Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32001D0051

    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2000 li tistabbilixxi Programm li għandu x'jaqsam ma' l-istrateġija qafas tal-Komunità dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi (2001-2005)

    ĠU L 17, 19.1.2001, p. 22–29 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2006

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2001/51(1)/oj

    32001D0051



    Official Journal L 017 , 19/01/2001 P. 0022 - 0029


    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill

    tal-20 ta' Diċembru 2000

    li tistabbilixxi Programm li għandu x'jaqsam ma' l-istrateġija qafas tal-Komunità dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi (2001-2005)

    (2001/51/KE)

    IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 13 tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1],

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2],

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [3],

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni [4],

    Billi:

    (1) Il-prinċipju ta' trattament ugwali għan-nisa u l-irġiel huwa prinċipju fundamentali tal-liġijiet Komunitarji u d-Direttivi u l-atti l-oħra adottati sabiex ilaħħqu miegħu kellhom sehem maġġuri fit-titjib tas-sitwazzjoni tal-mara.

    (2) L-esperjenza ta' l-azzjoni fil-livell Komunitarju wriet illi l-promozzjoni ta' l-ugwaljanza bejn is-sessi fil-prattika ssejjaħ għal għaqda tal-miżuri u, b'mod partikolari, tal-leġislazzjoni u l-azzjonijiet prattiċi mfasslin sabiex isaħħu lil xulxin. L-esperjenza wriet ukoll illi għandu jissokta x-xogħol Komunitarju f'dan il-qasam, billi jgħaqqad flimkien l-integrazzjoni tad-dimensjoni dwar is-sess ma' azzjonijiet speċifiċi. B'żieda ma' dan l-esperjenza wriet l-importanza tar-rwol ta' l-irġiel fil-kisba ta' l-ugwaljanza bejn is-sessi.

    (3) Il-persistenza tad-diskriminazzjoni strutturali, imsejsa fuq is-sess, id-diskriminazzjoni doppja u spiss multipla li jiffaċċjaw ħafna nisa u l-inugwaljanza persistenti bejn is-sessi jiġġustifikaw il-kontinwazzjoni u t-tisħiħ ta' l-azzjonijiet Komunitarji f'dan il-qasam u l-adozzjoni ta' metodi u approċċi ġodda.

    (4) Il-Parlament Ewropew, fir-Riżoluzzjoni tiegħu dwar ir-rapport interim tal-Kummissjoni rigward l-implimentazzjoni tal-programm ta' l-azzjoni Komunitarja fuq skond medju dwar l-opportunitajiet ugwali għall-irġiel u n-nisa (1996-2000) [5], sejjaħ lill-Kummissjoni sabiex tissottometti proposta għall-ħames programm ta' azzjoni.

    (5) Il-Kunsill, fil-Konklużjonijiet tiegħu tat-22 ta' Ottubru 1999 enfasizza l-importanza ta' programm ġdid ta' azzjoni sabiex jippromwovi l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel.

    (6) Ir-Raba’ Konferenza Dinjija dwar in-Nisa miżmuma f'Beijing fil-15 ta' Settembru 1995 adottat Dikjarazzjoni u Pjattaforma għall-Azzjoni li ssejjaħ lill-gvernijiet, lill-komunità internazzjonali u lis-soċjetà ċivili sabiex jieħdu azzjoni strateġika li telimina kemm id-diskriminazzjoni kontra n-nisa u l-ostakoli għall-ugwaljanza bejn is-sessi. Id-dokument finali li ħareġ mill-laqgħa ta' segwiment u l-valutazzjoni magħmula fl-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fi New York mill-5 sad-9 ta' Ġunju 2000 (Beijing + 5) ikkonfermaw id-Dikjarazzjoni u l-Pjattaforma ta' Azzjoni u saħħu lil din ta' l-aħħar f'ċerti oqsma. Ukoll, affermaw mill-ġdid il-ħtieġa li tiġi implimentata għal kollox u bil-ħeffa.

    (7) L-Istati Membri kollha u l-pajjiżi applikanti iffirmaw u rratifikaw il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Eliminazzjoni tal-Għamliet Kollha ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW).

    (8) Il-Kunsill Ewropew, fil-laqa’ tiegħu f'Lisbona fit-23 u l-24 ta' Marzu 2000 u f'Santa Maria da Feira fid-19 u l-20 ta' Ġunju 2000, sejjaħ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jissoktaw l-aspetti kollha ta' opportunitajiet indaqs fil-politika tax-xogħol, per eżempju billi titnaqqas is-segregazzjoni fil-mestieri u biex issir aktar faċli r-rikonċiljazzjoni bejn il-ħajja tax-xogħol u dik tal-familja, b'mod partikolari billi tiġi stabbilita għatba ġdida għall-provvediment imtejjeb fil-kura tat-tfal. Il-Kunsill iffissa wkoll l-għanijiet kwantitattivi, fost ħwejjeġ oħra, rigward in-numru dejjem jikber tan-nisa li jaħdmu minn medja ta' 51 % fil-preżent għal aktar minn 60 % sas-sena 2010.

    (9) Fir-Riżoluzzjoni tiegħu tad-29 ta' Ġunju 2000 [6] il-Kunsill enfasizza l-importanza ta' parteċipazzjoni bbilanċjata bejn in-nisa u l-irġiel fil-ħajja tal-familja u dik tax-xogħol.

