Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32004R0797

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 797/2004 tas-26 ta' April 2004 dwar miżuri li jitejbu l-kondizzjonijiet ġenerali għall-produzzjoni u t-tqegħid fis-suq ta' prodotti ta' l-apikultura

ĠU L 125, 28.4.2004, p. 1–3 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2007; Imħassar b' 32007R1234

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2004/797/oj

32004R0797



Official Journal L 125 , 28/04/2004 P. 0001 - 0003


Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 797/2004

tas-26 ta' April 2004

dwar miżuri li jitejbu l-kondizzjonijiet ġenerali għall-produzzjoni u t-tqegħid fis-suq ta' prodotti ta' l-apikultura

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 36 u 37 tieghu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Parlament Ewropew, [1]

Wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, [2]

Billi:

(1) Wara l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u l-Parlament Ewropew dwar l-apikultura Ewropea fl-1994, il-Kunsill ikkonkluda li kienu rekwiżiti proposti għal Regolament qafas dwar it-trobbija tan-naħal.

(2) Bir-Regolament (KE) Nru 1221/97 [3], il-Kunsill ippreskriva regoli ġenerali dwar miżuri biex titjieb il-produzzjoni u t-tqegħid fis-suq ta' għasel.

(3) Minn dak iż-żmien, il-Kummissjoni bagħtet lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew rapport dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1221/97 fi Frar 2001 u Jannar 2004. Il-konklużjonijiet minn dawn ir-rapporti juru li l-miżuri li jipprovdi għalihom ir-Regolament (KE) Nru 1221/97 għandhom ikunu adattati għas-sitwazzjoni kurrenti fis-settur tat-trobbija tan-naħal fil-Komunità. Dak ir-Regolament għandu għalhekk ikun irrevokat u ssostitwit b'wieħed ġdid [4].

(4) It-trobbija tan-naħal hija settur ta' l-agrikultura, li l-funzjonijiet prinċipali tiegħu huma attività ekonomika u żvilupp rurali, il-produzzjoni ta' l-għasel u prodotti oħra tad-doqqajs u ż-żamma tal-bilanċ ekoloġiku.

(5) Is-settur huwa kkaratterizzat b'diversità ta' kondizzjonijiet ta' produzzjoni u redditi, u bit-tixrid 'l hawn u 'l hemm u varjetà ta' l-operaturi ekonomiċi, kemm fl-istadju ta' produzzjoni u kemm f'dak tat-tqegħid fis-suq.

(6) In vista tat-tixrid ta' varroasis f'diversi Stati Membri fi snin reċenti u l-problemi li din il-marda tikkawża għall-produzzjoni ta' l-għasel, azzjoni mill-Komunità hija meħtieġa għax il-varroasis ma tistax tkun eradikata għal kollox u għandha tkun ittrattata bi prodotti approvati.

(7) Meta jitqiesu dawn iċ-ċirkostanzi u biex jitjiebu l-produzzjoni u t-tqegħid fis-suq tal-prodotti ta' l-apikultura fil-Komunità, programmi nazzjonali għandhom jinkitbu (ikunu ppjanati) kull tliet snin li jinkludu assistenza teknika, kontroll tal-varroasis, razzjonalizzazzjoni transhumance (ċaqliq staġjonali), immaniġġar ta' mili mill-ġdid tad-doqqajs fil-Komunità, u koperazzjoni fil-programmi ta' riċerka dwar trobbija ta' naħal u prodotti ta' apikultura.

(8) Biex tkun kompluta d-data ta' l-istatistika dwar it-trobbija tan-naħal, Stati Membri għandhom iwettqu studji dwar l-istruttura tas-settur, li jkopru produzzjoni, tqegħid fis-suq u formazzjoni ta' prezzijiet.

(9) In-nefqa mill-Istati Membri biex jissodisfaw l-obbligi li joħorġu minn dan ir-Regolament għandha tinġarr mill-Komunità skond l-Artikolu 2(2) u (3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1258/1999 tas-17 ta' Mejju 1999 dwar il-finanzjament tal-politika komuni agrikola [5].

