EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32000R1607

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1607/2000 ta’ l-24 ta’Lulju 2000 li jistabbilixxi regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1493/1999 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq ta’ l-inbid, b’mod partikolari t-Titolu rrelatat ma’ l-inbid ta’ kwalità ffabbrikat f’reġjuni speċifikati

ĠU L 185, 25.7.2000, p. 17–23 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/07/2009; Imħassar b' 32009R0607

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2000/1607/oj

32000R1607



Official Journal L 185 , 25/07/2000 P. 0017 - 0023


Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1607/2000

ta’ l-24 ta’Lulju 2000

li jistabbilixxi regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1493/1999 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq ta’ l-inbid, b’mod partikolari t-Titolu rrelatat ma’ l-inbid ta’ kwalità ffabbrikat f’reġjuni speċifikati

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi il-Komunità Ewropej,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1493/1999 tas-17 ta’ Mejju 1999 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq ta’ l-inbid [1], u b’mod partikolari l-Artikoli 56 u 58 tiegħu;

Billi:

(1) Regoli ġenerali għall-inbid ta’ kwalità ffabbrikat f’reġjuni speċifikati (psr) huma stabbiliti fit-Titolu VI tar-Regolament (KE) Nru 1493/1999, u fid-diversi l-Annessi tiegħu. Dawn ir-regoli għandhom jiġu supplimentati b’regoli ta’ implimentazzjoni u r-Regolamenti li qabel kienu jittrattaw dak il-każ, Regolamenti tal-Kummissjoni (KEE) Nru 1698/70 [2], kif l-aħħar emendati bir-Regolamenti (KEE) Nru 986/89 [3], (KEE) Nru 2236/73 [4], (KEE) Nru 2082/74 [5], kif l-aħħar emendati bl-Att dwar il-kondizzjonijiet ta’ l-adeżjoni tar-Repubblika Griega u l-aġġustamenti għat-Trattati [6] u (KEE) Nru 2903/79 [7], kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KEE) Nru 418/86 [8], għandhom jiġu rrevokati.

(2) Dawn ir-regoli kienu qabel imxerrda ġo għadd ta’ Regolamenti Komunitarji. Ikun fl-interess ta’ l-operaturi ekonomiċi fil-Komunità u ta’ l-awtoritajiet responsabbli għall-applikazzjoni tar-regoli Komunitarji li dawn id-dispożizzjonijiet jinġabru f’Regolament wieħed.

(3) Dak ir-Regolament għandu jinkludi r-regoli preżenti addattati għall-ħtiġiet il-ġodda tar-Regolament (KE) Nru 1493/1999. Dan għandu jkun aktar faċli u aktar konsistenti, u jkopri b’mod komplet is-suġġett, li jfisser li ċerti lakuni għandhom jimtlew. Barra minn hekk, ċerti regoli għandhom jinkitbu b’mod aktar speċifiku, biex tiġi żgurata aktar ċertezza legali meta dawn jiġu applikati.

(4) Għandu jiġi speċifikat li dan ir-Regolament jgħodd mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet speċjali stabbiliti f’oqsma oħra.

(5) L-Anness VI mar-Regolament (KE) Nru 1493/1999 jipprovdi għal għadd ta’ listi ta’ nbejjed ta’ kwalità psr. Dawk il-listi għandhom jiġu stabbiliti.

(6) Il-paragrafu 3 ta’ l-Anness VI tar-Regolament (KE) Nru 1493/1999 jeħtieġ li l-Istati Membri produtturi jwettqu b’mod sistematiku testijiet organoleptiċi għal kull inbid ta’ kwalità psr iffabbrikat fit-territorju tagħhom.

(7) Ix-xogħol biex jitqabblu r-riżultati tat-testijiet ma’ l-ispeċifiċi preskritti u biex isiru t-testijiet organoleptiċi għandu jiġi fdat f’idejn bordijiet ta’ spettorat.

(8) Għandu jkun hemm dispożizzjoni dwar l-użu li għandu jsir minn inbejjed addattati biex jipproduċu nbejjed ta’ kwalità psr li ma jiġux aċċettati bħala nbejjed ta’ kwalità psr mill-bord ikkonċernat.

