EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32001L0081

Id-Direttiva 2001/81/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2001 dwar il-livelli nazzjonali massimi ta' l-emissjonijiet ta' ċerti inkwinanti atmosferiċi

ĠU L 309, 27.11.2001, p. 22–30 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO, HR)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2019; Imħassar b' 32016L2284

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2001/81/oj

32001L0081



Official Journal L 309 , 27/11/2001 P. 0022 - 0030


Id-Direttiva 2001/81/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

tat-23 ta' Ottubru 2001

dwar il-livelli nazzjonali massimi ta' l-emissjonijiet ta' ċerti inkwinanti atmosferiċi

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 175(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidraw l-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [2],

Wara li kkunsidraw l-Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni [3],

Waqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat [4], fid-dawl tat-test konġunt approvat mill-Kumitat ta' Konċiljazzjoni fit-2 ta' Awissu 2001,

Billi:

(1) L-approċċ u l-istrateġija ġenerali tal-Ħames Programm ta' Azzjoni Ambjentali kien approvat permezz tar-Riżoluzzjoni ta' l-1 ta' Frar 1993 tal-Kunsill u r-Rappreżentanti tal-Gvernijiet ta' l-Istati Membri li jiltaqgħu ġewwa l-Kunsill fi programm tal-Komunità ta' politika u azzjoni dwar l-ambjent u l-iżvilupp sostenibbli [5] u jistabbilixxi bħala l-għanijiet tiegħu li tgħabijiet u livelli kritiċi għall-aċidifikazzjoni fil-Komunità m'għandhomx jinqabżu. Il-programm jeħtieġ li l-popli kollha għandhom effettivament ikunu protetti kontra r-riskji tas-saħħa minn tniġġis ta' l-arja u li l-livelli permessi ta' tniġġis għandhom jikkunsidraw il-protezzjoni ta' l-ambjent. Il-programm jeħtieġ ukoll li l-valuri ta' linji gwida mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) għandhom ikunu tassattivi fil-livell tal-Komunità.

(2) L-Istati Membri iffirmaw il-Protokoll ta' Gothenburg fl-1 ta' Diċembru 1999 għall-Konvenzjoni tal-Kummissjoni tan-Nazzjonijiet Uniti Ekonomiċi għall-Ewropa (UNECE) dwar tniġġis ta' l-arja fuq distanza twila li taqsam il-fruntieri sabiex ikunu mwaqqfa l-aċidifikazzjoni, l-ewtrofikazzjoni u l-ożonu tal-livell ta' l-art.

(3) Id-Deċiżjoni Nru 2179/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-24 ta' Settembru 1998 dwar ir-reviżjoni tal-programm tal-Komunità Ewropea tal-politika u l-azzjoni għar-rigward ta' l-ambjent u l-iżvilupp sostenibbli "Lejn is-sostenibbiltà" [6] speċifikat li għandha tingħata attenzjoni partikolari biex ikunu żviluppati u implimentati strateġija bil-għan li jkunu assigurati t-tgħabijiet kritiċi, għar-rigward espożizzjoni għall-aċidifikazzjoni, l-ewtrofikazzjoni u l-inkwinanti ta' l-arja fotokimiċi, ma jinqabżux.

(4) Id-Direttiva tal-Kunsill 92/72/KEE tal-21 ta' Settembru 1992 dwar it-tniġġis ta' l-arja bl-ożonu [7] teħtieġ li l-Kummissjoni tagħti lill-Kunsill rapport dwar l-evalwazzjoni ta' tniġġis fotokimiku fil-Komunità, akkumpanjat minn xi proposti li l-Kummissjoni jidhrilha li jkunu xierqa dwar il-kontroll tat-tniġġis bl-arja permezz tal-ożonu fl-art u, jekk meħtieġ, dwar it-tnaqqis ta' l-emissjonijiet ta' prekursuri ta' l-ożonu.

(5) Żoni sinifikanti tal-Komunità huma esposti għad-depożizzjonijiet ta' aċidifikazzjoni u sustanzi ewtrofiċi f'livelli li għandhom effetti ħżiena fuq l-ambjent. Il-linji gwida ta' valuri tad-WHO dwar is-saħħa tal-bniedem u l-veġetazzjoni minn tniġġis fotokimiku huma sostanzjalment maqbuża fl-Istati Membri kollha.

(6) L-eċċess tat-tgħabijiet kritiċi għandhom għalhekk ikunu eliminati bil-mod il-mod u l-livelli tal-linji gwida jkunu rispettati.

(7) Fil-preżent mhux teknikament possibbli li jintlaħqu l-għanijiet fit-tul li jkunu eliminati l-effetti ħżiena ta' aċidifikazzjoni u titnaqqas l-espożizzjoni għall-ożonu fil-livell ta' l-art tal-bniedem u l-ambjent għall-valuri tal-linji gwida stabbiliti mill-WHO. Hu għalhekk meħtieġ li ssir disposizzjoni għall-għanijiet ambjentali temporanji għall-aċidifikazzjoni u it-tniġġis tal-ożonu fil-livell ta' l-art, li fuqhom għandhom ikunu bbażati l-miżuri biex jitnaqqas dak it-tniġġis.

