This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32003D0793
2003/793/EC: Council Decision of 27 October 2003 approving the accession of the European Community to the Protocol relating to the Madrid Agreement concerning the international registration of marks, adopted at Madrid on 27 June 1989
Id-Deċiżjoni tal-kunsill tas-27 ta’ Ottubru 2003 li japprova l-adeżjoni tal-Komunità Ewropea mall-Protokoll dwar il-ftehim ta’ Madrid fuq ir-reġistrazzjoni internazzjonali ta’ sinjali, addottata f’Madrid fis-27 ta’ Ġunju 1989
Id-Deċiżjoni tal-kunsill tas-27 ta’ Ottubru 2003 li japprova l-adeżjoni tal-Komunità Ewropea mall-Protokoll dwar il-ftehim ta’ Madrid fuq ir-reġistrazzjoni internazzjonali ta’ sinjali, addottata f’Madrid fis-27 ta’ Ġunju 1989
ĠU L 296, 14.11.2003, pp. 20–21
(ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV) Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali
(CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO, HR)
In force
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2003/793/oj
Official Journal L 296 , 14/11/2003 P. 0020 - 0021
Id-Deċiżjoni tal-kunsill tas-27 ta’ Ottubru 2003 li japprova l-adeżjoni tal-Komunità Ewropea mall-Protokoll dwar il-ftehim ta’ Madrid fuq ir-reġistrazzjoni internazzjonali ta’ sinjali, addottata f’Madrid fis-27 ta’ Ġunju 1989 (2003/793/KE) IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 308, flimkien ma’ l-Artikolu 300(2), it-tieni sentenza, u l-Artikolu 300(3), l-ewwel subparagrafu, tiegħu, Wara li kkunsidra l-proposta mressqa mill-Kummissjoni [1], Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2]; Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew [3], Billi: (1) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 ta’ l-20 ta’ Diċembru 1993 dwar il-marka tal-fabbrika fil-Komunità [4], li hu bbażat fuq l-Artikolu 308 tat-Trattat, huwa magħmul biex joħloq suq li jaħdem sew u li joffri kondizzjonijiet li huma similari għal dawk li jinkisbu f’suq nazzjonali. Sabiex jinħoloq suq ta’ dan it-tip u biex isir suq wieħed, l-istess Regolament ħoloq is-sistema tal-marki tal-fabbrika tal-Komunità fejn l-impriżi jistgħu permezz ta’ sistema proċedurali waħda jiksbu protezzjoni uniformi għall-marki tal-fabbrika tal-Komunità u li jipproduċu l-effett taġħhom matul is-setturi kollha tal-Komunitajiet Ewropej. (2) Wara l-preparazzjonijiet mibdija u mmexxija mill-Organizazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intelletwali bil-parteċipazzjoni ta’ l-Istati Membri li huma membri ta’ l-Unjoni ta’ Madrid, l-Istati Membri li m’humiex membri ta’ l-Unjoni ta’ Madrid u l-Komunità Ewropea, il-Konferenza Diplomatika għal konklużjoni ta’ Protokoll dwar il-Ftehim ta’ Madrid dwar ir-reġistrazzjoni internazzjonali tal-marki adottat il-Protokoll dwar il-Ftehim ta’ Madrid dwar ir-reġistrazzjoni internazzjonali tal-marki (minn hawn ’il quddiem imsejħa "il-Protokoll ta’ Madrid") fis-27 ta’ Ġunju 1989, f’Madrid. (3) Il-Protokoll ta’ Madrid kien adottat sabiex idaħħal ċerti karatteristiċi ġodda