Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32000R2879

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2879/2000 tat-28 ta’ Diċembru 2000 li jistabbilixxi regoli ddettaljati sabiex jiġi applikat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2702/1999 dwar il-miżuri sabiex jipprovdu t-tagħrif dwar il-prodotti agrikoli fil-pajjiżi terzi u jippromwovuhom

ĠU L 333, 29.12.2000, p. 63–69 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 23/08/2005; Imħassar b' 32005R1346

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2000/2879/oj

32000R2879



Official Journal L 333 , 29/12/2000 P. 0063 - 0069


Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2879/2000

tat-28 ta’ Diċembru 2000

li jistabbilixxi regoli ddettaljati sabiex jiġi applikat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2702/1999 dwar il-miżuri sabiex jipprovdu t-tagħrif dwar il-prodotti agrikoli fil-pajjiżi terzi u jippromwovuhom

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEEC) Nru 2702/1999 ta' l-14 ta’ Diċembru 1999 dwar il-miżuri sabiex jipprovdu tagħrif dwar il-prodotti agrikoli fil-pajjiżi terzi u jippromwovuhom [1], u b’mod partikolari l-Artikolu 11 tiegħu;

Billi:

(1) Għandhom jiġu stabbiliti regoli ddettaljati sabiex jiġu applikati l-miżuri biex jipprovdu t-tagħrif dwar il-prodotti agrikoli u jippromwovuhom u b'mod sekondarju l-oġġetti ta’ l-ikel fil-pajjiżi terzi.

(2) Fl-interess ta’ maniġġjar sod, għandha tiġi speċifikata l-frekwenza li biha jridu jiġu mfassla l-listi tal-prodotti u tas-swieq eliġibbli skond il-miżuri msemmija hawn fuq.

(3) Sabiex jiġi pprevenut kull riskju ta’ tagħwiġ fil-kompetizzjoni, għandhom jitfasslu linji gwida dwar il-mod li bihom irid jiġi riferit l-oriġini speċifiku tal-prodotti koperti bil-kampanji ta’ promozzjoni u ta' tagħrif.

(4) Il-proċedura sabiex jiġu ppreżentati l-programmi u jintgħażlu l-korpi ta' l-implimentazzjoni għandha tiġi stabbilita bil-ħsieb li tiġi żgurata l-iktar kompetizzjoni wiesgħa possibbli u l-moviment ħieles tas-servizzi.

(5) Il-kriterji li jirregolaw l-għażla tal-programmi mill-Istati Membri u l-approvazzjoni tagħhom mill-Kummissjoni għandhom jiġu stabbiliti bil-ħsieb li jiġi żgurat illi jiġu mħarsa r-regoli tal-Komunità u li l-miżuri li jridu jiġu implimentati jkunu effettivi, b’mod partikolari fid-dawl tad-Direttiva tal-Kunsill 92/50/KEE tat-18 ta’ Ġunju 1992 dwar il-kordinament tal-proċeduri għall-għoti tal-kuntratti tas-servizz pubbliku [2], kif l-aħħar emendata bid-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 97/52/KE tat-13 ta’ Ottubru 1997 li temenda d-Direttivi 92/50/KEE, 93/36/KEE u 93/37/KEE dwar il-kordinament tal-proċeduri għall-għoti tal-kuntratti tas-servizz pubbliku, il-kuntratti tal-provvista pubblika u l-kuntratti tax-xogħlijiet pubbliċi rispettivament [3].

(6) L-istess regoli għandhom jiġu applikati għall-miżuri li jridu jiġu implimentati mill-organizzazzjonijiet internazzjonali riferiti fl-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 2702/1999.

(7) Bil-ħsieb li jiġi żgurat illi l-miżuri tal-Komunità jkunu effettivi, l-Istati Membri jridu jiżguraw illi l-programmi approvati jkunu konsistenti mal-programmi nazzjonali u reġjonali tagħhom u jikkumplimentawhom.

(8) Għal dan l-għan, iridu jiġu stabbiliti l-kriterji preferenzjali għall-għażla tal-programmi sabiex jottimizzaw l-impatt tagħhom.

(9) Fil-każ tal-programmi ta’ interess għal aktar minn Stat Membru wieħed, trid issir disposizzjoni għall-miżuri sabiex jiżguraw illi l-Istati Membri interessati jikkoperaw fis-sottomissjoni u l-iskrutinju tal-programmi.

(10) Il-konsegwenzi jridu jiġu mfissra fid-dettal għall-każijiet meta programm jiġi rrifjutat minħabba n-nuqqas ta’ finanzjament f'parti minnu minn Stat Membru u fejn ma japplikax it-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 9(3) tar-Regolament (KE) Nru 2702/1999.