(8) Għanijiet temporanji ambjentali u l-miżuri biex dawn jintlaħqu għandhom jikkunsidraw il-possibiltà teknika u l-ispejjeż u l-benefiċċji assoċjati magħhom. Dawk il-miżuri għandhom jassiguraw li kull azzjoni meħuda tkun cost-effective għall-Komunità b'mod globali u għandhom jikkunsidraw il-ħtieġa li jkunu evitati spejjeż eċċessivi għal xi Stat Membru individwali.

(9) It-tniġġis li jaqsam il-fruntieri jikkontribwixxi għall-aċidifikazzjoni, ewtrofikazzjoni tal-ħamrija u l-formazzjoni ta' ożonu f'livell ta' l-art, li t-tneħħija tagħhom teħtieġ azzjoni kordinata tal-Komunità.

(10) It-tnaqqis ta' emissjonijiet ta' inkwinanti li jikkawżaw l-aċidifikazzjoni u l-espożizzjoni għall-ożonu fil-livell ta' l-art sejjer inaqqas ukoll l-ewtrofikazzjoni tal-ħamrija.

(11) Sett ta' limiti nazzjonali għal kull Stat Membru għall-emissjonijiet ta' sulfidju tal-kubrit, nitrogen oxides, volatile organic compounds u ammonja hu mod cost-effective biex jintlaħqu l-għanijiet ambjentali temporanji. Dawk il-limiti ta' emissjonijiet ser jippermettu lill-Komunità u lill-Istati Membri l-flessibilità biex jistabbilixxu kif għandhom jaderixxu magħhom.

(12) L-Istati Membri għandhom ikunu responsabbli biex jimplimentaw il-miżuri biex jaderixxu mal-limiti nazzjonali dwar l-emissjonijiet. Ikun meħtieġ li jiġi evalwat il-progress dwar kemm kien hemm konformità mal-limiti ta' emissjonijiet. Għandhom għalehkk jitfasslu programmi nazzjonali dwar it-tnaqqis ta' l-emissjonijiet u rraportati lill-Kummissjoni u għandhom jinkludu l-informazzjoni dwar il-miżuri adottati jew maħsuba biex jikkonformaw mal-limiti ta' l-emissjonijiet.

(13) Skond il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat u meta jkun ikkunsidrat, b'mod partikolari, il-prinċipju ta' prekawzjoni, l-għan ta' din id-Direttiva, u ċioe il-limitazzjoni ta' l-emissjonijiet ta' aċidifikazzjoni u inkwinanti ewtrofiċi u prekursuri ta' l-ożonu, ma jistgħux jintlaħqu biżżejjed mill-Istati Membri minħabba n-natura li taqsam il-fruntieri tat-tniġġis u għalhekk jista' jintlaħaq aħjar mill-Komunità; skond il-prinċipju ta' proporzjonalità din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak meħtieġ biex jintlaħaq dak il-għan.

(14) Għandu jkun hemm reviżjoni fil-ħin tal-progress magħmul mill-Istati Membri lejn il-limiti ta' emissjonijiet, kif ukoll reviżjoni tal-limitu li fih l-implimentazzjoni tal-limiti x'aktarx tilħaq l-għanijiet ambjentali temporanji, għall-Komunità b'mod globali. Dik ir-reviżjoni għandha tikkonsidra wkoll il-progress xjentifiku u tekniku, l-iżviluppi fil-leġislazzjoni tal-Komunità u t-tnaqqis fl-emissjonijiet barra mill-Komunità b'mod speċjali għar-rigward il-progress magħmul fost l-oħrajn mill-pajjiżi kandidati għas-sħubija. F'dik ir-reviżjoni, il-Kummissjoni għandha tagħmel eżami ieħor ta' l-ispejjeż u l-benefiċċji tal-limiti ta' l-emissjonijiet, inkluż il-cost-effectiveness tagħhom, l-ispejjeż marġinali u l-benefiċċji ta' l-impatt soċjo-ekonomiku u kull impatt dwar il-kompetittività. Ir-reviżjoni għandha tikkonsidra wkoll il-limitazzjonijiet dwar l-iskop ta' din id-Direttiva.

(15) Il-Kummissjoni għandha għal dan il-għan tipprepara rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill u, jekk tikkonsidra li jkun meħtieġ, tipproponi emendi xierqa għal din id-Direttiva billi tikkonsidra l-effetti ta' xi leġislazzjoni tal-Komunità fost l-oħrajn billi tistabbilixxi l-limiti ta' l-emissjonijiet u l-istandards tal-prodott għas-sorsi rilevanti ta' l-emissjonijiet u r-regolamenti internazzjonali dwar l-emissjonijiet mill-vapuri u mill-ajruplani.

(16) It-trasport bil-baħar hu kontributur sinifikanti għall-emisssjonijiet ta' dijossidu tal-kubrit u nitrogen oxides u wkoll għall-konċentrazzjonijiet u depożizzjonijiet ta' inkwinanti ta' l-arja fil-Komunità. Dawk l-emissjonijiet għandhom għalhekk jiġu mnaqqsa. L-Artikolu 7(3) tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/32/KE tas-26 ta' April 1999 dwar ir-riduzzjoni ta' kontenut tas-sulfat ta' ċerti karburanti likwidi u li jemenda d-Direttiva 93/12/KEE [8] jeħtieġ li l-Kummissjoni tikkonsidra liema miżuri jistgħu jittieħdu biex inaqqsu l-kontribuzzjoni għall-aċidifikazzjoni tal-kombustjoni tal-karburanti marittimi minbarra dawk speċifikati fl-Artikolu 2(3) ta' dik id-Direttiva.

