EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31998R2848

Ir-Regolament tal-Kummissijoni (KEE) Nru 2848/98 tat-22 ta’ Diċembru 1998 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru No 2075/92 dwar l-iskema ta’ premju, kwoti ta’ produzzjoni u l-għajnuna speċifika li għandha tingħata lil gruppi ta’ produtturi fis-settur tat-tabakk mhux maħdum

ĠU L 358, 31.12.1998, p. 17–42 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2005

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1998/2848/oj

31998R2848



Official Journal L 358 , 31/12/1998 P. 0017 - 0042


Ir-Regolament tal-Kummissijoni (KEE) Nru 2848/98

tat-22 ta’ Diċembru 1998

li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru No 2075/92 dwar l-iskema ta’ premju, kwoti ta’ produzzjoni u l-għajnuna speċifika li għandha tingħata lil gruppi ta’ produtturi fis-settur tat-tabakk mhux maħdum

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunitajiet Ewropej,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2075/92 tat-30 ta’ Ġunju 1992 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq tat-tabakk mhux maħdum [1], kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1636/98 [2], u b’mod partikolari l-Artikoli 7, 9(5), 11, 14a u 17(5) u 27 tiegħu,

Billi r-Regolament (KE) Nru 1636/98 introduċa riforma fundamentali għas-settur tat-tabakk mhux maħdum biex itejjeb il-pożizzjoni ekonomika tiegħu; billi din ir-riforma kienet teħtieġ tibdil fl-għajnuna tal-Komunità skond il-kwalità tal-prodott, aktar flessibbiltà u sempliċità fis-sistema tal-kwota, proċeduri ta’ kontroll aktar stretti u aktar ħarsien tar-rekwiżiti tas-saħħa pubblika u tal-ħarsien ambjentali;

Billi, wara din ir-riforma għandhom jiġu adottati regoli implimentattivi dettaljati; billi, sabiex tiġi simplifikata l-leġislazzjoni agrikola, ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 3478/92 [3], kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1578/98 [4], (KEE) Nru 84/93 [5], kif emendati l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 621/96 [6] u (KE) Nru 1066/95 [7], kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1578/98, għandhom jiġu mibdula b’Regolament wieħed;

Billi, fir-rigward tal-kondizzjonijiet għall-għarfien tal-gruppi ta’ produtturi, id-daqs minimu għandu jiġi ffissat bħala perċentwal, li jirrappreżenta r-relazzjoni bejn il-kwantitajiet fl-istqarrijiet tal-kwota u l-limitu ta’ garanzija ta’ l-Istat Membru; billi, għall-iskop ta’ l-għarfien tal-gruppi ta’ produtturi, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jżidu l-perċentwal ta’ stqarrijiet ta’ kwota fit-territorju tagħhom u jistabbilixxu kondizzjonijiet minimi għall-għarfien dwar in-numru ta’ produtturi;

Billi r-rekwiżiti għall-għarfien ta’ gruppi ta’ produtturi għandhom jiġu stabbiliti sabiex jikkwalifikaw għal dik l-għajnuna speċifika;

Billi, biex jiġu rispettati l-istrutturi tas-suq, għandu jiġi stabbilit li produttur jista’ jkun membru ta’ grupp wieħed biss; billi, biex sabiex titħaffef it-tranżizzjoni, il-produtturi li huma membri ta’ aktar minn grupp wieħed għandhom jingħataw l-opportunità li jirtiraw mis-sħubija tagħhom sal-31 ta’ Jannar 1999;

Billi, skond l-intenzjonijiet ta’ l-Artikolu 12 tar-Regolament (KEE) Nru 2075/92 u b’mod partikolari biex wieħed jipprevjeni t-tfixkil fil-kompetizzjoni u d-diffikultajiet ta’ sorveljanza, il-gruppi ta’ produtturi għandhom ikunu projbiti milli jidħlu għall-ewwel proċessar;

Billi sabiex tiġi żgurata l-uniformità tal-proċeduri amministrattivi, għandhom jiġu stabbiliti regoli dwar l- applikazzjonijiet għal u l-għoti u l-irtirar ta’ l-għarfien u s-sorveljanza tar-rekwiżiti ta’ l-għarfien;

Billi għandu jiġi introdott mekkaniżmu għall-approvazzjoni ta’ impriżi ta’ proċessar awtorizzati biex jiffirmaw kuntratti ta’ koltivazzjoni, tali approvazzjoni għandha tiġi rtirata fejn ir-regoli ma jkunux osservati u l-kondizzjonijiet speċjali li jirregolaw l-ipproċessar tat-tabakk fi Stat Membru għandhom jiġu stabbiliti;

Billi ż-żoni ta’ produzzjoni rikonoxxuti għandhom ikunu ffissati għal kull grupp ta’ varjetajiet ta’ tabakk fuq il-bażi ta’ żoni ta’ produzzjoni tradizzjonali għall-iskopijiet ta’ l-għoti tal-premju; billi, minħabba ż-żona relattivament żgħira tal-komunitajiet Franċiżi, dawk iż-żoni għandhom ikunu bbażati fuq cantons aktar milli fuq communes fi Franza; billi l-Istati Membri għandhom jitħallew jillimitaw ż-żoni ta’ produzzjoni sabiex, b’mod partikolari jtejbu l-kwalità;

Billi l-punti ewlenin li għandhom jiġu inklużi fil-kuntratti ta’ koltivazzjoni għandhom jiġu speċifikati; billi l-kuntratti għandhom ikunu limitati għal ħsad wieħed sabiex ikunu jistgħu jiġu meqjusa l-bidliet fis-suq fil-ġejjieni; billi dati finali kmieni biżżejjed għall-konklużjoni u r-reġistrazzjoni ta’ kuntratti għandhom jiġu ffissati sabiex ikun possibbli li dawn jiggarantixxu mill-bidu nett tas-sena tal-ħsad, kemm bejgħ stabbli lill-produtturi għall-ħsad li jkun imiss kif ukoll provvisti regolari lill-proċessuri;

Billi, meta kuntratt ta’ koltivazzjoni jiġi konkluż ma’ grupp ta’ produtturi, id-dettalji essenzjali ta’ kull produttur individwali għandhom jiġu notifikati wkoll sabiex ikunu jistgħu jsiru amministrazzjoni u kontroll effettivi;

Billi sistema mhux obbligatorja ta’ rkant għall-kuntratti ta’ koltivazzjoni għandha tiġi stabbilita għall-użu mill-Istati Membri sabiex il-prezzijiet tal-kuntratt ikunu jistgħu jirriflettu l-kondizzjonijiet tas-suq;

Billi t-tabakk mhux maħdum eliġibbli għall-premju għandu jkun ta’ kwalità soda u tajba għas-suq u ħieles minn ċerti karatteristici li jipprevjenu bejgħ normali;

Billi l-premju jikkonsisti minn parti fissa, parti varjabbli u għajnuna speċifika u r-relazzjoni bejn il-partijiet differenti tal-premium jistgħu jvarjaw skond il-varjetà u l-Istat Membru produttur; billi l-parti fissa għandha titħallas għall-kwantità ta’ weraq tat-tabakk imwassla mill-produtturi lill-ewwel proċessuri irrispettivament mill-varjazzjonijiet fil-kwalità, sakemm ir-rekwiżiti minimi ta’ kwalità jkunu milħuqa; billi, sabiex wieħed jinkoraġġixxi t-titjib tal-kwalità u l-valur tal-produzzjoni tal-Komunità, il-parti varjabbli tal-premju għandha titħallas mill-grupp ta’ produtturi lill-membri tiegħu wara li jipparagunaw il-prezzijiet tas-suq miksuba għal kull kunsinna mibgħuta minn membri individwali tal-grupp; billi, sabiex jiġi assigurat li din is-sistema tkun effettiva, premju varjabbli ekwivalenti għal żero għandu jkun attribwit għal kunsinni mibjugħa għal prezz ta’ bejn il-prezz minimu u l-prezz minimu miżjud b’50 % għal kull grupp ta’ varjetajiet;

Billi l-premju għandu jiġi aġġustat meta l-kontenut ta’ umdità tat-tabakk mibgħut ivarja sa 4 % mill-kontenut ta’ umdità ffissat għal kull grupp ta’ varjetajiet fuq il-bażi ta’ rekwiżiti ta’ kwalità raġonevoli u biex jitħaffu l-kontrolli fuq il-kunsinna, il-livelli ta’ teħid ta’ kampjuni u frekwenzi flimkien mal-metodu għall-kalkolu tal-piż aġġustat biex jiġi determinat il-kontenut ta’ l-umdità għandhom jiġu ffissati;

Billi l-perjodu għall-kunsinna tat-tabakk lill-proċessuri għandu jkun limitat (iżda jvarja kif meħtieġ skond il-grupp ta’ varjetajiet) biex ma jitħalliex carry-over qarrieq minn ħsad għall-ieħor;

Billi l-kondizzjonijiet li jirregolaw il-ħlas tal-premji u l-prezzijiet tax-xiri għandhom ikunu ffissati biex wieħed jipprevjeni l-qerq; billi, madankollu, hija r-responsabbiltà ta’ l-Istati Membri biex jiddeċiedu dwar arranġamenti ulterjuri ta’amministrazzjoni u kontroll skond l-Artikolu 17(1) tar-Regolament (KEE) Nru 2075/92;

Billi l-premji jistgħu jitħallsu biss wara kontroll fuq il-kunsinni, sabiex jiġi garantit li l-operazzjonijiet konċernati fil-fatt seħħew u li l-arranġamenti tal-kwota ġew imħarsa; billi, madankollu, il-ħlasijiet bil-quddiem lil produtturi ta’ 50 % tal-premju dovut għandhom jingħataw bil-kondizzjoni li tingħata garanzija xierqa; billi, sabiex ikun possibbli li l-ħlasijiet bil-quddiem isiru lil gruppi li ma jifilħux għall-ispejjeż tal-garanzija, għandu jkun permess li tintuża l-għajnuna speċifika biex ikopru dawk l-ispejjeż;

Billi r-Regolament (KEE) Nru 2075/92 jistabbilixxi li l-Istati Membri għandhom iħallsu l-premju direttament lill-produtturi u li l-produtturi jistgħu jressqu ’il quddiem il-produzzjoni żejda tagħhom għall-ħsad ta’ wara, sa massimu ta’ 10 % tal-kwota allokata lilhom;

Billi l-Artikolu 9 tar-Regolament (KEE) Nru 2075/92 jintroduċi sistema ta’ kwoti għall-gruppi differenti ta’ varjetajiet ta’ tabakk; billi l-limiti ta’ żmien għall-allokazzjoni ta’ kwoti għandu jkun iffissat kmieni biżżejjed biex jippermetti li l-produtturi jagħtu każ tagħhom kemm jista’ jkun meta jipproduċu t-tabakk;

Billi taħt l-Artikolu 9(3) tar-Regolament (KEE) Nru 2075/92, il-kwoti ta’ produzzjoni għandhom jingħataw lill-produtturi fi proporzjon tal-kwantità medja ta’ tabakk kunsinjata għall-ipproċessar matul it-tliet snin qabel dik ta’ l-aħħar ħsad u l-kwoti hekk mogħtija għandhom ikunu validi għal tliet snin; billi l-allokazzjoni ta’ ċerta kwalità, li tagħti dritt għall-premju għal ħsad partikolari, ma timplikax akkwist ta’ xi dritt fis-snin ta’ wara;