(11) Iridu jiġu stabbiliti r-regoli ddettaljati dwar il-mod kif irid jopera l-Grupp tal-Monitorjar ipprovdut fl-Artikolu 8(3) tar-Regolament (KE) Nru 2702/1999.

(12) Il-kontrolli li jridu jitwettqu mill-Istati Membri rigward il-programmi mmaniġġjati direttament minnhom għandhom jiġu stabbiliti.

(13) Iridu jiġu stabbiliti r-regoli ddettaljati dwar il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità fl-interess ta’ maniġġjar finanzjarju sod.

(14) L-arranġamenti varji biex jiżguraw illi jiġu mwettqa l-impenji midħula għalihom iridu jiġu stabbiliti fil-kuntratti li jridu jiġu konklużi bejn il-partijiet interessati u l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali f’limitu raġjonevoli taż-żmien fuq il-bażi tal-kuntratti uniformi pprovduti mill-Kummissjoni.

(15) Bil-ħsieb li l-kuntratti jagħmlu x-xogħol tagħhom kif jixraq, il-kuntratturi jridu jiddepożitaw garanzija egwali għal 15 % tal-kontribuzzjoni tal-Komunità favur l-awtorità kompetenti. Għall-istess għan, trid tiġi ddepożitata garanzija meta ssir applikazzjoni għall-ħlas bil-quddiem.

(16) Trid tiġi ddefinita l-ħtieġa primarja fit-tifsira ta’ l-Artikolu 20 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2220/85 [4], kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 1932/1999 [5].

(17) Minħabba l-ħtiġiet tal-maniġġjar ta’ l-estimi finanzjarji, għandha tiġi stabbilita penali għan-nuqqas li jiġu ssottomessi, jew li jiġu ssottomessi tard, l-applikazzjonijiet għall-ħlas intermedjarju u għall-ħlas tard mill-Istati Membri.

(18) Fl-interess tal-maniġġjar finanzjarju sod u sabiex jiġi evitat kull perikolu illi l-ħlasijiet li jridu jsiru jieħdu l-kontribuzzjoni finanzjarja kollha tal-Komunità u ma jħallu l-ebda bilanċ għall-ħlas, għandha ssir disposizzjoni sabiex l-avvanzi u l-ħlasijiet varji intermedjarji ma jaqbżux it-80 % tal-kontribuzzjoni tal-Komunità. Għall-istess għan, l-applikazzjonijiet għall-ħlas tal-bilanċ iridu jaslu għand l-awtoritajiet kompetenti f’limitu speċifikat taż-żmien.

(19) L-Istati Membri jridu jimmonitorjaw l-implimentazzjoni tal-miżuri koperti b’dan ir-Regolament u l-Kummissjoni għandha tinżamm imgħarrfa bir-riżultati tagħhom. Fl-interess tal-maniġġjar finanzjarju sod, għandha ssir disposizzjoni sabiex l-Istati Membri jikkoperaw meta miżuri jiġu implimentati fi Stat Membru ieħor għajr dak li fih tkun stabbilita l-awtorità kompetenti li tiffirma l-kuntratt.

(20) Il-perjodu taż-żmien sabiex dan ir-Regolament jiġi applikat għandu jkun l-istess bħal dak stabbilit fl-Artikolu 15 tar-Regolament (KE) Nru 2702/1999.

(21) Il-miżuri pprovduti f'dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-Laqgħa Konġunta tal-Kumitati Maniġerjali - il-Promozzjoni tal-Prodotti Agrikoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Skond l-Artikoli 7(1) u 9(4) tar-Regolament (KE) Nru 2702/1999, "programm" ifisser sett koerenti ta’ miżuri ta’ skop li jkun biżżejjed għalbiex jikkontribwixxi għat-titjib tat-tagħrif dwar il-prodotti interessati u l-bejgħ tagħhom.

Artikolu 2

1. Il-messaġġ ta’ promozzjoni u/jew ta' tagħrif imgħoddi lill-konsumaturi u lil gruppi oħra fil-mira jrid ikun imsejjes fuq il-kwalitajiet u/jew il-karatteristiċi intrinsiċi tal-prodott interessat.

2. Il-miżuri tal-promozzjoni u/jew tat-tagħrif ma jistgħux jinkoraġġixxu l-konsum ta’ prodott fuq il-bażi ta’ l-oriġini speċifiku tiegħu.

Kull referenza għall-oriġini tal-prodott trid tkun sekondarja għall-messaġġ ċentrali tal-kampanja.

