Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32001E0555

Azzjoni konġunta tal-Kunsill ta’ l-20 ta’ Lulju 2001 dwar it-twaqqif ta’ ċentru tas-Satelliti ta’ l-Unjoni Ewropea

ĠU L 200, 25.7.2001, p. 5–11 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO, HR)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 25/06/2014; Imħassar b' 32014D0401

ELI: http://data.europa.eu/eli/joint_action/2001/555/oj

32001E0555



Official Journal L 200 , 25/07/2001 P. 0005 - 0011


Azzjoni konġunta tal-kunsill

ta’ l-20 ta’ Lulju 2001

dwar it-twaqqif ta’ ċentru tas-Satelliti ta’ l-Unjoni Ewropea

(2001/555/PESK)

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 14 tiegħu,

Billi:

(1) Fl-10 ta’ Novembru 2000 il-Kunsill irreġistra l-ftehim milħuq minnu fil-prinċipju dwar it-twaqqif ta’ ċentru tas-Satelliti fi ħdan l-Unjoni Ewropea, li jinkorpora l-aspetti rilevanti ta’ l-istrutturi eżistenti ta’ l-Unjoni Ewropea tal-Punent (WEU).

(2) It-twaqqif ta’ ċentru tas-Satelliti ta’ l-Unjoni Ewropea huwa essenzjali sabiex jissaħħu l-funzjonijiet ta’ twissija bikrija u ta’ kontroll ta’ kriżi fil-kuntest tal-Politika Barranija u ta’ Sigurtà Komuni (PESK), u b’mod partikolari tal-Politika Ewropea ta’ Sigurtà u Difiża (ESDP).

(3) L-istatut u l-istruttura taċ-ċentru għandhom jagħtuh s-setgħa illi jirrispondi għall-ħtiġijiet ta’ l-Unjoni Ewropea u ta’ l-Istati Membri u li jissodisfa l-funzjonijiet tiegħu b’kollaborazzjoni fil-qrib mal-Komunità, b’mod partikolari maċ-ċentru ta’ Riċerka Konġunta tal-Kummissjoni, istituzzjonijiet nazzjonali u internazzjonali. Huwa għandu jkun koerenti ma’ l-Istrateġija Ewropea dwar l-Ispażju, liema strateġija kienet endorsata mill-Kunsill fis-16 ta’ Novembru 2000.

(4) Iċ-ċentru tas-Satelliti ta’ l-Unjoni Ewropea għandu jkollu personalità ġuridika, waqt li jżomm rabtiet fil-qrib mal-Kunsill u jikkonsidra r-responsabiltajiet politiċi ġenerali ta’ l-Unjoni Ewropea u l-istituzzjonijiet tagħha.

(5) Skond l-Artikolu 6 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, id-Danimarka ma tieħux sehem fl-elaborazzjoni u fl-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet u l-azzjonijiet ta’ l-Unjoni Ewropea li għandhom implikazzjonijiet mad-difiża. Din id-disposizzjoni, madankollu, ma teskludix lid-Danimarka milli tieħu sehem f’attivitajiet ċivili taċ-ċentru meta din tkun iddikjarat ir-rieda tagħha li tikkontribwixxi għal dawk l-ispejjeż taċ-ċentru li m’għandhomx implikazzjonijiet mad-difiża.

ADOTTA DIN L-AZZJONI KONĠUNTA

Artikolu 1

Stabbiliment

1. 1. Ċentru tas-Satelliti ta’ l-Unjoni Ewropea (EUSC), hawnhekk iżjed ‘il quddiem imsejjaħ "iċ-ċentru", huwa hawnhekk stabbilit. Huwa għandu jkun operattiv mill-1 ta’ Jannar 2002.

2. Iċ-ċentru għandu jkollu l-kwartieri ġenerali tiegħu f’Torrejón de Ardoz fi Spanja.

3. L-infrastruttura inizjali taċ-ċentru ħa tiġi fornita mill-WEU.

Artikolu 2

Missjoni

1. Iċ-ċentru għandu jappoġġa t-teħid ta’ deċiżjonijiet ta’ l-Unjoni fil-kuntest tas-PESK, b’mod partikolari ta’ l-ESDP, billi jipprovvdi fejn ikun xieraq il-materjal li jirriżulta mill-analiżi ta’ l-immaġini satellitarji u data kollaterali, inklużi immaġini mill-ajru, skond l-Artikoli 3 u 4.