Billi r-riżervi ta’ kwota nazzjonali għandhom jiġu stabbiliti f’kull Stat Membru sabiex tiżdied il-flessibbiltà ta’ l-arranġamenti ta’ l-allokazzjoni tal-kwoti, sabiex il-produtturi jiġu mħeġġa biex jaqilbu għal prodotti oħra u biex jitħaffef ir-ristrutturar ta’ l-impriżi agrikoli fl-Istati Membri; billi dawn ir-riżervi nazzjonali għandhom jikkonsistu fi kwoti liberati bi tnaqqis lineari fil-kwoti kollha allokati lill-produtturi u minn Stati Membri li jkunu jistgħu japplikaw tnaqqis lineari lill-kwantitajiet imniżżla fil-prospetti tal-kwota ta’ produzzjoni li ġew trasferiti b’mod permanenti, flimkien ma’ kwoti li ma ġewx koperti minn kuntratti ta’ koltivazzjoni konklużi, inklużi kwantitajiet imniżżla fil-prospetti ta’ kwota ta’ produzzjoni li ġew trasferiti temporanjament;

Billi għandha tiġi stabbilita proċedura sabiex tiġi kkalkolata l-kwota għall-produtturi li bdew ikabbru t-tabakk jew li żiedu l-kwota tagħhom;

Billi huma meħtieġa disposizzjonijiet sabiex ikopru każijiet fejn it-tabakk ikun ipproċessat fi Stati Membri barra mill-Istat Membru li fih ġie mkabbar; billi f’dawn il-każijiet l-kwantità ta’ tabakk mhux maħdum in kwestjoni għandu jittieħed fl-Istat Membru fejn ġie mkabbar, għall-benefiċċju tal-produtturi f’dak l-Istat Membru;

Billi l-prospetti ta’ kwota ta’ produzzjoni għandhom jinħarġu lill-produtturi fuq il-bażi tal-kunsinni ta’ tabakk tagħhom mill-ħsad tas-snin ta’ referenza; billi l-Istati Membri għandhom ikunu kapaċi jżidu l-kwantitajiet li għandhom jitqiesu għal ċerti produtturi li jaħdmu f’ċirkostanzi speċjali;

Billi l-kwantitajiet tal-limtu applikabbli għal ħsad jistgħu jeċċedu dawk stabbiliti għall-ħsad preċedenti għal ċerti gruppi ta’ varjetajiet waqt li ma jilħqux dawk iffissati għall-oħrajn; billi l-kwantitajiet addizzjonali għandhom ikunu mqassma bejn l-partijiet involuti fuq il-bażi ta’ kriterji oġġettivi, waqt li jiġu meqjusa ċerti prijoritajiet li jiġu deċiżi mill-Istati Membri fid-dawl tal-qagħda tagħhom;

Billi t-trasferiment tal-kwoti tal-produzzjoni bejn grupp wieħed ta’ varjetajiet, fuq bażi annwali jew permanenti, għandha tkun permessa u dritt ta’ prijorità għandu jkun stabbilit bejn produtturi biex jiġi mħeġġeġ it-trasferiment ta’ kwoti bejn produtturi li huma membri ta’ l-istess grupp ta’ produtturi; billi m’għandhomx jiġu meqjusa l-kwantitajiet kunsinnati bħala parti minn trasferiment annwali meta wieħed jikkalkula l-kwota ta’ kull produttur;

Billi għandu jitqies il-fatt li unità ta’ produzzjoni tista’ tiġi sfruttata b’mod konġunt mill-membri ta’ familja waħda, b’mod partikolari fir-rigward tal-kwantitajiet minimi għal kull prospett ta’ kwota ta’ produzzjoni u prevenzjoni ta’ qerq;

Billi l-iskambju volontarju ta’ kwoti ta’ produzzjoni bejn il-produtturi jista’ jħaffef ir-razzjonalizzazzjoni tal-produzzjoni;

Billi għandu jiġi stabbilit li kull tilwim għandu jiġi riżolt permezz ta’ kumitati konġunti;

Billi skema ta’ xiri lura ta’ kwoti għandha tiġi stabbilita bi tnaqqis korrispondenti tal-limiti tal-garanzija sabiex jiġi faċilitat it-tluq volontarju mis-settur ta’ produtturi individwali; billi l-ammonti li għalihom huma intitolati l-produtturi li l-kwoti tagħhom jinxtraw lura għandhom jiġu ffissati mingħajr preġudizzju għal emendi fil-futur; billi, sabiex il-produzzjoni tinżamm kemm jista’ jkun fl-istess settur ta’ produzzjoni, għandu jiġi stabbilit dritt ta’ prijorità bejn il-produtturi għax-xiri ta’ kwoti offruti taħt l-iskema ta’ xiri lura;

Billi, għall-iskopijiet ta’ amministrazzjoni serja, trasparenza u verifika, il-produtturi li m’humiex membri ta’ grupp ta’ produtturi għandhom jikkunsinnjaw it-tabakk kollu ta’ grupp partikolari ta’ varjetajiet mill-istess ħsad lil proċessur wieħed, il-ħlasijiet lill-gruppi ta’ produtturi u l-ħlas tal-prezz tax-xiri lill-produtturi mill-ewwel proċessuri għandhom isiru biss mill-bank jew bi trasferiment postali għal kont bankarju wieħed marbut mal-pagament ta’ produtturi individwali, u l-kwota ta’ produzzjoni allokata lil kull produttur għandha tiġi pubblikata;

Billi l-Artikolu 4a(5) tar-Regolament (KEE) Nru 2075/92 jipprovdi għal għajnuna speċifika li ma teċċedix it-2 % tal-premju totali li għandu jitħallas lill-gruppi ta’ produtturi u dak il-perċentwal massimu għandu jinżamm sabiex jiġi żgurat li l-gruppi ta’ produtturi jagħmlu sewwa x-xogħol fdat lilhom, b’mod partikolari l-miżuri biex itejbu r-rispett għall-ambjent;

Billi, skond l-Artikolu 17(1) tar-Regolament (KEE) Nru 2075/92, l-Istati Membri għandhom jiddeċiedu dwar il-miżuri meħtieġa biex tiġi żgurata konformità mad-disposizzjonijiet tal-Komunità fuq it-tabakk mhux maħdum; billi, madanakollu, l-miżuri ta’ kontroll iridu jissodisfaw ċerti rekwiżiti sabiex jiġi żgurat li l-applikazzjoni tagħhom hija bejn wieħed u ieħor uniformi fl-Istati Membri kollha, ibbażata fuq l-amministrazzjoni integrata u sistema ta’ kontroll li hemm stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3508/92 tas-27 ta’ Novembru 1992 li jistabbilixxi amministrazzjoni integrata u sistema ta’ kontroll għal ċerti skemi ta’ għajnuna tal-Komunità [8], kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 820/97 [9], ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 3887/92 tat-23 ta’ Diċembru 1992 li jistabbilixxi regoli dettaljati għat-tħaddim ta’ l-amministrazzjoni integrata u sistema ta’ kontroll għal ċerti skemi ta’ għajnuna tal-Komunità [10], kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1078/98 [11];

Billi f’diversi Stati Membri l-kontrolli jsiru fil-post fejn it-tabakk ikun ikkunsinjat pjuttost milli fejn ikun ipproċessat; billi dawn il-kontrolli huma meqjusa li huma inadegwati; billi l-postijiet fejn it-tabakk għandu jiġi kkunsinnat u l-kontrolli li għandhom isiru għandhom jiġu speċifikati;

Billi l-konformità mad-disposizzjonijiet dwar l-għajnuna tal-Komunità għandha tiġi sorveljata b’mod effettiv; billi f’dan ir-rigward, kriterji dettaljati u regoli tekniċi għandhom jiġu stabbiliti sabiex isir kontroll amministrattiv u fuq il-post; billi, fid-dawl ta’ l-esperjenza miksuba fit-twettiq ta’ kontrolli fuq il-post, ir-rati minimi ta’ spezzjonijiet għandhom ikunu stabbiliti bl-użu ta’ analiżi ta’ riskju u l-fatturi li għandhom jiġu meqjusa għandhom jiġu speċifikati;

Billi, skond il-punti (a) u (c) ta’ l-Artikolu 5 tar-Regolament (KEE) Nru 2075/92, l-għoti tal-premju huwa soġġett għall-kondizzjoni li l-weraq tat-tabakk ikun ġej minn żona ta’ produzzjoni speċifikata u jkun ikkunsinjat fuq il-bażi ta’ kuntratt ta’ kultivazzjoni; billi dawn il-kondizzjonijiet faċilment wieħed jista’ jaħrabhom jekk ma jkunx hemm kontroll biex jiġi verifikat li ż-żona ddikjarata fil-kuntratt kienet tassew ġiet ikkultivata bil-varjetà indikata; billi numru minimu ta’ kontrolli mill-Istati Membri fuq żoni kkultivati u l-konsegwenzi meta jinstabu irregolaritajiet jridu jiġu stabbiliti; billi filwaqt li jiġi mħares il-prinċipju tal-proporzjonalità, dawk il-konsegwenzi jridu jkunu disważivi biżżejjed biex ma jitħallewx isiru dikjarazzjonijiet foloz;

Billi, sabiex jiġi evitat il-qerq, il-weraq tat-tabakk għandu jitqiegħed taħt sorveljanza mill-mument li l-produttur jikkunsinjah lill-ewwel impriża ta’ proċessar; billi t-tabakk għandu jibqa’ taħt sorveljanza sakemm l-ipproċessar u l-preparazzjoni tas-suq ikunu saru; billi huwa wkoll meħtieġ li wieħed jikkontrolla kull weraq tat-tabakk importat minn pajjiżi li m’humiex membri li jgħaddi mill-ewwel proċessar u preparazzjoni tas-suq f’impriża li tipproċessa wkoll weraq tat-tabakk li ġej mill-Komunità;

Billi d-data u d-dokumenti tal-proċessuri u l-produtturi għandhom ikunu aċċessibbli f’forma li tista’ tintuża biex isir il-kontroll;

Billi l-konsegwenzi ta’ kull irregolaritajiet misjuba għandhom jiġu stabbiliti; billi dawn il-konsegwenzi għandhom ikunu ta’ deterrent biżżejjed biex iwaqqfu kull użu illegali ta’ għajnuna tal-Komunità, filwaqt li jkunu konformi mal-prinċipju tal-proporzjonalità;

Billi l-miżuri stabbiliti f’dan ir-Regolament huma konformi ma’ l-opinjoni tal-Kumitat Amministrattiv għat-Tabakk,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

IT-TITOLU I

Definizzjonijiet

Artikolu 1

Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament:

- "kunsinna" tfisser kull ħidma li ssir f’ġurnata partikolari li tinvolvi l-mgħoddija ta’ tabakk mhux maħdum minn produtturi lil impriża ta’ l-ipproċessar taħt kuntratt ta’ koltivazzjoni,

- "grupp ta’ produtturi" tfisser grupp ta’ produtturi magħruf skond l-Artikolu 4,

- "trasferiment temporanju" jfisser it-trasferiment tal-kwantitajiet imdaħħla fil-prospetti tal-kwota tal-produzzjoni għal perjodu massimu ta’ sena li ma jistax jiġġedded matul il-perjodu ta’ allokazzjoni ta’ kwota ta’ tliet snin,

- "trasferiment permanenti" tfisser it-trasferiment tal-kwantitajiet imniżżla fil-prospetti tal-kwota tal-produzzjoni għal perjodu ta’ aktar minn sena matul il-perjodu ta’ allokazzjoni ta’ kwota ta’ tliet snin,

- "l-ewwel xerrej" tfisser l-impriża responsabbli għall-ewwel proċessar li tiffirma l-ewwel il-kuntratt ta’ koltivazzjoni,

- "grupp" tfisser parti jew it-tabakk kollu li minnu saret kunsinna mill-produttur, maqsuma biex tagħmel parti waħda distinta jew iżjed bi grad ta’ kwalità, kemm jekk fil-fatt twasslitx separatament jew le, li jkollha piż definit sew u kontenut ta’ umdità u numerata biex ikun identifikat il-prezz tax-xiri imħallas u l-produttur individwali,

- "ċertifikat ta’ kontroll" ifisser dokument maħruġ minn korp kompetenti ta’ kontroll li jiċċertifika li l-kwantità ta’ tabakk involut meħud mill-ewwel proċessur, li din il-kwantità ġiet ikkunsinnata taħt il-prospetti ta’ kwoti allokati lill-produtturi u li l-ħidmiet twettqu skond ir-regoli.