3. Madankollu, l-oriġini ta’ prodott jista’ jiġi indikat fil-kaz ta’ denominazzjoni skond ir-regoli tal-Komunità jew fil-każ ta' fattur ta’ prodott tipiku meħtieġ sabiex jispjega bl-istampi l-kampanja tal-promozzjoni jew tat-tagħrif.

Artikolu 3

Il-listi tal-prodotti u tas-swieq riferiti rispettivament fl-Artikolu 3 u 4 tar-Regolament (KE) Nru 2702/1999 għandhom jitfasslu l-aktar tard sal-31 ta’ Diċembru kull tieni sena. L-ewwel listi għandhom ikunu kif iddikjarati fl-Anness ma' hawn.

Artikolu 4

Meta jiġi applikat l-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 2702/1999, l-organizzazzjonijiet internazzjonali riferiti f'dan l-Artikolu għandhom jippreżentaw lill-Kummissjoni, qabel l-1 ta’ Ottubru ta’ kull sena, il-programmi riferiti fl-Artikolu 9(4) ta’ dan ir-Regolament li jkun fihom il-miżuri ppjanati għas-sena ta’ wara.

Il-kondizzjonijiet li jirregolaw l-għoti u l-ħlas tal-kontribuzzjoni tal-Komunità għandhom jiġu stabbiliti fi ftehim dwar l-għajnuna konkluż bejn il-Komunità u l-organizzazzjonijiet internazzjonali interessati.

Artikolu 5

Il-programmi riferiti fl-Artikolu 7(1) tar-Regolament (KE) Nru 2702/1999 għandhom jiġu implimentati matul perjodu taż-żmien ta’ mill-inqas sena u ta' mhux aktar minn tliet snin mid-data li jidħol fis-seħħ il-kuntratt rilevanti.

Artikolu 6

1. Fil-każ tal-programmi referiti fl-Artikolu 7(1) tar-Regolament (KE) Nru 2702/1999 li jkunu ta’ interess għal aktar minn Stat Membru wieħed, għandha tingħata preferenza lil dawk li jkopru grupp ta’ prodotti u li jagħmlu enfasi partikolari fuq il-kwalità, l-aspetti tan-nutriment u tas-sigurtà ta’ l-ikel tal-prodotti tal-Komunità.

2. Fil-każ tal-programmi ta’ interess għal Stat Membru wieħed jew li jirrigwardaw prodott wieħed, għandha tingħata preferenza lil dawk li jenfasizzaw l-interess tal-Komunità b’mod partikolari f’termini tal-kwalità, tal-valur tan-nutriment, tas-sigurtà u tar-rappreżentazzjoni tal-prodotti li jkopru.

Artikolu 7

1. Bil-ħsieb li jiġu implimentati l-miżuri li jinsabu fil-programmi riferiti fl-Artikolu 5, l-organizzazzjonijiet kummerċjali jew intra-kummerċjali fil-Komunità li huma rappreżentattivi tas-settur/i interessat/i għandhom jissottomettu programmi bi tweġiba għas-sejħiet għall-proposti maħruġa mill-Istati Membri interessati. Dawn il-programmi għandhom jikkonformaw ma’ l-ispeċifikazzjonijiet li jistabbilixxu l-kriterji ta’ l-esklużjoni, l-għażla jew l-għotja u ppubblikati għal dan l-għan mill-Istati Membri interessati.

2. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi meħtieġa sabiex jiżguraw illi l-awtoritajiet li jagħtu kuntratti li jirrigwardawhom jinforzaw id-Direttiva 92/50/KEE.

Id-Direttiva msemmija hawn fuq għandha tapplika għall-miżuri riferiti fl-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 2702/1999.

3. Meta jiġi ppjanat programm promozzjonali ta’ interess għal aktar minn Stat Membru wieħed, l-Istati Membri interessati għandhom jikkoperaw fit-tħejjija ta’ l-ispeċifikazzjonijiet kompatibbli u tas-sejħiet għall-proposti.

4. Bi tweġiba għal dawn is-sejħiet għall-proposti, l-organizzazzjonijiet riferiti fil-paragrafu 1 għandhom ifasslu programmi ta’ tagħrif u ta' promozzjoni, meta approprjat b’kooperazzjoni ma' korp ta' l-implimentazzjoni li jkunu għażlu permezz ta’ proċedura kompetittiva kkontrollata mill-Istat Membru. Dawn il-programmi jistgħu jiġu ppreżentati minn organizzazzjonijiet kummerċjali jew intra-kummerċjali ta’ skop Komunitarju jew li joriġinaw fi Stat Membru jew aktar.