(9) Il-Kummissjoni għandha tkun avżata dwar il-miżuri li jittieħdu mill-Istati Membri u dwar il-mod li bih jiġu applikati.

(10) Skond l-Artikolu 56(2) tar-Regolament (KE) Nru 1493/1999, inbid ta’ kwalità psr jista’ jiġi degradat fl-istadju tal-marketing f’ċerti ċirkostanzi biss. Dawn iċ-ċirkostanzi għandhom jiġu speċifikati u l-użu li dawk l-inbejjed ta’ kwalità hekk degradati jista’ jsir minnhom għandu jiġi ddikjarat, kif għandhom jiġu ddikjarati wkoll il-kondizzjonijiet għal dawk l-użi. L-awtoritajiet kompetenti li għandhom id-dritt jiddegradaw l-inbejjed għandhom jiġu indikati.

(11) Biex jiġi evitat tgħawwiġ fil-kompetizzjoni, inbid ta’ kwalità psr degradata m’għandux jitqiegħed fis-suq taħt deskrizzjoni simili għad-deskrizzjoni li ma tistax aktar tiġi allokata aktar għalih. Għall-munitraġġ biex l-operat jimxi sew, l-entrati fir-reġistri dwar il-moviment fl-istokk għandu jirrekordja d-degrad.

(12) Biex il-Kummissjoni tkun tista’ tissorvelja l-applikazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri tad-dispożizzjonijiet li jirregolaw id-degrad ta’ l-inbejjed ta’ kwalità psr, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni kull sena bil-kwantitajiet ta’ nbid ta’ kwalità psr degradat fit-territorju tagħhom.

(13) Id-degrad ta’ nbid ta’ kwalità psr fit-territorju ta’ Stat Membru ħlief dak li fih ikun oriġina għandu jsir mill-korp kompetenti ta’ l-Istat Membru ta’ l-oriġini. Għal dak il-għan, kooperazzjoni diretta għandha tiġi żgurata bejn il-korpi responsabbli fl-Istati Membri għas-superviżjoni u tqegħid fis-suq ta’ nbejjed ta’ kwalità psr u r-regoli għal dik il-kooperazzjoni għandhom jiġu stabbiliti. Iżda, biex jiġi ssimplifikat ix-xogħol amministrattiv ta’ l-Istati Membri, għandu jkun possibbli għall-korp kompetenti ta’ l-Istat Membru li jkollu fit-territorju tiegħu kwantità żgħira ta’ nbid ta’ kwalità psr in kwistjoni li jiddegrada dik il-kwantità huwa stess.

(14) Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma konformi ma’ l-opinjoni tal-Kumitat tal-Ġestjoni ta’ l-Inbid,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Skop

Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1493/1999 dwar inbid ta’ kwalità ffabbrikat f’reġjuni speċifikati (inbid ta’ kwalità psr).

TITOLU I

REGOLI RRELATATI MA’ REĠJUNI SPEĊIFIKATI

Artikolu 2

Demarkazzjoni ta’ żoni fil-viċinanza immedjata ta’ reġjun speċifiku.

Minkejja r-regola fil-punt 1(b) tal-paragrafu D ta’ l-Anness VI li jinsab mar-Regolament (KE) Nru 1493/1999, iżda skond il-punt 3 tal-paragrafu D ta’ l-Anness VI li jinsab ma’ dak ir-Regolament, iż-żona fil-viċinanza mmedjata ta’ reġjun fejn inbid ta’ kwalità psr jista’ jiġi akkwistat jew fabbrikat għandha tkun demarkata minn kull Stat Membru kkonċernat u għal kull inbid ta’ kwalità psr kkonċernat. L-Istat Membru għandu jqis, fost ħwejjeġ oħra, is-sitwazzjoni ġeografika, l-istrutturi amministrattivi u s-sitwazzjonijiet tradizzjonali qabel id-demarkazzjoni.