IT-TITOLU II

Gruppi ta’ produtturi

IL-KAPITOLU I

Għarfien

Artikolu 2

1. L-Istati Membri għandhom jagħrfu lill-gruppi ta’ produtturi fuq talba minn għandhom.

2. Il-gruppi ta’ produtturi ma jistgħux iwettqu l-ewwel proċessar ta’ tabakk.

3. Il-produtturi tat-tabakk ma jistgħux jappartjenu għal aktar minn grupp wieħed.

Artikolu 3

1. Il-gruppi ta’ produtturi jridu jissodisfaw ir-rekwiżiti li ġejjin:

(a) għandhom jiġu stabbiliti fuq l-inizjattiva tal-membri tagħhom;

(b) għandhom jiġu stabbiliti bl-għan li jadattaw flimkien il-produzzjoni tal-membri produtturi biex jissodisfaw ir-rekwiżiti tas-suq;

(ċ) huma għandhom jadottaw, u għandhom jassiguraw li l-membri jħaddmu, regoli komuni għall-produzzjoni u għat-tqegħid fuq is-suq tal-prodotti tagħhom, b’mod partikolari fir-rigward tal-kwalità tal-prodott u l-użu ta’ prassi ta’ koltivazzjoni, u, fejn xieraq, għandhom jixtru żerriegħa, fertilizzanti u mezzi oħra ta’ produzzjoni;

(d) l-operat tagħhom għandu jkun irregolat permezz ta’ artikoli ta’ assoċjazzjoni li jirrestrinġu l-attivitajiet tagħhom esklussivament għal tabakk mhux maħdum. Taħt l-artikoli ta’ assoċjazzjoni, il-membri produtturi għandhom ta’ l-anqas ikunu obbligati:

- li jqiegħdu fuq is-suq l-produzzjoni kollha intenzjonata għal tqegħid fuq is-suq permezz tal-grupp,

- li jikkonformaw mar-regoli komuni ta’ produzzjoni;

(e) għandu jkollhom prospetti ta’ kwota relatata ma’ kwantità espressa f’tunnellati ugwali għal jew akbar mill-perċentwal speċifikat fl-Anness I tal-limitu ta’ garanzija għall-Istat Membru li fih il-grupp huwa stabbilit.

L-Istati Membri jistgħu jiffissaw perċentwal ogħla u jistabbilixxu kondizzjonijiet minimi dwar in-numru ta’ produtturi;

(f) l-artikoli ta’ assoċjazzjoni tagħhom għandu jkun fihom disposizzjonijiet biex jassiguraw li l-membri tal-grupp li jixtiequ jirtiraw mis-sħubija jkunu jistgħu jagħmlu hekk:

- wara li jkunu ilhom membri tal-grupp għal minimu ta’ sena wara l-għarfien tiegħu,

u

- bil-kondizzjoni li jinfurmaw lill-grupp bil-miktub sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Ottubru dwar l-irtirar tagħhom b’effett mill-ħsad li jkun imiss. Dawn id-disposizzjonijiet għandhom japplikaw mingħajr preġudizzju għal-liġijiet nazzjonali jew għar-regolamenti maħsuba biex jipproteġu l-grupp jew il-kredituri tiegħu, f’każijiet speċifiċi, kontra kull konsegwenza finanzjarja li tista’ tirriżulta mill-irtirar ta’ membru jew biex ma tippermettix l-irtirar ta’ membru matul is-sena finanzjarja;

(g) kemm il-forma li fiha huma stabbiliti kif ukoll l-varjetà kollha ta’ l-attivitajiet tagħhom għandhom jevitaw kull diskriminazzjoni li tmur kontra l-operat tas-suq komuni u l-ksib ta’ l-għanijiet ġenerali tat-Trattat u, b’mod partikolari, kull diskriminazzjoni konnessa man-nazzjonalità jew post ta’ stabbiliment:

- ta’ produtturi jew gruppi li jistgħu jsiru membri ta’ gruppi,

jew

- tas-sħab ekonomiċi tagħhom;

(h) għandu jkollhom personalità ġuridika jew kapaċità ġuridika biżżejjed biex jeżerċitaw drittijiet u jkunu soġġetti għal obbligi skond il-liġi nazzjonali;

(i) għandhom iżommu kontijiet li jippermettu li l-awtorità kompetenti tkun tista’ tagħmel spezzjoni sħiħa ta’ l-użu magħmul mill-grupp ta’ l-għajnuna speċifika;

(j) m’għandhomx iżommu pożizzjoni dominanti fil-Komunità kemm-il darba din ma tkunx meħtieġa biex jintlaħqu l-għanijiet elenkati fl-Artikolu 38 tat-Trattat;

(k) l-artikoli ta’ assoċjazzjoni tagħhom għandhom barra minn dan jagħmluha obbligatorja għall-membri tagħhom li jkunu konformi mal-kondizzjonijiet stabbiliti fis-sottoparagrafi (ċ) u (d) sa mhux aktar tard mid-data:

- li fiha l-għarfien jidħol fis-seħħ

jew

- li fiha jsiru membri jekk din hija wara d-data ta’ l-għarfien.

2. It-tqegħid fuq is-suq permezz tal-grupp fl-ambitu tas-sinifikat tal-paragrafu 1(d) għandu jkopri ta’ l-anqas dawn l-operazzjonijiet li ġejjin:

- il-konklużjoni mill-grupp f’ismu stess u għalih tal-kuntratti tal-kultivazzjoni għall-produzzjoni kollha tal-membri tal-grupp,

- il-forniment tal-produzzjoni kollha tal-membri tal-grupp, ippreparata b’mod konformi man-normi komuni għall-kunsinna lill-proċessuri.

Artikolu 4

1. L-Istati Membri għandhom ikunu kompetenti biex jagħrfu lill-gruppi ta’ produtturi li għandhom kwartieri ġenerali rreġistrati fit-territorju tagħhom.

2. L-Istat Membru involut għandu jiddeċiedi dwar l-applikazzjonijiet għar-rikonoxximent fi żmien 60 jum mid-data ta’ meta tintbagħat l-applikazzjoni kemm-il darba r-rekwiżiti ta’ l-Artikolu 3 jkunu sodisfatti.

3. L-Istat Membru għandu jistabbilixxi d-data li fiha r-rikonoxximent iseħħ. Din ma tistax tiġi qabel id-data li fiha l-grupp fil-fatt jibda jaħdem.

Artikolu 5

1. Kull grupp ta’ produtturi għandu jaġġorna l-informazzjoni relevanti għall-għarfien kull sena qabel il-15 ta’ Novembru u għandu jinnotifika lill-Istat Membru dwar kull bdil mill-perjodu ta’ qabel.

2. Il-gruppi ta’ produtturi li jissodisfaw il-kondizzjonijiet għall-għarfien fil-15 ta’ Novembru jistgħu jkomplu jiġu magħrufa fir-rigward tal-ħsad tas-sena ta’ wara.

3. Il-gruppi ta’ produtturi li ma jibqgħux jissodisfaw il-kondizzjonijiet għall-għarfien fil-15 ta’ Novembru jistgħu, qabel l-aħħar data għall-konklużjoni tal-kuntratti tal-koltivazzjoni msemmija fl-Artikolu 10(1), japplikaw għar-rikonoxximent skond l-Artikolu 4 biex ikomplu jiġu magħrufa fir-rigward tal-ħsad ta’ dik is-sena.

IL-KAPITOLU II

L-irtirar ta’ l-għarfien

Artikolu 6

1. L-għarfien ta’ grupp ta’ produtturi għandu jiġi rtirat mill-Istat Membru involut:

(a) jekk l-għajnuna speċifika tintuża għal skopijiet barra minn dawk elenkati fl-Artikolu 40(2);

(b) jekk il-kondizzjonijiet għall-għarfien ma jibqgħux sodisfatti;

(ċ) jekk l-għarfien ikun ibbażat fuq informazzjoni żbaljata;

(d) jekk il-grupp kiseb l-għarfien b’mezzi mhux xierqa;

(e) jekk il-Kummissjoni tiddeċiedi li l-Artikolu 85(1) tat-Trattat japplika għall-ftehim, deċiżjonijiet u prassi miftiehma.

(f) jekk id-disposizzjonijiet ta’ l-Artikolu 51 jinstabu li huma applikabbli.

2. L-għarfien għandu jiġi rtirat mill-Istat Membru b’effett mid-data li fiha l-kondizzjonijiet għall-għarfien ma jibqgħux milħuqa, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 5(2) u (3).

Għajnuna mħallsa wara dik id-data għandha tingħata lura, bl-interessi mid-data tal-ħlas ta’ l-għajnuna sad-data ta’ meta titħallas lura. Ir-rata ta’ l-interessi li għandha tiġi applikata għandha tkun dik fis-seħħ għal operazzjonijiet ta’ ħlas lura simili taħt il-liġi nazzjonali.

3. F’każijiet fejn l-għarfien ikun ġie rtirat minħabba ksur serju, l-għajnuna li għandha tingħata lura għandha tiżdied bi 30 %.

F’każijiet bħal dawn, u fil-każijiet fejn l-Artikolu 51 ikun ġie applikat, l-għarfien ma jistax jingħata lura fi żmien 12-il xahar mid-data ta’ l-irtirar.

4. Wara li l-għarfien ikun ġie rtirat, il-grupp ta’ produtturi għandu japplika mill-ġdid għall-għarfien.

IT-TITOLU III

L-ewwel proċessuri

Artikolu 7

1. L-Istat Membru li fit-territorju tiegħu l-ewwel proċessaur huwa bbażat għandu jkun responsabbli biex japprova l-ewwel proċessuri awtorizzati biex jiffirmaw il-kuntratti ta’ koltivazzjoni.

2. L-Istat Membru involut għandu jiddeċiedi dwar l-applikazzjoni għall-approvazzjoni, b’mod konformi ma’ l-Artikolu 6(2) tar-Regolament (KEE) Nru 2075/92 u kondizzjonijiet oħra li hu stess ikun stabbilixxa, fi żmien 60 jum mid-data ta’ meta tasal l-applikazzjoni u għandu jiffissa d-data li minnha l-approvazzjoni tidħol fis-seħħ jekk l-applikazzjoni tkun aċċettata. L-approvazzjoni ta’ l-ewwel proċessur ma tistax tiġi qabel id-data tal-preżentazzjoni ta’ l-applikazzjoni.

3. L-approvazzjoni ta’ l-ewwel proċessur għandha tiġi rtirata mill-Istat Membru b’effett mill-ħsad li jkun imiss mid-data li fiha wieħed jew aktar mit-termini ta’ l-approvazzjoni ma jibqgħux aktar sodisfatti, jew fil-każ stabbilit fl-Artikolu 53.

IT-TITOLU IV

Skema ta’ premju

IL-KAPITOLU I

Żoni ta’ produzzjoni

Artikolu 8

Għal kull grupp ta’ varjetajiet, iż-żoni ta’ produzzjoni msemmija fl-Artikolu 5(a) tar-Regolament (KEE) Nru 2075/92 għandhom ikunu kif stabbilit fl-Anness II ta’ dan ir-Regolament.

L-Istati Membri jistgħu jispeċifikaw żoni ta’ produzzjoni aktar ristretti, speċjalment fl-interess tal-kwalità. Iż-żoni ta’ produzzjoni ristretti ma jistgħux jeċċedu ż-żona ta’ l-unità amministrattiva jew, fi Franza, tal-canton.