(10) Ir-regoli tal-kompetizzjoni li jirregolaw l-għajnuna statali fil-qasam tat-trobbija tan-naħal għandhom japplikaw. Madankollu, eżenzjoni mir-regoli dwar l-għajnuna Statali għandha ssir rigward il-kontribuzzjonijiet finanzjarji pprovduti minn Stati Membri għal miżuri suġġetti għall-appoġġ tal-Komunità skond dan ir-Regolament kif ukoll rigward għajnuniet nazzjonali speċifiċi għall-protezzjoni ta' doqqajs żvantaġġat b'kondizzjonijiet strutturali u naturali jew taħt programmi ta' żvilupp ekonomiku, ħlief dawk mogħtija għall-produzzjoni jew kummerċ; regoli speċjali għandhom ikunu stabbiliti għal għajuna Statali tali.

(11) Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament għandhom ikunu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tippreskrivi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta' implimentazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni [6],

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1. Dan ir-Regolament jippreskrivi l-miżuri biex jitjiebu l-kondizzjonijiet ġenerali għall-produzzjoni u t-tqegħid fis-suq ta' prodotti ta' apikultura.

Għal dan il-għan, kull Stat Membru jista' jikteb (jippjana) programm nazzjonali għal perjodu ta' tliet snin, minn hawn iżjed 'il quddiem imsejjaħ il-"programm ta' apikultura".

2. Għall-għan ta' dan ir-Regolament:

(a) "għasel" tfisser il-prodott li jikkorrispondi mad-disposizzjonijiet ta' l-Anness I mad-Direttiva tal-Kunsill 2001/110/KE ta' l-20 ta' Diċembri konness ma' l-għasel [7];

(b) "prodotti ta' apikultura" tfisser il-prodotti definiti fl-Anness I, il-punt 1 tar-Regolament (KE) Nru 1774/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta' Ottubru 2002 li tippreskrivi regoli tas-saħħa li jikkonċernaw prodotti sekondarji ta' annimali mhux maħsuba għall-konsum uman [8].

3. L-Artikoli 87, 88 u 89 tat-Trattat għandhom japplikaw għall-għajnuna mogħtija fis-settur ta' l-għasel u prodotti ta' l-għasel. Madankollu, l-Artikoli 87 sa 89 tat-Trattat m'għandhomx japplikaw:

(a) għall-kontribuzzjoni finanzjarja pprovduta minn Stati Membri għal miżuri suġġetti għall-appoġġ tal-Komunità skond dan ir-Regolament;

(b) għall-għajnuniet nazzjonali speċifiċi għall-protezzjoni ta' doqqajs żvantaġġati b'kondizzjonijiet ta' struttura jew naturali jew taħt programmi ta' żvilupp ekonomiku, ħlief għal dawk allokati għall-produzzjoni jew kummerċ.

Għajnuniet li jirreferi għalihom il-(b) għandhom ikunu nnotifikati lill-Kummissjoni mill-Istati Membri fl-istess ħin tal-programm ta' apikultura tagħhom kif jipprovdi l-Artikolu 5.

Artikolu 2

Il-miżuri li jistgħu jkunu inklużi fil-programm ta' apikultura għandhom ikunu dawn li ġejjin:

(a) assistenza teknika li dawk li jrabbu n-naħal jew aggruppamenti ta' dawk li jrabbu n-naħal;

(b) kontroll fuq il-varroasis;

(ċ) razzjonalizzazzjoni ta' transhumance (ċaqliq staġjonali);

(d) miżuri biex jappoġġaw laboratorji li jwettqu analiżijiet tal-proprjetajiet fiżiko-kimiċi ta' l-għasel;

(e) miżuri biex isostnu l-mili mill-ġdid ta' doqqajs fil-Komunità;

(f) koperazzjoni ma' korpi speċjalizzati għall-implimentazzjoni ta' programmi ta' riċerka applikata fil-qasam tat-trobbija tan-naħal u prodotti ta' apikultura.