    (10) L-istrateġija qafas Komunitarja ġdida għall-ugwaljanza bejn is-sessi tinkorpora l-attivitajiet kollha Komunitarji li skond l-Artikolu 3(2) tat-Trattat jimmiraw sabiex jiġu eliminati l-inugwaljanzi, u li jippromwovu l-ugwaljanza, bejn l-irġiel u n-nisa. Din id-Deċiżjoni tipprovdi l-istruttura għall-attivitajiet oriżżontali u ta' kordinazzjoni meħtieġa sabiex tiġi żgurata l-koerenza u li jiġu żviluppati sinerġiji rigward l-implimentazzjoni ta' l-istrateġija qafas Komunitarja.

    (11) Sabiex jiġi msaħħaħ il-valur miżjud ta' l-azzjoni Komunitarja, il-Kummissjoni f'koperazzjoni ma’ l-Istati Membri, għandha tiżgura, fil-livelli kollha, il-koerenza u l-komplimentarjetà ta' l-azzjonijiet implimentati fil-qafas ta' din id-Deċiżjoni u l-politiki, l-istrumenti u l-azzjonijiet Komunitarji l-oħra rilevanti, b'mod partikolari dawk li jirrigwardaw l-istrateġija kkordinata tax-xogħol, tal-politika soċjali, tal-Fond Soċjali Ewropew, ta' l-edukazzjoni, tat-taħriġ vokazzjonali u taż-żgħażagħ.

    (12) Il-miżuri sabiex isaħħu l-kapaċità tal-persuni ċavetta involuti fil-promozzjoni ta' l-ugwaljanza bejn is-sessi għandhom jinkludu l-iskambju tat-tagħrif, ta' l-esperjenza u ta' l-aħjar prattiċi fost in-networks, inklużi n-network tal-Kumitati Parlamentari għall-Opportunitajiet Indaqs għan-Nisa u l-Irġiel fl-Istati Membri u fil-Parlament Ewropew u n-networks ta' l-esperti tal-Kummissjoni. Il-promozzjoni tas-sinerġija fost il-membri tan-networks għandha tkun kwistjoni ta' prijorità.

    (13) Huwa importanti illi l-Kummissjoni u l-Istati Membri jagħmlu sforzi sabiex jiżguraw illi t-testi kollha, il-linji gwida, u s-sejħiet għall-offerti ppubblikati skond dan il-programm jinkitbu f'ilsien ċar, sempliċi u aċċessibbli.

    (14) Huwa meħtieġ għas-suċċess ta' kull azzjoni Komunitarja illi r-riżultati jiġu mmonitorjati u evalwati skond il-għanijiet.

    (15) Il-miżuri meħtieġa sabiex tiġi implimentata din id-Deċiżjoni għandhom jiġu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri sabiex jiġu eżerċitati l-poteri ta' l-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni [7].

    (16) Il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) jipprovdi għal żieda fil-koperazzjoni fil-qasam soċjali bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha min-naħa l-waħda u l-pajjiżi taż-Żona Ewropea ta' Kummerċ Ħieles li jipparteċipaw fiż-Żona Ekonomika Ewropea (EFTA/ŻEE) min-naħa l-oħra. B'żieda ma’ dan, dan il-Programm għandu jkun miftuħ għall-parteċipazzjoni tal-pajjiżi applikanti ta' l-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant, fuq il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-Ftehimijiet Ewropej, fil-protokolli addizzjonali tagħhom u fid-Deċiżjonijiet tal-Kunsilli ta' Assoċjazzjoni rispettivi, għal Ċipru, Malta u t-Turkija. Din il-parteċipazzjoni għandha tiġi ffinanzjata minn approprjazzjonijiet addizzjonali skond il-proċeduri miftiehma ma' dawn il-pajjiżi.

    (17) Fl-implimentazzjoni ta' dan il-programm, ix-xogħol imwettaq minn organizzazzjonijiet internazzjonali oħra, b'mod partikolari min-Nazzjonijiet Uniti, l-Organizzazzjoni għall-Koperazzjoni Ekonomika u l-Iżvilupp, l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol u l-Kunsill ta' l-Ewropa, għandhom jkunu ta' interess partikolari.

    (18) L-ammont finanzjarju ta' referenza skond it-tifsira tal-punt 34 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-6 ta' Mejju 1999 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina fl-estimi finanzjarji u t-titjib fil-proċedura ta' l-estimi finanzjarji [8] huwa inkluż f'din id-Deċiżjoni għat-tul taż-żmien kollu tal-programm, mingħajr b'hekk ma jiġu effettwati l-poteri ta' l-awtorità ta' l-estimi finanzjarji kif inhuma ddefiniti fit-Trattat.