L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni b’dawk id-deċiżjonijiet ta’ demarkazzjoni meħuda, u l-Kummissjoni għandha tippubblika dawk id-deċiżjonijiet fl-Istati Membri kollha bill-mezzi approprjati.

TITOLU II

REGOLI RRELATATI MAL-QAWWA ALKOĦOLIKA

Artikolu 3

Lista ta’ nbejjed bojod ta’ kwalità li t-total tal-qawwa alkoħolika tagħhom skond il-volum tista’ tkun anqas minn 9 % vol. iżda mhux anqas minn 8,5 % vol.

Il-listi msemmija fil-punt 5 tal-paragrafu F ta’ l-Anness VI li jinsab mar-Regolament (KE) Nru 2493/1999 huma spjegati fl-Anness I hawn mehmuż.

Artikolu 4

Lista ta’ nbejjed likuri ta’ kwalità psr li l-qawwa alkoħolika naturali tagħhom skond il-volum tista’ tkun anqas minn 12 % vol.

Il-lista msemmija fil-punt 3(a) tal-paragrafu L ta’ l-Anness VI li tinsab mar-Regolament (KE) Nru 1493/1999 tidher fil-paragrafu A ta’ l-Anness II hawn mehmuż.

Artikolu 5

Lista ta’ nbejjed likuri ta’ kwalità psr li t-total tal-qawwa alkoħolika tagħhom skond il-volum tista’ tkun anqas minn 17,5 % vol. iżda mhux anqas minn 15 % vol.

Il-lista msemmija fil-punt 4 tal-paragrafu L ta’ l-Anness VI li jinsab mar-Regolament (KE) Nru 1493/1999 tidher fil-paragrafu B ta’ l-Anness II hawn mehmuż.

Artikolu 6

Lista tal-varjetajiet li jistgħu jintużaw biex isiru nbejjed likuri ta’ kwalità psr bl-użu ta’ indikazzjonijiet tradizzjonali speċjali, vino dulce natural, vino dolce naturale, vinho doce natural u οίνος γλυκύς φυσικός,

Il-lista msemmija fil-punt 5 tal-paragrafu L ta’ l-Anness VI li jinsab mar-Regolament (KE) Nru 1493/1999 tidher fl-Anness III hawn mehmuż.

Artikolu 7

Lista ta’ cuvees maħsuba għall-fabbrikazzjoni ta’ nbejjed spumanti ta’ kwalità u ta’ nbejjed spumanti ta’ kwalità psr li l-qawwa alkoħolika tagħhom tista’ tkun anqas minn 9,5 % vol. iżda mhux anqas minn 8,5 % vol.

Il-listi msemmija fil-punti 2 u 3 tal-paragrafu K ta’ l-Anness VI li jinsab mar-Regolament (KE) Nru 1493/1999 jidhru fl-Anness IV hawn mehmuż.

TITOLU III

REGOLI LI JIGGWIDAW TESTIJIET ANALITIĊI U ORGANOLEPTIĊI

Artikolu 8

Regoli ġenerali

1. Għalbiex jiġi applikat il-punt (d) tat-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 58 tar-Regolament (KE) Nru 1493/1999, kull Stat Membru produttur għandu jwaqqaf bord wieħed jew iżjed biex iwettaq testijiet organoleptiċi ta’ nbejjed ta’ kwalità psr iffabbrikati fit-territorju tiegħu.

Meta dawk il-bordijiet jitwaqqfu skond id-dispożizzjoni ta’ hawn fuq u tal-punt 1(b) tal-paragrafu J ta’ l-Anness VI li jinsab mar-Regolament (KE) Nru 1493/1999, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-partijiet interessati jkunu rappreżentati fuqhom.

2. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli biex jiżguraw li t-testijiet analitiċi u organoleptiċi jsiru sistematikament fuq l-inbejjed kollha ta’ kwalità psr iffabbrikati fit-territorju tagħhom. Iżda, fir-rigward ta’ l-inbejjed mis-sena ta’ l-inbid 2000/2001, it-testijiet jistgħu jsiru permezz tat-teħid tal-kampjuni.

