Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31999R0530

    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 530/1999 tad-9 ta' Marzu 1999 li jikkonċerna l-istatistiċi strutturali dwar il-qligħ u dwar l-ispejjeż tax-xogħol.

    ĠU L 63, 12.3.1999, p. 6–10 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO, HR)

    Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 07/08/2009

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1999/530/oj

    31999R0530



    Official Journal L 063 , 12/03/1999 P. 0006 - 0010


    Ir-Regolament Tal-Kunsill (KE) Nru 530/1999

    tad-9 ta' Marzu 1999

    li jikkonċerna l-istatistiċi strutturali dwar il-qligħ u dwar l-ispejjeż tax-xogħol.

    IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 213 tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-abbozz tar-Regolament sottomess mill-Kummissjoni,

    Billi, sabiex jitwettaq ix-xogħol assenjat lilha, il-Kummissjoni għandha tinżamm informata dwar il-livell u l-kompożizzjoni ta' l-ispejjeż tax-xogħol u dwar l-istruttura u t-tqassim tal-qligħ fl-Istati Membri;

    Billi l-iżvilupp tal-Komunità u l-operat tas-suq intern iżidu l-ħtieġa għall-informazzjoni kumparabbli dwar il-livell u l-kompożizzjoni ta' l-ispejjeż tax-xogħol u dwar l-istruttura u d-distribuzzjoni tal-qligħ, partikolarment bħala mezz għall-analiżi tal-progress tal-koeżjoni ekonomika u soċjali u sabiex jiġu stabbiliti paraguni ta' min joqgħod fuqhom u rilevanti bejn l-Istati Membri u r-reġjuni tal-Komunità;

    Billi l-aħjar metodu sabiex tiġi valutata s-sitwazzjoni dwar l-ispejjeż tax-xogħol u l-qligħ huwa li jiġu kkompilati statistiċi Komunitarji li jużaw metodi u definizzjonijiet armonizzati kif sar f'okkażjonijiet preċedenti, l-iżjed riċenti għall-1996 fil-każ tal-livell u l-kompożizzjoni ta' l-ispejjeż tax-xogħol skond ir-Regolament (KE) Nru 23/97 [1] u għall-1995 fil-każ ta' l-istruttura u t-tqassim tal-qligħ skond ir-Regolament (KE) Nru 2744/95 [2];

    Billi, sabiex jiġu riflessi l-bidliet li qed iseħħu fl-istruttura tal-forza tax-xogħol, fid-distribuzzjoni tal-qligħ, u fil-kompożizzjoni ta' l-ispiża ta' l-impriżi f'salarji u kontribuzzonijiet relatati ta' dawk li jħaddmu, l-istatistiċi għandhom jiġu aġġornati regolarment;

    Billi, skond ir-Regolament (KE) Nru 2223/96 [3] is-Sistema Ewropea tal-Kontijiet Nazzjonali u Reġjonali fil-Komunità Ewropea (ESA-95) hija t-terminu ta' riferenza għal standards, definizzjonijiet u prattiċi ta' kontabilità fl-Istati Membri sabiex jissodisfaw il-ħtiġiet Komunitarji; billi dan jeħtieġ li jiġu stabbiliti fonti ta' statistika kompluti, ta' min joqgħod fuqhom u paragunabbli fuq livell nazzjonali u reġjonali; billi l-livelli ta' tqassim li għandhom jiġu applikati għall-fatturi huma limitati għal dak li hu meħtieġ biex tiġi żgurata l-paragunabbilità ma' statistiċi preċedenti u kumpattibilità mal-ħtiġiet tal-kontijiet nazzjonali;

    Billi l-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) jeħtieġ informazzjoni dwar il-livell u l-kompożizzjoni ta' l-ispejjeż tax-xogħol u dwar l-istruttura u d-distribuzzjoni tal-qligħ sabiex jiġi vvalutat l-iżvilupp ekonomiku fl-Istati Membri fil-kuntest ta' politika monetarja Ewropea waħda;

    Billi informazzjoni statistika f'dan il-qasam hija disponibbli biss f'ċerti Stati Membri u għalhekk ma jistgħux isiru paraguni validi; billi l-istatistiċi Komunitarji għandhom, konsegwentement jiġu prodotti u r-riżultati pproċessati fuq il-bażi ta' definizzjonijiet komuni u metodoloġiji armonizzati, wara li jittieħdu inkonsiderazzjoni l-istandards approvati mill-organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti;