2. Stat Membru jew il-Kummissjoni jistgħu jindirizzaw talbiet għal kompitu partikolari lis-Segretarju Ġenerali/Rappreżentant Għoli, li, jekk il-kapaċità taċ-ċentru tippermetti, jidderiġi liċ-ċentru skond din il-kapaċità, in konformità ma’ l-Artikolu 4.

3. Stati Terzi li qabblu mad-disposizzjonijiet imniżżla fl-Anness dwar assoċjazzjoni ma’ l-attivitajiet taċ-ċentru jistgħu wkoll jindirizzaw talbiet lis-Segretarju Ġenerali/Rappreżentant Għoli, li, jekk il-kapaċità taċ-ċentru tippermetti, jidderiġi liċ-ċentru skond din il-kapaċità, in konformità ma’ l-Artikolu 4.

4. Organizzazzjonijiet internazzjonali bħal, per eżempju, n-Nazzjonijiet Uniti (UN), l-Organizzazzjoni għas-Sigurà u l-Koperazzjoni fl-Ewropa (OSCE) u l-Organizzazzjoni tat-Trattat ta’ l-Atlantiku ta’ Fuq (NATO), jistgħu wkoll jindirizzaw talbiet lis-Segretarju Ġenerali/Rappreżentant Għoli, li, jekk il-kapaċità taċ-ċentru tippermetti, jidderiġi liċ-ċentru skond din il-kapaċità, in konformità ma’ l-Artikolu 4.

Artikolu 3

Sorveljanza politika

Il-Kumitat tal-Politika u tas-Sigurtà (PSC) għandu, skond ir- responsabbilitajiet tiegħu għas-PESK u b’mod partikolari għall-ESDP, jeżerċita sorveljanza politika fuq l-attivitajiet taċ-ċentru u joħroġ gwida lis-Segretarju Ġenerali/Rappreżentant Għoli dwar il-prijoritajiet taċ-ċentru.

Artikolu 4

Direzzjoni ta’ l-operat

1. Is-Segretarju Ġenerali/Rappreżentant Għoli għandu jagħti direzzjoni lill-operat taċ-Ċentru, mingħajr ħsara lir-responsabbilitajiet tal-Bord u tad-Direttur taċ-ċentru, rispettivament, kif stipulati f’din l-Azzjoni Konġunta.

2. Fit-twettiq ta’ l-impenji tiegħu kif stipulati f’dan l-Artikolu, is-Segretarju Ġenerali/Rappreżentant Għoli għandu jibgħat rapport, meta approprjat u ta’ l-inqas darba kull sitt xhur, lill-Kumitat tal-Politika u tas-Sigurtà.

Artikolu 5

Prodotti taċ-ċentru

1. Il-prodotti taċ-ċentru, bħala tweġiba għat-talbiet magħmula skond l-Artikoli 2(1), 2(3) u 2(4) għandhom ikunu mqiegħda għad-disposizzjoni ta’ l-Istati Membri, tal-Kummissjoni, u tal-parti li tkun għamlet it-talba, fis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill. Dawn il-prodotti għandhom ikunu mqiegħda għad-disposizzjoni ta’ Stati Terzi li jkunu qabblu mad-Disposizzjonijiet imniżżla fl-Anness, skond dawn l-istess Disposizzjonijiet.

2. Fl-interess tat-trasparenza, is-Segretarju Ġenerali/ Rappreżentant Għoli għandu jqiegħed għad-disposizzjoni ta’ l-Istati Membri, tal-Kummissjoni u ta’ Stati Terzi li jkunu qabblu mad-Disposizzjonijiet imniżżla fl-Anness, it-talbiet kollha li jkunu saru skond l-Artikolu 2. Dan għandu jagħmlu skond ir-regoli dettaljati stipulai f’dawk id-Disposizzjonijiet.

3. Il-prodotti taċ-ċentru li jirriżultaw minn talbiet magħmula skond l-Artikolu 2(2) għandhom ikunu mqiegħda għad-disposizzjoni ta’ l-Istati Membri, il-Kummissjoni u/jew Stati Terzi li qabblu mad-Disposizzjonijiet imniżżla fl-Anness, skond id-deċiżjoni tal-parti li tkun għamlet it-talba.

Artikolu 6

Personalità Ġuridika

Iċ-ċentru għandu jkollu l-personalità ġuridika neċessarja sabiex iwettaq il-funzjonijiet tiegħu u sabiex jilħaq l-għanijiet tiegħu. Kull wieħed mill-Istati Membri għandu jieħu passi sabiex jikkonċedi liċ-ċentru dik il-personalità ġuridika mogħtija lil persuni ġuridiċi skond il-liġijiet tiegħu. Iċ-ċentru jista’, b’mod partikolari, jakkwista jew jiddisponi minn proprjetà mobbli u immobbli u jkun parti f’proċeduri legali. Iċ-ċentru m’għandux ikollu l-iskop li jagħmel profitt.