Miżuri ffinanzjati taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1257/1999 tas-17 ta' Mejju 1999 dwar appoġġ għal żvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew dwar Gwida u Garanzija (FAEGG) [9] għandhom ikunu esklużi mill-programm ta' apikultura.

Artikolu 3

Biex ikunu eliġibbli għall-finanzjament parzjali li jipprovdi għalih l-Artikolu 4(2), Stati Membri għandhom iwettqu studju ta' l-istruttura tal-produzzjoni u tqegħid fis-suq fis-settur tat-trobbija tan-naħal fit-territorju tagħhom. Dan l-istudju għandu jkun ikkomunikat mal-programm ta' apikultura.

Artikolu 4

1. Nefqa magħmula skond dan ir-Regolament għandha titqies bħala intervent fit-tifsira ta' l-Artikolu 2(2) u (3) tar-Regolament (KE) Nru 1258/1999.

2. Il-Komunità għandha tipprovdi finanzjament parzjali għall-programmi ta' apikultura ekwivalenti għal 50 % tan-nefqa li tinġarr mill-Istati Membri.

3. Nefqa konnessa mal-miżuri meħuda taħt il-programmi ta' apikultura għandha ssir mill-Istati Membri sal-15 ta' Ottubru ta' kull sena.

Artikolu 5

Il-programm ta' apikultura għandu jinkiteb (ikun ippjanat) f'kollaborazzjoni stretta ma' l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi u koperattivi ta' dawk li jrabbu n-naħal. Huwa għandu jkun ikkomunikat lill-Kummissjoni, li għandha tapprovah skond il-proċedura preskritta fl-Artikolu 17 tar-Regolament (KEE) Nru 2771/75 tad-29 ta' Ottubru 1975 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq fil-bajd.

Artikolu 6

1. Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat ta' Maniġment dwar il-laħam tat-Tjur u Bajd (hawn iżjed 'il quddiem issir referenza għalih bħala "il-Kumitat"), imwaqqaf bl-Artikolu 16 tar-Regolament (KEE) Nru 2771/75.

2. Fejn tintgħamel riferenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 4 sa 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

Il-perjodu preskritt fl-Artikolu 4(3) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun stabbilit għal xahar.

3. Il-Kumitat għandu jadotta r-Regoli Interni (Regoli ta' Proċedura) tiegħu.

Artikolu 7

Il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill kull tliet snin rapport dwar l-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 8

Ir-Regolament (KEE) Nru 1221/97 hu b'dan irrevokat.

Artikolu 9

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fil-Lussemburgu, fis-26 ta' April 2004.

Għall-Kunsill

Il-President

J. Walsh

[1] Opinjoni mogħtija fit-22 ta’ April 2004 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

[2] Opinjoni mogħtija fl-1 ta’ April 2004 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

[3] Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1221/97 tal-25 ta’ Ġunju 1997 li jippreskrivi r-regoli ġenerali għall-applikazzjoni ta’ miżuri biex jitjiebu l-produzzjoni u t-tqegħid fis-suq (n-negozju) ta’ l-għasel

[4] ĠU L 160, tas-26.6.99, pġ. 103.

[5] ĠU L 184, tas-17.7.99, pġ. 23.

[6] ĠU L 10, tat-12.1.2, pġ. 47.

[7] ĠU L 273, ta’ l- 10.10.02, pġ. 1. Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 813/2003 (ĠU L 117, tat-13.5.3, pġ. 22).

[8] ĠU L 160, tas-26.6.99, pġ. 80. Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 583/2004 (ĠU L 91, tat-30.3.4, pġ. 1).

[9] (ĠU L 173, ta’ l- 1.7.1997, pġ. 1). Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 2070/98 (ĠU L 265, tat-30.9.1998, pġ. 1).

--------------------------------------------------

Top