    Billi fil-preżent mhux l-Istati Membri kollha jiġbru informazzjoni kompleta fit-Taqsimiet M (Edukazzjoni), N (Saħħa u Ħidma Soċjali) u O (Attivitajiet oħra tal-Komunità, soċjali u servizzi personali); billi huwa għalhekk approprjat li jiġi deċiż dwar l-inklużjoni possibbli tagħhom fl-iskop ta' dan ir-Regolament fid-dawl ta' rapport li għandu jiġi sottomess mill-Kummissjoni fuq il-bażi ta' studji pilota dwar il-vijabbilità li tinġabar informazzjoni kompluta f'dawn is-setturi;

    Billi għalkemm l-importanza ta' informazzjoni kompluta dwar l-oqsma kollha ta' l-ekonomija għandha tiġi kompletament rikonoxxuta, din għandha tiġi peżata b'attenzjoni kontra l-possibilitajiet ta' rappurtaġġ u l-problema ta' rispons f'arji speċifiċi, b'mod partikolari f'dak li jirrigwarda impriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs); billi huwa għalhekk approprjat li l-Komunità twettaq studji pilota dwar il-vijabbilità tal-ġbir komplut ta' informazzjoni mill-unitajiet statistiċi b'inqas minn għaxar impjegati u li l-Kunsill jiddeċiedi dwar din il-materja fid-dawl ta' rapport li għandu jiġi sottomess mill-Kummissjoni, fi żmien erba' snin mid-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament; billi l-użu ta' reġistri amministrattivi jista' jkun ta' għajnuna fil-frattemp u għandu jiġi inkoraġġit;

    Billi, skond il-prinċipju tas-sussidjarjetà, il-ħolqien ta' standards statistiċi komuni li jippermettu li tiġi prodotta informazzjoni armonizzata hija azzjoni proposta, li l-oġġettivi tagħha jistgħu, għar-raġuni ta' l-iskala jew l-effetti tagħha jintlaħħqu aħjar mill-Komunità, billi dawn l-istandards jiġu implimentati f'kull Stat Membru bl-awtorità ta' l-aġenziji u l-istituzzjonijiet maħtura biex jikkumpilaw l-istatistiċi Komunitarji;

    Billi jidher approprjat li jsiru dispożizzjonijiet għal eċċezzjonijet għal ċerti Stati Membri, sabiex jittieħdu inkonsiderazzjoni diffikultajiet tekniċi partikolari li jiltaqgħu magħhom dawn l-Istati fil-ġbir ta' ċerti tipi ta' informazzjoni, sakemm il-kwalità ta' l-informazzjoni statistika ma tkunx affetwata serjament;

    Billi l-produzzjoni ta' ċerti statistiċi speċifiċi Komunitarji hija rregolata mir-regoli stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 322/97 tas-17 ta' Frar 1997 dwar Statistiċi Komunitarji [4];

    Billi l-Kumitat tal-Programm Statistiku stabbilit permezz tad-Deċiżjoni 89/382/KEE, Euratom [5] ġie kkonsultat skond l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni msemmija,

    ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    L-Artikolu 1

    Dispożizzjonijiet ġenerali

    L-awtoritajiet nazzjonali u l-Eurostat għandhom jipproduċu statistiċi Komunitarji dwar il-livell u l-kompożizzjoni ta' l-ispejjeż tax-xogħol u d-distribuzzjoni tal-qligħ ta' l-impjegati, fl-attivitajiet ekonomiċi definiti fl-Artikolu 3.

    L-Artikolu 2

    Il-Perijodu ta' riferenza

    1. L-istatistiċi dwar il-livell u l-kompożizzjoni ta' l-ispejjeż tax-xogħol għandhom jiġu prodotti għas-sena kalendarja 2000 u kull erba' snin wara.

    2. L-istatistiċi dwar l-istruttura u d-distribuzzjoni tal-qligħ għandha ssir għas-sena kalendarja 2002 u għal xahar rappreżentattiv f'dik is-sena, u kull erba' snin wara.