IL-KAPITOLU II

Kuntratti ta’ koltivazzjoni

Artikolu 9

1. Kuntratti ta’ koltivazzjoni kif imsemmija fl-Artikolu 5(c) tar-Regolament (KEE) Nru 2075/92 għandhom jiġu konklużi bejn l-ewwel proċessur, minn naħa waħda, u grupp ta’ produtturi jew produttur individwali li ma jappartjenix għal grupp, minn naħa l-oħra.

2. Il-kuntratti ta’ koltivazzjoni għandhom jiġu konklużi minn grupp ta’ varjetajiet. Dawn għandhom jorbtu lill-ewwel proċessur li jieħu kunsinna ta’ weraq tat-tabakk kif stabbilit fil-kuntratt u lill-produttur individwali li m’huwiex membru ta’ grupp jew il-grupp ta’ produtturi li jwasslu dik il-kwantità lill-ewwel proċessur, sakemm il-produzzjoni attwali tagħhom tippermetti.

3. Il-kuntratti ta’ koltivazzjoni għandhom jinkludu ta’ l-anqas id-dettalji li ġejjin:

(a) il-partijiet kontraenti;

(b) ir-referenza għall-prospett ta’ kwota tal-produttur;

(ċ) il-grupp ta’ varjetajiet ta’ tabakk kopert bil-kuntratt u, fejn xieraq, il-varjetà tat-tabakk;

(d) il-kwantità massima li għandha tiġi kunsinnata;

(e) il-lokalità preċiża fejn it-tabakk huwa mkabbar (iż-żona ta’ produzzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 1, provinċja, muniċipalità, identifikazzjoni tal-pakkett taħt is-sistema ta’ kontroll integrat imsemmija fl-Artikolu 43);

(f) l-arja tal-pakkett involut, esklużi t-toroq ta’ servizz u l-ispazji magħluqa;

(g) il-prezz tax-xiri skond il-grad ta’ kwalità, esklużi l-premju, kull ħlas fuq is-servizzi u taxxi;

(h) ir-rekwiżiti minimi ta’ kwalità miftiehma għal kull grad ta’ kwalità, b’minimu ta’ tliet gradi, u impenn mill-produttur li jikkunsinja lill-proċessur tabakk mhux maħdum li ta’ mill-anqas jissodisfa dawn ir-rekwiżiti ta’ kwalità;

(i) impenn mill-ewwel proċessur li jħallas lill-produttur il-prezz tax-xiri skond il-grad ta’ kwalità;

(j) il-limitu ta’ żmien għall-ħlas tal-prezz tax-xiri, li ma jistax jaqbeż it-30 jum mid-data tal-kunsinna;

(k) klawsola li tipprovdi għal kuntratti li għandhom jinbiegħu bi rkant jekk l-Istat Membru involut jiddeċiedi li japplika l-Artikolu 12.

Jekk l-Istat Membru jkun iddeċieda li jħallas premji lill-produtturi permezz ta’ l-ewwel proċessuri skond it-tieni inċiż ta’ l-Artikolu 6(4) tar-Regolament (KEE) Nru 2075/92, il-kuntratt ta’ koltivazzjoni jrid jinkludi wkoll impenn mill-proċessur li jħallas lill-produttur, flimkien mal-prezz, ammont ugwali għall-premju għall-kwantità koperta mill-kuntratt u fil-fatt ikkunsinjata.

4. Il-kuntratti għandhom ikunu validi għal ħsad wieħed biss.

5. Taħt l-Artikolu 10(2) tar-Regolament (KEE) Nru 2075/92, il-partijiet ta’ kuntratt ta’ koltivazzjoni jistgħu, permezz ta’ emenda miktuba, iżidu l-kwantitajiet speċifikati inizjalment fil-kuntratt, meta l-kondizzjonijiet li ġejjin ikunu sodisfatti:

(a) l-emenda tispeċifika l-produzzjoni żejda tal-produttur għal kull grupp ta’ varjetajiet fil-postijiet u mill-ħsad koperti bil-kuntratt, sa massimu ta’ 10 % tal-kwota allokata lill-produttur għal dak il-ħsad;

(b) l-emenda tkun mibgħuta għar-reġistrazzjoni lill-awtorità kompetenti sa mhux aktar tard mill-għaxar jum wara d-data stabbilita fl-Artikolu 16(1) ta’ dan ir-Regolament.

L-emenda msemmija fl-ewwel sottoparagrafu għandha tkun reġistrata mill-awtoritjiet kompetenti malli jiġi vverifikat li l-produttur ma mexxiex ’il quddiem il-kwantitajiet żejda tal-ħsad ta’ qabel.

Artikolu 10

1. Il-kuntratti ta’ koltivazzjoni għandhom jiġu konklużi, minbarra f’każijiet ta’ forza maġġuri, sat-30 ta’ Mejju tas-sena tal-ħsad.

2. Minbarra f’każijiet ta’ forza maġġuri, malli l-kuntratti ta’ koltivazzjoni jiġu konklużi dawn għandhom jintbagħtu għar-reġistrazzjoni lill-korp kompetenti sa mhux aktar tard minn għaxart ijiem wara li jagħlaq iż-żmien stabbilit biex jiġu konklużi.

3. Jekk il-perjodu għall-konklużjoni ta’ kuntratti stabbilit fil-paragrafu 1 jew għas-sottomissjoni tal-kuntratti ta’ koltivazzjoni stabbilit fit-tieni paragrafu jinqabeż b’massimu ta’ 15-il jum, il-premju li għandu jitħallas lura għandu jitnaqqas b’20 %.

4. Il-korp kompetenti għandu jkun dak ta’ l-Istat Membru li fih għandu jseħħ l-ipproċessar. Meta l-ipproċessar ikun se jsir fi Stat Membru barra minn dak li fih it-tabakk kien ġie mkabbar, il-korp kompetenti ta’ l-Istat Membru li fih l-ipproċessar ikun sejjer isir għandu minnufih jibgħat kopja tal-kuntratt irreġistrat lill-korp kompetenti ta’ l-Istat Membru produttur.

Jekk dak il-korp ma jwettaqx kontrolli fuq is-sistema tal-premju, huwa għandu jibgħat kopja tal-kuntratt irreġistrat lill-aġenzija tal-kontroll.

Artikolu 11

Meta kuntratt ta’ koltivazzjoni jkun konkluż bejn proċessur u grupp ta’ produtturi, għandu jkollu miegħu lista li jkun fiha l-ismijiet tal-produtturi involuti, iż-żoni rispettivi tagħhom skond l-Artikolu 9(3)(e) u (f) u d-dettalji tal-kwoti tagħhom.

Artikolu 12

1. l-Istati Membri għandhom jiddeċiedu, qabel il-31 ta’ Jannar tas-sena tal-ħsad, jekk japplikawx skema ta’ kuntratt ta’ koltivazzjoni bi rkant li tkopri l-kuntratti kollha simili ffirmati fit-territorju tagħhom.

2. L-iskema ta’ l-irkant għall-kuntratti ta’ koltivazzjoni għandha teħtieġ klawsola li tkun inkluża fil-kuntratti kif imsemmi fl-Artikolu 9(1) li permezz tagħha l-produtturi jistgħu jibdlu l-ewwel xerrej ma’ proċessur ta’ l-ewwel ieħor sa mhux aktar tard minn 20 jum qabel id-data li fiha l-kunsinna tat-tabakk tibda.

Tibdil bħal dan jista’ jsir meta l-ewwel proċessur li kien iddikjara lilu nnifsu kapaċi li jieħu f’idejh għal kollox kuntratt jagħmel offerta waħda formali jew iżjed. Il-prezzijiet il-ġodda, minbarra l-premju, kull spejjeż ta’ servizzi u taxxi, għandhom ikunu ta’ l-anqas 10 % ogħla mill-prezzijiet indikati fil-kuntratt.

3. Il-produtturi li jkun rċevew offerti formali għandhom jinfurmaw lill-ewwel xerrej permezz ta’ ittra rreġistrata dwar il-prezzijiet ġodda, esklużi l-premju, kull ħlas ta’ servizzi u taxxi.

4. L-ewwel xerrejja m’għandhomx jiġu mibdula fil-kuntratt meta huma jinformaw lill-produttur fi żmien sebgħat ijiem minn meta jirċievu l-ittra reġistrata msemmija fil-paragrafu 3 li huma jaċċettaw il-prezzijiet il-ġodda li jirriżultaw mill-proċedura ta’ rkant. L-ewwel xerrejja li ma jaċċettawx il-prezzijiet il-ġodda jew li jonqsu milli jirrispondu fil-limitu taż-żmien stabbilit għandhom jiġu mibdula fil-kuntratt bl-ewwel proċessur li formalment joffri l-ogħla prezz lill-produttur.

5. Il-produtturi għandhom jinfurmaw lill-ewwel xerrej u lill-Istat Membru b’dan il-bdil qabel id-data li fiha l-kunsinna tat-tabakk għandha tibda billi jibagħtu lil dan ta’ l-aħħar kopja aġġornata tal-kuntratt oriġinali iffirmata mill-partijiet involuti.

6. Meta t-tabakk imkabbar fi Stat Membru jkun ipproċessat fi Stat Membru ieħor, l-iskema ta’ kuntratt ta’ koltivazzjoni bi rkant għandha tapplika fuq il-bażi tad-disposizzjonijiet adottati mill-Istat Membru tal-produttur.

IL-KAPITOLU III

Rekwiżiti minimi ta’ kwalità

Artikolu 13

It-tabakk ikkunsinnat lill-proċessuri għandu jkun ta’ kwalità soda, ġusta u tajba għas-suq u ħieles mill-karatteristiċi kollha msemmija fl-Anness III. Il-partijiet kontraenti jistgħu jiftiehmu dwar rekwiżiti ta’ kwalità aktar stretti.

Artikolu 14

L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li kull tilwim dwar il-kwalità tat-tabakk ikkunsinnat lill-ewwel proċessur għandu jiġi sottomess lil korp ta’ l-arbitraġġ. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli li jirregolaw is-sħubija u l-proċeduri tat-teħid ta’ deċiżjonijiet ta’ korpi simili; dawn ta’ l-aħħar għandhom jinkludu rappreżentant wieħed jew aktar ta’ produtturi u proċessuri, f’numri ugwali.

IL-KAPITOLU IV

Ħlas ta’ premji u ħlas bil-quddiem

Artikolu 15

1. Ir-regoli dettaljati għall-analiżi sistematika tal-premju msemmi fl-Artikolu 4a(1) tar-Regolament (KEE) Nru 2075/92, ir-relazzjoni minima bejn il-parti varjabbli u l-premju u l-metodu għall-kalkolu tal-parti varjabbli tal-premju għandhom jiġu stabbiliti fl-Anness V ta’ dan ir-Regolament. L-Istati Membri jistgħu jżidu r-relazzjoni bejn il-parti varjabbli u l-premju sa massimu ta’ 45 %.

2. Il-parti fissa tal-premju li għandha titħallas jew lill-gruppi ta’ produtturi biex titqassam kollha kemm hi lil kull membru tal-grupp jew lill-produtturi individwali li m’humiex membri tal-grupp u l-kwantità li għandha tiġi paċuta kontra l-prospett ta’ kwota ta’ produzzjoni tal-parti interessata għandhom ikunu kkalkolati fuq il-bażi tal-piż tal-weraq tat-tabakk tal-grupp ta’ varjetajiet involuti li jikkorrispondi għall-kwalità minima meħtieġa u meħuda mill-ewwel proċessur.

Meta l-kontenut ta’ umdità tvarja mil-livell stabbilit fl-Anness IV għall-varjetà involuta, il-piż għandu jiġi aġġustat għal kull punt perċentwali ta’ differenza, sa massimu ta’ 4 % umdità.

3. Il-metodi sabiex jiġi stabbilit il-kontenut ta’ l-umdità, il-livelli ta’ teħid ta’ kampjuni u l-frekwenza u l-metodu sabiex jiġi kkalkulat il-piż aġġustat għandhom jiġu ffissati fl-Anness VI.