Artikolu 7

Bord

1. Iċ-ċentru għandu jkollu Bord illi japprova l-programm ta’ ħidma annwali u fit-tul u l-estimi approprjat. Il-Bord għandu jkun forum għad-diskussjoni ta’ kwistjonijiet marbuta mal-funzjonament, l-impjegati u t-tagħmir taċ-ċentru.

2. Il-Bord għandu jkun ippresedut mis-Segretarju Ġenerali/Rappreżentant Għoli jew, fil-każ li din il-persuna ma tkunx preżenti, mir-rappreżentant tagħha. Is-Segretarju Ġenerali/Rappreżentant Għoli għandu jagħti rapport lill-Kunsill dwar il-ħidma tal-Bord.

3. Il-Bord għandu jkun magħmul minn rappreżentant wieħed maħtur minn kull Stat Membru u rappreżentant ieħor maħtur mill-Kummissjoni. Kull membru tal-Bord jista’ jkun rappreżentat jew akkumpanjat minn persuna oħra. Ittri tal-ħatra, awtorizzati mill-Istat Membru jew mill-Kummissjoni, skond il-każ, għandhom jintbagħtu lis-Segretarju Ġenerali/Rappreżentant Għoli.

4. Id-Direttur taċ-ċentru jew ir-rappreżentant tiegħu, għandu, bħala regola, jattendi l-laqgħat tal-Bord. Id-Direttur Ġenerali ta’ l-Istaff Militari u l-President tal-Kumitat Militari, jew ir-rappreżentanti tagħhom, jistgħu wkoll jattendu l-laqgħat tal-Bord.

5. Deċiżjonijiet tal-Bord għandhom jittieħdu permezz ta’ vot mir-rappreżentanti ta’ l-Istati Membri b’maġġoranza kwalifikata, bil-voti jkunu peżati skond l-Artikolu 23(2), t-tielet subparagrafu, tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, mingħajr ħsara għall-Artikolu 13(2) ta’ din l-Azzjoni Konġunta. Il-Bord għandu jadotta r-regoli tal-proċedura tiegħu.

6. Il-Bord għandu jissejjaħ mill-President ta’ l-inqas darbtejn fis-sena u permezz tat-talba ta’, mill-anqas, terz tal-membri tal-Bord.

7. Il-Bord jista’ jiddeċiedi li jwaqqaf gruppi ta’ ħidma ad-hoc jew kumitati permanenti bl-istess format bħall-Bord sabiex jittrattaw suġġetti speċifiċi jew kwistjonijiet li jaqgħu taħt ir-responsabbilitajiet ġenerali tal-Bord. Dawn għandhom iwettqu l-ħidma tagħhom taħt is-sorveljanza tal-Bord. Id-deċiżjoni li twaqqaf dan il-grupp jew kumitat għandha tistabbilixxi l-mandat, il-komposizzjoni u d-dewmien tiegħu.

Artikolu 8

Direttur

1. Il-Bord għandu jaħtar Direttur taċ-ċentru minn fost iċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri. L-Istati Membri għandhom jissottomettu l-kandidaturi lis-Segretarju Ġenerali/Rappreżentant Għoli u dan, imbagħad, għandu jibgħathom lill-Bord. Id-Direttur għandu jinħatar għal tlett snin, bil-possibbiltà ta’ estenzjoni għal terminu wieħed ta’ sentejn.

2. Id-Direttur għandu, bl-approvazzjoni tal-Bord, jaħtar Viċi-Direttur taċ-Ċentru għal perjodu ta’ tlett snin. Id-Direttur għandu jkun responsabbli għar-reklutaġġ ta’ l-impjegati l-oħra kollha taċ-ċentru.

3. Id-Direttur għandu jassigura l-esekuzzjoni tal-missjoni taċ-ċentru skond l-Artikolu 2. Minbarra dan, id-Direttur għandu wkoll iżomm livell għoli ta’ kompetenza u professjonaliżmu fiċ-Ċentru kif ukoll efficjenza u effikaċja fl-insegwiment tal-missjoni taċ-ċentru. Id-Direttur għandu jieħu dawk il-miżuri kollha li huma neċessarji sabiex jintlaħaq dan il-għan, inklużi t-taħriġ ta’ l-impjegati u l-ġestjoni ta’ proġetti ta’ riċerka u żvilupp bħala appoġġ tal-missjoni taċ-ċentru.