    L-Artikolu 3

    L-Iskop

    1. L-istatistiċi għandhom ikopru l-attivitajiet ekonomiċi kollha msemmija fit-Taqsimiet Ċ (Minjieri u Barrieri), D (Fabbrikazzjoni), E (Provvista ta' elettriku, gass u ilma), F (Kostruzzjoni), G (Kummerċ bl-ingrossa u bl-imnut; tiswija ta' vetturi bil-mutur, muturi u oġġetti personali u tad-dar), H (Lukandi u ristoranti), I (Trasport, ħażna u kommunikazzjoni), J (Intermedjazzjoni Finanzjarja), K (Prorpjetà immobbli, kiri u attivitajiet kummerċjali), M (Edukazzjoni), N (Saħħa u ħidma soċjali) u Taqsima O (Attivitajiet oħra Komunitarji, soċjali u ta' servizzi personali) tal-klassifika industrijali ġenerali ta' l-attivitajiet ekonomiċi fil-Komunità Ewropea, hawn taħt magħrufa bħala "NACE Rev.1" stabbilita permezz tar-Regolament (KEE) Nru 3037/90 tad-9 ta' Ottubru 1990 dwar il-klassifika statistika ta' l-attivitajiet ekonomiċi fil-Komunità Ewropea [6].

    2. L-inklużjoni ta' l-attivitajiet ekonomiċi msemmija fit-Taqsimiet M (Edukazzjoni), N (Saħħa u ħidma soċjali) u t-Taqsima O (Attivitajiet oħra Komunitarji, soċjali u servizzi personali) ta' NACE Rev.1 fl-iskop ta' dan ir-Regolament mhijiex obbligatorja għas-snin ta' referenza 2000 u 2002. Jistgħu wkoll ma jkunux obbligatorji għas-snin sussegwenti skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 12, wara li jittieħdu inkonsiderazzjoni r-riżultati ta' l-istudji pilota f'dan il-qasam, partikolarment dawk taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 58/97 ta' l-20 ta' Diċembru 19 li jikkonċernaw l-istatistiċi strutturali tal-kummerċ [7].

    L-Artikolu 4

    Wara li tieħu inkonsiderazzjoni l-opinjonijiet tal-Kumitat tal-Programm Statistiku, il-Kummissjoni għandha, fi żmien erba' snin mid-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, tikkompila rapport li jieħu inkonsiderazzjoni r-riżultati ta' l-istudji pilota, b'mod partikolari, fuq il-bażi tal-fonti eżistenti fil-qasam ta' l-unitajiet statistiċi li għandhom inqas minn għaxar impjegati, u tissottomettih lill-Kunsill. Ir-rapport għandu jivvaluta l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament li jirrigwarda unitajiet b'inqas minn għaxar impjegati. Ir-rapport għandu jiżen l-importanza ta' informazzjoni kompluta kontra l-possibilitajiet ta' rappurtaġġ u l-problemi ta' rispons. Wara dan ir-rapport, il-Kummissjoni tista', jekk neċessarju, tissottometti inizjattivi approprjati lill-Kunsill sabiex jiġi emendat dan ir-Regolament.

    L-Artikolu 5

    Unitajiet Statistiċi

    Il-kumpilazzjoni ta' l-istatistiċi għandha tkun ibbażata fuq unitajiet u impriżi lokali kif definiti fir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 696/93 tal-15 ta' Marzu 1993 dwar l-unitajiet statistiċi għall-osservazzjoni u l-analiżi tas-sistema ta' produzzjoni fil-Komunità [8].

    L-Artikolu 6

    Karatteristiċi ta' l-informazzjoni meħtieġa

    1. Fil-każ ta' statistiċi dwar il-livell u l-kompożizzjoni ta' l-ispejjeż tax-xogħol, għandha għall-inqas tiġi pprovduta informazzjoni dwar:

    (a) il-karatteristiċi li ġejjin li jirrigwardaw l-unità lokali:

    - ir-reġjun (f'livell NUTS 1),

    - id-daqs ta' l-intrapriża li l-unità lokali tappartjeni għaliha (kklassifikata bħala waħda milli ġejjin: 10-49, 50-249, 250-499, 500-999, 1000 jew iktar impjegati),

    - l-attiività ekonomika (fil-livell ta' diviżjoni ta' NACE Rev.1);

    (b) il-fatturi li ġejjin:

    - l-ispejjez tax-xogħol totali annwali, b'distinzjoni bejn pagi u salarji (maqsuma f'remunerazzjoni diretta u bonuses, pagamenti għal skemi ta' tfaddil ta' l-impjegati, pagamenti għal ġranet li ma nħadmux u pagi u salarji innatura), il-kontribuzzjonijiet soċjali ta' min iħaddem, (maqsuma f'kontribuzzjonijiet soċjali attawali u imputati), spejjeż ta' taħriġ professjonali, spejjeż u taxxi oħra, kif ukoll sussidji direttament relatati ma' l-ispejjeż tax-xogħol,

    - il-medja annwali ta' l-impjegati, b'distinzjoni bejn impjegati full-time, impjegati part-time kif ukoll apprendisti,

    - in-numru annwali ta' sigħat maħduma fis-sena u n-numru ta' sigħat imħallsa, f'kull każ b'distinzjoni bejn impjegati full-time, impjegati part-time, u apprendisti.

    2. Fil-każ ta' statistiċi dwar l-istruttura u d-distribuzzjoni tal-qligħ, għandha għall-inqas tiġi pprovduta informazzjoni dwar:

    (a) il-karatteristiċi li ġejjin li jirrigwardaw l-unità lokali li magħha l-impjegati li jintgħażlu għall-kampjun ikunu marbuta:

    - ir-reġjun (f'livell NUTS 1),

    - id-daqs ta' l-intrapriża li għaliha tappartjeni l-unità lokali (klassifikata bħala waħda milli ġejjin: 10-49, 50-249, 250-499, 500-999, 1000 jew iktar impjegati),

    - l-attività ekonomika (fil-livell ta' diviżjoni ta' NACE Rev.1);

    - il-forma ta' kontroll ekonomiku u finanzjarju fis-sens tad-Direttiva tal-Kummissjoni 80/723/KEE tal-25 ta' Ġunju 1980 dwar it-trasparenza tar-relazzjonijiet finanzjarji bejn l-Istati Membri u l-impriżi publiċi [9],

    - it-tip ta' ftehim dwar ħlas kollettiv li huwa fis-seħħ;

    (b) il-karatteristiċi li ġejjin li jirrigwardawkull impjegat fil-kampjun:

    - sess,

    - età,

    - xogħol ikklassifikat skond l-Istandard Internazzjonali tal-Klassifika ta' Xogħlijiet,

    - l-ogħla livell komplut ta' edukazzjoni u taħriġ,

    - it-tul tas-servizz fl-intrapriża,

    - kemm jekk full–time jew part–time,

    - it-tip ta' kuntratt tax-xogħol,

    (ċ) id-dettalji li ġejjin dwar il-qligħ:

    - id-dħul gross għal xahar rappreżentattiv (b'distinzjoni bejn qligħ relatat mas-sahra u pagamenti speċjali għal xogħol ta' shift),

    - id-dħul gross annwali fis-sena ta' riferenza (b'distinzjoni bejn bonuses separati mħallsa b'mod irregolari),

    - il-ħin tax-xogħol (in-numru ta' sigħat imħallsa f'xahar ta' xogħol standard, in-numru ta' sigħat ta' sahra mħallsa f'dak ix-xahar u l-intitolament annwali għal-leave).

    L-Artikolu 7

    Il-Ġbir ta' informazzjoni

    1. L-inkjesti għandhom jitwettqu pemezz ta' l-awtoritajiet nazzjonali approprjati, li għandhom ifasslu l-metodi approprjati għall-ġbir ta' l-informazzjoni, b'kont meħud tal-problemi ta' rispons, l-iktar fir-rigward ta' l-SMEs.

    2. Dawk li jħaddmu u persuni oħrajn li huma rikjesti li jissupplixxu l-informazzjoni għandhom jirrispondu għall-mistoqsijiet b'mod komplet u fil-limiti ta' żmien stabbiliti. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri approprjati sabiex jevitaw vjolazzjonijiet ta' l-obbligu li tiġi fornita l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 6.

    3. Sabiex titnaqqas il-problema fuq l-impriżi, partikolarment fuq l-SMEs, l-inkjesti m'hemmx għalfejn jitwettqu jekk l-awtoritajiet nazzjonali għandhom informazzjoni minn sorsi approprjati oħrajn jew jekk jistgħu jipproduċu estimi ta' l-informazzjoni neċessarja bl-użu ta' proċeduri ta' valutazzjoni statistika fejn uħud mill-karatteristiċi jew kollha ma ġewx osservati għall-unitajiet kollha li għalihom għandhom jiġu kkompilati l-istatistiċi.