fis-sistema tar-reġistrazzjoni internazzjonali tal-marki li tezisti taħt il-Ftehim ta’ Madrid dwar ir-reġistrazzjoni internazzjonali tal-marki tal-14 ta’ April 1891 kif emendat (hawnhekk iżjed ’il quddiem msejħa "Il-Ftehim ta’ Madrid") [5]. (4) L-għanijiet tal-Protokoll ta’ Madrid huma biex jagħmluha iżjed faċli għal ċerti stati, u partikolarment l-Istati Membri li m’humiex parti minnha, biex jeċċedu għas-sistema internazzjonali tar-reġistrazzjoni tal-marki. (5) Kif ikkumparat mal-Ftehim ta’ Madrid, il-Protokoll ta’ Madrid daħħal, fl-Artikolu 14 tiegħu, bħala waħda mill-innovazzjonijiet prinċipali, il-possibbiltà li organizzazzjoni intergovernattiva li għandha uffiċċju reġjonali għall-iskop li jirreġistraw il-marki b’effett fit-territorju ta’ l-organizazzjoni tista’ ssir parti mill-Protokoll ta’ Madrid. (6) Il-possibbiltà li organizzazzjoni intergovernattiva li għandha uffiċċju reġjonali bl-għan illi jirreġistra l-marki jista’ jsir parti mill-Protokol ta’ Madrid iddaħħal fil-Protokoll ta’ Madrid sabiex, partikolarment, il-Komunità Ewropea tkun tista’ taċċedi għall-istess Protokoll. (7) Il-Protokoll ta’ Madrid daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Diċembru 1995 u sar operazzjonali fl-1 ta’ April 1996 u s-sistema tal-Komunità tal-marki tal-kummerċ daħlet ukoll fis-seħħ fid-data aħħarija. (8) Is-sistema tal-Komunità tal-marki tal-kummerċ u s-sistema internazzjonali tar-reġistrazzjoni kif stabbilita mill-Protokoll ta’ Madrid huma kumplimentarji. Għalhekk, sabiex id-ditti jkunu jistgħu jieħdu vantaġġ mill-Komunità tal-marki tal-kummerċ permezz tal-Protokoll ta’ Madrid u vice versa, huwa neċessarju illi l-applikanti tal-Komunità tal-marki tal-kummerċ u dawk li jżommu l-istess marki għandhom jitħallew japplikaw għall-protezzjoni internazzjonali tal-marki tagħhom permezz tad-daħla ta’ applikazzjoni internazzjonali taħt il-Protokoll ta’ Madrid, u, bil-maqlub, dawk li jżommu reġistrazzjoni internazzjonali taħt il-Protokoll ta’ Madrid għandhom japplikaw għall-protezzjoni tal-marki tal-kummerċ taghħom taħt is-sistema tal-Komunità tal-marki tal-kummerċ. (9) Barra dan, l-istabbiliment ta’ ħolqa bejn il-Komunità tal-marki tal-kummerċ u s-sistema ta’ reġistrazzjoni internazzjonali taħt il-Protokoll ta’ Madrid tippromwovi żvilupp armonjuż ta’ attivitajiet ekonomiċi, telimina t-tagħwiġ tal-kompetizzjoni, tkun effiċjenti fl-ispejjeż u tgħolli l-livell ta’ integrazzjoni u l-funzjonament tas-suq intern. Għalhekk, l-adeżjoni tal-Komunità mal-Protokoll ta’ Madrid huwa neċessarju sabiex il-Komunità tal-marki tal-kummerċ issir iktar attraenti. (10) Il-Kummissjoni Ewropea għandha tkun awtorizzata biex tirrappreżenta l-Komunità Ewropea fl-Assemblea ta’ l-Unjoni ta’ Madrid wara l-adeżjoni tal-Komunità mal-Protokoll ta’ Madrid. Il-Komunità Ewropea m’għandhiex tesprimi fehmiet fl-Assemblea fir-rigward ta’ kwistjonijiet li jirrigwardaw biss il-Ftehim ta’ Madrid. (11) Il-kompetenza tal-Komunità Ewropea biex tikkonkludi jew taċċedi fi ftehim jew trattati