4. Id-Direttur għandu jkun responsabbli wkoll illi:

- jipprepara l-ħidma tal-Bord, b’mod partikolari l-abbozz tal-programm ta’ ħidma annwali taċ-ċentru;

- jieħu ħsieb l-amministrazzjoni ta’ kuljum taċ-ċentru;

- jipprepara r-rendikont tad-dħul u l-ispejjeż taċ-ċentru u jimplimenta l-estimi taċ-ċentru;

- jieħu ħsieb aspetti ta’ sigurta;

- jieħu ħsieb tal-kwistjonijiet kollha li għandhom x’jaqsmu ma’ l-impjegati;

- jinforma lill-Kumitat dwar il-Politika u s-Sigurtà dwar il-programm ta’ ħidma annwali;

- jassigura koperazzjoni fil-qrib u skambju ta’ informazzjoni mas-servizzi tal-Komunità marbuta ma’ l-ispażju, b’mod partikolari maċ-ċentru għar-Riċerka Konġunta tal-Kummissjoni;

- jistabbilixxi kuntatti ma’ istituzzjonijiet oħra, kemm nazzjonali u kif ukoll internazzjonali, li joperaw fil-qasam ta’ l-ispażju.

5. Fil-limiti tal-programm ta’ ħidma u tal-estimi taċ-ċentru, id-Direttur għandu jkollu l-poter li jikkonkludi kuntratti, li jirrekluta impjegati approvati fl-estimi u li jidħol fi spejjeż li huma neċessarji għall-operazzjoni taċ-ċentru.

6. Id-Direttur għandu jipprepara rapport annwali dwar l-attivitajiet taċ-ċentru. Dan ir-rapport għandu jkun lest sal-31 ta’ Marzu tas-sena ta’ wara. Ir-rapport għandu jintbagħat lill-Bord u lill-Kunsill. Il-Kunsill għandu jibgħat dan ir-Rapport lill-Parlament Ewropew, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri.

7. Id-Direttur għandu jagħti rendikont ta’ għemilu lill-Bord.

8. Id-Direttur għandu jkun ir-rappreżentant legali taċ-ċentru.

Artikolu 9

L-Impjegati

1. L-impjegati taċ-ċentru, inkluż id-Direttur, għandhom ikunu impjegati b’kuntratt u għandhom jintgħażlu fuq bażi kemm jista’ jkun wiesgħa minn fost iċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri. L-impjegati tal-bidu għandhom jintgħażlu kif ikun meħtieġ minn fost l-impjegati taċ-ċentru tas-Satelliti ta’ l-WEU.

2. L-impjegati għandhom jinħatru mid-Direttur a bażi tal-mertu u permezz ta’ proċeduri kompetittivi ġusti u trasparenti.

3. Id-disposizzjonijiet dwar l-impjegati taċ-ċentru għandhom jiġu adottati mill-Kunsill fuq rakkomandazzjoni mid-Direttur.

Artikolu 10

Sigurtà

1. Iċ-ċentru għandu japplika r-regolamenti tal-Kunsill dwar is-sigurta kif stipulati fid-Deċiżjoni 2001/264/KE [1].

2. Iċ-ċentru għandu jassigura illi l-komunikazzjoni bejnu u s-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill, inklużi l-Istaff Militari ta’ l-UE, tkun sigura u veloċi.

Artikolu 11

Programm ta’ ħidma

Mhux aktar tard mit-30 ta’ Novembru ta’ kull sena, l-Bord għandu, a bażi ta’ abbozz sottomess mid-Direttur taċ-ċentru, jadotta l-programm ta’ ħidma annwali taċ-ċentru għas-sena ta’ wara. Il-miżuri li għandhom jiġu mwettqa taħt il-programm annwali għandhom ikunu akkompanjati bi stima ta’ l-ispejjeż meħtieġa.

Artikolu 12

Estimi

1. Kull oġġett tad-dħul u tan-nefqa taċ-ċentru għandhom ikunu inklużi fi stimi li għandhom isiru għal kull sena finanzjarja, li għanda tikkorrispondi mas-sena kalendjarja, u għandhom jintwerew fl-estimi taċ-ċentru, li għandu jinkludi lista ta’ l-impjegati.

2. Id-dħul u l-ispejjeż imniżżla fl-estimi taċ-ċentru għandhom ikunu ibbilanċjati.

3. Id-dħul taċ-ċentru għandu jkun mill-kontribuzzjonijiet ta’ l-Istati Membri, minbarra d-Danimarka, skond l-iskala tal-GNP u mill-pagamenti magħmula bħala ħlas għas-servizzi mogħtija.