    (19) Ġaladarba l-għanijiet ta' l-azzjoni proposta mill-Komunità, jiġifieri l-promozzjoni ta' l-ugwaljanza bejn is-sessi, ma’ jistgħux jinkisbu biżżejjed mill-Istati Membri minħabba li, fost ħwejjeġ oħra, il-ħtieġa ta' sħubijiet multilaterali, l-iskambju transnazzjonali tat-tagħrif u d-disseminazzjoni tal-prattika t-tajba mal-Komunità kollha, il-Komunità tista’ tadotta miżuri, skond il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabblit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju tal-proporzjonalità stabbilit fl-Artikolu msemmi, din id-Deċiżjoni ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu dawn il-għanijiet,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    L-istabbiliment tal-programm

    Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi, għall-perjodu taż-żmien mill-1 ta' Jannar 2001 sal-31 ta' Diċembru 2005, Programm ta' Azzjoni Komunitarja, minn issa ‘l quddiem imsejjaħ "il-Programm". Il-Programm għandu jkollu bħala l-għan tiegħu li jippromwovi l-ugwaljanza bejn is-sessi, b'mod partikolari billi jipprovdi għajnuna u appoġġ għall-istrateġija qafas Komunitarja.

    Artikolu 2

    Il-prinċipji

    1. Il-Programm huwa wieħed mill-istrumenti meħtieġa sabiex tiġi implimentata l-istrateġija ġenerali Komunitarja dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi, li tinkorpora l-politika kollha Komunitarja u l-azzjoni mmirata lejn il-kisba ta' l-ugwaljanza bejn is-sessi, inklużi l-politika ta' gender mainstreaming u l-azzjonijiet speċifiċi mmirati għan-nisa.

    2. Il-Programm għandu jikkordina, jappoġġja u jiffinanzja l-implimentazzjoni ta' l-attivitajiet fl-oqsma ta' l-intervent fl-istrateġija qafas Komunitarja dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi. Dawn l-oqsma ta' intervent huma: il-ħajja ekonomika, il-parteċipazzjoni u r-rappreżentanza ugwali, id-drittijiet soċjali, il-ħajja ċivili, ir-rwol tas-sessi u l-isterjotipi. Il-prinċipju ta' l-ugwaljanza bejn is-sessi fil-proċess tat-tkabbir ta' l-Unjoni kif ukoll id-dimensjoni tas-sess kemm fir-relazzjonijiet esterni tal-Komunità u kemm fl-iżvilupp tal-politika ta' koperazzjoni għandu jidħol fl-oqsma kollha ta' l-intervent fl-istrateġija qafas tal-Komunità.

    Artikolu 3

    L-għanijiet

    Fil-qafas tal-prinċipji riferiti fl-Artikolu 2 u filwaqt li titqies, fejn approprjat, l-attività leġislattiva futura, il-Programm għandu jkollu l-għanijiet li ġejjin:

    (a) li jippromwovi u jxerred il-valuri u l-prattiċi li jsejsu l-ugwaljanza bejn is-sessi;

    (b) li jtejjeb il-ftehim ta' kwistjonijiet li għandhom x'jaqsmu ma’ l-ugwaljanza bejn is-sessi, inklużi d-diskriminazzjoni diretta u indiretta bejn is-sessi u d-diskriminazzjoni multipla kontra n-nisa, billi jiġu evalwati l-effettività tal-politika u tal-prattika permezz ta' analiżi minn qabel, il-monitoraġġ ta' l-implimentazzjoni tagħhom u stima ta' l-effetti tagħhom;

    (ċ) li jiżviluppa l-kapaċità ta' dawk li jieħdu sehem involuti li jippromwovu b'mod effettiv l-ugwaljanza bejn is-sessi, b'mod partikolari permezz ta' appoġġ għall-iskambju tat-tagħrif u l-prattika ttajba u n-networking fil-livell Komunitarju.

    Artikolu 4

    L-azzjonijiet Komunitarji

    1. Bil-ħsieb li jinkisbu l-għanijiet riferiti fl-Artikolu 3, l-azzjonijiet Komunitarji li ġejjin għandhom jiġu implimentati f'qafas transnazzjonali:

    (a) li tiżdied il-konoxxenza, primarjament billi tiġi enfassizzata d-dimensjoni Komunitarja tal-promozzjoni ta' l-ugwaljanza bejn is-sessi u billi jiġu ppublikati r-riżultati tal-Programm, b'mod partikolari permezz ta' pubblikazzjonijiet, kampanji u attivitajiet;

    (b) li janalizza l-fatturi u l-politiki li għandhom x'jaqsmu ma’ l-ugwaljanza bejn is-sessi, inklużi l-ġbir ta' l-istatistika, l-istudji, l-istima ta' impatt fuq is-sessi, il-għodda u l-mekkaniżmi, l-iżvilupp ta' indikaturi u ta' għetiebi u d-disseminazzjoni effettiva tar-riżultati. Dan għandu jinkludi wkoll il-monitorjar ta' l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni tal-liġijiet Komunitarji dwar l-ugwaljanza billi tiġi evalwata l-leġislazzjoni u l-prattika sabiex jiġi stmat l-impatt u l-effettività tagħhom;

    (ċ) il-koperazzjoni transnazzjonali bejn il-partijiet permezz tal-promozzjoni tal-bini ta' networks u l-bdil ta' esperjenzi fil-livell Komunitarju.