(17) L-Istati Membri għandhom ifittxu li jirratifikaw l-Anness VI tal-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Prevenzjoni ta' Tniġġis minn Vapuri (MARPOL) kemm jista' jkun malajr possibbli.

(18) Minħabba n-natura li taqsam il-fruntieri ta' aċidifikazzjoni u t-tniġġis tal-ożonu, il-Kummissjoni għandha tkompli teżamina aktar il-ħtieġa li tiżviluppa miżuri armonizzati tal-Komunità, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 18 tad-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE ta' l-24 ta' Settembru 1996 dwar il-prevenzjoni u l-kontroll tat-tniġġis integrat [9], bil-għan li jkun evitat tgħawwiġ tal-kompetizzjoni, u billi jkun ikkunsidrat il-bilanċ bejn il-benefiċċji u l-ispiża ta' l-azzjoni.

(19) Id-disposizzjonijiet ta' din id-Direttiva għandhom jgħoddu mingħajr preġudizzju għal-leġislazzjoni tal-Komunità li tirregola l-ħruġ ta' dawk l-inkwinanti minn sorsi speċifiċi u għad-disposizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE dwar il-valuri tal-limiti tal-emissjonijiet u l-użu ta' l-aqwa metodi ta' teknika disponibbli.

(20) Inventarji ta' emissjonijiet huma meħtieġa biex jissorveljaw il-progress li sar biex ikun hemm konformità mal-limiti tal-emissjonijiet u għandhom ikunu kalkulati skond metodoloġiji maqbula fuq livell internazzjonali u rrappurtati b'mod regolari lill-Kummissjoni u lill-Aġenzija Ambjetali Ewropea (EEA).

(21) L-Istati Membri għandhom jagħmlu regoli dwar il-penali applikabbli għall-ksur tad-disposizzjonijiet ta' din id-Direttiva u jassiguraw li dawn ikunu implimentati. Il-penali għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u preventivi.

(22) Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva għandhom ikunu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju tal-poteri ta' implimentazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni [10].

(23) Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jikkoperaw fuq livell internazzjonali bil-għan li jilħqu l-għanijiet ta' din id-Direttiva,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Għan

L-għan ta' din id-Direttiva hu li jkunu limitati l-emissjonijiet ta' aċidifikazzjoni u inkwinanti ewtrofiċi u l-prekursuri tal-ożonu sabiex tkun imtejba l-protezzjoni fil-Komunità ta' l-ambjent u s-saħħa tal-bniedem kontra r-riskji ta' l-effetti ħżiena minn aċidifikazzjoni, ewtrofikazzjoni tal-ħamrija u ożonu fil-livell ta' l-art u biex wieħed jersaq lejn l-għanijiet fit-tul li ma jinqabżuz il-livelli kritiċi u t-tgħabijiet u biex ikun hemm protezzjoni effettiva tal-poplu kollu kontra riskji tas-saħħa magħrufa kkaġunati minn tniġġis ta' l-arja billi jkunu stabbiliti limiti nazzjonali ta' emissjonijiet, fejn is-snin 2010 u 2020 jitqiesu bħala benchmarks, u permezz ta' reviżjonijiet suċċessivi kif stabbilit fl-Artikoli 4 u 10.

Artikolu 2

Kamp ta' Applikazzjoni

Din id-Direttiva tkopri l-emissjonijiet fit-territorju ta' l-Istati Membri u ż-żoni esklussivi tagħhom mis-sorsi kollha ta' inkwinanti msemmija fl-Artikolu 4 li jirriżultaw minn attivitajiet umani.

Din ma tkoprix:

(a) emissjonijiet minn traffiku marittimu internazzjonali;

(b) emissjonijiet mill-ajruplani lil hinn miċ-ċiklu ta' landing u take-off;

(ċ) għal Spanja, l-emissjonijiet fil-Gżejjer Kanarji;

(d) għal Franza, l-emissjonijiet fid-dipartimenti overseas;

(e) għall-Portugal, l-emissjonijiet fil-Madejra u fl-Ażores.

Artikolu 3

Tifsir

Għall-għanijiet ta' din id-Direttiva:

(a) "AOT 40" tfissr is-somma tad-differenza bejn il-konċentrazzjonijiet kull siegħa ta' ożonu fil-livell ta'l-art li jkun aktar minn 80 μ/m3 (= 40 ppb) u 80 μg/m3 matul is-sigħat tal-jum akkumulati minn Mejju sa Lulju kull sena;

(b) "AOT 60" tfisser is-somma tad-differenza bejn il-konċentrazzjonijiet kull siegħa tal-ożonu fil-livell ta' l-art li jkunu aktar minn 120μg/m3 (= 60 ppb) u 120μg/m3 akkumulati matul is-sena;

(ċ) "tgħabija kritika" tfisser stima kwantitattiva ta' xi espożizzjoni lil xi wieħed jew aktar inkwinanti li inqas minn hekk ma jseħħux effetti ħżiena sinifikanti fuq elementi sensittivi speċifiċi ta' l-ambjent, skond informazzjoni preżenti;