Dawn għandhom jiżguraw li kull kampjun li jittieħed ikun rappreżentattiv ta’ kull wieħed mill-inbejjed ta’ kwalità psr f’idejn il-produttur.

3. Fil-każ ta’ l-inbejjed kollha li jistgħu jsiru nbejjed ta’ kwalità psr, it-testijiet imsemmija fil-paragrafu 2 għandhom isiru fl-istadju tal-produzzjoni qabel ma l-inbid jiġi kklassifikat bħala nbid ta’ kwalità psr.

4. L-inbid jista’ jiġi kklassifikat bħala nbid ta’ kwalità psr biss meta:

(a) ir-riżultati tat-testijiet analitiċi li jkunu saru skond il-metodi msemmija fl-Artikolu 46 tar-Regolament (KE) Nru 1493/1999 jagħtu prova li l-inbid jaqa’ fil-limiti meħtieġa msemmija fil-punt 1(a) tal-paragrafu J ta’ l-Anness VI li jinsab ma’ dak ir-Regolament, u

(b) it-test organoleptiku juri li l-inbid għandu l-karatteristiċi approprjati kollha.

Artikolu 9

L-użu ta’ l-inbid li ma jgħaddix mit-testijiet analitiċi u organoleptiċi

Meta t-testijiet analitiċi u organoleptiċi juru li l-inbid ma jkunx addattat biex jiġi kklassifikat bħala nbid ta’ kwalità psr kif mitlub, dak l-inbid jista’ jekk ikollu l-karatteristiċi meħtieġa, jiġi kklassifikat:

(a) bħala nbid ieħor tal-kwalità psr, jekk il-kondizzjonijiet għall-klassifika tiegħu bħala tali jintlaqgħu, jew

(b) bħala nbid tal-mejda, sakemm dak l-arrikkiment, jekk ikun sar, ikun twettaq skond l-Artikolu 43(2) tal-paragrafi Ċ u Ġ ta’ l-Anness V li jinsab mar-Regolament (KE) Nru 1493/1999, jew

(ċ) bħala nbid ta’ kategorija oħra, kif imsemmi fl-Anness I li jinsab mar-Regolament (KE) Nru 1493/1999.

TITOLU IV

REGOLI APPLIKABBLI GĦAL DEGRAD

Artikolu 10

Kondizzjonijiet għal ċerti każi ta’degrad ta’ nbejjed ta’ kwalità psr fl-istadju tal-marketing

1. Għall-finijiet ta’ l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 56 tar-Regolament (KE) Nru 1493/1999, "id-degrad ta’ nbid ta’ kwalità psr" tfisser "il-projbizzjoni ta’ l-użu ta’ l-inbid ikkonċernat ta’ kull referenza għall-indikazzjonijiet Komunitarji jew nazzjonali riservati għall-inbid ta’ kwalità psr".

2. Għall-finijiet ta’ l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 56(3) ta’ dak ir-Regolament, inbid ta’ kwalità psr għandu jitqies li jkun għadda minn bidla li tkun tiġġustifika d-degrad b’mod partikolari meta jinstab li:

(a) ma jkunx għadu jilħaq il-ħtiġiet għal talanqas wieħed mill-karatteristiċi msemmija fil-punt 1 (a) tal-paragrafu J ta’ l-Anness li jinsab mar-Regolament, jew

(b) ma jkollux aktar talanqas waħda mill-karatteristiċi ta’ nbid ta’ kwalità psr mir-reġjun li jkollu l-isem tiegħu.

3. Id-degrad ta’ nbid ta’ kwalità psr fl-istadju tal-marketing għandu jiġi ddikjarat mill-korp kompetenti msemmi, kif applikabbli, fl-Artikolu 12(1) jew (3) ta’ dan ir-Regolament.

4. Il-proċedura tad-degrad ta’ nbid ta’ kwalità psr għandha tinbeda minn:

(a) il-korp kompetenti msemmi fl-Artikolu 56(1) u (2) tar-Regolament, waqt xi verifika approprjata, jew

(b) in-negozjant li jkollu l-inbid jekk josserva li l-inbid jilħaq il-kondizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 2 ta’ hawn fuq.

5. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar l-ismijiet u l-indirizzi tal-korpi kompetenti awtorizzati minnhom biex jiddegradaw inbejjed ta’ kwalità psr. Il-Kummissjoni għandha tieħu l-passi kollha meħtieġa biex tippubblika n-notifika fl-Istati Membri kollha.

6. Fejn meħtieġ, korp kompetenti jista’ jiddikjara li d-dokument relattiv maħruġ għal inbid degradat ikun bi ksur tar-regoli.

Ir-reġistri tal-moviment ta’ l-istokk li jkunu f’idejn id-detentur ta’ nbid degradat għandhom jispeċifikaw li l-inbid ikun ġie degradat minn inbid ta’ kwalità psr.

Artikolu 11

Notifika mill-Istati Membri dwar id-degrad ta’ nbejjed ta’ kwalità psr

Għal kull sena kummerċjali ta’l-inbid, l-Istati Membri għandhom jiġbru data dwar kwantitajiet ta’ nbid ta’ kwalità psr degradat fit-territorju tagħhom.

Dawn għandhom jinnotifikaw dan it-tagħrif lill-Kummissjoni mhux aktar tard mill-1 Novembru wara s-sena ta’ l-inbid li fiha d-degrad ta’ l-inbid jiġi ddikjarat.

Id-data għandha tiddistingwi bejn inbid degradat ta’ kwalità psr

(a) fl-istadju tal-produzzjoni:

(i) fuq l-inizjattiva tal-korp kompetenti, jew

(ii) fuq it-talba tal-produttur;

(b) fl-istadju tal-marketing:

(i) fuq l-inizjattiva tal-korp kompetenti, jew

(ii) fuq it-talba tan-negozjant;

Dawn għandhom jindikaw il-kwantitajiet maqsuma skond il-kategorija tal-fabbrikat li jirriżultaw mid-degrad.

Artikolu 12

Kollaborazzjoni diretta tal-korpi kompetenti ta’ l-Istati Membri fir-rigward tad-degrad ta’ nbid ta’ kwalità psr

1. Il-korp kompetenti fi Stat Membru li jkollu fit-territorju tiegħu nbid ta’ kwalità psr li jkun qiegħed jiġi kkunsidrat għad-degrad għandu javża lill-korp kompetenti ta’l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu ikun ġie ffabbrikat l-inbid ("l-Istat Membru ta’ l-oriġini") b’dan.

Il-bdil ta’ tagħrif jista’ jkollu miegħu:

(a) dispaċċ ta’ kampjuni lil xi laboratorju uffiċjali fl-Istat Membru ta’ l-oriġini fuq it-talba ta’ xi wieħed mill-Istati Membri kkonċernati; meta l-inbid ikun inbid ta’ kwalità psr f’kontenituri li jesgħu mhux aktar minn 60 litru, il-kampjun għandu jkollu t-tikketta li taħtha l-inbid ikun tqiegħed fiċ-ċirkolazzjoni,

(b) il-preżenza ta’ espert kwalifikat mill-Istat Membru ta’ l-oriġini waqt il-verifiki,

(ċ) il-parteċipazzjoni ta’ Stati Membri differenti f’testijiet ikkonċernati,

(d) il-verifika tad-dokumenti u ta’ l-entrati fir-reġistru stabbilita skond l-Artrikolu 70 tar-Regolament (KE) Nru 1493/1999.

2. Il-korp kompetenti li lilu tiġi indirizzata t-talba għandu immedjatament javża lill-korp kompetenti li jibgħat it-talba bid-deċiżjoni tiegħu dwar id-degrad.

3. Fejn il-kwantità ta’ nbid involuta ma teċċedix żewġ ettolitri, il-korp kompetenti ta’ l-Istat Membru li għandu fuq it-territorju tiegħu inbid ta’ kwalità psr li jista’ jiġi degradat jista’ hu stess jiddeċiedi li jiddegrada l-inbid.

