Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31999R1168

    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1168/1999 tat-3 ta’ Ġunju 1999 li jistabbilixxi l-istandard tal-marketing għall-għanbaqar

    ĠU L 141, 4.6.1999, p. 5–10 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 30/06/2009; Imħassar b' 32008R1221 , Date of end of validity: 30/06/2009; Impliċitament imħassar minn 32008R1221

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1999/1168/oj

    31999R1168



    Official Journal L 141 , 04/06/1999 P. 0005 - 0010


    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1168/1999

    tat-3 ta’ Ġunju 1999

    li jistabbilixxi l-istandard tal-marketing għall-għanbaqar

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2200/96 tat-28 ta’ Ottubru 1996 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq fil-frott u l-ħxejjex ta’ l-ikel [1], kif l-aħħar emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 857/1999 [2], u b’mod partikolari l-Artikolu 2(2) tiegħu,

    (1) Billi l-għanbaqar huwa fost il-prodotti elenkati fl-Anness I mar-Regolament (KE) Nru 2200/96 li għalih għandhom jiġu adottati standards; billi r-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 1591/87 tal-5 Ġunju 1987 li jistabbilixxi l-istandards tal-marketing għall-kaboċċi, il-Brussels sprouts, il-krafes bil-ħajta, l-ispinaċi u l-għanbaqar [3], kif l-aħħar emendat bir-Regolament (EC) Nru 888/97 [4], ġie spiss emendat u ma jistax aktar jiżgura ċ-ċarezza legali.

    (2) Billi, fl-interess taċ-ċarezza, ir-regoli dwar l-għanbaqar għandhom jiġu separati minn dawk dwar prodotti oħra fir-Regolament (EEC) Nru 1591/87; billi r-regoli fil-kwistjoni għandhom għalhekk jiġu abbozzati mill-ġdid u l-Anness V mar-Regolament (KEE) Nru 1591/87 dwar l-għanbaqar jiġi mħassar; billi, għal dan l-iskop u fl-interessi tal-priservazzjoni tat-trasparenza fis-suq dinji, għandu jitqies l-istandard għall-għanbaqar irrakkommandat mill-Grupp tax-Xogħol ta’ l-Istandardizzazzjoni tal-Prodotti li Jeħżienu u l-Iżvilupp tal-Kwalità tal-Kummissjoni Ekonomika tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ewropa (UN/KEE).

    (3) Billi r-riżultat ta’ l-applikazzjoni ta’ dawn l-istandards għandu jkun li jitneħħew mis-suq il-prodotti ta’ kwalità mhux sodisfaċenti, sabiex il-produzzjoni ssir konformi mal-ħtiġiet tal-konsumatur, sabiex jiġu ffaċilitati r-relazzjonijiet tal-kummerċ imsejsa fuq il-kompetizzjoni ġusta, u b’hekk il-produzzjoni tiġi megħjuna tħalli iktar qliegħ.

    (4) Billi l-istandards huma applikabbli f’kull stadju tal-proċess tas-suq; billi l-ġarr fuq distanza twila, il-ħażna għal ċertu tul ta’ żmien u l-operazzjonijiet diversi tat-tqandil li l-prodotti jgħaddu minnhom jistgħu jwasslu għat-taħsir minħabba l-iżvilupp bijoloġiku tal-prodotti jew ix-xejra tagħhom li jitħassru; billi għandu jittieħed kont ta’ dan it-taħsir meta jiġu applikati l-istandards fl-istadji tal-marketing wara d-dispaċċ; billi, minħabba illi l-prodotti tal-Klassi "Extra" iridu b’mod partikolari jiġu magħżula u ppakkjati b’attenzjoni, iridu jitqiesu biss fil-każ tagħhom in-nuqqas tal-freskezza u l-istat tan-nefħa tagħhom.

    (5) Billi l-miżuri pprovduti f’dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-Kumitat tal-Ġestjoni tal-Frott u l-Ħxejjex ta’ l-Ikel Friski,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    L-istandard tal-marketing għall-għanbaqar li jidħol fil-kodiċi NM 08094005 għandu jkun kif iddikjarat fl-Anness.

    Dan l-istandard għandu japplika fl-istadji kollha tal-marketing, taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 2200/96.

    Madankollu, fl-istadji ta’ wara d-dispaċċ, il-prodotti jistgħu juru fejn għandhom x’jaqsmu d-disposizzjonijiet ta’ l-istandard:

    - nuqqas żgħir ta’ freskezza u nefħa,

    - għall-prodotti ggradati fil-Klassijiet l-oħra għajr l-"Extra", taħsir żgħir minħabba l-iżvilupp tagħhom u t-tendenza tagħhom li jeħżienu.

    Artikolu 2

    Ir-Regolament (KEE) Nru 1591/87 huwa hawnhekk emendat kif ġej:

    1. Fit-titolu, il-kliem "il-krafes bil-ħajta, l-ispinaċi u l-għanbaqar" jiġi mibdul bil-kliem "il-krafes bil-ħajta u l-ispinaċi".

    2. Il-ħames inċiż fl-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 1 jiġi mħassar.

    3. L-Anness V jiġi mħassar.

    Artikolu 3

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

    Għandu jibda japplika mill-1 Lulju 1999.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussel, fit-3 ta’ Ġunju 1999.

    Għall-Kummissjoni

    Franz Fischler

    Membru tal-Kummissjoni

    [1] ĠU L 297, tal-21.11.1996, p. 1.

    [2] ĠU L 108, tas-27.4.1999, p. 7.

    [3] ĠU L 146, tas-6.6.1987, p. 36.

    [4] ĠU L 126, tas-17.5.1997, p. 11.