    2. L-arranġamenti sabiex jiġu implimentati l-azzjonijiet deskritti fil-paragrafu 1 huma ddikjarati fl-Anness.

    Artikolu 5

    L-implimentazzjoni tal-Programm u l-koperazzjoni bejn l-Istati Membri

    1. Il-Kummissjoni għandha:

    (a) tiżgura l-implimentazzjoni ta' l-azzjonijiet Komunitarji koperti b'dan il-programm;

    (b) tiskambja regolarment veduti mal-Membri tal-Kumitat riferit fl-Artikolu 7, mar-rappreżentanti ta' l-imsieħba soċjali fil-livell Komunitarju u ma’ organizzazzjonijiet mhux governattivi dwar l-implimentazzjoni u s-segwiment tal-programm u dwar l-orjentazzjonijiet tal-politika li għandhom x'jaqsmu magħhom. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni għandha tagħmel disponibbli t-tagħrif rilevanti lill-organizzazzjonijiet mhux governattivi u lill-imsieħba soċjali. Il-Kummissjoni għandha tgħarraf lill-Kumitat imsemmi b'dawn il-veduti;

    (ċ) tippromwovi s-sħubija u djalogu attivi bejn l-imsieħba kollha fil-Programm, fost ħwejjeġ oħra sabiex jiġi inkoraġġit approċ integrat u kkordinat għall-promozzjoni ta' l-ugwaljanza bejn is-sessi.

    2. Il-Kummissjoni, b'koperazzjoni ma' l-Istati Membri, għandha tieħu l-passi meħtieġa sabiex:

    (a) tippromwovi l-involviment fil-Programm tal-partijiet kollha interessati;

    (b) tiżgura d-disseminazzjoni tar-riżultati ta' l-azzjonijiet imwettqa fi ħdan il-Programm;

    (ċ) tipprovdi tagħrif aċċessibbli u tiżgura l-pubbliċità u s-segwiment approprjati rigward l-azzjonijiet appoġġjati mill-Programm.

    Artikolu 6

    Id-disposizzjonijiet ta' implimentazzjoni

    1. Il-miżuri meħtieġa sabiex tiġi implimentata din id-Deċiżjoni fejn għandhom x'jaqsmu l-materji riferiti hawn taħt għandhom jiġu adottati skond il-proċedura tat-tmexxija riferita fl-Artikolu 7(2):

    (a) il-linji gwida ġenerali sabiex jiġi implimentat il-programm;

    (b) il-pjan ta' kull sena sabiex jiġu implimentati l-azzjonijiet tal-programm;

    (ċ) l-appoġġ finanzjarju li għandu jiġi pprovvdut mill-Komunità;

    (d) l-estimi finanzjarji ta' kull sena u t-tqassim tal-finanzjament bejn l-azzjonijiet varji tal-programm;

    (e) il-proċeduri għall-għażla ta' l-azzjonijiet li għandhom jiġu appoġġjati mill-Komunità u l-abbozz tal-lista ta' l-azzjonijiet li jirċievu dan l-appoġġ sottomess lill-Kummissjoni;

    (f) il-kriterji għall-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-programm, b'mod partikolari l-effettività tiegħu skond in-nefqa, u l-arranġamenti għad-disseminazzjoni tar-riżultati.

    2. Il-miżuri meħtieġa sabiex tiġi implimentata din id-Deċiżjoni li għandhom x'jaqsmu mal-materji l-oħra kollha għandhom jiġu adottati skond il-proċedura ta' konsultazzjoni riferita fl-Artikolu 7(3).

    Artikolu 7

    Il-Kumitat

    1. Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna minn Kumitat.

    2. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 4 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

    Il-perjodu taż-żmien stabbilit fl-Artikolu 4(3) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun stabbilit għal xahrejn.

    3. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 3 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

    4. Il-Kumitat għandu jadotta ir-regoli tiegħu ta' proċedura.

    Artikolu 8

    Il-koperazzjoni ma’ Kumitati oħra

    Sabiex jiġu żgurati l-konsistenza u l-komplimentarjetà tal-Programm mal-miżuri l-oħra riferiti fl-Artikolu 9, il-Kummissjoni għandha żżomm lill-Kumitat regolarment imgħarraf dwar l-azzjonijiet l-oħra Komunitarji li jikkontribwixxu għall-promozzjoni ta' l-ugwaljanza bejn is-sessi. Fejn approprjat, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi koperazzjoni regolari u strutturata bejn dan il-Kumitat u l-Kumitati tal-monitorjar stabbiliti għal politiki, strumenti u azzjonijiet rilevanti oħra.

    Artikolu 9

    Il-konsistenza u l-komplimentarjetà

    1. Il-Kummissjoni għandha, f'koperazzjoni ma’ l-Istati Membri, tiżgura konsistenza sħiħa mal-politiki, l-istrumenti u l-azzjonijiet l-oħra Komunitarji u ta' l-Unjoni, b'mod partikolari billi jiġu stabbiliti l-mekkaniżmi u l-għodod addattati, bħalma hija stima ta' l-impatt fuq is-sessi, billi jiġu mmonitorjati l-għodod u l-għetiebi, billi jiġu kkordinati l-attivitajiet ta' dan il-Programm ma’ attivitajiet ta' rilevanza partikolari għall-avvanz tal-mara, bħalma huma r-riċerka, ix-xogħol, in-nuqqas ta' diskriminazzjoni, l-azzjonijiet li jikkumbattu l-faqar u l-esklużjoni soċjali, is-saħħa, l-edukazzjoni, it-taħriġ u l-politika taż-żgħażagħ, il-kultura, il-ġustizzja u l-affarijiet interni u fil-qasam tat-tkabbir u tar-relazzjonijiet esterni tal-Komunità (inklużi l-attivitajiet esterni tal-Komunità fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem).