4. Kull persuna naturali jew legali jew grupp ta’ persuni effettwata minn deċiżjoni meħuda taħt il-paragrafu 2 jew 3 ta’ hawn fuq tista’ titlob lill-korp kompetenti ta’ l-Istat Membru li jkollu fit-territorju tiegħu l-inbid ta’ kwalità psr ikkonċernat biex jerġa’ jikkonsidra d-deċiżjoni. Jekk dak il-korp isib li t-talba għar-rikonsiderazzjoni tad-deċiżjoni tkun fondata, dan għandu jitlob lill-korp kompetenti ta’ l-Istat Membru ta’ l-oriġini ta’ l-inbid ta’ kwalità psr ikkonċernat biex jarġa’ jikkonsidra d-deċiżjoni, jew, fil-każ imsemmi fil-paragrafu 3, għandu hu stess jarġa’ jikkonsidra d-deċiżjoni.

5. L-Istati Membri li jkunu ddegradaw inbid ta’ kwalità psr li jkun joriġina fi Stat Membru ieħor fil-kors ta’ sena għandhom, sal-31 ta’ Marzu tas-sena ta’ wara, jinnotifikaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri ta’ l-oriġini ta’ l-inbejjed ta’ kwalità kkonċernati dwar il-volum ta’ kull inbid ta’ kwalità psr degradat.

TITOLU V

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 13

Revoka

Ir-Regolamenti (KEE) Nru 1698/70, (KEE) Nru 2236/73, (KEE) Nru 2082/74 u (KEE) Nru 2903/79 qed jiġu rrevokati.

Artikolu 14

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum li jiġi wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Dan għandu jgħodd mill-1 ta’ Awissu 2000.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fl-24 ta’ Lulju 2000.

Għall-Kummissjoni

Franz Fischler

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU L 179, ta’ l-14.7.1999, p. 1.

[2] ĠU L 190, tas-26.8.1970, p. 4.

[3] ĠU L 106, tat-18.4.1989, p. 1.

[4] ĠU L 229, tas-17.8.1973, p. 26.

[5] ĠU L 217, tat-8.8.1974, p. 14.

[6] ĠU L 291, tad-19.11.1979, p. 80.

[7] ĠU L 326, tat-22.12.1979, p. 14.

[8] ĠU L 48, tas-26.2.1986, p. 8.

--------------------------------------------------

ANNESS I

Lista ta’ nbejjed bojod ta’ kwalità psr li t-total tal-qawwa alkoħolika tagħhom skond il-volum tista’ tkun anqas minn 9 % vol. iżda mhux anqas minn 8,5 % vol.

IL-PORTUGALL

- Vinho Verde

--------------------------------------------------

ANNESS II

A. Il-lista msemmija fil-punt 3 (a) tal-paragrafu L ta’ l-Anness VI li jinsab mar-Regolament (KE) No 1493/1999

1. Lista ta’ nbejjed likuri ta’ kwalità psr fabbrikati minn għeneb magħsur ta’ qawwa alkoħolika naturali skond il-volum ta’ mhux anqas minn 10 % vol. miksuba biż-żieda ta’ spirtu miksub minn inbid jew għeneb marċ b’deskrizzjoni ta’ l-oriġini rreġistrata, possibbilment mill-istess azjenda.

(Il-Punt 3 (a) (i) tal-paragrafu L ta’ l-Anness VI li jinsab mar-Regolament (KE) Nru 1493/1999).

FRANZA

Pineau de Charantes jew Pineau charentais, Floc de Gascogne, Macvin du Jura.

2. Lista ta’ nbejjed likuri ta’ kwalità psr fabbrikati mill-fermentazzjoni ta’ għeneb magħsur b’qawwa alkoħolika naturali inizjali skond il-volum ta’ mhux anqas minn 11 % vol. miksuba biż-żieda ta’ alkoħol newtru jew minn distillat ta’ l-inbid b’qawwa alkoħolika naturali skond il-volum ta’ mhux anqas minn 70 % vol., jew bi spirtu ta’ l-oriġini ta’ l-inbid.