    L-Artikolu 8

    L-Ipproċessar tar-riżultati

    L-awtoritajiet nazzjonali għandhom jipproċessaw it-tweġibiet għall-mistoqsijiet msemmija fl-Artikolu 7(2) jew l-informazzjoni minn fonti oħra, kif msemmi fl-Artikolu 7(3), sabiex jiġu ottenuti riżultati komparabbli.

    L-Artikolu 9

    Ir-riżultati mgħoddija

    Ir-riżultati għandhom jiġu mgħoddija lill-Eurostat f'perijodu ta' 18-il xahar mit-tmiem tas-sena ta' riferenza.

    L-Artikolu 10

    Il-Kwalità

    1. L-awtoritajiet nazzjonali għandhom jiżguraw li r-riżultati jirriflettu s-sitwazzjoni reali tal-popolazzjoni totali ta' l-unitajiet bi grad suffiċjenti ta' rapprezentattività.

    2. L-awtoritajiet nazzjonali għandhom jgħaddu lill-Eurostat fuq talba tagħha wara kull Perijodu ta' riferenza rapport li jkun fih l-informazzjoni relevanti kollha li tirrigwarda l-implimentazzjoni tar-Regolament fl-Istat Membru kkoncernat, sabiex il-kwalità ta' l-istatistiċi tkun tista' tiġi evalwata.

    L-Artikolu 11

    Miżuri ta' implimentazzjoni

    Il-miżuri neċessarji għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament, inklużi miżuri biex jieħdu inkonsiderazzjoni l-bidliet ekonomiċi u tekniċi, u b'mod partikolari:

    (i) it-trattament ta' l-attivitajiet ekonomiċi definiti fis-sezzjonijiet M, N u O tan-NACE Rev.1 (l-Artikolu 3(2));

    (ii) id-definizzjoni u r-rendikont ta' l-informazzjoni li għandha tiġi provduta (l-Artikolu 6);

    (iii) il-format tekniku approprjat għat-trażmissjoni tar-riżultati (l-Artikolu 9);

    (iv) kriterji għall-valutazzjoni tal-kwalità (l-Artikolu 10);

    (v) derogi, f'każijiet iġġustifikati kif imiss, għall-Perijodi 2004 u 2006, rispettivament (l-Artikolu 13(2)),

    għandhom jiġu stabbiliti għal kull Perijodu ta' riferenza mill-inqas disa' xhur qabel il-bidu tal-Perijodu ta' riferenza, skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 12.

    L-Artikolu 12

    Il-Proċedura

    1. Il-Kummisjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat tal-Programm Statistiku, hawnhekk iżjed 'il quddiem magħruf bhala "il-Kumitat".

    2. Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni għandu jissottometti lill-Kumitat abbozz dwar il-miżuri li għandhom jittieħdu. Il-Kumitat għandu jissottometti l-opinjoni tiegħu dwar l-abbozz f'perijodu ta' żmien li l-president jista' jistabilixxi skond l-urġenza tal-kwistjoni. L-opinjoni għandha tingħata skond il-maġġoranza stipulata fl-Artikolu 148(2) tat-Trattat fil-każ ta' deċiżjonijiet li l-Kunsill huwa obbligat li jadotta fuq proposta mill-Kummissjoni. Il-voti tar-rappreżentanti ta' l-Istati Membri fil-Kumitat għandhom jiġu peżati skond il-manjiera stabbilita f'dak l-Artikolu. Il-President m'għandux jivvota.

    3. (a) Il-Kummissjoni għandha tadotta l-miżuri previsti jekk huma skond l-opinjoni tal-Kumitat.

    (b) Jekk il-miżuri previsti mhumiex skond l-opinjoni tal-Kumitat, jew jekk ma tkun ingħatat l-ebda opinjoni, il-Kummissjoni għandha, mingħajr dewmien, tissottometti lill-Kunsill proposta li tirrigwarda l-miżuri li għandhom jittieħdu. Il-Kunsill għandu jaġixxi b'maġġornaza kwalifikata.

    Jekk, meta jiskadi l-Perijodu ta' tliet xhur mid-data meta ssir ir-rifernza lill-Kunsill, il-Kunsill ma jkunx aġixxa, il-miżuri proposti għandhom jiġi adottati mill-Kummissjoni.