    2. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jiżguraw il-konsistenza u l-kumplimentarjetà bejn l-azzjonijiet imwettqa skond dan il-Programm u l-azzjonijiet l-oħra rilevanti ta' l-Unjoni u tal-Komunità, bħal dawk appoġġjati mill-programmi DAPHNE, STOP, Phare u MEDA, il-qafas tal-programmi tar-riċerka fil-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali, l-aġenda soċjali u l-programma ta' l-azzjoni Komunitarja għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni (2001-2006).

    Il-programm għandu iqis l-azzjonijiet speċifiċi li jappoġġjaw it-trattament ugwali tan-nisa u l-irġiel fil-qasam ta' l-impjiegi u x-xogħol li tidħol għalih il-Komunità taħt il-Fondi Strutturali, l-inizjattiva Komunitarja EQUAL jew il-miżuri li jippromwovu l-koperazzjoni sabiex jirrinforzaw l-istrateġija tax-xogħol.

    3. L-Istati Membri għandhom jiffaċilitaw u jagħmlu l-isforzi kollha possibbli sabiex jiżguraw illi l-attivitajiet f'dan il-Programm ikunu konsistenti u kumplimentarji għal dawk imwettqa fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali.

    Artikolu 10

    Il-parteċipazzjoni tal-pajjiżi ta' l-EFTA/ŻEE, il-pajjiżi assoċjati ta' l-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant, Ċipru, Malta u t-Turkija

    Il-Programm għandu jkun miftuħ għall-parteċipazzjoni ta':

    (a) l-pajjiżi ta' l-EFTA/ŻEE skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-Ftehim taż-ŻEE;

    (b) l-pajjiżi applikanti ta' l-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant (CEEC) skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fid-diversi Ftehim Ewropej, fil-protokolli addizzjonali tagħhom u fid-deċiżjonijiet tal-Kunsilli ta' Assoċjazzjoni rispettivi;

    (ċ) Ċipru, Malta u t-Turkija, iffinanzjati mill-approprjazzjonijiet addizzjonali skond il-proċeduri li għandhom jiġu miftiehma ma’ dawn il-pajjiżi.

    Artikolu 11

    Il-finanzjament

    1. L-ammont finanzjarju ta' referenza sabiex jiġi implimentat il-Programm għall-perjodu taż-żmien 2001-2005 għandu jkun ta' EUR 50 miljun.

    2. L-approprjazzjonijiet annwali għandhom ikunu awtorizzati mill-awtorità ta' l-estimi finanzjarji fil-limiti tal-perspettiva finanzjarja.

    Artikolu 12

    Il-monitoraġġ u l-valutazzjoni

    1. Il-Kummissjoni għandha timmonitorja il-Programm regolarment bil-koperazzjoni tal-kumitat riferit fl-Artikolu 7.

    2. Il-Programm għandu jiġi evalwat mill-Kummissjoni f'nofs il-perjodu tiegħu taż-żmien u fit-tmiem tal-Programm bil-għajnuna ta' esperti independenti. L-valutazzjoni għandha tistma r-relevanza, l-effettività u l-proporzjon tan-nefqa mal-benefiċċji ta' l-azzjonijiet implimentati rigward l-għanijiet msemmija fl-Artikolu 2. Għandha wkoll teżamina l-impatt tal-Programm kollu kemm hu.

    L-valutazzjoni għandha wkoll teżamina l-kumplementarjetà bejn l-azzjoni skond il-programm u dik segwita skond il-politiki, l-istrumenti u l-azzjonijiet Komunitarji l-oħra rilevanti.

    3. Il-Kummissjoni għandha tissottometti rapport interim ta' valutazzjoni l-aktar tard sal-31 ta' Diċembru 2003 lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni.

    4. Il-Kummissjoni għandha tissottometti rapport finali ta' valutazzjoni dwar l-Istrateġija Qafas u l-Programm lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni l-aktar tard sal-31 ta' Diċembru 2003.

    5. Ir-rapporti kollha ta' valutazzjoni riferiti fil-paragrafi 3 u 4 għandhom jindikaw safejn u sakemm il-fondi jkunu ġew magħmula disponibbli lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-korpi pubbliċi u lill-NGOijiet.

    Artikolu 13

    Lil min hija indirizzata

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmula fi Brussel, fl-20 ta' Diċembru 2000.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    É. Guigou

    [1] ĠU C 337 E, tat-28.11.2000, p. 196

    [2] Opinjoni mogħtija fil-15 ta' Novembru 2001 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

    [3] Opinjoni mogħtija fit-28 ta' Novembru 2000 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

    [4] Opinjoni mogħtija fit-23 ta' Ottubru 2000 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

    [5] ĠU C 279, ta' l-1.10.1999, p. 88.

    [6] ĠU C 218, tal-31.7.2000, p. 5.

    [7] ĠU L 184, tas-17.7.1999, p. 23.

    [8] ĠU C 172, tat-18.6.1999, p. 1.