internazzjonali mhux miksub biss minn konferiment espliċitu mit-Trattat imma jista’ jiġi miksub ukoll mid-disposizzjonijiet tat-Trattat u minn atti adottati skond id-disposizzjonijiet ta’ l-istituzzjonijiet tal-komunità. (12) Din id-Deċiżjoni ma taffettwax id-dritt ta’ l-Istati Membri biex jieħdu sehem fl-Assemblea ta’ l-Unjoni ta’ Madrid fir-rigward tal-marki tal-kummerċ nazzjonali tagħhom, IDDEĊIEDA DAN LI ĠEJ: Artikolu 1 Il-Protokoll li jirrigwarda l-Ftehim ta’ Madrid dwar ir-reġistrazzjoni internazzjonali tal-marki, adottata f’Madrid fis-27 ta’ Ġunju 1989 (hawnhekk iżjed ’il quddiem imsejħa l-Protokoll ta’ Madrid), hija hawnhekk approvata f’isem il-Komunità fir-rigward ta’ kwistjonijiet fil-kompetenza tagħha. It-test tal-Protokoll ta’ Madrid huwa anness ma’ din id-deċiżjoni. Artikolu 2 1. Il-President tal-Kunsill huwa hawnhekk awtorizzat biex jiddepożita l-istrument ta’ l-adeżjoni mad-Direttur-Ġenerali ta’ l-Organizzazzjoni Dinjija dwar il-Proprjetà Intellettwali mid-data li minnha l-Kunsill adottat il-miżuri neċessarji għall-istabbiliment ta’ ħolqa bejn il-Komunità tal-marki tal-kummerċ u l-Protokoll ta’ Madrid. 2. Id-dikjarazzjonijiet u n-notifikazzjoni annessi ma’ din id-Deċiżjoni għandhom isiru fl-att ta’ l-adeżjoni. Artikolu 3 1. Il-Kummissjoni hija hawnhekk awtorizzata biex tirrappreżenta l-Komunità Ewropea fil-laqgħat ta’ l-Assemblea ta’ l-Unjoni ta’ Madrid miżmuma taħt il-patroċinju ta’ l-Organizzazzjoni Dinjija dwar il-Proprjetà Intellettwali. 2. Fuq il-kwistjonijiet kollha fil-kompetenza tal-Komunità fir-rigward tal-Komunità tal-marki tal-kummerċ, il-Kummissjoni għandha tinnegozja fl-Assemblea ta’ l-Unjoni ta’ Madrid f’isem il-Komunità skond il-ftehim li ġej: (a) il-posizzjoni li l-Komunità tista’ tadotta fl-Assemblea għandha tiġi ppreparata mill-grupp ta’ ħidma relevanti tal-Kunsill jew, jekk dan mhux possibbli, f’laqgħat imsejħa dak il-ħin waqt ix-xogħol fil-qafas ta’ l-Organizzazzjoni Dinjija dwar il-Proprjetà Intellettwali; (b) fir-rigward tad-deċiżjonijiet dwar l-emendi tar-Regolament (KE) Nru 40/94, jew ta’ kwalunkwe att ieħor tal-Kunsill li jeħtieġ l-unanimità, il-posizzjoni tal-Komunità għandha tiġi adottata mill-Kunsill unanimament fuq proposta tal-Kummissjoni; (ċ) fir-rigward ta’ deċiżjonijiet oħra li jolqtu l-Komunità tal-marki tal-kummerċ, il-posizzjoni tal-Komunità għandha tiġi adottata mill-Kunsill li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata fuq proposta tal-Kummissjoni. Magħmula fil-Lussemburgu, fis-27 ta’ Ottubru 2003. Għall-Kunsill Il-President A. Matteoli [1] ĠU C 293, tal-5.10.1996, pġ. 11. [2] ĠU C 167, tat-2.6.1997, pġ. 252. [3] ĠU C 89, tad-19.3.1997, pġ. 14. [4] ĠU L 11, ta’ l-14.1.1994, pġ. 1. Regolament kif l-aħħar emendat minn Regolament (KE) Nru 1653/2003, (ĠU L 245, tad-29.9.2003, pġ. 36). [5] Il-Ftehim ta’ Madrid dwar ir-reġistrazzjoni internazzjonali tal-marki kif l-aħħar revedut f’Stokolma fl-14 ta’ Lulju 1967 u kif emendat fit-2 ta’ Ottubru 1979. --------------------------------------------------