(d) "livell kritiku" tfisser il-konċentrazzjoni ta' inkwinanti fl-atmosfera li aktar minn hekk jistgħu jseħħu effetti ħżiena fuq ir-riċevituri, bħalma huma l-bnedmin, il-pjanti, l-ekosistemi jew il-materjali, skond l-informazzjoni preżenti;

(e) "emissjoni" tfisser ir-rilaxx ta' xi sustanza minn xi punt jew sors imferrex ġewwa l-atmosfera;

(f) "grid cell" tfisser kwadrant ta' 150 km × 150 km, li hu r-resolution użat meta jkunu rintraċċati tgħabijiet kritiċi fuq skala Ewropea, u wkoll meta jkunu sorveljati l-emissjonijiet u d-depożizzjonijiet ta' inkwinanti ta' l-arja skond il-Porgramm Koperattiv għas-Sorveljar u l-Evalwazzjoni tat-Trasmissjoni fuq medda twila ta' Inkwinanti ta' l-Arja fl-Ewropa (EMEP);

(g) "landing and take-off cycle" tfisser ċiklu rappreżentat mill-ħin li ġej f'kull mod ta' operazzjoni: approċċ 4,0 minuti; taxi/ground idle 26,0 minuti, take-off 0,7 minuti; climb 2,2 minuti;

(h) "limitu nazzjonali ta' emissjoni" tfisser l-ammont massimu ta' xi sustanza espress f'kilotunellati, li tista' tkun maħruġa minn xi Stat Membru f'xi sena kalendarja;

(i) "ossidi nitroġeni" u "NOx" tfisser nitric oxide u nitrogen dioxide, espressi bħala nitrogen dioxide;

(j) "ożonu fil-livell ta' l-art" tfisser l-ożoni fil-parti l-aktar baxxa ta' l-atmosfera;

(k) "komposti organiċi volatili" u "VOC" tfisser l-komposti organiċi kollha li jirriżultaw minn attivitajiet umani, minbarra methane, li huma kapaċi li jipproduċu ossidanti fotokemikali permezz ta' reazzjonijiet ma' ossidi nitroġeni fil-preżenza tad-dawl tax-xemx.

Artikolu 4

Limiti nazzjonali ta' emissjonijiet

1. Sa mhux aktar tard mis-sena 2010, l-Istati Membri għandhom jagħmlu limitu fuq l-emissjonijiet annwali nazzjonali tagħhom ta' inkwinanti permezz tad-dijossidju tal-kubrit (SO2), nitrogen oxides (NOx), komposti organiċi volatili (VOC) u ammonja (NH3) għal ammonti li ma jkunux aktar mil-limitu ta' emissjoni stabbilit fl-Anness I, billi jkunu kkunsidrati xi modifiki magħmula permezz tal-miżuri tal-Komunità adottati wara r-rapporti msemmija fl-Artikolu 9.

2. L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-limiti ta' emissjonijiet stabbiliti fl-Anness I ma jkunux maqbuza f'xi sena wara l-2010.

Artikolu 5

Għanijiet ambjentali interim

Il-limiti nazzjonali ta' emissjonijiet fl-Anness I għandu jkollhom bħala l-għan tagħhom li b'mod wiesa' jilħqu l-għanijiet ambjentali temporanji li ġejjin, għall-Komunità b'mod globali, sa l-2010:

(a) Aċidifikazzjoni

Iż-żoni fejn jinqabżu t-tgħabijiet kritiċi għandhom ikunu mnaqqsa b'mill-inqas 50 % (f'kull grid cell) komparati mas-sitwazzjoni fl-1990.

(b) Exposure relatata mas-saħħa għall-ożonu fil-livell ta' l-art

Il-piż ta' l-ożonu fil-livell ta' l-art 'il fuq mil-livell kritiku għas-saħħa tal-bniedem (AOT60 = 0) għandu jkun imnaqqas b'żewġ terzi fil-grid cells kollha meta komparat mas-sitwazzjoni fl-1990. B'żieda ma' dan, il-piż ta' l-ożonu fil-livell ta' l-art m'għandux jaqbeż il-limitu assolut ta' 2,9 ppm.h f'kull grid cell.

(ċ) Espożizzjoni tal-ożonu fil-livell tal-art relatat mal veġetazzjoni

Il-piż ta' l-ożonu fil-livell ta' l-art 'il fuq mil-livell kritiku għal-ħxejjex u veġetazzjoni semi-naturali (AOT40 = 3 ppm.h) għandu jkun imnaqqas b'terz fil-grid cells kollha meta komparat mas-sitwazzjoni fl-1990. B'żieda ma' dan, il-piż ta' l-ożonu fil-livell ta' l-art m'għandux jaqbeż il-limitu assolut ta' 10 ppm.h espress bħala eċċess tal-livell kritiku ta' 3 ppm.h f'kull grid cell.

Artikolu 6

Programmi nazzjonali

1. L-Istati Membri għandhom, sa mhux aktar tard mill-1 ta' Ottubru 2002, jiddisinjaw programmi għat-tnaqqis progressiv ta' l-emissjonijiet nazzjonali ta' l-inkwinanti msemmija fl-Artikolu 4 bil-għan li jkun hemm konformità mill-inqas mal-limiti nazzjonali ta' l-emissjonijiet stabbiliti fl-Anness I sa mhux aktar tard mill-2010.