5. L-Istati Membri individwali għandhom jiżguraw illi kull miżura nazzjonali jew reġjonali li jidħlu għaliha tkun skond il-miżuri ffinanzjati f'parti minnhom skond ir-Regolament (KE) Nru 2702/1999 u li l-programmi ppreżentati jikkumplimentaw il-kampanji nazzjonali u reġjonali.

6. L-Istati Membri interessati għandhom jikkontrollaw il-konvenjenza tal-programmi u l-konformità tal-programmi u tal-korpi proposti ta’ l-implimentazzjoni mar-regoli tal-Komunità u ma' l-ispeċifikazzjonijiet tagħhom infushom. Għandhom ukoll jivverifikaw illi l-programmi joffru valur tajjeb għall-flus maħruġa B’mod partikolari, għandhom jikkontrollaw il-programmi mal-kriterji li ġejjin:

- il-konsistenza bejn l-istrateġiji proposti u l-għanijiet iffissati,

- il-mertu tal-miżuri proposti,

- l-impatt x'aktarx tagħhom u s-suċċess fiż-żieda tad-domanda għall-prodotti interessati,

- l-assigurazzjonijiet illi l-organizzazzjonijiet proponenti huma effettivi u rappreżentattivi,

- l-assigurazzjonijiet illi l-korp ta’ l-implimentazzjoni propost huwa effettiv u għandu l-kapaċità teknika meħtieġa.

7. Wara li jiġu eżaminati l-programmi ppreżentati u mingħajr preġudizzju għat-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 9(3) tar-Regolament (KE) Nru 2702/1999, l-Istati Membri interessati għandhom jindaħlu li jikkontribwixxu għall-finanzjament tal-programmi magħżula.

Fil-każ tal-programmi ta’ interess għal aktar minn Stat Membru wieħed u proposti bi tweġiba għas-sejħa konġunta għal proposti, l-Istati Membri interessati għandhom jikkoperaw fl-għażla tal-programmi u għandhom jimpenjaw ruħhom li jikkontribwixxu għall-finanzjament tagħhom skond it-tieni sentenza ta’ l-Artikolu 10(2).

Artikolu 8

Fil-każijiet meta Stat Membru ma’ jagħmel l-ebda kontribuzzjoni finanzjarja u ma jiġix applikat it-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 9(3) tar-Regolament (KE) Nru 2702/1999, l-organizzazzjoni kummerċjali jew intra-kummerċjali ta’ dan l-Istat Membru għandha tiġi eskluża mill-programm.

Artikolu 9

1. Mhux aktar tard mit-30 ta’ April ta’ kull sena u għall-ewwel darba fil-15 ta’ Mejju 2001, l-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni l-lista tal-programmi u tal-korpi ta’ l-implimentazzjoni li jkunu għażlu u kopja ta’ kull programm. Fil-każ tal-programmi ta’ interess għall-aktar minn Stat Membru wieħed, din in-notifika għandha titwettaq bil-ftehim komuni ta’ l-Istati Membri interessati.

2. Il-Kummissjoni għandha teżamina l-programmi ppreżentati sabiex tiżgura illi jikkonformaw mar-regoli tal-Komunità u li jilħqu l-kriterji riferiti fl-Artikolu 7(6).

Meta l-Kummissjoni ssib illi programm ma jkunx jikkonforma mar-regoli tal-Komunità jew jonqos milli jilħaq il-kriterji riferiti fl-Artikolu 7(6), għandha tinnotifika minnufih lill-Istat/i Membru/i interessat/i illi l-programm kollu jew parti minnu huma ineliġibbli.

3. Wara l-evalwazzjoni tal-programmi, meta meħtieġa bl-għajnuna ta’ l-assistent tekniku jew iktar riferiti fl-Artikolu 8(1) tar-Regolament (KE) Nru 2702/1999, u, fejn japplika, wara konsultazzjoni mal-Kumitat Permanenti tal-Promozzjoni tal-Prodotti Agrikoli u tal-Kumitat Konsultattiv tas-Saħħa u s-Sigurtà tal-Prodotti Agrikoli, il-Kummissjoni għandha tieħu deċiżjoni l-aktar tard sat-30 ta’ Settembru dwar il-programmi ppreżentati u dwar il-korpi tagħhom ta’ l-implimentazzjoni skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) Nru 2702/1999.

4. L-organizzazzjonijiet kummerċjali jew intra-kummerċjali proponenti għandhom ikunu responsabbli għall-implimentazzjoni xierqa tal-programmi magħżula.