4. Talbiet għal kompitu partikolari minn Stat Membru, mill-Kummissjoni, minn organizzazzjonijiet internazzjonali jew minn Stati Terzi li qabblu mad-Disposizzjonijiet stipulati fl-Anness, għandhom ikunu suġġetti għall-miżati meħtieġa sabiex jiġu rkuprati l-ispejjeż skond ir-Regoli ta’ Gwida mniżżla fir-Regoli Finanzjarji msemmija fl-Artikolu 15.

5. B’deroga mill-paragrafu 4, sal-31 ta’ Diċembru 2003, ir-riżultati tat-talbiet għal kompitu partikolari magħmula skond l-Artikolu 2(2) għandhom ikunu mingħajr ħlas. B’deroga mill-Artikolu 5(3), ir-riżultati ta’ dawn it-talbiet għandhom jitqiegħdu għad-disposizzjoni ta’ l-Istati Membri kollha, tal-Kummissjoni u, bid-deċiżjoni tal-parti li tkun għamlet it-talba, u ta’ Stati Terzi li qabblu mad-Disposizzjonijiet stipulati fl-Anness u skond dawk id-Disposizzjonijiet.

Artikolu 13

Proċedura dwar l-estimi

1. Id-Direttur għandu, sat-30 ta’ Ġunju ta’ kull sena, jistabbilixxi abbozz tal-estimi għaċ-ċentru, liema estimi għandu jkopri spejjeż amministrattivi, spejjeż operazzjonali u d-dħul mistenni fis-sena finanzjarja ta’ wara. Id-Direttur għandu jissottometti dan l-abbozz lill-Bord. Id-Direttur għandu jibgħat l-abbozz tal-estimi lill-Kunsill għall-informazzjoni tiegħu.

2. Il-Bord, b’unanimità bejn ir-rappreżentanti ta’ l-Istati Membri għandu jadotta l-estimi taċ-ċentru sal-15 ta’ Diċembru ta’ kull sena.

3. Jekk, waqt li tkun qiegħda tiġi immoniterjata xi kriżi, ir-riżorsi għad-disposizzjoni taċ-ċentru ma jkunux biżżejjed biex ilaħħqu mad-domanda għall-prodotti taċ-ċentru, id-Direttur jista’ jipproponi estimi supplimentari lill-Bord.

Artikolu 14

Kontroll fuq l-estimi

1. Il-kontroll fuq l-irbit u l-pagamenti ta’ l-ispejjeż kollha u r-reġistrazzjoni u l-kollezzjoni tad-dħul kollu għandu jsir minn kontrollor finanzjarju indipendenti maħtur mill-Bord.

2. Mhux aktar tard mill-31 ta’ Marzu ta’ kull sena, d-Direttur għandu jissottometti lill-Kunsill għall-informazzjoni tiegħu, u lill-Bord, kontijiet dettaljati tad-dħul u l-ispejjeż kollha tas-sena finanzjarja ta’ qabel flimkien mar-rapport dwar l-attivitajiet taċ-ċentru.

3. Il-Bord għandu jagħti r-rilaxx lid-Direttur rigward l-implimentazzjoni tal-estimi.

Artikolu 15

Regoli finanzjarji

Il-Bord, bil-kunsens tal-Kunsill, għandu jipprepara, fuq proposa mid-Direttur, regoli finanzjarji dettaljati li jispeċifikaw b’mod partikolari l-proċedura li għandha tiġi applikata fit-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-estimi taċ-ċentru.

Artikolu 16

Privileġġi u immunitajiet

Privileġġi u immunitajiet meħtieġa għat-twettiq ta’ l-obbligi taċ-ċentru, tad-Direttur taċ-ċentru u ta’ l-impjegati taċ-ċentru, għandhom ikunu stabbiliti fi ftehim bejn l-Istati Membri.

Artikolu 17

Persunal issekondat

1. Bi ftehim mad-Direttur, esperti mill-Istati Membri u mill-Kummissjoni jistgħu jiġu issekondati għal maċ-ċentru għal perjodi ta’ mhux aktar minn sena sabiex dawn jiffamiljarizzaw ruħhom mal-funjonijiet ta’ dan iċ-ċentru. Il-kandidati għandhom ikunu analisti ta’ l-immaġini ta’ esperjenza u li għandhom il- kwalifiki professjonali meħtieġa sabiex dawn ikunu jistgħu jaħdmu fuq immaġini diġitali u jkunu jistgħu jintegraw ruħhom fl-attivitajiet operazzjonali taċ-ċentru. Ir-regoli dettaljati dwar l-issekondar għandhom isiru mid-Direttur taċ-ċentru.