2. Il-programmi nazzjonali għandhom jinkludu l-informazzjoni dwar politika adottata u dik maħsuba u l-miżuri u stimi kwantifikati ta' l-effett ta' dawn il-politiki u l-miżuri dwar emissjonijiet ta' l-inkwinanti fl-2010. Bidliet sinifikanti antiċipati fid-distribuzzjoni ġeografika ta' l-emissjonijiet nazzjonali għandhom ikunu indikati.

3. L-Istati Membri għandhom jaġġornaw u jirrevedu l-programmi nazzjonali kif meħtieġ sa l-1 ta' Ottubru 2006.

4. L-Istati Membri għandhom jagħmlu disponibbli għall-pubbliku u lill-organizzazzjonijiet xierqa bħalma huma organizzazzjonijiet ambjentali il-programmi magħmula skond il-paragrafi 1, 2 u 3. L-informazzjoni magħmula disponibbli lill-pubbliku u lill-organizzazzjonijiet skond dan il-paragrafu għandha tkun ċara, komprensibbli u faċli biex tkun aċċessibbli.

Artikolu 7

Inventarji ta' emissjonijiet u projettazzjonijiet

1. L-Istati Membri għadhom jippreparaw u jaġġornaw kull sena l-inventarji nazzjonali ta' l-emissjoni u l-projettazzjonijiet ta' l-emissjoni għall-2010 għall-inkwinanti msemmija fl-Artikolu 4.

2. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-inventarji ta' l-emissjonijiet tagħhom u l-projettazzjonijiet bl-użu ta' metodoloġiji speċifikati fl-Anness III.

3. Il-Kummissjoni, assistita mill-Aġenzija Ewropea Ambjentali, għandha, b'koperazzjoni ma' l-Istati Membri u abbażi ta' l-informazzjoni mogħtija lilhom, tistabbilixxi l-inventarji u l-projettazzjonijiet ta' l-inkwinanti msemmija fl-Artikolu 4. L-inventarji u l-projettazzjonijiet għandhom ikunu disponibbli għall-pubbliku.

4. Kull aġġornar tal-metodoloġiji li għandu jintuża skond l-Anness III, għandu jsir skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 13(2).

Artikolu 8

Rapporti mill-Istati Membri

1. L-Istati Membri għandhom kull sena, sa mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru, jirrapportaw l-inventarji nazzjonali tagħhom dwar l-emissjonijiet u l-projettazzjonijiet tagħhom dwar l-emissjonijiet għall-2010 stabbiliti skond l-Artikolu 7 lill-Kummissjoni u lill-Aġenzija Ambjentali Ewropea. Dawn għandhom jirrapportaw l-inventarji finali tagħhom ta' l-emissjonijiet għas-sena preċedenti nieqes waħda u l-inventarji proviżorji tagħhom dwar l-emissjonijiet għas-sena preċedenti. Projettazzjonijiet dwar l-emissjonijiet għandhom jinkludu l-informazzjoni biex jippermettu għarfien kwantitattiv ta' l-assunzjonijiet soċjo-ekonomiċi prinċipali użati fil-preparazzjoni tagħhom.

2. L-Istati Membri għandhom, sa mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2002, jinfurmaw lill-Kummissjoni bil-programmi magħmula skond l-Artikolu 6(1) u (2).

L-Istati Membri għandhom, sa mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2006, jinfurmaw lill-Kummissjoni bil-programmi aġġornati magħmula skond l-Artikolu 6(3).

3. Il-Kummissjoni għandha tibgħat il-programmi nazzjonali li rċeviet lill-Istati Membri l-oħra fi żmien xahar minn meta dawn ikunu riċevuti.

4. Il-Kummissjoni għandha, skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 13(2), tistabbilixxi disposizzjonijiet biex jassiguraw rappurtaġġ konsistenti u trasparenti tal-programmi nazzjonali.

Artikolu 9

Rapporti mill-Kummissjoni

1. Fl-2004 u l-2008 il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-progress ta' l-implimentazzjoni tal-limiti ta' l-emissjonijiet nazzjonali stabbiliti fl-Anness I u dwar sa fejn l-għanijiet ambjentali temporanji stabbiliti fl-Artikolu 5 x'aktarx jintlaħqu sa l-2010 u dwar il-limiti li għalih l-għanijiet fit-tul stabbiliti fl-Artikolu 1 jistgħu jintlaħqu sa l-2020. Ir-rapporti għandhom jinkludu stima ekonomika, inklużi cost-effectiveness, benefiċċji, stima ta' spejjeż marġinali u l-impatt soċjo-ekonomiku ta' l-implimentazzjoni tal-limiti nazzjonali fuq Stati Membri u setturi partikolari. Dawn għandhom jinkludu wkoll reviżjoni tal-limitazzjonijiet ta' l-għan ta' din id-Direttiva kif imfisser fl-Artikolu 2 u stima tal-limitu li għalih aktar tnaqqis ta' emissjonijiet jistgħu jkunu meħtieġa sabiex jintlaħqu l-għanijiet ambjentali temporanji stabbiliti fl-Artikolu 5. Dawn għandhom jikkunsidraw ir-rapporti magħmula mill-Istati Membri skond l-artikolu 8(1) u (2), kif ukoll, fost l-oħrajn:

(a) kull leġislazzjoni ġdida tal-Komunità li setgħet ġiet adottata li tistabbilixxi l-limiti ta' l-emissjonijiet u l-istandards tal-prodotti għas-sorsi rilevanti ta' l-emissjonijiet;

(b) l-iżviluppi ta' l-aqwa metodi ta' teknika disponibbli fil-qafas tal-bdil ta' l-informazzjoni skond l-Artikolu 16 tad-Direttiva 96/61/KE;

(ċ) għanijiet dwar tnaqqis ta' emissjonijiet għall-2008 għall-emissjonijiet ta' dijossidju tal-kubrit u ossidi nitroġeni minn impjanti ta' kombustjoni kbar, rapportati mill-Istati Membri bis-saħħa tad-Direttiva 2001/80/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2001 dwar il-limitazzjoni ta' l-emissjonijiet ta' ċerti inkwinanti fl-arja minn impjanti kbar ta' kombustjoni [11];

(d) tnaqqis ta' l-emissjoni u obbligazzjonijiet ta' tnaqqis minn pajjiżi terzi, b'enfasi partikolari fuq il-miżuri li għandhom jittieħdu fil-pajjiżi kandidati għas-sħubija, u l-possibilità għal tnaqqis ieħor ta' emissjoni fir-reġjuni fil-viċinanza tal-Komunità;

(e) kull leġislazzjoni ġdida tal-Komunità u kull regolamenti internazzjonali li jirregolaw l-emissjonijiet minn vapuri u ajruplani;

(f) l-iżvilupp tat-trasport u kull azzjoni oħra biex tikkontrolla l-emissjonijiet mit-trasport;

(g) l-iżviluppi fil-qasam ta' l-agrikoltura, proġettazzjonijiet ġodda ta' annimali u titjib fil-metodi ta' tnaqqis ta' emissjonijiet fis-settur agrarju;

(h) kull bdil prinċipali fis-suq tal-provvista ta' enerġija ġewwa Stat Membru u tbassir ġdid li jirrifletti l-azzjonijiet meħuda mill-Istati Membri biex iħarsu l-obbligi internazzjonali dwar il-bdil fil-klima;

(i) stima tal-eċċessi preżenti u dawk proġettati tat-tgħabijiet kritiċi u l-valuri tal-linji gwida tal-WHO għall-ożonu fil-livell ta' l-art;

(j) il-possibiltà ta' identifikazzjoni ta' xi għan propost interim għat-tnaqqis tal-ewtrofikazzjoni tal-ħamrija;

(k) informazzjoni teknika u xjentifika ġdida li tinkludi stima tal-inċertezzi fi:

(i) inventarji nazzjonali dwar l-emissjonijiet;

(ii) input reference data;

(iii) l-informazzjoni tat-trasport li jaqsam il-fruntieri u d-depożizzjoni ta' inkwinanti;

(iv) tgħabijiet kritiċi u livelli;

(v) il-mudell użat;

u stima tal-inċertezzi li jirriżultaw fil-limiti nazzjonali ta' l-emissjonijiet meħtieġa biex jintlaħqu l-għanijiet ambjentali temporanji imsemmija fl-Artikolu 5.

(l) jekk hemmx il-ħtieġa li jkunu evitati spejjeż eċċessivi għal xi Stat Membru individwali;

(m) paragun ta' kalkolazzjonijiet mudell bl-osservazzjonijiet ta' aċidifikazzjoni, ewtrofikazzjoni u ożonu fil-livell ta' l-art bil-għan li jkunu mtejjba l-mudelli;

(n) l-użu possibbli, meta xieraq, ta' l-istrumenti ekonomiċi rilevanti.

2. Fl-2012 il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-konformità mal-limiti fl-Anness I u dwar il-progress għar-rigward l-għanijiet ambjentali temporanji fl-Artikolu 5 u l-għanijiet fit-tul stabbiliti fl-Artikolu 1. Ir-rapport tagħha għandu jikkunsidra r-rapporti magħmula mill-Istati Membri skond l-Artikolu 8(1) u (2) kif ukoll il-materji elenkati fil-punti (a) sa (n) tal-paragrafu 1.

Artikolu 10

Reviżjoni

1. Ir-rapporti msemmija fl-Artikolu 9 għandhom jikkunsidraw il-fatturi elenkati fl-Artikolu 9(1). Fid-dawl ta' dawn il-fatturi, il-progress lejn il-ksib tal-limiti ta' l-emissjonijiet sas-sena 2010, tal-progress xjentifiku u tekniku, u tas-sitwazzjoni dwar il-progress biex jintlaħqu l-għanijiet temporanji ta' din id-Direttiva u l-għan fit-tul li ma jinqabżux il-critical loads u l-livelli u tal-linji gwida tad-WHO dwar l-ożonu, il-Kummissjoni għandha tagħmel reviżjoni ta' din id-Direttiva bi preparazzjoni għal kull rapport.