Artikolu 10

1. Il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità għall-miżuri riferiti fl-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 2702/1999 għandha tammonta għal:

(a) 50 % tan-nefqa attwali tal-miżuri skond il-programmi li jdumu sena;

(b) 60 % tan-nefqa attwali tal-miżuri matul l-ewwel sena u 40 % matul is-sena skond programmi li jdumu sentejn, sa kontribuzzjoni totali tal-Komunità li ma taqbiżx il-50 % tan-nefqa totali tal-programm;

(ċ) 60 % tan-nefqa attwali tal-miżuri matul l-ewwel sena, 50 % matul it-tieni sena u 40 % matul it-tielet sena skond il-programmi li jdumu tliet snin, sa kontribuzzjoni totali tal-Komunità li ma taqbiżx il-50 % tan-nefqa totali tal-programm;

Din il-kontribuzzjoni finanzjarja għandha titħallas lill-Istati Membri kif riferit fl-Artikolu 8 (4) tar-Regolament (KC) Nru 2702/1999.

2. Il-kontribuzzjoni finanzjarja ta’ l-Istati Membri għall-miżuri riferiti fl-Artikolu 9 (2) tar-Regolament (KE) Nru 2702/1999 għandha tammonta għal 20 % tan-nefqa attwali tagħhom. Meta aktar minn Stat Membru wieħed jikkontribwixxi għall-finanzjament, is-sehem li jrid jitħallas minn kull wieħed għandu jkun ipproporzjonat mal-kontribuzzjoni finanzjarja ta’ l-organizzazzjoni proponenti stabbilita fit-territorju tiegħu.

Artikolu 11

1. Skond il-proċedura għall-għażla tal-programmi riferiti fl-Artikolu 7(1) tar-Regolament (KE) Nru 2702/1999, malli l-Istati Membri interessati jkunu ġew innotifikati bid-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tapprova l-programmi tal-promozzjoni, dawn għandhom jgħarrfu lill-organizzazzjonijiet individwali interessati jekk l-applikazzjonijiet tagħhom ikunux ġew aċċettati jew le.

2. L-Istati Membri għandhom jikkonkludu l-kuntratti ma' l-organizzazzjonijiet magħżula fi żmien 30 jum kalendarju min-notifika tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni. Wara din it-temma taż-żmien, l-ebda kuntratt ma jista' jiġi konkluż mingħajr l-awtorizzazzjoni minn qabel mill-Kummissjoni.

L-Istati Membri għandhom jużaw il-kuntratti standard forniti mill-Kummissjoni.

3. Il-kuntratti ma jistgħux jiġu konklużi miż-żewġ partijiet qabel ma tkun ġiet iddepożitata garanzija tat-twettiq tax-xogħol egwali għal 15 % tal-kontribuzzjoni massima finanzjarja mill-Komunità u mill-Istat/i Membru/i interessat/i sabiex tiżgura t-twettiq sodisfaċjenti tal-kuntratt. Il-garanziji tat-twettiq tax-xogħol għandhom jiġu ddepożitati skond it-Titolu III tar-Regolament (KEE) Nru 2220/85.

Madankollu, meta l-kuntrattur ikun korp irregolat mill-liġijiet pubbliċi jew jaġixxi taħt is-sorveljanza ta’ dan il-korp, l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru tista’ taċċetta garanzija bil-miktub mill-korp tas-sorveljanza li tkun tkopri ammont egwali għall-perċentwal speċifikat fl-ewwel subparagrafu, sakemm dan il-korp jindaħal li jiżgura illi:

- l-obbligi midħula għalihom jiġu mwettqa kif jixraq, u

- is-somom irċevuti jintużaw kif jixraq sabiex jitwettqu l-obbligi midħula għalihom.

Il-prova illi l-garanzija tat-twettiq tax-xogħol tkun ġiet iddepożitata trid tasal għand l-Istat Membru fil-limitu taż-żmien stabbilit fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 2.

Il-garanziji tat-twettiq tax-xogħol għandhom jiġu rrilaxxjati fil-limitu taż-żmien u skond it-termini stabbiliti fl-Artikolu 13 ta’ dan ir-Regolament rigward il-ħlas tal-bilanċ.

4. Il-ħtieġa primarja fit-tifsira ta’ l-Artikolu 20 tar-Regolament (KEE) Nru 2220/85 għandha tkun l-implimentazzjoni tal-miżuri koperti bil-kuntratt.

5. L-Istat Membru għandu minnufih jibgħat lill-Kummissjoni kopja tal-kuntratt u l-prova illi tkun ġiet iddepożitata l-garanzija tat-twettiq tax-xogħol. Għandu jibgħat ukoll kopja tal-kuntratt konkluż mill-organizzazzjoni magħżula mal-korp ta' l-implimentazzjoni.