    L-Artikolu 13

    Derogi

    1. Derogi mid-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 2, 3 u 6 għas-snin ta' riferenza 2000 u 2002 huma stabbiliti fl-Anness.

    2. Għas-snin 2004 u 2006, rispettivament, derogi mill-Artikoli 3 u 6 jistgħu jiġu deċiżi sakemm is-sistema nazzjonali statistika teħtieġ adattamenti kbar, skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 12.

    L-Artikolu 14

    Id-Dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin ġurnata wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussel, fid-9 ta' Marzu 1999.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    W. Riester

    [1] ĠU L 6, ta' l-10.1.1997, p. 1.

    [2] ĠU L 287, tat-30.11.1995, p. 3.

    [3] ĠU L 310, tat-30.11.1996, p. 1. Ir-Regolament kif emedat permezz tar-Regolament (KE) Nru 448/98 (ĠU L 58, tas-27.2.1998, p. 1).

    [4] ĠU L 52, tat-22.2.1997, p. 1.

    [5] ĠU L 181, tat-28.6.1989, p. 47.

    [6] ĠU L 293, ta' l-24.10.1990, p. 1. Ir-Regolament kif emedat permezz tar-Regolament (KEE) Nru 761/93 (ĠU L 83, tat-3.4.1993, p. 1).

    [7] ĠU L 14, tas-17.1.1997, p. 1.

    [8] ĠU L 76, tat-30.3.1993, p. 1.

    [9] ĠU L 195, tad-29.7.1980, p. 35, Direttiva kif emendata L-aħħar bid-Direttiva 93/84/KEE (ĠU L 254, tat-12.10.1993, p. 16).

    --------------------------------------------------

    L-ANNESS

    DEROGI

    I. Derogi mill-Artikolu 2

    1. Il-Ġermanja: l-ewwel statistiċi dwar l-istruttura u d-distribuzzjoni tal-qligħ taħt dan ir-Regolament għandhom jiġu prodotti għas-sena ta' riferenza 2001 minflok 2002. Statistiċi sussegwenti dwar l-istruttura u d-distribuzzjoni tal-qligħ għandhom jiġu prodotti għas-sena ta' riferenza 2006 u kull Perijodu ta' erba' snin wara.

    2. Franza, il-Ġermanja, l-Irlanda, l-Isvezja u r-Renju Unit: L-istatistiċi għas-snin ta' riferenza 2000 u 2002 jistgħu jirreferu għas-sena finanzjarja li tikkorispondi l-iktar mill-qrib għal dawn is-snin kalendarji, iżda dan ma jaffettwax il-limiti biex tintbagħat l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 9.

    II. Derogi mill-Artikolu 3

    1. Il-Ġermanja: l-attivitajiet ekonomiċi definiti fis-sezzjonijiet H (Lukandi u ristoranti), I (Trasport, ħażna u komunikazzjonijiet) u K (Proprjetà immobbli, kiri u attivitajiet kummerċjali) tan-NACE Rev.1 mhumiex obbligatorji għas-snin ta' riferenza 2000 u 2001.

    2. L-Irlanda: l-attivitajiet ekonomiċi definiti fis-sezzjoni H (Lukandi u ristoranti) mhumiex obbligatorji għas-sena ta' riferenza 2000.

    3. L-Irlanda: l-attivitajiet ekonomiċi definiti fis-sezzjonijiet I (it-Trasport, il-ħażna u l-komunikazzjonijiet), diviżjoni 67 tas-sezzjoni J u s-sezzjoni K (Proprjetà immobbli, kiri u attivitajiet kummerċjali) tan-NACE Rev.1 mhumiex obbligatorji għas-sena ta' riferenza 2002.

    III. Derogi mill-Artikolu 6

    1. L-Awstrija, il-Belġju, l-Italja u l-Olanda: għas-snin ta' riferenza 2000 u 2002, il-karatteristiċi msemmija fl-Artikolu 6 jistgħu jirreferu għall-intrapriża minflok għall-unità lokali.

    2. L-Italja: għas-sena ta' riferenza 2000 il-karatteristiċi msemmija fl-Artikolu 6(1)(b): pagamenti lil skemi ta' tfaddil ta' l-impjegati, spejjeż oħra u taxxi mħallsa kif ukoll sussidji li jirċievi min iħaddem mhumiex obbligatorji.

    --------------------------------------------------

    Top