2. Sabiex ir-reviżjoni tkun lesta sa l-2004 għandha ssir stima fil-limiti ta' l-emissjonijiet indikattivi għall-Komunità globali stabbiliti fl-Anness II. L-istima ta' dawn il-limiti indikattivi għandha tkun fattur għall-konsiderazzjoni matul l-analiżi ta' aktar azzjonijiet cost-effective li jistgħu jittieħdu sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta' l-inkwinanti kollha rilevanti, bil-għan li jintlaħqu l-għanijiet ambjentali temporanji stabbiliti fl-Artikolu 5, għall-Komunità globali sa l-2010.

3. Ir-reviżjonijiet kollha għandhom jinkludu investigazzjoni oħra ta' l-istima ta' l-ispejjeż u l-benefiċċji tal-limiti nazzjonali ta' l-emissjonijiet, maħduma fuq mudelli ta' l-aħħar teknoloġija u bl-użu ta' l-aqwa informazzjoni disponibbli biex tintlaħaq l-inqas possibbiltà ta' inċertezza u billi jkun ikkunsidrat il-progress fit-tkabbir ta' l-Unjoni Ewropea, u tal-merti tal-metodoloġiji, fid-dawl tal-fatturi elenkati fl-Artikolu 9.

4. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 18 tad-Direttiva 96/61/KE, bil-għan li jkun evitat tgħawwiġ tal-kompetizzjoni, u meta jkunu kkunsidrati il-benefiċċji u l-ispejjeż tal-azzjoni, il-Kummissjoni għandha teżamina aktar il-ħtieġa li tiżviluppa miżuri armonizzati tal-Komunità, għas-setturi ekonomiċi l-aktar rilevanti u prodotti li jikkontribwixxu għall-aċidifikazzjoni, l-ewtrofikazzjoni u l-formazzjoni tal-ożonu fil-livell ta' l-art.

5. Ir-rapporti msemmija fl-Artikolu 9 ser, jekk xieraq, ikunu akkumpanjati bi proposti għal:

(a) modifiki tal-limiti nazzjonali fl-Anness I bil-għan li jintlaħqu l-għanijiet ambjentali temporanji ta' l-Artikolu 5 u/jew għall-modifiki lejn dawk l-għanijiet ambjentali temporanji;

(b) tnaqqis aktar possibbli ta' emissjonijiet bil-għan li jintlaħqu, preferibbilment sa l-2020, l-għanijiet ta' din id-Direttiva fuq medda twila ta' żmien;

(ċ) miżuri li jassiguraw konformità mal-limiti.

Artikolu 11

Koperazzjoni ma' pajjiżi terzi

Biex tippromwovi l-ksib ta' l-għanijiet stabbilit fl-Artikolu 1, il-Kummissjoni u l-Istati Membri, kif jixraq, għandhom, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 300 tat-Trattat, ifittxu li jagħmlu koperazzjoni bilaterali u multilaterali ma' pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti bħalma hi l-Kummissjoni Ekonomika Ewropea tan-Nazzjonijiet Uniti (UNECE), l-Organizzazzjoni Internazzjonali Marittima (IMO) u l-Organizzazzjoni Internazzjonali ta' l-Avjazzjoni Ċivili (ICAO), inkluż permezz tal-bdil ta' informazzjoni, dwar ir-riċerka u żvilupp tekniċi u xjentifiċi u bil-għan li titjieb il-bażi biex ikunu faċilitati t-tnaqqis ta' l-emissjonijiet.

Artikolu 12

Rapporti dwar l-emissjonijiet minn vapuri u ajruplani

1. Sa l-aħħar ta' l-2002 Il-Kummissjoni għandha tirraporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar kemm l-emissjonijiet minn traffiku internazzjonali marittimu jikkontribwixxi għall-aċidifikazzjoni, ewtrofikazzjoni u l-formazzjoni ta' l-ożonu fil-livell ta' l-art ġewwa l-Komunità.

2. Sa l-aħħar ta' l-2004 il-Kummissjoni għandha tirraporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar kemm l-emissjonijiet minn ajruplani lil hinn miċ-ċiklu ta' nżul u tluq jikkontribwixxu għall-aċidifikazzjoni, ewtrofikazzjoni u l-formazzjoni ta' l-ożonu fil-livell ta' l-art ġewwa l-Komunità.

3. Kull rapport għandu jispeċifika programm ta' azzjonijiet li għandu jsir fuq livell internazzjonali u tal-Komunità kif jixraq biex inaqqas l-emissjonijiet mis-settur interessat, bħala bażi għal aktar konsiderazzjoni mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill.

Artikolu 13

Kumitat

1. Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat imwaqqaf permezz ta' l-Artikolu 12 tad- Direttiva 96/62/KE, hawnhekk iżjed "il quddiem magħruf bħala" il-Kumitat.

2. Meta ssir riferenza għal dan il-paragrafu, l-Artikoli 4 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandhom jgħoddu, billi jkunu kkunsidrati d-disposizzjonijiet ta' l-Artikolu 8 tagħha.

Il-perjodu taż-żmien imsemmi fl-Artikolu 4(3) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jiġi stabbilit għal tliet xhur.