Dan il-kuntratt ta’ l-aħħar għandu jkun fih id-disposizzjoni illi l-korp ta' l-implimentazzjoni jrid jissottometti ruħu għall-kontrolli pprovduti fl-Artikolu 14.

Artikolu 12

1. Fi żmien 30 jum kalendarju mill-firma tal-kuntratt, il-kuntrattur jista' jissottometti applikazzjoni għal pagament bil-quddiem lill-Istat Membru, flimkien mal-garanzija pprovduta fil-paragrafu 3. Wara din id-data, ma tista' ssir l-ebda applikazzjoni għall-ħlas bil-quddiem.

Il-ħlas bil-quddiem jista’ jammonta għal mhux aktar minn 30 % tas-somma tal-kontribuzzjoni mill-Komunità u l-Istat/i Membru/i interessat/i.

2. L-Istat Membru għandu jħallas il-pagament bil-quddiem fi żmien 30 jum kalendarju mis-sottomissjoni ta’ l-applikazzjoni għall-avvanz. Meta l-ħlas isir tard, għandu japplika l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 296/96 [6].

3. L-avvanz għandu jitħallas bil-kondizzjoni li l-kuntrattur jiddepożita garanzija egwali għal 110 % ta’ dan il-ħlas bil-quddiem favur l-Istat Membru skond it-Titolu III tar-Regolament (KEE) Nru 2220/85.

Madankollu, meta l-kuntrattur ikun korp irregolat bil-liġijiet pubbliċi jew jaġixxi taħt is-sorveljanza ta’ dan il-korp, l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru tista’ taċċetta garanzija bil-miktub mill-korp tas-sorveljanza li tkopri ammont egwali għall-perċentwal speċifikat fl-ewwel subparagrafu, sakemm dan il-korp jindaħal li jħallas l-ammont kopert bil-garanzija tiegħu jekk ma jiġix stabbilit l-intitolament għall-ħlas bil-quddiem.

Artikolu 13

1. L-applikazzjonijiet għall-ħlasijiet intermedjarji tal-kontribuzzjonijiet tal-Komunità u ta’ l-Istati Membri għandhom jiġu ssottomessi qabel it-tmiem tax-xahar kalendarju li jiġi wara x-xahar li fih jiskadi kull perjodu taż-żmien ta’ 90 jum kalendarju kkalkolat mid-data tal-firma tal-kuntratt. Dawn l-applikazzjonijiet għandhom ikopru n-nefqa miġrura matul il-kwart tas-sena interessata u għandhom ikunu akkumpanjati minn dikjarazzjoni finanzjarja sommarja, id-dokumenti rilevanti ta’ appoġġ u r-rapport interim dwar l-implimentazzjoni tal-kuntratt. Meta ma tkun intnefqet l-ebda nefqa matul it-tliet xhur interessati, għandha tiġi ssottomessa dikjarazzjoni b'dan l-effett fl-istess limitu taż-żmien bħal dak ta’ l-applikazzjonijiet għall-ħlasijiet intermedjarji.

Għajr f'każijiet ta’ forza maġġuri, meta l-applikazzjoni għal ħlas intermedjarju u d-dokumenti rilevanti jiġu ssottomessi tard, il-ħlas għandu jitnaqqas bi 3 % għal kull xahar sħiħ li fih suppost li jkun sar il-ħlas.

Il-ħlasijiet intermedjarji u l-ħlas bil-quddiem riferiti fl-Artikolu 12(1) meħuda flimkien ma jistgħux jaqbżu l-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Komunità u l-Istati Membri interessati. Ġaladarba jkun intlaħaq dan il-perċentwal, ma jistgħu jiġu ssottomessi l-ebda applikazzjonijiet oħra għall-ħlasijiet intermedjarji.

2. L-applikazzjonijiet għall-ħlas tal-bilanċ għandhom jiġu ssottomessi fi żmien erba’ xhur mit-tkomplija tal-miżuri koperti bil-kuntratt.

Sabiex jitqiesu li ġew issottomessi kif mistħoqq, l-applikazzjonijiet iridu jkunu akkumpanjati bi:

(a) dikjarazzjoni sommarja finanzjarja li turi l-iskedi kollha tan-nefqa u dawk miġrura u d-dokumenti rilevanti kollha ta’ appoġġ li għandhom x'jaqsmu man-nefqa;

(b) sommarju tax-xogħol imwettaq (rapport dwar il-ħidmiet);

(ċ) rapport intern, imfassal mill-kuntrattur, li jevalwa r-riżultati miksuba, kif ikunu jistgħu jiġu aċċertati fid-data tar-rapport, u l-użu li jista’ jintgħamel minnhom.