(L-ewwel inċiż tal-punt 3 (a) (ii) tal-paragrafu L ta’ l-Anness VI li jinsab mar-Regolament (KE) Nru 1493/1999)

IL-PORTUGALL

Porto, vin de Porto, Oporto Port, Port wine, Portwein, Portvin, Portwijn

Moscatel de Setúbal, Setúbal

Carcavelos

L-ITALJA

Moscato di Noto

Trentino.

3. Lista ta’ nbejjed likuri ta’ kwalità psr fabbrikati minn inbid b’qawwa alkoħolika naturali inizjali skond il-volum ta’ mhux anqas minn 10,5 % vol.

(It-tieni inċiż tal-punt 3 (a) (ii) tal-paragrafu L ta’ l-Anness VI li jinsab mar-Regolament (KE) Nru 1493/1999)

SPANJA

Jerez-Xérès-Sherry

Manzanilla-Sanlúcar de Barrameda

Contado de Huelva

Rueda

4. Lista ta’ nbejjed likuri ta’ kwalità psr miksuba mill-fermentazzjoni ta’ għeneb magħsur b’qawwa alkoħolika naturali inizjali skond il-volum ta’ mhux anqas minn 9 % vol.

(It-tielet inċiż tal-punt 3 (a) (ii) tal-paragrafu L ta’ l-Anness VI li jinsab mar-Regolament (KE) Nru 1493/1999)

IL-PORTUGALL

Madeira, Madeira Wein, Madeira wine, vin de Madère, Madera, vino di Madera, Madeira wijn

B. Lista msemmija fil-punt 4 tal-paragrafu L ta’ l-Anness VI li jinsab mar-Regolament (KE) Nru 1493/1999

5. Lista ta’ nbejjed likuri ta’ kwalità psr li jkollhom qawwa alkoħolika totali skond il-volum ta anqas minn 17,5 % vol. iżda ta’ mhux anqas minn 15 % vol., fejn il-liġijiet nazzjonali applikabbli għalihom qabel l-1 ta’ Jannar 1985 espressament hekk jipprovdu

(Il-punt 4 tal-paragrafu L ta’ l-Anness VI li jinsab mar-Regolament (KE) Nru 1493/1999

SPANJA

L-inbid likur ta’ kwalità psr | Id-deskrizzjoni tal-prodott kif stabbilita mir-regoli Komunitarji jew mil-leġislazzjoni nazzjonali |

Condado de Huelva | Vino generoso |

Jerez-Xérès-Sherry | Vino generoso |

Manzanilla-Sanlúcar de Barrameda | Vino generoso |

Málaga | Seco |

Montilla-Moriles | Vino generoso |

Priorato | Rancio seco |

Rueda | Vino generoso |

Tarragona | Rancio seco |

L-ITALJA

Trentino

IL-PORTUGALL

L-inbid likur ta’ kwalità psr | Id-deskrizzjoni tal-prodott kjif stabbilita mir-regoli Komunitarji jew mill-leġislazzjoni nazzjonali |

Porto, vin de Porto, Oporto, Port, Port wine, Portwein, Portvin, Portwijn | Branco leve seco |

--------------------------------------------------

ANNESS III

Lista tal-varjetajiet li jistgħu jintużaw biex isiru nbejjed likuri ta’ kwalità psr bl-użu ta’ indikazzjonijiet tradizzjonali speċjali,

vino dulce natural

,

vino dolce naturale

,

vino doce natural

u

οίνος γλυκύς ψυσικός

Muscats - Grenache - Maccabéo - Malvoisies - Mavrodaphne - Assirtiko - Liatiko - Garnacha tintorera - Monastrell - Pedro Ximénez - Albarola - Aleatico - Bosco - Cannonau - Corinto nero - Giró - Monica - Nasco - Primitivo - Vermentino - Zibibbo.

--------------------------------------------------

ANNESS IV

Lista ta’ nbejjed spumanti psr li l-cuvée tagħhom jista’ jkollu qawwa alkoħolika ta’ anqas minn 9,5 % vol.

L-ITALJA

- Prosecco di Conegliano-Valdobbiadene

- Montello e Colli Asolani.

--------------------------------------------------

Top