3. Il-Kumitat għandu jadotta r-regoli tiegħu ta' proċedura.

Artikolu 14

Penali

L-Istati Membri għandhom jistabilixxu l-penali applikabbli għall-ksur tad-disposizzjonijiet nazzjonali adottati bis-saħħa ta' din id-Direttiva. Il-penali għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u preventivi.

Artikolu 15

Trasposizzjoni

1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva qabel is-27 ta' Novembru 2002. Dawn għandhom mill-ewwel jgħarrfu lill-Kummissjoni b'dan.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-disposizzjonijiet, dawn għandhom jagħmlu riferenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati b'dik ir-riferenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu kif trid issir din ir-riferenza.

2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-disposizzjonijiet ewlenijja tal-liġijiet nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert b'din id-Direttiva.

Artikolu 16

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Artikolu 17

L-indirizzati

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula ġewwa l-Lussemburgu, fit-23 ta' Ottubru 2001.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

N. Fontaine

Għall-Kunsill

Il-President

A. Neyts-Uyttebroeck

[1] ĠU C 56 E, tad-29.2.2000, p. 34.

[2] ĠU C 51, tat-23.2.2000, p. 11.

[3] ĠU C 317, tas-6.11.2000, p. 35.

[4] Opinjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Marzu 2000 (ĠU C 377, tad-29.12.2000, p. 159), Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill tas-7 ta' Novembru 2000 (ĠU C 375, tat-28.12.2000, p. 1) u d-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew ta' l-14 ta' Marzu 2001 (għad mhux pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali). Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew ta' l-20 ta' Settembru 2001 u Deċiżjoni tal-Kunsill tas-27 ta' Settembru 2001.

[5] ĠU C 138, tas-17.5.1993, p. 1.

[6] ĠU L 275, ta' l-10.10.1998, p. 1.

[7] ĠU L 297, tat-13.10.1992, p. 1.

[8] ĠU L 121, tal-11.5.1999, p. 13.

[9] ĠU L 257, ta' l-10.10.1996, p. 26.

[10] ĠU L 184, tas-17.7.1999, p. 23.

[11] Ara p. 1 ta' din l-edizzjoni tal-Ġurnal Uffiċjali.

--------------------------------------------------

ANNESS I

Limiti nazzjonali ta' emizzjonijiet għall-SO2, NOx, VOC u NH3, li għandhom jintlaħqu sa l-2010 [1]

Pajjiż | SO2 Kilotunellati | NOx Kilotunellati | VOC Kilotunellati | NH3 Kilotunellati |

l-Awstrija | 39 | 103 | 159 | 66 |

il-Belġju | 99 | 176 | 139 | 74 |

id-Danimarka | 55 | 127 | 85 | 69 |

il-Finlandja | 110 | 170 | 130 | 31 |

Franza | 375 | 810 | 1050 | 780 |

il-Ġermanja | 520 | 1051 | 995 | 550 |

il-Greċja | 523 | 344 | 261 | 73 |

l-Irlanda | 42 | 65 | 55 | 116 |

l-Italja | 475 | 990 | 1159 | 419 |

il-Lussemburgu | 4 | 11 | 9 | 7 |

l-Olanda | 50 | 260 | 185 | 128 |

il-Portugall | 160 | 250 | 180 | 90 |

Spanja | 746 | 847 | 662 | 353 |

l-Isvezja | 67 | 148 | 241 | 57 |

Ir-Renju Unit | 585 | 1167 | 1200 | 297 |

KE 15 | 3850 | 6519 | 6510 | 3110 |

[1] Dawn il-limiti nazzjonali ta' l-emissjonijiet huma disinjati bil-għan li b'mod wiesa’ jilħqu l-għanijiet ambjentali temporanji stabbiliti fl-Artikolu 5. It-twettiq ta' dawk l-għanijiet hu mistenni li jirriżulta fi tnaqqis ta' ewtrofikazzjoni tal-ħamrija tali li ż-żona tal-Komunità bid-deposizzjonijeit ta' nutrijenti tan-nitroġenu li jaqbżu l-critical loads jitnaqqsu b'madwar 30 % meta komparati mas-sitwazzjoni fl-1990.

--------------------------------------------------

ANNESS II

Limitu ta' l-emissjoni għall-SO2, NOx u VOC (elf tunnellata)

| SO2 Kilotunellati | NOx Kilotunellati | VOC Kilotunellati |

KE 15 | 3634 | 5923 | 5581 |

Dawn il-limiti ta' emissjonijiet huma disinjati bil-għan li jintlaħqu l-għanijiet ambjentali temporanji stabbiliti fl-Artikolu 5 għall-Komunità b'mod globali sa l-2010.

--------------------------------------------------

ANNESS III

Metodoloġiji għall-inventarji ta' emissjonijiet u proġettazzjonijiet

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu inventarji ta' l-emissjonijiet u proġettazzjonijiet bl-użu ta' metodoloġiji maqbula skond il-Konvenzjoni dwar it-tniġġis bl-Arja fuq Medda Twila li Taqsam il-Fruntieri u li huma mitluba biex jużaw il-ktieb gwida konġunt ta' EMEP/CORINAIR [1] fil-preparazzjoni ta' dawn l-inventarji u proġettazzjonijiet.

[1] Inventarju ta' emissjonijiet ta' l-arja tal-Aġenzija Ambjentali Ewropea.

--------------------------------------------------

Top