Għajr f'każijiet ta’ forza maġġuri, meta applikazzjoni għall-ħlas tal-bilanċ tiġi ssottomessa tard, il-ħlas għandu jitnaqqas bi 3 % għal kull xahar sħiħ li fih suppost ikun sar il-ħlas.

3. Il-bilanċ ma għandux jitħallas qabel ma jiġu kkontrollati d-dokumenti riferiti fil-paragrafu 2.

Meta l-ħtieġa primarja riferita fl-Artikolu 11(4) ma tkunx ġiet sodisfatta kollha kemm hi, il-bilanċ li jrid jitħallas għandu jitnaqqas proporzjonalment.

4. Il-garanzija riferita fl-Artikolu 12(3) għandha tiġi rrilaxxata bil-kondizzjoni illi jkun ġie stabbilit l-intitolament definittiv għall-avvanz imħallas.

5. L-Istat Membru għandu jagħmel il-ħlasijiet riferiti fis-subparagrafi ta’ qabel fi żmien 60 jum kalendarju minn meta tkun ġiet irċevuta l-applikazzjoni għall-ħlas. Madankollu, dan il-perjodu taż-żmien jista’ jiġi interrott f’kull żmien matul is-60 jum wara li l-applikazzjoni għall-ħlas tkun ġiet l-ewwel irreġistrata kif irċevuta, billi l-kuntrattur interessat jiġi nnotifikat illi l-applikazzjoni mhix ammissibbli jew minħabba li l-ammont ma jkunx dovut jew minħabba li d-dokumenti meħtieġa ta' appoġġ għall-applikazzjonijiet kollha addizzjonali ma jkunux ġew forniti jew għaliex l-Istat Membru jara l-ħtieġa għal aktar tagħrif jew kontrolli. Il-perjodu taż-żmien tal-ħlas għandu jerġa' jibda jgħodd mid-data li fiha jiġi rċevut it-tagħrif mitlub, li għandu jintbagħat fi żmien 30 jum kalendarju. Għajr f'każijiet ta' forza maġġuri, meta l-ħlasijiet ta’ hawn fuq isiru tard, l-ammont rimborżat lill-Istat Membru għandu jitnaqqas skond l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 296/96.

6. Il-garanziji dwar it-twettiq tax-xogħol kif ipprovdut fl-Artikolu 11(3) iridu jibqgħu validi sakemm jitħallas il-bilanċ u għandhom jiġu rrilaxxjati permezz ta’ ittra ta’ skarigu maħruġa mill-awtorità kompetenti.

7. Fi żmien 30 jum kalendarju mill-irċevuta, l-Istat Membru għandu jibgħat lill-Kummissjoni:

- ir-rapporti ta’ kull tliet xhur dwar l-implimentazzjoni tal-kuntratt,

- is-sommarji riferiti fil-paragrafu 2(a) u (b), u

- ir-rapport intern ta’ evalwazzjoni.

8. Wara li l-bilanċ ikun tħallas, l-Istat Membru għandu jibgħat lill-Kummissjoni dikjarazzjoni finanzjarja li tagħti fid-dettal in-nefqa miġrura skond il-kuntratt.

Għandu wkoll jiċċertifika li fid-dawl tal-kontrolli mwettqa n-nefqa kollha tista' tiġi kkunsidrata eliġibbli skond it-termini tal-kuntratt.

9. Kull granzija mitlufa bi dritt u l-penalitajiet imposti għandhom jitnaqqsu min-nefqa ffinanzjata f'parti minnha mill-Komunità u ddikjarati lit-Taqsima Garanziji tal-FAEGG.

Artikolu 14

1. B’mod partikolari, permezz ta’ kontrolli tekniċi, amministrattivi u tal-kontabbiltà fuq il-fond tal-kuntrattur u tal-korp ta’ l-implimentazzjoni, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi meħtieġa sabiex jivverifikaw illi:

(a) it-tagħrif u d-dokumenti ta’ appoġġ forniti huma eżatti, u

(b) jkunu ġew imwettqa l-obbligi kollha stabbiliti fil-kuntratt.

Mingħajr preġudizzju għar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 595/91 [7], l-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni ma’ l-ewwel opportunità b’kull irregolarità mikxufa matul il-kontrolli.

2. L-Istat Membru interessat għandu jistabbilixxi l-aktar mod approprjat sabiex jikkontrolla l-miżuri koperti b’dan ir-Regolament u għandu jinnotifika lill-Kummissjoni bihom.

3. Fil-każ tal-programmi proposti minn organizzazzjonijiet li joperaw f’aktar minn Stat Membru wieħed, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi meħtieġa sabiex jikkordinaw il-kontrolli tagħhom u għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni bihom.

