li tkun ikkonsultat lill-Kumitat Konsultattiv, tista' tawtorizza, b'deċiżjoni, l-eżenzjoni ta' importazzjoni, li tidher li ma tkunx qed tevita d-dazju anti-dumping impost bir-Regolament (KE) Nru 964/2003, mid-dazju estiż bl-Artikolu 1 ta' dan ir-Regolament.

    Artikolu 3

    L-awtoritajiet tad-dwana qed ikunu ordnati biex ma jissoktawx bir-reġistrazzjoni ta' prodotti importati, kif stabbilit skond l-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 395/2004.

    Artikolu 4

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussel, nhar it-22 ta' Novembru 2004.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    B. R. BOT


    (1)  ĠU L 56, 6.3.1996, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 461/2004 (ĠU L 77, 13.3.2004, p. 12).

    (2)  ĠU L 139,6.6.2003, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 2212/2003 (ĠU L 332, 19.12.2003, p. 3).

    (3)  ĠU L 65, 3.3.2004, p. 7.

    (4)  ĠU L 84, 3.4.1996, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 778/2003 (ĠU L 114, 8.5.2003, p. 1).


    Top