    --------------------------------------------------

    ANNESS

    L-ISTANDARD GĦALL-GĦANBAQAR

    I. ID-DEFINIZZJONI TAL-PRODOTT

    Dan l-istandard japplika għall-għanbaqar tal-varjetajiet (varjetà mnissla bil-kultivazzjoni) imkabbra minn:

    - il-Prunus domestica L. ssp. domestica,

    - il-Prunus domestica L. ssp. insititia (L.) Schneid.,

    - il-Prunus domestica L. ssp. italica (Borkh.) Gams,

    - il-Prunus domestica L. ssp. syriaca (Borkh.) Janchen, u

    - il-Prunus salicina Lindl.

    li jridu jiġu forniti friski lill-konsumatur, bl-għanbaqar għall-ipproċessar industrijali jiġi eskluż.

    II. ID-DISPOŻIZZJONIJIET LI JIRRIGWARDAW IL-KWALITÀ

    L-għan ta’ l-istandard huwa li jiddefinixxi l-ħtiġiet tal-kwalità għall-għanbaqar wara t-tħejjija u l-ippakkjar.

    A. Il-ħtiġiet minimi

    Fil-Klassijiet kollha, bla ħsara għad-disposizzjonijiet speċjali għal kull Klassi u t-tolleranzi permessi, l-għanbaqar għandu jkun:

    - mhux mimsus,

    - b’saħħtu; huwa eskluż il-prodott milqut mit-taħsir jew id-deterjorament hekk li jagħmlu mhux tajjeb għall-konsum,

    - nadif, prattikament ħieles minn kull materja barranija viżibbli,

    - prattikament ħieles mill-insetti jew id-dud tal-qerda,

    - prattikament ħieles mill-ħsara kkawżata mill-insetti jew id-dud tal-qerda,

    - ħieles mill-irtuba esterna anormali,

    - ħieles minn kull riħa u/jew togħma barranija.

    L-għanbaqar irid ikun ġie maqtugħ b’attenzjoni. Irid ikun żviluppat biżżejjed u juri li jkun sar biżżejjed.

    L-iżvilupp u l-kondizzjoni ta’ l-għanbaqar iridu jkunu hekk illi jgħinuh:

    - li jkun jiflaħ għat-trasport u t-tqandil, u

    - jasal f’kondizzjoni sodisfaċenti fil-post tad-destinazzjoni.

    B. Il-Klassifika

    L-għanbaqar jiġi kklassifikat fi tliet Klassijiet kif iddefiniti hawn taħt:

    (i) tal-Klassi "Extra"

    L-għanbaqar f’din il-klassi jrid ikun ta’ kwalità superjuri. Fl-għamla, l-iżvilupp u l-kulur għandu jkun karatteristiku għall-varjetà. Irid ikun:

    - prattikament miksi bil-għabra tiegħu, skond il-varjetà,

    - ta’ laħam magħqud.

    Irid ikun ħieles mid-difetti, bl-eċċezzjoni ta’ difetti superfiċjali ħfief ħafna, sakemm dawn ma jaffettwawx l-apparenza ġenerali, il-kwalità, il-kwalità taż-żamma u l-preżentazzjoni tal-prodott fil-pakkeġġ.

    (ii) tal-Klassi I

    L-għanbaqar f’din il-klassi jrid ikun ta’ kwalità tajba. Irid ikun karatteristiku għall-varjetà.

    Madankollu jistgħu jiġu permessi d-difetti ħfief li ġejjin, sakemm dawn ma jaffettwawx l-apparenza ġenerali, il-kwalità, il-kwalità taż-żamma u l-preżentazzjoni tal-prodott fil-pakkeġġ:

    - difett żgħir fl-għamla,

    - difett ħafif fl-iżvilupp,

    - difetti ħfief fil-kulur,

    - id-difetti fil-qoxra ta’ għamla tawwalija ma jridux jaqbżu fit-tul it-terz tad-dijametru massimu tal-frotta. B’mod partikolari, jistgħu jiġu permessi qasmiet imfejqa għall-varjetajiet "Golden gage" [1],

    - id-difetti l-oħra fil-qoxra li l-firxa totali affettwata ma jridux jaqbżu aktar is-sittax il-wieħed mill-wiċċ kollu.

    (iii) tal-Klassi II

    Din il-Klassi tinkludi għanbaqar li ma jikkwalifikax għad-dħul fil-Klassijiet ogħla, iżda jissodisfa l-ħtiġiet minimi speċifikati hawn fuq.

    Jistgħu jiġu permessi d-difetti li ġejjin, sakemm l-għanbaqar iżomm il-karatteristiċi essenzjali tiegħu rigward il-kwalità, il-kwalità taż-żamma u l-preżentazzjoni:

    - difetti fil-għamla,

    - difetti fl-iżvilupp,

    - difetti fil-kulur,

    - difetti fil-qoxra li minnha l-firxa totali affettwata ma tridx taqbeż il-kwart tal-wiċċ kollu.

    III. ID-DISPOŻIZZJONIJIET LI JIRRIGWARDAW L-GĦOTI TAD-DAQS

    Id-daqs jiġi stabbilit skond id-dijametru massimu tat-taqsima ekwatorjali.

    Id-daqsijiet minimi huma ffisati kif ġej:

    | "Extra" u I | II |

    Il-varjetajiet li jagħmlu frott kbir | 35 mm | 30 mm |

    Il-varjetajiet l-oħra | 28 mm | 25 mm |

    Il-Mirabell u l-Pruna Damaskina | 20 mm | 17 mm |

    [1] Definizzjoni: il-gages (berquq aħdar, dauphines, greengages) li jkollhom qoxra ħadra b’kulur safrani jleqq.

    --------------------------------------------------

    Top