    --------------------------------------------------

    ANNESS

    I. L-OQSMA TA' INTERVENT

    Skond il-prinċipji riferiti fl-Artikolu 2, il-Programm jista' jaħdem f'qasam ta' intervent jew aktar minn dawn li ġejjin, fil-limiti tal-poteri konferiti fuq il-Komunità mit-Trattat:

    1. Il-ħajja ekonomika

    Dan il-qasam għandu x'jaqsam mad-differenzi li jifdal bejn is-sessi fis-suq tax-xogħol u l-mod kif għandhom jiġi solvuti. L-azzjoni tikkonsisti billi tiżdied ir-rata ta' l-impjieg tan-nisa, jitnaqqsu r-rati tal-qagħad fost in-nisa u li ssir aktar faċli għan-nisa u l-irġiel ir-rikonċiljazzjoni mal-ħajja tax-xogħol u dik tal-familja.

    Il-kwistjonijiet dwar is-segregazzjoni bejn is-sessi fis-suq tax-xogħol, inkluża s-segregazzjoni vertikali (is-"saqaf tal-ħġieġ") u d-differenza fil-pagi bejn is-sessi li huma s-suġġett prinċipali tal-programmi Komunitarji riferiti fl-Artikolu 9(2) jistgħu jidħlu fil-Programm fejn dan għandu jiżgura approċ integrat għall-oqsma differenti koperti bih jew għat-tipi ta' azzjonijiet mhux iffinanzjati mill-programmi msemmija.

    2. Il-parteċipazzjoni u r-rappreżentanza ndaqs

    Dan il-qasam jkopri n-nuqqas tal-parteċipazzjoni tan-nisa fil-korpi responsabbli mit-teħid tad-deċiżjonijiet. L-azzjonijiet jikkonsistu fl-adozzjoni ta' strateġiji u strumenti sabiex jippromwovu t-teħid tad-deċiżjonijiet politiċi, ekonomiċi u soċjali minn-nisa fil-livelli kollha, inklużi l-attivitajiet fir-relazzjonijiet barranija u l-koperazzjoni fl-iżvilupp (bħalma huma r-rwol u l-parteċipazzjoni tal-mara f'missjonijiet internazzjonali).

    3. Id-drittijiet soċjali

    Il-gender mainstreaming effettiv jeħtieġ li jiġi applikat fl-oqsma kollha tal-politika li għandhom impatt fuq il-ħajja ta' kuljum tal-mara bħalma huma t-trasport, is-saħħa pubblika u l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni għal raġunijiet oħra. L-azzjonijiet huma kkordinati ma' dawk tal-programm Komunitarju ta' azzjoni għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni u l-programmi l-oħra rilevanti ta' azzjoni. Dawn jimmiraw għat-titjib ta' l-applikazzjoni tal-leġislazzjoni Komunitarja, b'mod partikolari dwar il-protezzjoni soċjali u fl-oqsma ta' leave għall-ġenituri, ta' protezzjoni tal-maternità u ta' ħinijiet tax-xogħol, u dwar kif jinstabu modi u mezzi ta' rikonċiljazzjoni iktar faċli tal-ħajja tal-familja ma' dik tax-xogħol, b'mod partikolari billi jiġu stabbiliti l-livelli għall-proviżjoni mtejba ta' kura tat-tfal u kura ta' l-anzjani.

    4. Il-ħajja ċivili

    Dan il-qasam jkopri l-infurzar tad-drittijiet tal-bniedem għan-nisa. L-azzjonijiet jippromwovu l-għarfien tad-drittijiet tal-bniedem għan-nisa, l-infurzar tad-drittijiet ugwali għall-opportunitajiet u t-tisħiħ tal-ġlieda kontra l-vjolenza li għandha x'taqsam mas-sessi u t-traffikar fin-nisa.

    5. Ir-rwoli tas-sessi u l-isterjotipi skond is-sess

    Dan il-qasam jkopri l-impressjonijiet sterjotipati tan-nisa u l-irġiel u l-ħtieġa li jinbidlu l-imġieba, l-attitudnijiet, in-normi u l-valuri b'mod li jqis l-evoluzzjoni tar-rwoli ta' l-irġiel u n-nisa fis-soċjetà. L-azzjonijiet ikopru l-gender mainstreaming b'mod partikolari fl-edukazzjoni, it-taħriġ, il-kultura, ix-xjenza, il-mezzi tax-xandir, u l-politika taż-żgħażagħ u ta' l-isport.

    II. L-AĊĊESS GĦALL-PROGRAMM

    Skond il-kondizzjonijiet u l-arranġamenti ta' implimentazzjoni ddikjarati f'dan l-Anness, l-aċċess huwa miftuħ għall-pubbliku kollu u/jew il-korpi u l-istituzzjonijiet privati involuti fil-promozzjoni ta' l-ugwaljanza bejn is-sessi, u notevolment għal:

    (a) l-Istati Membri,

    (b) l-awtoritajiet lokali u reġjonali,

    (ċ) il-korpi li jippromwovu l-ugwaljanza bejn is-sessi,

    (d) l-imsieħba soċjali,

    (e) l-organizzazzjonijiet mhux governattivi,

    (f) l-universitajiet u l-istituzzjonijiet tar-riċerka,

    (g) l-uffiċċji nazzjonali ta' l-istatistika,

    (h) il-mezzi tax-xandir.