2. Fil-każ ta’ kriżi, iċ-ċentru jista’ jilqa’ l-għajnuna ta’ impjegai speċjalizzati issekondati mill-Istati Membri jew mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill. Il-bżonn għal u t-tul ta’ dan l-issekondar għandu jiġi determinat mis-Segretarju Ġenerali/Rappreżentant Għoli b’konsultazzjoni mad-Direttur taċ-ċentru.

Artikolu 18

Responsabbiltà legali

1. Ir-responsabbiltà kontrattwali taċ-ċentru għandha tkun regolata mill-liġi li tapplika għall-kuntratt konċernat.

2. Ir-responsabbiltà personali ta’ l-impjegati lejn iċ-ċentru għandha tkun regolata mid-Disposizzjonijiet li japplikaw għall-impjegati taċ-ċentru.

Artikolu 19

Aċċess għal dokumenti

Fuq proposta mid-Direttur, il-Bord għandu, sat-30 ta’ Ġunju 2002, jadotta regoli dwar l-aċċess tal-pubbliku għad-dokumenti taċ-ċentru. Il-prinċipji u l-limiti stipulati fir-Regolament Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess tal-pubbliku għal dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni [2] għandhom ikunu meqjusa.

Artikolu 20

Il-pożizzjoni tad-Danimarka

Il-membru Daniż tal-Bord għandu jieħu sehem fil-ħidma tal-Bord skond l-Artikolu 6 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea.

Id-Danimarka tista’ tagħmel talbiet li ma għandhomx implikazzjonijiet mad-difiża lis-Segretarju Ġenerali/ Rappreżentant Għoli skond l-Artikolu 2(2).

Prodotti li jirriżultaw mill-missjonijiet taħt l-Artikolu 2 għandhom jitqiegħdu għad-disposizzjoni tad-Danimarka taħt l-istess kondizzjonijiet applikabbli għall-Istati Membri l-oħra, minbarra talbiet li għandhom implikazzjonijiet mad-difiża taħt l-Artikolu 2(2), (3) u (4) u r-riżultati ta’ dawn it-talbiet.

Id-Danimarka għandha d-dritt illi tissekonda impjegati maċ-ċentru skond l-Artikolu 17.

Artikolu 21

Assoċjazzjoni ma’ Stati Terzi

Membri Ewropej tan-NATO li mhumiex membri ta’ l-UE u Stati oħra li huma kandidati għall-adeżjoni ma’ l-UE jistgħu jkunu involuti fl-attivitajiet taċ-ċentru skond id-Disposizzjonijiet stipulati fl-Anness.

Artikolu 22

Reviżjoni

Is-Segretarju Ġenerali/Rappreżentant Għoli għandu, mhux aktar tard minn ħames snin mid-dħul fis-seħħ ta’ din l-Azzjoni Konġunta, jippreżenta rapport lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta’ din l-Azzjoni Konġunta bil-għan li ssir reviżjoni tagħha.

Artikolu 23

Disposizzjonijiet transitorji

1. L-ewwel Bord taċ-ċentru għandu jiġi maħtur u d-Direttur innominat, sal-31 ta’ Lulju 2001. Id-Direttur għandu jiġi fdat bil-ġestjoni tat-transizzjoni taċ-ċentru minn organu sussidjarju ta’ l-WEU għal entità ġdida.

2. Id-Direttur innominat għandu jippreżenta abbozz tal-estimi għas-sena 2002 sal-15 ta’ Settembru 2001. Il-Bord għandu jadotta dan l-estimi sal-15 ta’ Novembru 2001.

3. L-impjegati li fil-31 ta’ Diċembru jkunu għadhom qed jaħdmu maċ-ċentru, għandhom jitqiesu bħala impjegati maċ-ċentru u mhux aktar ma’ l-WEU. L-obbligi li jirriżultaw mill-kuntratti ta’ impjieg eżistenti, kif definiti fl-atti applikabbli, għandhom ikunu onorati miċ-ċentru bħala l-entità li tħaddem il-ġdida.

4. Iċ-ċentru għandu jerfa’ wkoll ir-responsabbiltà ta’ kuntratti li ġew iffirmati mill-WEU f’isem iċ-ċentru tas-Satelliti ta’ l-WEU u li ma għandhomx x’jaqsmu ma’ l-impjegati.

5. Kompiti partikolari li kienu diġa mitluba taħt ir-reġim ta’ l-WEU sal-31 ta’ Diċembru għandhom jitlestew mingħajr ħlas għall-parti li kienet għamlet it-talba.