4. Il-parti varjabbli tal-premju li għandha titħallas lill-gruppi ta’ produtturi biex terġa’ titqassam kollha kemm hi lil kull membru għandha tiġi kkalkulata għal kull lott ikkunsinjat fuq il-bażi tal-prezz tax-xiri mħallas għal dak il-lott mill-ewwel proċessur.

Artikolu 16

1. Ħlief f’każijiet ta’ forza maġġuri, il-produtturi għandhom jikkunsinjaw il-produzzjoni sħiħa tagħhom lill-ewwel proċessur sat-30 t’April tas-sena ta’ wara s-sena tal-ħsad għall-gruppi ta’ varjetajiet VI, VII u VIII u sal-15 ta’ April tas-sena wara s-sena tal-ħsad għall-gruppi l-oħra ta’ varjetajiet, u fin-nuqqas għandhom jitilfu d-dritt tagħhom għall-premju.

Il-kunsinna għandha ssir jew direttament lejn il-post fejn it-tabakk ikun sejjer jiġi pproċessat jew, jekk l-Istat Membru hekk jawtorizza, lejn ċentru ta’ xiri approvat. Il-korp kompetenti ta’ kontroll għandu japprova ċentri ta’ xiri bħal dawn, li għandu jkollhom il-faċilitajiet xierqa, miżien u fond.

2. Kull produttur għandu jinforma lill-korp ta’ kontroll kompetenti bil-miktub sa l-10 ta’ Mejju għall-gruppi ta’ varjetajiet VI, VII u VIII u sal-25 ta’ April għall-gruppi ta’ varjetajiet l-oħra dwar il-kwantitajiet kollha ta’ weraq tat-tabakk mhux ikkunsinjati lill-ewwel proċessur sad-dati speċifikati fil-paragrafu 1, inkluż il-post fejn it-tabakk huwa maħżun. Il-korp kompetenti għandu jieħu l-passi meħtieġa sabiex jagħmel ċert li kull tabakk mhux ikkunsinnjat lill-ewwel proċessur sad-dati speċifikati fil-paragrafu 1 ma jiġix iddikjarat bħala parti minn ħsad sussegwenti.

Artikolu 17

Il-produtturi individwali li m’humiex parti minn grupp jistgħu jikkunsinjaw tabakk minn ċertu grupp ta’ varjetajiet mill-istess ħsad lil proċessur wieħed biss.

Artikolu 18

1. Il-korp kompetenti ta’ Stat Membru għandu jħallas:

- il-parti fissa tal-premju lill-grupp ta’ produtturi jew lill-produttur individwali li m’huwiex membru ta’ grupp,

- il-parti varjabbli tal-premju u l-għajnuna speċifika lill-grupp ta’ produtturi, fuq il-bażi ta’ ċertifikat ta’ kontroll maħruġ mill-korp ta’ kontroll kompetenti li jiċċertifika li t-tabakk ġie ikkunsinjat u xhieda li l-prezz tax-xiri msemmi fl-Artikolu 9(3)(i) tħallas.

2. L-Istati Membri għandhom iħallsu l-parti fissa tal-premju u l-għajnuna speċifika lill-produtturi fi żmien 30 jum mid-data li fiha jintbagħtu d-dokumenti msemmija fil-paragrafu 1.

Il-parti varjabbli tal-premju għandha titħallas lill-grupp ta’ produtturi fi żmien 30 jum wara d-data meta jintbagħtu d-dokumenti msemmija fil-paragrafu 1 u ta’ dikjarazzjoni maħruġa mill-grupp involut li tiċċertifika li l-kunsinni ta’ kull grupp ta’ varjetajiet ġew imwettqa.

3. Il-gruppi ta’ produtturi għandhom iħallsu l-partijiet fissi u varjabbli tal-premju lill-membri tagħhom permezz tal-bank jew trasferiment postali fi żmien 30 jum mid-data li fiha jirċievu l-ammont in kwestjoni.

4. Il-ħlas lill-gruppi ta’ produtturi ta’ l-ammonti msemmija fil-paragrafi 1 u 2, u l-ħlas tal-prezz tax-xiri lill-produtturi mill-proċessuri jisgħu jsiru biss permezz ta’ trasferiment mill-bank jew bil-posta, lil kont bankarju wieħed, li fil-każ ta’ grupp ta’ produtturi għandu jkun marbut mal-ħlasijiet lil membri individwali tal-grupp.

5. Minkejja l-paragrafu 1, il-prova tal-ħlas tal-prezz tax-xiri msemmija fl-Artikolu 9(3)(i) m’għandhiex tkun meħtieġa meta jkun ippruvat li l-ewwel proċessur li ffirma l-kuntratt huwa s-suġġett ta’ proċeduri ta’ falliment jew proċeduri simili jew li ġie legalment iddikjarat fallut.

Artikolu 19

1. L-Istati Membri għandhom japplikaw sistema ta’ ħlasijiet bil-quddiem fuq premji għall-produtturi skond il-paragrafi 2 sa 8.

2. Il-ħlas bil-quddiem imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jingħata, fuq applikazzjoni minn produttur, fuq il-bażi ta’ stqarrija ta’ eliġibbiltà għall-ħlas bil-quddiem, mħejjija mill-korp ta’ kontroll kompetenti.

3. Id-dokumenti li ġejjin għandhom jaslu ma’ l-applikazzjonijiet għall-ħlas bil-quddiem ħlief meta Stat Membru jistabbilixxi mod ieħor fuq il-bażi li dawn huma diġà fil-pussess tiegħu:

(a) kopja tal-kuntratt ta’ koltivazzjoni konkluż mill-produttur maħruġ f’ismu;

(b) kopja tal-prospett tal-kwota maħruġ lill-produttur u kopert mill-imsemmi kuntratt ta’ koltivazzjoni;

(ċ) dikjarazzjoni bil-miktub mill-produttur involut li tispeċifika l-kwantitajiet ta’ tabakk li jista’ jikkunsinna matul il-ħsad kurrenti.

4. Il-prospett imsemmi fil-paragrafu 2 għandu jinħareġ mill-korp tal-kontroll malli d-dokumenti msemmija fil-paragrafu 3 jkunu ġew verifikati u d-dikarazzjoni bil-miktub mibgħuta mill-produttur tkun sostanzjata.

5. Il-ħlas bil-quddiem, li l-ammont massimu tiegħu għandu jkun ta’ 50 % tal-premju pagabbli lill-produttur, għandu jkun suġġett għall-għoti ta’ sigurtà ekwivalenti għall-ammont tal-ħlas bil-quddiem miżjud bi 15 %.

Il-ħlas bil-quddiem għandu jsir mis-16 ta’ Ottubru tas-sena tal-ħsad u għandu jsir fi żmien 30 jum mill-preżentazzjoni ta’ l-applikazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 u tal-prova li l-assigurazzjoni ġiet preżentata ħlief jekk l-applikazzjoni tkun ġiet preżentata qabel is-16 ta’ Settembru, f’liema każ il-perjodu għandu jiżdied għal 60 jum.

6. Meta l-ħlas bil-quddiem ikun ingħata lill-grupp ta’ produtturi imma jkun għadu ma ġiex imħallas lill-membri intitolati għalih jew imħallas lura lill-Istati Membri fi żmien 30 jum minn meta jkun irċevieh, l-imgħaxijiet għandhom ikunu pagabbli fuq l-ammont li jkun għadu disponibbli b’rata stabbilita mill-Istat Membru. L-imgħax għandu jiġi kkalkolati mid-data meta l-ħlas bil-quddiem ikun wasal u ġie reġistrat mal-Fond Ewropew ta’ Gwida u Garanzija Agrikola (FEGGA).

7. Il-ħlas bil-quddiem effettwat għandu jiġi mnaqqas mill-ammont tal-premju pagabbli lill-produttur taħt l-Artikolu 18(1), li jibda mill-ewwel kunsinna magħmula.

Is-sigurtà mibgħuta għandha tiġi rilaxxata mal-preżentazzjoni taċ-ċertifikat ta’ kontroll għall-kwantità ta’ tabakk in kwestjoni u ta’ xhieda li l-ammont ugwali għall-premju tħallas lill-produtturi intitolati għalih. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu kondizzjonijiet ulterjuri, b’mod partikolari l-perjodi ta’ kunsinna tat-tabakk jew il-kwantitajiet minimi li għalihom jista’ jinħareġ ċertifikat ta’ kontroll. Malli 50 % tal-premju dovut ikun tħallas, 50 % tas-sigurtà għandha tiġi rilaxxata. Is-sigurtà mibgħuta għandha tkun rilaxxata meta l-ħlas bil-quddiem kollu effettwat ikun tnaqqas mill-premji pagabbli.

8. Meta l-produtturi jonqsu (ħlief f’każijiet ta’ forza maġġuri) milli jagħmlu l-kunsinni li jagħmlu possibbli t-tnaqqis totali tal-ħlas bil-quddiem effettwat mill-premji pagabbli fil-limiti taż-żmien stabbiliti fl-Artikolu 16(1), is-sigurtà mibgħuta minnhom għandha tintilef b’rata ugwali għall-ammont tal-ħlas bil-quddiem mhux mogħti lura.

9. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu kull kondizzjonijiet oħra li jirregolaw l-għoti ta’ ħlas bil-quddiem, u b’mod partikolari d-data finali għall-preżentazzjoni ta’ l-applikazzjonijiet. Il-produtturi ma jistgħux jibagħtu applikazzjoni għall-ħlas bil-quddiem ladarba jkunu bdew jagħmlu l-kunsinni.

Artikolu 20

1. Għall-ħsad ta’ l-1999 u l-2000, l-Istati Membri jistgħu jħallsu l-premju lill-produtturi permezz ta’ l-ewwel proċessuri. F’dawn il-każijiet, il-korp kompetenti ta’ l-Istat Membru għandu jħallas lill-proċessuri:

- il-parti fissa tal-premju għall-gruppi ta’ produtturi u produtturi individwali li m’humiex membri ta’ grupp,

- il-parti varjabbli tal-premju u l-għajnuna speċifika għall-gruppi ta’ produtturi, fuq il-bażi taċ-ċertifikat ta’ kontroll u prova li l-prezz tax-xiri msemmi fl-Artikolu 9(3)(i) ġie mħallas.

2. L-Istat Membru għandu jħallas il-premju lill-ewwel proċessur fil-limiti ta’ żmien li ġejjin:

(a) il-parti fissa tal-premju u l-għajnuna speċifika, fi żmien 30 jum mid-data ta’ meta jintbagħtu d-dokumenti msemmija fil-paragrafu 1.

(b) il-parti varjabbli tal-premju, fi żmien 30 jum mid-data meta tintbagħat dikjarazzjoni maħruġa mill-grupp ta’ produtturi involut u d-dokumenti msemmija fil-paragrafu 1.

3. L-ewwel proċessur għandu jħallas il-parti fissa tal-premju u, fejn applikabbli, il-parti varjabbli tal-premju u l-għajnuna speċifika, lill-produttur involut fi żmien għaxart ijiem mid-data li fiha jirċievu l-ammonti involuti.

4. Il-ħlas ta’ l-ammonti msemmija fil-paragrafu 1 jista’ jsir biss permezz ta’ trasferiment mill-bank jew bil-posta għal kont bankarju wieħed, li għandu, fil-każ ta’ gruppi ta’ produtturi, ikun marbut mal-ħlas lill-membri individwali tal-grupp ta’ produtturi.

Artikolu 21

1. Il-premji għandhom jitħallsu jew jintbagħtu lill-Istat Membru li fih it-tabakk ikun ġie mkabbar. Għandhom jitħallsu lill-produttur fil-munita ta’ l-Istat Membru li fih it-tabakk kien ġie mkabbar.