    III. IT-TIPI TA' AZZJONIJIET

    L-azzjonijiet li ġejjin għandhom jiġu appoġġjati mill-Programm, f'qafas transnazzjonali:

    L-Ewwel Faxxa - Azzjonijiet li jqajmu l-għarfien

    1. L-organizzazzjoni ta' konferenzi, seminarji u attivitajiet oħra fil-livell Ewropew;

    2. L-organizzazzjoni fl-Istati Membri u fil-pajjiżi applikanti skond l-Artikolu 10, ta' attività Ewropea fuq skala kbira fuq bażi ta' kull sena bħala waħda mill-prijoritajiet tal-programm;

    3. L-organizzazzjoni ta' kampanji fuq il-mezzi tax-xandir Ewropej u l-attivitajiet li jappoġġjaw l-iskambju transnazzjonali ta' tagħrif u l-identifikazzjoni u d-disseminazzjoni tal-prattika t-tajba, inkluż il-għoti ta' premju ta' kull sena lill-kumpaniji li jippromwovu b'suċċess l-ugwaljanza bejn is-sessi bil-ħsieb li tissaħħaħ il-viżibilità fil-kwistjonijiet dwar is-sessi;

    4. Il-pubblikazzjoni ta' materjal sabiex jiddissemina r-riżultati tal-Programm, inklużi l-ħolqien ta' sit ta' l-Internet li jpprovdi eżempji ta' prattika tajba, ta' forum għall-iskambju ta' l-ideat u l-ħażna ta' informazzjoni ta' l-imsieħba potenzjali għal azzjonijiet ta' skambji transnazzjonali kif ukoll rabtiet bl-e-mail mal-web-sites rilevanti eżistenti fl-Istati Membri;

    5. L-implimentazzjoni ta' inizjattivi transnazzjonali bħalma huma laqgħat, seminarji jew kampanji dwar suġġetti partikolari approvati ta' kull sena, wara diskussjonijiet mal-Kumitat riferit fl-Artikolu 7. Il-għan ta' dawn l-attivitajiet huwa li jappoġġjaw u jtejbu s-sinerġija fost il-politiki nazzjonali dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi u sabiex jiżviluppaw valur miżjud Komunitarju;

    6. L-organizzazzjoni ta' seminarji u d-disseminazzjoni tat-tagħrif dwar u b'appoġġ għall-implimentazzjoni tal-liġijiet Komunitarji fil-qasam ta' l-ugwaljanza bejn is-sessi, b'attenzjoni partikolari għall-ħtiġiet u l-bżonnijiet tal-pajjiżi applikanti.

    It-Tieni Faxxa - L-analiżi u l-valutazzjoni

    1. L-iżvilupp u d-disseminazzjoni ta' statistika komparabbli, imqassma skond is-sess u, jekk possibbli, skond l-età, u serje ta' statistika dwar is-sitwazzjoni tan-nisa u l-irġiel f'oqsma differenti ta' politika;

    2. L-iżvilupp u d-disseminazzjoni ta' metodoloġiji u indikaturi għall-valutazzjoni ta' l-effettività tal-politiki u l-prattika (benchmarking) ta' l-ugwaljanza bejn is-sessi;

    3. Għandu jitwettaq l-analiżi tas-sitwazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol, l-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni dwar l-ugwaljanza fl-Istati Membri, l-influwenza u l-impatt tal-protezzjoni soċjali u tas-sistema tat-taxxi fuq in-nisa u l-irġiel u l-avvanz tal-mara fl-aċċess għall-livelli tat-teħid tad-deċiżjonijiet u għandhom jiġu ddisseminati r-riżultati u l-esperjenza miksuba;

    4. Il-ġbir, l-valutazzjoni u d-disseminazzjoni ta' tagħrif u ta' esperjenzi riċenti rigward l-inizjattivi, il-metodi u l-metodi tat-teknika ta' suċċess li għandhom x'jaqsmu man-nisa u l-mezzi tax-xandir, inklużi li jiġu megħluba l-isterjotipi tas-sessi u li jippromwovu r-ritratti pożittivi u varjati tan-nisa u ta' l-irġiel fuq il-mezzi tax-xandir;

    5. Il-pubblikazzjoni ta' Rapport Annwali dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi fl-Unjoni inkluż il-progress lejn il-kisba tal-għetiebi u l-valutazzjoni tar-riżultati miksuba;

    6. Ir-realizzazzjoni u d-dissemminazzjoni ta' studji tematiċi fl-oqsma fil-mira li jqabblu u jikkuntrastaw l-approċi fl-Istati Membri u l-pajjiżi applikanti u bejniethom;

    7. Studju dwar il-probabbiltà ta' l-attwazzjoni għandu janalizza l-kondizzjonijiet bil-quddiem sabiex jiġi stabbilit istitut Ewropew dwar is-sessi.

    Meta tiġi implimentata din il-faxxa, il-Kummissjoni għandha b'mod partikolari tiżgura l-konsistenza u l-kumplimentarjetà ta' l-attivitajiet imwettqa minn servizzi oħra tal-Kummissjoni jew mill-aġenziji Ewropej; b'mod partikolari, il-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kondizzjonijiet tal-Għixien u tax-Xogħol u l-Programm Qafas tar-RTŻ tal-Komunità u ċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp tat-Taħriġ Vokazzjonali (Cedefop).

    It-Tielet Faxxa - il-kapaċità għat-tisħiħ

    L-azzjonijiet li ġejjin għandhom jiġu apoġġjati sabiex jittejbu l-kapaċità u l-effettività tal-partijiet prinċipali involuti fil-promozzjoni ta' l-ugwaljanza bejn is-sessi.