6. L-estimi għall-ispejjeż li għandhom jitħallsu mill-Istati Membri għas-sena finanzjarja ta’ l-2002 għandu jkun ta’ EUR 9,3 miljuni, u dan għandu jinkludi kontribuzzjoni voluntarja mid-Danimarka.

Artikolu 24

Din l-Azzjoni Konġunta għandha tidħol fis-seħħ fid-data li tkun adottata.

Artikolu 25

Din l-Azzjoni Konġunta għandha tkun ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali.

Magħmul fi Brussell, l-20 Lulju 2001.

Għall-Kunsill

Il-President

J. Vande Lanotte

[1] ĠU L 101, tal-11.4.2001, p. 1.

[2] ĠU L 145, tal-31.5.2001, p. 43

--------------------------------------------------

ANNESS

DIŻPOZIZZJONIJIET DWAR L-ASSOĊJAZZJONI TA' STATI TERZI MA' L-ATTIVITAJIET TAĊ-ĊENTRU TAS-SATELLITI TA' L-UNJONI EWROPEA

Artikolu 1

Għan

Dawn id-disposizzjonijiet jistabbilixxu l-iskop ta' u regoli dettaljati dwar l-involvimenti ta' Stati Terzi fl-attivitajiet taċ-ċentru.

Artikolu 2

Skop

Stati Terzi msemmija fl-Artikolu 21 ta' l-Azzjoni Konġunta għandhom ikunu intitolati:

- li jissottomettu talbiet nazzjonali għal analiżi ta' immaġini li imbagħad jiġu implimentati miċ-ċentru;

- li jissottomettu kandidati għal-issekondar maċ-ċentru bħala analisti ta' l-immaġini għal perjodu limitat;

- li jkollhom aċċess għall-prodotti taċ-ċentru skond l-Artikolu 5 ta' dawn id-Disposizzjonijiet

Artikolu 3

Talbiet għal kompitu partikolari

1. Talbiet għal kompitu partikolari dwar l-analiżi ta' immaġini sabiex ikunu implimentati miċ-ċentru jistgħu jkunu sottomessi minn Stati Terzi lis-Segretarju Ġenerali/Rappreżentant Għoli skond l-Artikolu 2(3) ta' l-Azzjoni Konġunta.

2. Jekk il-kapaċità taċ-ċentru tippermetti, is-Segretarju Ġenerali/Rappreżentant Għoli, għandu jiggwida liċ-ċentru skond din il-kapaċità, skond l-Artikolu 4 ta' l-Azzjoni Konġunta.

3. Stati Terzi, flimkien ma' kull talba, għandhom jibgħatu data kollaterali skond kif ikun approprjat, u għandhom iħallsu liċ-ċentru, skond l-Artikolu 12(4) ta' l-Azzjoni Konġunta u r-regoli dwar miżati meħtieġa sabiex jiġu rkuprati l-ispejjeż imsemmija fir-Regoli Finanzjarji taċ-ċentru. Stati Terzi għandhom jindikaw jekk it-talbiet għal kompiti partikolari u/jew il-prodotti għandhomx jitqiegħdu għad-disposizzjoni ta' Stati Terzi oħra u organizzazzjonijiet internazzjonali.

Artikolu 4

Issekondar ta' analisti ta' l-immaġini

1. Stati Terzi għandhom ikunu intitolati li jissottomettu liċ-ċentru kandidati għall-issekondar bħala analisti ta' l-immaġini għal perjodu limitat bil-għan li dawn jiffamiljarizzaw ruħhom mal-funzjonament taċ-ċentru.

2. Il-kandidaturi għandhom jittieħdu in konsiderazzjoni; dan suġġett għal jekk ikunx hemm pożizzjonijiet vojta jew le.

3. It-tul ta' l-issekondar jibda b' perjodu ta' sitt xhur. Dan jista' jkun prolongat għal massimu ta' sitt xhur oħra iżda dan hu suġġett għal reviżjoni ibbażata fuq proposta tad-Direttur taċ-ċentru u jiddependi mill-kapaċitajiet disponibbli taċ-ċentru. Għandha tittieħed in konsiderazzjoni l-aktar rotazzjoni wiesgħa possibli bejn kandidati minn Stati Terzi interessati.

4. Il-kandidati għandhom ikunu analisti ta' l-immaġini ta' esperjenza u li għandhom il- walifiki professjonali meħtieġa sabiex dawn ikunu jistgħu jaħdmu fuq immaġini diġitali. Esperti issekondati għandhom jieħdu sehem normali f'dawk l-attivitajiet operazzjonali taċ-ċentru li jużaw immaġini kummerċjali.