2. Meta t-tabakk ikun ipproċessat fi Stat Membru minbarra dak fejn ikun ġie mkabbar, l-Istat Membru li jipproċessah għandu, wara li jkun għamel il-kontrolli meħtieġa, jipprovdi lill-Istat Membru produttur bl-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex ikun jista’ jħallas il-premju jew jirrilaxxja s-sigurtà.

IT-TITOLU V

Kwoti ta’ produzzjoni

IL-KAPITOLU I

L-allokazzjoni ta’ kwoti

Artikolu 22

1. L-Istati Membri għandhom jallokaw kwoti ta’ produzzjoni għal kull grupp ta’ varjetajiet għal tlett iħsad konsekuttivi, fil-limiti tal-garanziji minimi stabbiliti taħt l-Artikolu 9(2) tar-Regolament (KEE) Nru 2075/92, lill-produtturi individwali li m’humiex membri ta’ grupp ta’ produtturi u lill-gruppi ta’ produtturi, fil-proporzjon tal-medja ta’ kwantità ta’ tabakk ikkunsinnat għall-ipproċessar minn kull produttur individwali jew kull grupp ta’ produtturi matul it-tliet snin ta’ qabel dik tal-ħsad l-aktar reċenti.

2. L-Istati Membri jistgħu jew jallokaw il-kwoti ta’ produzzjoni direttament bejn produtturi individwali li m’humiex membri ta’ grupp ta’ produtturi u gruppi ta’ produtturi, jew jitolbu lill-produtturi individwali li m’humiex membri ta’ grupp ta’ produtturi u lill-gruppi ta’ produtturi biex jibagħtu applikazzjoni għal kwota ta’ produzzjoni.

3. L-Istati Membri għandhom joħorġu prospetti ta’ kwoti lill-produtturi individwali li m’humiex membri ta’ grupp ta’ produtturi u lill-gruppi ta’ produtturi sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Jannar tas-sena tal-ħsad.

Artikolu 23

L-allokazzjoni ta’ kwota ta’ produzzjoni m’għandhiex tippreġudika l-allokazzjoni ta’ kwoti għas-snin ta’ wara.

Artikolu 24

1. Il-kwoti għal kull produttur għandhom ikunu ugwali għall-medja tal-kwantità li kull wieħed jipproduċi bħala perċentwal tat-total tal-medja tal-kwantitajiet ikkalkulata skond l-Artikolu 9 tar-Regolament (KEE) Nru 2075/92 u l-Artikoli 22 u 25 ta’ dan ir-Regolament, u dan il-perċentwal għandu jiġi applikat għall-garanzija minima speċifika ta’ l-Istat Membru għall-grupp ta’ varjetajiet in kwestjoni.

2. Fil-każ ta’ gruppi ta’ produtturi, kull membri li joħorġu mill-grupp għandhom jibqgħu intitolati għall-kwota kif ikkalkulata taħt il-paragrafu 1.

3. Il-kwoti ta’ produzzjoni ta’ produtturi li għadhom kemm bdew ikabbru t-tabakk jew li żiedu l-kwota taħt l-Artikolu 29(3) għandhom jiġu kkalkulati kif ġej:

- għall-ħsad wara l-allokazzjoni taħt l-Artikolu 29(3), u sat-tqassim tal-kwoti ta’ produzzjoni għat-tliet snin li jkun imiss, il-kwoti emendati għandhom jibqgħu l-istess,

- meta l-kwoti jiġu allokati, il-produtturi għandhom jiksbu kwota ta’ produzzjoni skond il-paragrafu 1.

4. Il-produtturi li żiedu l-kwota tagħhom bħala riżultat ta’ trasferiment temporanju għandhom, meta l-kwoti jkunu allokati, jiksbu kwota ta’ produzzjoni fi proporzjon mal-medja tal-kwantità ta’ tabakk ikkunsinnat, bit-tnaqqis tal-kwoti ta’ produzzjoni affettwati bit-trasferiment.

5. Il-produtturi li jkunu żiedu l-kwota tagħhom bħala riżultat ta’ trasferiment permanenti għandhom, meta l-kwoti jitqassmu, jiksbu kwota ta’ produzzjoni proporzjonata mal-medja tal-kwantità ta’ tabakk ikkunsinnata, inklużi l-kwoti ta’ produzzjoni affettwati bit-trasferiment.

6. Il-perċentwali tal-produtturi għandhom jingħataw sa ta’ l-anqas erba’ numri deċimali. Il-kwoti għandhom jiġu ffissati bħala kilogrammi.

Artikolu 25

1. Għall-iskopijiet tal-kalkolu tal-medja tal-kwantitajiet ikkunsinnati għall-ipproċessar, it-tabakk kollu minn ħsad għandu jitqies li jkun ikkunsinnat matul is-sena kalendarja tal-ħsad in kwestjoni. Madankollu, il-kwantitajiet ta’ tabakk ikkunsinnati għall-ipproċessar fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 9(5) għandhom jitqiesu li ġew kunsinnati matul is-sena tal-ħsad li fiha kienu intitolati għall-premju. Għandu jiġi meqjus biss tabakk li fil-fatt ġie kunsinnat u li jagħti lok għal intitolament għall-premju.

2. Il-kwantitajiet ta’ tabakk ikkunsinnati minn produtturi li jinsabu ’l barra miż-żoni ta’ produzzjoni magħrufa skond l-Artikolu 5(a) tar-Regolament (KEE) Nru 2075/92 m’għandhomx jiġu meqjusa fil-kalkolu msemmi fil-paragrafu 1.

Artikolu 26

1. Meta t-tabakk imkabbar fi Stat Membru wieħed ikun ipproċessat f’ieħor, il-kwoti għandhom jiġu allokati skond il-paragrafi 2, 3 u 4.

2. L-Istat Membru li jipproċessa għandu jinforma lill-Istat Membru li jipproduċi, għal kull produttur u grupp ta’ varjetajiet, dwar il-kwantitajiet ta’ tabakk mhux maħdum mill-Istat Membru produttur ikkunsinnati għall-ipproċessar matul is-snin ta’ referenza biex jintużaw għall-kalkolu tal-kwoti ta’ produzzjoni taħt l-Artikolu 9(3) tar-Regolament (KEE) Nru 2075/92.

3. Din l-informazzjoni għandha tintbagħat sa mhux aktar tard mill-15 ta’ Novembru tas-sena ta’ qabel il-ħsad in kwestjoni.

4. L-Istat Membru produttur għandu jalloka il-kwantità korrispondenti tal-kwantità minima ta’ garanzija speċifika tiegħu lill-produtturi li kkunsinnaw it-tabakk lil proċessuri li jinsabu fi Stat Membru ieħor matul is-snin ta’ referenza msemmija fil-paragrafu 2.

Meta l-kwoti ta’ produzzjoni jiġu allokati, il-produtturi li kkunsinnaw it-tabakk lill-proċessuri li jinsabu fi Stat Membru ieħor matul is-snin ta’ rederenza għandhom jiġu ttrattati bl-istess mod bħal produtturi li kkunsinnaw il-produzzjoni tagħhom lil proċessur li jinsab fl-Istat Membru tagħhom.

IL-KAPITOLU II

Prospetti ta’ Kwota

Artikolu 27

1. L-Istati Membri għandhom joħorġu prospetti ta’ kwota ta’ produzzjoni għal kull grupp ta’ varjetajiet, fil-limiti tal-garanziji minimi tagħhom, lill-produtturi li jinsabu f’żoni ta’ produzzjoni magħrufa skond l-Artikolu 5(a) tar-Regolament (KEE) Nru 2075/92.

Il-prospetti ta’ kwota ta’ produzzjoni għandhom juru b’mod partikolari min għandu ċ-ċertifikat, il-grupp tal-varjetajiet u l-kwalità ta’ tabakk li għaliha jkunu validi.

2. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-proċedura għall-ħruġ ta’ prospetti ta’ kwota ta’ produzzjoni u għandhom jadottaw miżuri biex jipprevjenu l-qerq skond l-Artikolu 17 tar-Regolament (KEE) Nru 2075/92.

3. L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu kwantitajiet minimi għall-ħruġ ta’ prospetti ta’ kwota ta’ produzzjoni. Dawk il-kwantitajiet ma jistgħux jaqbżu l-500 kilogramma.

4. Meta l-produtturi jistgħu jippruvaw illi, bħala riżultat ta’ ċirkostanzi eċċezzjonali, wieħed mill-ħsad tagħhom fil-perjodu ta’ referenza kien baxx b’mod anormali, l-Istat Membru għandu, fuq talba tal-parti interessata, jistabbilixxi l-kwantità li għandha titqies għal dak il-ħsad meta jkun qiegħed jagħmel il-prospett tal-kwota; il-kwantità hekk stabbilita ma tistax taqbeż il-kwantitajiet imdaħħla fil-prospetti tal-kwota allokata lill-produttur għall-ħsad in kwestjoni.

IL-KAPITOLU III

Emenda tal-garanzija minima

Artikolu 28

1. Meta l-garanzija minima ffissata għal grupp ta’ varjetajiet għal ħsad partikolari u għal Stat Membru partikolari tkun ogħla mill-garanzija minima għall-ħsad preċedenti, il-kwantità li teċċedi dik il-garanzija minima għandha tkun imqassma billi jiġu segwiti kriterji oġġettivi u konsistenti li għandhom jiġu adottati u ppubblikati mill-Istat Membru.

L-Istati Membri jistgħu, b’mod partikolari, jistabbilixxu li l-kwantitajiet addizzjonali għandhom jkunu allokati, bħala prijorità, lill-produtturi:

(a) li għalihom il-kwantità koperta mill-prospett tal-kwota tagħhom ġiet imnaqqsa fil-konfront ta’ ħsad preċedenti għal grupp ieħor ta’ varjetajiet;

(b) li jistgħu b’mod sinifikanti jtejbu l-produzzjoni tagħhom ta’ tabakk tal-grupp tal-varjetajiet in kwestjoni jekk jirċievu l-kwantità addizzjonali.

2. Meta l-garanzija minima ffissata għal grupp ta’ varjetajiet għal ħsad u għal Stat Membru hija anqas mill-garanzija minima applikabbli għall-ħsad preċedenti, dak it-tnaqqis għandu jinqasam bejn il-produtturi fil-proporzjon tal-kwantità medja ta’ tabakk ikkunsinnata għall-ipproċessar minn kull produttur individwali matul it-tliet snin ta’ qabel l-aħħar ħsad, mingħajr preġudizzju għall-introduzzjoni ta’ programm ta’ kwota ta’ xiri lura kif stabbilit fl-Artikolu 14 tar-Regolament (KEE) Nru 2075/92.

IL-KAPITOLU IV

Riservi ta’ kwota nazzjonali

Artikolu 29

1. Sabiex il-produtturi jiġu mħeġġa biex jaqilbu għal uċuħ tar-raba’ oħra u biex jirristrutturaw l-impriżi tagħhom, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu riserva ta’ kwota nazzjonali għal kull grupp ta’ varjetajiet għal kull ħsad.

2. Din ir-riserva għandha tikkonsisti fi kwoti rilaxxati bi tnaqqis lineari fil-kwoti kollha allokati lill-produtturi individwali u gruppi ta’ produtturi li tiġi ffissata mill-Istati Membri bejn 0,5 u 2 % tal-garanzija minima ffissata kull sena għall-istess grupp ta’ varjetajiet.

Barra minn dan, l-Istati Membri jistgħu jagħmlu użu minn dan li ġej:

- tnaqqis lineari li jiġi ffissat minn kull Stat Membru sa 2 % tal-kwantitajiet imniżżla fil-prospetti tal-kwoti tal-produzzjoni li kienu trasferiti b’mod permanenti,

u/jew

- kwoti ta’ produzzjoni li ma ġewx koperti minn kuntratt ta’ koltivazzjoni sa l-għeluq tad-data għall-konklużjoni ta’ kuntratti simili.