    L-azzjonijiet ta' skambju transnazzjonali li jinvolvu firxa ta' dawk li jieħdu sehem f'mill-anqas tliet Stati Membri, li jikkonsistu fit-trasferiment tat-tagħrif, il-lezzjonijiet miġbuda u l-prattika t-tajba. Dawn l-azzjonijiet jiġu midħula għalihom mill-NGOs jew mill-imsieħba soċjali fil-livell Ewropew u min-networks transnazzjonali ta' l-awtoritajiet reġjonali jew lokali u ta' l-organizzazzjonijiet li jimmiraw li jippromwovu l-ugwaljanza bejn is-sessi.

    Dawn l-azzjonijiet jistgħu jinkludu l-paragun ta' l-effettività tal-proċessi, tal-metodi u tal-għodda li għandhom x'jaqsmu mat-temi magħżula, mat-trasferiment u l-applikazzjoni reċiproċi tal-prattika t-tajba, l-iskambju tal-personal, l-iżvilupp konġunt tal-prodotti, il-proċessi, l-istrateġija u l-metodoloġija, l-addattament għall-kuntesti differenti tal-metodi, tal-għodda u tal-proċessi identifikati bħala prattika tajba, u/jew id-disseminazzjoni tar-riżultati, materjali u avvenimenti li jgħollu l-viżibilità.

    IV. IL-METODU TAL-PREŻENTAZZJONI TA' L-APPLIKAZZJONIJIET GĦAL APPOĠĠ

    L-Ewwel Faxxa L-azzjonijiet 2, 3 u 4 ta' din il-faxxa għandhom jiġu implimentati wara sejħiet miftuħa għall-offerti. L-azzjonijiet 5 u 6 li għandhom jiġu implimentati skond l-awtorità ta' l-Istati Membri jew minn korpi ta' l-ugwaljanza, jistgħu jiġu ssussidjati wara sejħiet ristretti għall-offerti indirizzati lill-Istati Membri.

    It-Tieni Faxxa Din il-faxxa għandha tiġi implimentata permezz tal-Kummissjoni, normalment bi tweġiba għal sejħiet għall-offerti. L-azzjoni 1 għandha tiġi implimentata wara l-proċeduri rilevanti ta' l-Eurostat.

    It-Tielet Faxxa It-tielet faxxa għandha tiġi implimentata bi tweġiba għal sejħiet miftuħa għall-offerti organizzati mill-Kummissjoni, li għandha tifli l-proposti. L-azzjonijiet jistgħu jiġu implimentati mill-NGOs jew mill-imsieħba soċjali fil-livell Ewropew, min-networks transnazzjonali ta' l-awtoritajiet reġjonali jew min-networks transnazzjonali ta' l-organizzazzjonijiet li jimmiraw li jippromwovu l-ugwaljanza bejn is-sessi.

    V. IT-TWETTIQ TA' L-AZZJONIJIET

    1. L-azzjonijiet li għandhom jittieħdu jistgħu jiġu ffinanzjati minn kuntratti tas-servizz wara sejħiet għall-offerti jew minn sussidji għall-finanzjament konġunt minn sorsi oħra. Fil-każ ta' l-aħħar, il-livell tal-għajnuna finanzjarja mill-Kummissjoni ma għandux, bħala regola ġenerali, jaqbeż it-80 % tan-nefqa attwali mġarrba mir-riċevitur.

    2. Fit-twettiq tal-Programm, il-Kummissjoni tista' teħtieġ riżorsi addizzjonali, inkluż ir-rikors għall-esperti. Dawn il-ħtiġiet għandhom jiġu deċiżi fil-kuntest ta' l-istima li qed isseħħ mill-Kummissjoni dwar l-allokazzjoni tar-riżorsi.

    3. Fit-twettiq tal-Programm, il-Kummissjoni tista' tagħmel rikors għall-għajnuna teknika u/jew amministrattiva, għall-benefiċċju reċiproku tal-Kummissjoni u tal-benefiċċjarji, li għandhom x'jaqsmu ma' l-identifikazzjoni, it-tħejjija, l-amministrazzjoni, il-monitoraġġ, il-verifika u l-kontroll.

    4. Il-Kummissjoni tista' wkoll tidħol għal azzjonijiet ta' tagħrif, ta' pubblikazzjoni u ta' disseminazzjoni. Tista' wkoll tindaħal għal studji ta' valutazzjoni u torganizza seminarji, colloquia jew laqgħat oħra ta' l-esperti.

    5. Il-Kummissjoni għandha tħejji pjani ta' kull sena tax-xogħol fejn jiddikjaraw il-prijoritajiet u l-azzjonijiet li għandhom jindaħlu għalihom. Barra minn hekk, għandha wkoll tispeċifika l-arranġamenti u l-kriterji li għandhom jiġu applikati fl-azzjonijiet tal-għażla u ta' l-azzjonijiet tal-finanzjament skond il-Programm. Meta tagħmel dan, il-Kummissjoni għandha tfittex l-opinjoni tal-Kumitat riferit fl-Artikolu 7.

    6. L-azzjonijiet meħuda għandhom jirrispettaw għal kollox il-prinċipji tal-protezzjoni ta' l-data.

    --------------------------------------------------

    Top