4. Il-Kummissjoni tista’ tieħu sehem f’kull ħin fil-verifiki u l-kontrolli pprovduti fil-paragrafi 2 u 3. Għal dan l-għan, l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni fiż-żmien f'waqtu bil-verifiki u l-kontrolli ppjanati.

Il-Kummissjoni tista’ wkoll twettaq kull kontroll addizzjonali li tikkunsidra meħtieġ.

5. Il-Grupp tal-Monitorjar ipprovdut fl-Artikolu 8(3) tar-Regolament (KE) Nru 2702/1999 għandu jiltaqa' regolarment sabiex jimmonitorja l-progress fl-implimentazzjoni tal-programmi varji.

Għal dan l-għan, il-Grupp tal-Monitorjar għandu jiġi mgħarraf bl-iskeda taż-żmien tal-miżuri ppjanati skond kull programm, bir-rapporti ta’ l-implimentazzjoni tal-programm u bir-riżultati tal-kontrolli mwettqa skond l-Artikoli 13 u 14.

Il-Grupp tal-Monitorjar għandu jkun ippresedut minn rappreżentant ta’ l-Istat Membru interessat; meta l-programmi jiġu proposti mill-organizzazzjonijiet li jkunu jaħdmu f’aktar minn Stat Membru wieħed, il-Grupp għandu jkun ippresedut minn rappreżentant innominat mill-Istati Membri interessati.

Artikolu 15

1. Meta jsiru ħlasijiet mhux mistħoqqa, il-benefiċjarju għandu jħallas lura l-ammonti interessati biż-żieda ta' imgħax ikkalkolat fuq il-bażi taż-żmien li jkun għadda bejn il-ħlas u l-ħlas lura mill-benefiċjarju.

Ir-rata ta’ l-imgħax li tapplika għandha tkun dik applikata mill-Istitut Monetarju Ewropew għall-operazzjonijiet tiegħu fl-ewro fid-data tal-ħlas mhux mistħoqq, kif ippubblikata fis-serje "Ċ" tal-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej, miżjud bi tliet punti perċentwali.

2. L-ammonti rkuprati u l-imgħax rilevanti għandhom jitħallsu lill-aġenziji jew lid-dipartimenti tal-ħlas u mnaqqsa minnhom min-nefqa ffinanzjata mill-Fond Agrikolu Ewropew ta' Gwida u Garanzija fil-proporzjon tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità.

Artikolu 16

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba’ jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Għandu japplika sal-31 ta’ Diċembru 2004.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, it-28 ta’ Diċembru 2000.

Għall-Kummissjoni

Franz Fischler

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU L 327, tal-21.12.1999, p. 7.

[2] ĠU L 209, ta' l-24.7.1992, p. 1.

[3] ĠU L 328, tat-28.11.1997, p. 1.

[4] ĠU L 205, tat-3.8.1985, p. 5.

[5] ĠU L 240, ta' l-10.9.1999, p. 11.

[6] ĠU L 39, tas-17.2.1996, p. 5.

[7] ĠU L 67, ta' l-14.3.1991, p. 11.

--------------------------------------------------

ANNESS

Il-lista tas-swieq tal-pajjiżi terzi fejn jistgħu jitwettqu l-miżuri ta’ promozzjoni

- L-Isvizzera

- In-Norveġja

- L-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant

- Ir-Russja

- il-Ġappun

- Iċ-Ċina

- Il-Korea ta’ Isfel

- L-Asja tax-Xlokk

- L-Indja

- Il-Lvant Nofsani

- L-Afrika ta’ Fuq

- Ir-Repubblika ta’ l-Afrika ta’ Isfel

- L-Amerika ta’ Fuq

- L-Amerika Latina

- L-Awstralja u New Zealand

Il-lista tal-prodotti li jistgħu jiġu koperti bil-miżuri ta’ promozzjoni fil-pajjiżi terzi

- Iċ-ċanga, il-vitella u l-laħam tal-majjal, friski, imkessħa jew iffriżati

- Il-laħam tat-tjur ta’ kwalità

- Il-ġobon u l-yoghurt

- Iż-żejt taż-żebbuġa u ż-żebbuġ tal-mejda

- L-inbejjed psr ta’ kwalità, l-inbejjed tal-mejda b’indikazzjoni ġeografika

- Ix-xorb spirituż b’indikazzjoni ġeografika jew b’deskrizzjoni tradizzjonali riservata

- Il-frott u l-ħxejjex ta' l-ikel friski u pproċessati

- Il-prodotti pproċessati miċ-ċereali u mir-ross

--------------------------------------------------

Top