5. Analiżi ta' l-immaġini minn Stati Terzi għandhom iħarsu r-regoli rilevanti ta' sigurta taċ-ċentru u għandhom jidħlu f'rabta li jħarsu l-konfidenzjalità taċ-ċentru.

6. Stati Terzi għandhom iħallsu s-salarju ta' l-analist ta' l-immaġini issekondat maċ-ċentru, l-ispejjeż kollha relatati bħal per eżempju konċessjonijiet, piżijiet soċjali, spejjeż ta' installazzjoni u vjaġġar, kif ukoll spejjeż addizzjonali għall-estimi taċ-ċentru kif determinat bir-regoli dettaljati msemmija fil-paragrafu 8.

7. Spejjeż marbuta ma' missjonijiet li huma parti integrali mill-attivitajiet ta' l-analista ta' l-immagini issekondat minn Stati Terzi għal maċ-ċentru għandhom jitħallsu mill-estimi taċ-ċentru.

8. Ir-regoli dettaljati dwar l-issekondar għandhom ikunu stabbiliti mid-Direttur taċ-ċentru.

Artikolu 5

Id-disponibilità tal-prodotti taċ-ċentru

1. Is-Segretarju Ġenerali/Rappreżentant Għoli għandu jinforma lill-Stati Terzi meta l-prodotti mitluba skond l-Artikolu 2 ta' l-Azzjoni Konġunta jkunu għad-disposizzjoni tagħhom fis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.

2. Talbiet għal kompitu partikolari u prodotti magħmula skond l-Artikolu 2(1) ta' l-Azzjoni Konġunta għandhom jitqiegħdu għad-disposizzjoni ta' Stati Terzi meta s-Segretarju Ġenerali/Rapprezentant Għoli jidhirlu li huma rilevanti għad-djalogu, konsultazzjoni u koperazzjoni fl-Unjoni Ewropea dwar l-ESDP.

3. Talbiet għal kompitu partikolari u prodotti taċ-ċentru li jirriżultaw minn talbiet magħmula skond l-Artikolu 2(2), (3) u (4) ta' l-Azzjoni Konġunta għandhom jitqiegħdu għad-disposizzjoni ta' Stati Terzi wara d-deċiżjoni tal-Parti lit kun għamlet it-talba.

Artikolu 6

Sigurta

Fir-relazzjonijiet tagħhom maċ-ċentru u rigward il-prodotti tiegħu, il-Stati Terzi għandhom, fi Skambju ta' Ittri maċ-ċentru, jikkonfermaw illi humajapplikaw l-istandards ta' sigurta definiti fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/264/KE, kif ukoll dawk stipulati minn fornituri possibli ta' data klassifikata.

Artikolu 7

Kumitat Konsultattiv

1. Għandu jitwaqqaf Kumitat Konsultattiv, presedut mid-Direttur taċ-ċentru, jew mir-rappreżentant tiegħu jew tagħha, u magħmul minn rappreżentanti tal-membri tal-Bord u rappreżentanti tal-Stati Terzi li aċċettaw dawn id-Disposizzjonijiet. Il-Kumitat Konsultattiv jista' jiltaqa' b'komposizzjonijiet differenti.

2. Il-Kumitat għandu jindirizza kwistjonijiet ta' interess komuni li jaqgħu taħt l-iskop ta' dawn id-Disposizzjonijiet

3. Il-President għandu jsejjaħ laqgħa tal-Kumitat fiċ-Ċentru b'inizjattiva tiegħu jew wara talba ta' mill-anqas terz tal-membri tal-Kumitat, u f' kull każ, mhux anqas minn darbtejn fis-sena

Artikolu 8

Dħul fis-seħħ

1. Dawn id-disposizzjonijiet jidħlu fis-seħħ fir-rigward ta' kull Stat Terz fl-ewwel ġurnata tax-xahar ta' wara x-xahar li fih tkun saret notifikazzjoni lis-Segretarju Ġenerali/Rappreżentant Għoli mill-awtorità kompetenti tal-Stat Terz ta' l-aċċettazzjoni tat-termini stipulati f'dawn id-Disposizzjonijiet.

2. Meta Stat Terz ikun ser jiddeċiedi illi ma jagħmilx aktar użu minn dawn id-Disposizzjonijiet, huwa għandu jinnotifika b'dan lis-Segretarju Ġenerali/Rappreżentant Għoli mill-anqas xahar qabel ma jieħu din id-deċiżjoni.

--------------------------------------------------

Top