EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32000R1298

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1298/2000 tat-8 ta' Ġunju 2000 li jemenda għall-ħames darba r-Regolament (KE) Nru 850/98 għall-konservazzjoni ta' riżorsi tas-sajd b'miżuri tekniċi għall-protezzjoni ta' żgħar ta'organiżmi marini

ĠU L 148, 22.6.2000, p. 1–2 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO, HR)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 13/08/2019; Impliċitament imħassar minn 32019R1241

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2000/1298/oj

32000R1298



Official Journal L 148 , 22/06/2000 P. 0001 - 0002


Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1298/2000

tat-8 ta' Ġunju 2000

li jemenda għall-ħames darba r-Regolament (KE) Nru 850/98 għall-konservazzjoni ta' riżorsi tas-sajd b'miżuri tekniċi għall-protezzjoni ta' żgħar ta'organiżmi marini

IL-KUNSILL TA'L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 37 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [3],

Billi:

(1) Minħabba partikolaritajiet ġeografiċi u staġjonali hu xieraq li jitwaqqfu regoli dettaljati għal tartaruni separaturi jew xbieki bi grid li jissepara għall-użu fil-postijiet tas-sajd tal-gambli mill-Istati Membri għal bastimenti tas-sajd bil-bandiera tagħhom u rreġistrati fil-Komunità. L-Artiklu 25 tar-Regolament (KE) Nru 850/98 [4] għandu għaldaqstant jiġi emendat.

(2) Pariri xjentifiċi reċenti jindikaw li l-ammonti ta'sallur tar-ramel f'wesgħa ‘l barra mix-xatt tan-naħa tal-grigal ta'l-Ingilterra w x-xatt tal-lvant ta'l-Iskozja bħalissa mhumiex biżżejjed sabiex imantnu kemm il-postijiet tas-sajd fuqhom kif ukoll il-ħtiġijiet tal-varji speċji li s-sallur tar-ramel huma komponent ewlieni tad-dieta tagħhom u allura hemm il-bżonn li l-postijiet tas-sajd tas-sallur tar-ramel jingħalqu.

(3) L-Artikolu 46 tar-Regolament (KE) Nru 850/98 għandu għaldaqstant jerġa' jinkiteb sabiex l-applikabbiltà tiegħu tkun aktar ċara.

(4) Id-daqsijiet minimi ta'numru ta'krustaċej u molluski bivalvi għandhom jiġu rriveduti jew introdotti.

(5) Ir-Regolament (KE) Nru 850/98 għandu għaldaqstant jiġi emendat,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nu 850/98 b'dan qed jiġi emendat kif ġej:

1. L-Artikolu 25(2) jinbidel b'dan li ġej:

"2. Mhux aktar tard mill-1 ta' Lulju 2002, għandu jintuża tartarun separatur jew tartarun bi grid li jissepara għall-qbid ta'gambli komuni u gambli Eżopi in konformità ma' regoli dettaljati li l-Istati Membri jridu jwaqqfu b'mod konformi ma'l-Artikolu 46. Dawn ir-regoli jistgħu jkunu applikabbli biss għal xbieki rmunkati minn bastimenti tas-sajd."

2. L-Artikolu li ġej għandujiddaħħal wara l-Artikolu 29:

"L-Artikolu 29a

Restrizzjonijiet fuq is-sajd tas-sallur tar-ramel

1. Matul is-sena 2000, is-sena 2001 u s-sena 2002, mhux ser ikun permess li wieħed iħott jew iżomm fuq bastiment sallur tar-ramel maqbud fil-wesgħa ġeografika mdawra mix-xatt tal-lvant ta'l-Ingilterra u l-Iskozja, u linja li tgħaqqad b'mod sekwenzjali l-koordinati li ġejjin:

- ix-xatt tal-lvant ta'l-Ingilterra fuq latitudni ta' 55° 30‘T,

- latitudni ta'55° 30‘T, lonġitudni ta'1° 00‘P,

- latitudni ta'58° 00‘T, lonġitudni ta'1° 00‘P,

- latitudni ta'58° 00‘T, lonġitudni ta'2° 00‘P,

- ix-xatt tal-lvant ta'l-Iskozja fuq lonġitudni ta'2° 00‘P.

2. Qabel l-1 ta'Marzu 2001 u mbagħad qabel l-1 ta' Marzu 2002, il-Kummissjoni trid tirrapporta ‘l-Kunsill fuq l-effetti tad-dispożizzjonijiet ta'paragrafu 1. Fuq dawn ir-rapporti, il-Kummissjoni tista' tipproponi emendi xierqa għall-kondizzjonijiet indikati fil-paragrafu 1."

3. L-Artikolu 46(1) għandu jinbidel b'dan li ġej:

"1. L-Istati Membri jistgħu jieħdu l-miżuri neċessarji għall-konservazzjoni u l-ġestjoni ta' l-istokkijiet:

(a) fil-każ ta' stokkijiet strettament lokali li huma ta' interess biss għall-Istat Membru nvolut; jew

(b) fil-forma ta'kondizzjonijiet jew arranġamenti dettaljati bil-ħsieb li jillimitaw il-qbid b'miżuri tekniċi:

(i) li jissupplementw dawk preskritti fil-leġislazzjoni Komunitarja fuq is-sajd; jew

(ii) li jżidu fuq il-ħtiġijiet minimi preskritti fil-leġislazzjoni msemmija;

sakemm dawn il-miżuri japplikaw biss għal bastimenti bil-bandiera ta'l-Istat Membru nvolut u rreġistrat fil-Komunità jew, fil-każ ta'attivitajiet tas-sajd mhux imwettqa minn bastiment tas-sajd, lil persuni stabbiliti fl-Istat Membru nvolut."

4. L-Anness XII għandu jiġi emendat kif ġej:

(a) "Carpetshell (Venerupis pullastra) 40 mm" jitbiddel f'"Carpetshell (Venerupis pullastra) 38 mm",

(b) "Arzella iebsa (Callista chione) 5 ċm" jitbiddel f'"Arzella iebsa (Callista chione) 6 ċm",

(ċ) "Arzella xafra (Ensis spp., Pharus legumen) 10 ċm" għandu jitbiddel f'"Arzella xafra (Ensis spp) 10 ċm",

(d) "Bean solen (Pharus legumen) 65 mm" għandu jiddaħħal qabel "Whelk (Buccinum undatum)",

(e) "Gamblu roża tal-baħar fond (Parapenaeus longirostirs) 22 mm (tul karapaċju)" għandu jiddaħħal wara "Awista mxewka (Palinurus spp.)"

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara li jiġi ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunità Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul il-Lussemburgu, fit-8 ta' Ġunju 2000.

Għall-Kunsill

Il-President

G. Oliveira Martins

[1] ĠU C 89 E, tat-28.3.2000.

[2] L-Opinjoni li ngħatat fid-19 ta' Mejju 2000 (li għadha mhix ippublikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

[3] ĠU C 75, tal-15.3.2000, p. 34.

[4] ĠU L 125, tas-27.4.1998, p. 1. Ir-Regolament l-aħħar emendat mir-Regolament (KE) Nru 2723/1999 (ĠU L 328, tat-22.12.1999, p. 9).

--------------------------------------------------

Top