3. Ir-riserva nazzjonali għandha tiġi mqassma, skond il-Kapitolu 1 ta’ dan it-Titolu u ż-Żoni ta’ produzzjoni magħrufa skond l-Artikolu 5(a) tar-Regolament (KEE) Nru 2075/92, bejn il-produtturi, jew dawk li jixtiequ jsiru produtturi, fuq il-bażi ta’ kriterji oġġettivi stabbiliti minn kull Stat Membru.

IL-KAPITOLU V

It-trasferiment ta’ kwoti

Artikolu 30

Il-kwoti jistgħu jiġi trasferiti b’mod temporanju jew b’mod permanenti.

Artikolu 31

1. Meta impriża li tipproduċi t-tabakk tiġi trasferita lil terza persuna għal kwalunkwe raġuni, is-sid il-ġdid għandu jkun intitolat għall-prospett ta’ kwota ta’ produzzjoni mid-data tat-trasferiment għall-perjodu kollu ta’ referenza sakemm kuntratt validu ma jistipulax mod ieħor.

2. Meta parti biss minn impriża li tipproduċi t-tabakk tiġi trasferita lil terza persuna, is-sid il-ġdid għandu jkun intitolat għal prospett ta’ kwota ta’ produzzjoni proporzjonat maż-żona agrikola meħuda. Madanakollu, il-partijiet involuti jistgħu jaqblu li d-dritt sħiħ għandu jinżamm mill-persuna intitolata qabel jew issa.

3. Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 1, il-produtturi li jikru ż-żoni li jaħdmu għandhom iżommu d-dritt tagħhom għall-kwota meta l-kirja tagħlaq.

4. Diversi membri ta’ familja waħda li jaħdmu flimkien jew li jkunu ħadmu impriża li tipproduċi t-tabakk għandhom japplikaw għal prospett ta’ kwota ta’ produzzjoni waħda biex tinħareġ fuq il-bażi tat-total tal-kwantitajiet li għalihom huma intitolati.

Artikolu 32

1. Soġġett għall-awtorizzazzjoni mill-Istat Membru involut, il-produtturi jistgħu jpartu bejniethom id-drittijiet tagħhom għal prospett ta’ kwota ta’ produzzjoni għal grupp ta’ varjetajiet ma’ prospett għal grupp ta’ varjetajiet differenti.

2. It-tpartit ta’ drittijiet għal prospett ta’ kwota ta’ produzzjoni skond il-paragrafu 1 għandu jittieħed bħala trasferiment permanenti bejn il-produtturi involuti tal-kwantitajiet ta’ referenza li fuq il-bażi tagħhom l-prospett kien stabbilit.

Artikolu 33

1. ewwa l-istess Stat Membru, il-produtturi individwali jistgħu jittrasferixxu bejniethom, b’mod temporanju jew permanenti, il-kwantitajiet kollha jew parti minnhom fil-prospett ta’ kwota ta’ produzzjoni allokati lilhom, kemm-il darba l-kondizzjonijiet li ġejjin ikunu mħarsa:

(a) il-prospett tal-kwota involut ikun għadu ma ġiex kopert minn kuntratt ta’ koltivazzjoni;

(b) il-persuna li lilha jiġi trasferit diġà jkollu kwota ta’ produzzjoni għall-grupp ta’ varjetajiet in kwestjoni;

(ċ) it-trasferiment kien is-suġġett ta’ ftehim bil-miktub bejn il-partijiet involuti, li jirreferi għall-prospett relatat mal-kwota ta’ produzzjoni, li kollha kemm hi jew parti minnha tkun sejra tiġi trasferita;

(d) il-ftehim imsemmi f’(ċ) kien mibgħut lill-awtorità kompetenti għar-reġistrazzjoni fi żmien 30 jum mid-data msemmija fl-Artikolu 22(3);

(e) l-oriġinal tal-kwota ta’ produzzjoni li tagħha l-kwantitajiet kollha jew parti minnhom għandhom jiġu trasferiti għandha tintbagħat lill-awtoritajiet kompetenti meta l-ftehim tat-trasferiment jiġi preżentat;

(f) jekk il-produttur li qiegħed jittrasferixxi prospett ta’ kwota huwa membru ta’ grupp ta’ produtturi, it-trasferiment għandu jkun awtorizzat mill-grupp meta l-persuna li lilha jsir it-trasferiment ma tkunx membru ta’ l-istess grupp ta’ produtturi. L-awtorizzazzjoni għandha tingħata mill-grupp ta’ produtturi meta ebda membru mill-grupp ma jkun esprima interess li juża l-kwantitajiet kopeti mit-trasferiment bil-kondizzjonijiet offruti. Meta t-trasferiment iseħħ bejn produtturi li huma membri ta’ l-istess grupp ta’ produtturi, il-grupp għandu jiġi notifikat dwar it-trasferiment;

(g) it-trasferiment permanenti għandu japplika biss għal produtturi li jġibu prova li fl-aħħar tliet snin ġew konklużi kuntratti għat-tkabbir għall-kwoti involuti fit-trasferiment.

2. L-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru għandha tirreġistra ftehim kif imsemmi fil-paragrafu 1 (c) fi żmien 20 jum minn meta jiġu preżentati, wara li tikkontrolla l-kondizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 (a), (b), (d), (e), (f) u (g) huma sodisfatti. Fl-istess jum, l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru għandha toħroġ:

- lill-persuni li lihom isir it-transferiment, prospett addizzjonali ta’ kwota ta’ produzzjoni li jikkorrispondi għall-kwantitajiet ta’ kwota ta’ produzzjoni li ġew trasferiti,

- lill-produtturi li trasferew parti biss mill-kwantitajiet koperti mill-prospett tagħhom ta’ kwota, prospett ta’ kwota ta’ produzzjoni mibdul li jikkorrispondi mal-kwantitajiet li ġew trasferiti.

3. It-trasferimenti ta’ kwoti ta’ produzzjoni kif imsemmi fil-paragrafu 1 ma jistgħux jinvolvu kwantitajiet ta’ anqas minn 100 kilogramma.

IL-KAPITOLU VI

Kwoti ta’ xiri lura

Artikolu 34

1. Taħt l-Artikolu 14(1) tar-Regolament (KEE) Nru 2075/92 u bl-esklużjoni ta’żoni tal-produzzjoni sensittivi u/jew gruppi ta’ varjetajiet ta’ kwalità għolja kif definiti fil-paragrafu 2, programm ta’ kwota ta’ xiri lura bit-tnaqqis korrispondenti tal-garanzija minima msemmija fl-Artikolu 8 tar-Regolament (KEE) Nru 2075/92 għandu jiġi introdott biex iħaffef it-tluq volontarju ta’ produtturi individwali mis-settur.

2. Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi, fuq il-bażi ta’ proposti mill-Istati Membri, li għandhom jingħataw sat-30 ta’ Mejju ta’ kull sena ta’ ħsad, liema żoni ta’ produzzjoni sensittivi u/jew gruppi ta’ varjetajiet ta’ kwalità għolja sa massimu ta’ 25 % tal-garanzija minima ta’ kull Stat Membru, għandhom ikunu eżenti mill-applikazzjoni tal-paragrafu preċedenti.

3. Il-paragrafu 1 għandu japplika biss għal produtturi li jagħtu prova li l-kuntratti għat-tkabbir kienu konklużi fl-aħħar tliet snin għall-kwoti involuti fil-programm ta’ xiri lura.

Artikolu 35

1. Il-produtturi li jiddeċiedu li jħallu s-settur taħt l-Artikolu 34 għandhom jinformaw lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru u, fil-każ ta’ produtturi individwali li huma membri ta’ grupp ta’ produtturi, lill-grupp tagħhom, bil-miktub dwar id-deċiżjoni tagħhom qabel l-1 ta’ Settembru ta’ kull sena tal-ħsad.

2. Mill-1 ta’ Settembru sal-31 ta’ Diċembru, l-Istat Membru għandu jippubblika l-intenzjoni tiegħu li jbiegħ sabiex il-produtturi l-oħra jkunu jistgħu jixtru l-kwota qabel ma fil-fatt din tinxtara lura.

Il-produtturi individwali li jappartjenu għall-istess grupp bħall-produttur li jkun iddeċieda li jitlaq mis-settur u l-grupp involut għandu jkollhom il-prijorità, f’dik l-ordni, fuq produtturi oħra jekk jixtiequ jixtru l-kwoti disponibbli taħt il-programm ta’ xiri lura.

3. Malli l-perjodu ta’ erba’ xhur jkun għadda, xi kwoti li ma jkunux inxtraw mill-produtturi għandhom jinxtraw lura b’mod permanenti.

4. Mis-sena tal-ħsad ta’ wara d-data li fiha l-produttur jinnotifika d-deċiżjoni li se jħalli s-settur, il-garanzija minima għall-grupp ta’ varjetajiet involuti għandha tiġi mnaqqsa bil-kwantità mixtrija lura.

Artikolu 36

Il-produtturi li l-kwoti tagħhom inxtraw lura għall-ħsad ta’ l-1999 għandhom ikunu intitolati, meta l-premji għas-snin ta’ ħsad 2000, 2001 u 2002 ikunu qegħdin jitħallsu, li jirċievu l-ammonti li ġejjin kull sena:

- Grupp 1 kwoti 0,67741 EUR/kg,

- Grupp II kwoti 0,54187 EUR/kg,

- Grupp III kwoti 0,54187 EUR/kg,

- Grupp IV kwoti 0,59591 EUR/kg,

- Grupp V kwoti 0,54187 EUR/kg,

- Grupp VI kwoti 0,93854 EUR/kg,

- Grupp VII kwoti 0,79635 EUR/kg,

- Grupp VIII kwoti 0,56904 EUR/kg.

IL-KAPITOLU VII

Disposizzjonijiet oħra

Artikolu 37

L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu li t-tilwim dwar id-distribuzzjoni jew it-trasferiment ta’ kwoti ta’ produzzjoni għandhom jiġu sottomessi lil korp ta’ arbitraġġ. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli li jirregolaw is-sħubija u l-proċeduri ta’ kif jittieħdu d-deċizjonijiet ta’ dawn il-korpi.

Artikolu 38

1. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu database komputerizzata li għandu jkun fiha, għal kull proċessur u kull produttur u grupp ta’ produtturi, informazzjoni li tidentifika l-istabbilimenti tagħhom jew l-impriżi tagħhom, il-kwoti jew il-kwantitajiet li jidhru fuq il-prospetti ta’ kwota ta’ produzzjoni allokati lilhom u kull informazzjoni oħra li tista’ tkun utli biex tiġi sorveljata s-sistema tal-kwota.

2. L-Istati Membri għandhom jassiguraw illi:

- d-data fid-database komputerizzata tiġi priżervata,

- id-database tintuża biss għall-applikazzjoni deskritta fil-paragrafu 1,

- jiġu applikati miżuri li jissalvagwardjaw id-data, b’mod partikolari kontra s-serq u l-interferenza,

- persuni koperti mill-iskema jkollhom aċċess għall-files rilevanti għalihom infushom mingħajr spejjeż eċċessivi jew dewmien,

- il-persuni koperti mill-iskema jista’ jkollhom informazzjoni li tikkonċerna lilhom mibdula, fejn ġustifikat, u b’mod partikolari li d-data li m’għadhiex ta’ interess tiġi mħassra minn żmien għal żmien.

3. Il-proċessuri u l-produtturi:

- m’għandhomx ifixklu bl-ebda mod l-istabbiliment tad-database kompjuterizzata minn uffiċjali kwalifikati kif xieraq,

- għandhom jipprovdu lil dawn l-uffiċjali l-informazzjoni kollha meħtieġa skond dan ir-Regolament.

4. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, mingħajr preġudizzju għal-liġijiet nazzjonali dwar il-protezzjoni ta’ data ta’ natura personali, il-kwota ta’ kull produttur individwali użata għall-konklużjoni ta’ kuntratti ta’ koltivazzjoni jew, fejn applikabbli, il-kwota ta’ kull produttur li huwa membru ta’ grupp ta’ produtturi, issir pubblika b’tali mod li tkun magħrufa mill-produtturi kollha involuti f’żona ta’ produzzjoni ristretta kif definita fl-Artikolu 9 ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 39

Meta kwota ta’ produzzjoni tkopri grupp ta’ produtturi li hu stess huwa produttur, l-Istat Membru għandu jiżgura li l-kwantità involuta tkun imqassma b’mod ġust bejn il-membri kollha tal-grupp. L-Istati Membri għandu jkollhom ukoll għad-disposizzjoni tagħhom data żejda dwar il-produzzjoni ta’ kull produttur individwali biex il-kwoti ta’ produzzjoni jiġu allokati lilhom jekk meħtieġ.

F’dak il-każ, il-Kapitolu 1 għandu japplika mutatis mutandis għat-tqassim bejn il-membri tal-grupp; madankollu, bil-ftehim tal-membri kollha, il-grupp jista’ jagħmel tqassim differenti bl-iskop ta’ organizzazzjoni mtejba ta’ produzzjoni.

IT-TITOLU VI

Għajnuna speċifika

Artikolu 40

1. L-għajnuna speċifika msemmija fl-Artikolu 4a(5) tar-Regolament (KE) Nru 2075/92 għandha tkun ta’ 2 % tal-premju.

2. L-għajnuna speċifika tista’ tintuża minn gruppi ta’ produtturi sat-30 ta’ Ġunju tas-sena wara dik tal-ħsad fil-każ ta’ gruppi tal-varjetajiet VI, VII u VIII u sal-15 ta’ Ġunju tas-sena wara dik tal-ħsad fil-każ tal-gruppi l-oħra ta’ varjetajiet u għar-raġunijiet li ġejjin biss:

- l-impjieg ta’ personal tekniku biex jassisti lill-membri fit-titjib tal-kwalità tal-produzzjoni tagħhom u r-rispett għall-ambjent,

- il-forniment lill-membri ta’ żrieragħ u xitel attestati u ta’ mezzi oħra ta’ produzzjoni biex itejbu l-kwalità tal-prodott,

- miżuri ta’ protezzjoni ambjentali,

- l-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ infrastruttura biex itejbu l-valur tal-prodotti forniti mill-membri, b’mod partikolari faċilitajiet ta’ gradament tat-tabakk,

- l-impjieg ta’ personal amministrattiv biex jamministra l-premju u jassigura li l-grupp iħares ir-regoli tal-Komunità,

- ir-rimborż ta’ spejjeż magħmula biex isiru l-assigurazzjonijiet taħt l-Artikolu 42.

3. L-ispiża msemmija fl-ewwel, it-tieni u t-tielet inċiż tal-paragrafu 2 għandha tkun ekwivalenti għal mhux anqas minn 50 % ta’ l-għanjuna speċifika kollha.

Artikolu 41

Jekk l-għajnuna speċifika tkun imħallsa minn Stat Membru barra minn dak li fih sar l-ipproċessar, dan ta’ l-aħħar għandu jibgħat lill-Istat Membru responsabbli għall-ħlas ta’ l-għajnuna, fuq talba tiegħu, il-provi u d-dokumenti bil-miktub imsemmija fl-Artikolu 18(1).

Artikolu 42

1. Wara applikazzjoni, l-Istat Membru għandu jagħti lill-grupp ta’ produtturi ħlas bil-quddiem fuq l-għajnuna speċifika. L-ammont tal-ħlas bil-quddiem għandu jkun stabbilit fuq il-bażi tal-kwantità ta’ tabakk li l-grupp ikun ikkunsinna lill-proċessur fiż-żmien li l-applikazzjoni tiġi preżentata. L-Istat Membru għandu jistabbilixxi l-kondizzjonijiet addizzjonali għall-ħlas bil-quddiem.

2. Il-pagament tal-ħlas bil-quddiem ta’ l-għajnuna speċifika għandu jkun suġġett għall-preżentazzjoni ta’ sigurtà li għandha tkun ta’ l-anqas ugwali għall-ħlas bil-quddiem, miżjud bi 15 %.

3. Is-sigurtà għandha tiġi rilaxxata fuq preżentazzjoni ta’ prova relatata ma’ l-għajnuna speċifika, kif imsemmi fl-Artikolu 18(1) ta’ dan ir-Regolament.

IT-TITOLU VII

Kontrolli u penalitajiet

IL-KAPITOLU I

Kontrolli

Artikolu 43

Sabiex isir kontroll fuq il-konformità ma’ dan ir-Regolament, l-Artikoli li ġejjin tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 3887/92 għandhom japplikaw.

- L-Artikolu 6(1) għal verifika effettiva ta’ konformità mal-kondizzjonijiet għall-għoti ta’ għajnuna.

- L-Artikolu 11 għal penalitajiet nazzjonali addizzjonali u każijiet ta’ forza maġġuri,

- L-Artikolu 12 għar-rapport ta’ spezzjoni,

- L-Artikolu 13 għall-kontroll fuq il-post,

- L-Artikolu 15 għal ħlasijiet magħmula ħażin.

Artikolu 44

1. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu arranġamenti ta’ spezzjonijiet biex jassiguraw verifika effettiva ta’ konformità ma’ dan ir-Regolament u mar-Regolament (KEE) Nru 2075/92 u għandhom jadottaw il-miżuri addizzjonali kollha meħtieġa għat-tħaddim ta’ dawk ir-Regolamenti.

L-arranġamenti għandhom jinkludu dan li ġej:

(a) kontrolli amministrattivi;

(b) kontroli fuq il-post;

(ċ) kontrolli fuq il-kunsinni ta’ weraq tat-tabakk;

(d) kontrolli matul l-ewwel proċessar u preparazzjoni għas-suq tat-tabakk.

2. L-Istati Membri għandhom jipprovdu għajnuna lil xulxin fejn meħtieġ għall-iskopijiet ta’ kontrolli stabbiliti f’dan ir-Regolament u meta l-kummerċ ta’ weraq tat-tabakk iseħħ bejniethom.

Artikolu 45

Il-kontrolli amministrattivi għandhom jinkludu kontrolli doppji:

(a) fuq il-pakketti tat-tabakk iddikjarati mad-database pprovduta fl-Artikolu 2 tar-Regolament (KEE) Nru 3508/92 biex wieħed jipprevjeni li l-għajnuna tiġi mħallsa ħażin darbtejn għall-istess ħsad. Il-pakki tat-tabakk kollha ddikjarati għandhom jiġu kkontrollati.

(b) biex tiġi kkontrollata l-konformità ma’ l-Artikolu 2(3) ta’ dan ir-Regolament.

Għall-ħsad ta’ l-1999, dawn il-kontrolli doppji jistgħu jsiru fuq kampjun.

Artikolu 46

1. Kontrolli fuq il-post għandhom isiru wara analiżi ta’ riskju. L-Istati Membri għandhom iwettqu kontrolli fuq il-post għall-għarrieda sabiex jivverifikaw:

(a) l-informazzjoni mogħtija fil-kuntratti ta’ koltivazzjoni u b’mod partikolari l-arja, il-grupp ta’ varjetajiet ikkultivati u l-kwantitajiet ta’ tabakk maħżuna msemmija fl-Artikolu 16(2).

L-arja għandha tiġi stabbilita b’kull mod xieraq preskritt mill-awtorità kompetenti u li jassigura preċiżjoni ta’ kejl ekwivalenti ta’ l-anqas għal dak meħtieġ għall-kejl uffiċjali taħt regoli nazzjonali. L-awtorità kompetenti għandha tistabbilixxi livell ta’ tolleranza, fid-dawl b’mod partikolari tal-metodu ta’ kejl użat, il-preċiżjoni tad-dokumenti uffiċjali disponibbli u s-sitwazzjoni lokali (per eżempju, il-qlib jew forma ta’ l-art).

Għal kull impriża ta’ proċessar, il-kontrolli għandhom ikopru ta’ l-anqas 5 % mill-produtturi individwali koperti mill-kuntratti rreġistrati għal kull grupp ta’ varjetajiet; il-kampjun li għandu jiġi spezzjonat għandu jintgħażel mill-awtorità kompetenti fuq il-bażi, b’mod partikolari, ta’ analisi ta’ riskju u jassigura kopertura rappreżentattiva tal-volumi differenti koperti bil-kuntratti. L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li l-kampjun kollu jew parti minnu għandu jiġi kontrollat b’remote sensing;

(b) konformità ma' l-Artikoli 40(2) u (3) u 18(3) u (4) ta’ dan ir-Regolament.

Kontrolli simili għandhom kull sena jkopru ta’ l-anqas 30 % tal-gruppi ta’ produtturi f’kull Stat Membru. Fl-għażla tal-kampjun li għandu jiġi spezzjonat, l-awtorità kompetenti għandha tassigura, b’mod partikolari, kopertura rappreżentattiva tal-qisien differenti ta’ gruppi ta’ produtturi.

2. L-analiżi ta’ riskju għandu jqis:

- il-kwantitajiet ta’ tabakk mhux maħdum koperti mill-kuntratti f’relazzjoni maż-żoni dikjarati għat-tkabbir tat-tabakk,

- ir-riżultati tal-kontrolli mwettqa fi snin preċedenti,

- fatturi oħra li għandhom jiġu definiti mill-Istat Membru.

3. Meta l-kontrolli fuq il-post jiżvelaw irregolaritajiet sinifikanti f’zona ta’ produzzjoni jew parti ta’ żona ta’ produzzjoni, l-awtoritajiet kompetenti għandhom iwettqu kontrolli addizzjonali f’dik is-sena kurrenti u jżidu l-perċentwal tal-kontrolli fis-sena ta’ wara f’dik iż-żona ta’ produzzjoni jew parti minn żona ta’ produzzjoni.

Artikolu 47

1. Il-korp kompetenti tal-kontroll għandu jikkontrolla l-kunsinni kollha. Kull kunsinna għandha tkun awtorizzata mill-korp kompetenti tal-kontroll, li għandu jiġi infurmat bil-quddiem sabiex ikun jista’ jiddeċiedi d-data tal-kunsinna. Matul il-kontroll, il-korp kompetenti tal-kontroll irid jivverifika li huwa awtorizza l-kunsinna minn qabel.

2. Jekk il-kunsinna tkun qiegħda ssir lejn ċentru tax-xiri approvat kif hemm ipprovdut fit-tieni sottoparagrafu ta’ l-Artikolu 16(1), it-tabakk mhux ipproċessat, ladarba jkun ġie kontrollat, jista’ joħroġ miċ-ċentru tax-xiri biss biex jiġi trasferit għall-impjant ta’ l-ipproċessar. Wara li kontrolli jkunu saru, it-tabakk għandu jinġabar fi kwantitajiet distinti. It-trasferiment ta’ dawn il-kwantitajiet lejn l-impjant ta’ proċessar għandu jkun awtorizzat bil-miktub mill-korp kompetenti tal-kontroll, li għandu jkun informat minn qabel biex ikun jista’ jidentifika b’mod eżatt il-mezz ta’ trasport użat, ir-rotta, il-ħin tat-tluq u l-wasla u l-kwantitajiet ta’ tabakk trasportat f’kull waqt separat.

3. Meta t-tabakk jasal l-impjant ta’ l-ipproċessar, il-korp kompetenti tal-kontroll għandu jivverifika li l-kwantitajiet separati kontrollati fiċ-ċentru tax-xiri huma dawk fil-fatt ikkunsinnjati, b’mod partikolari billi jiżinhom.

Il-korp kompetenti tal-kontroll għandu jistabbilixxi kull kondizzjoni speċjali li jqis meħtieġa biex jikkontrolla l-operazzjonijiet.

Artikolu 48

1. Il-kontrolli matul l-ewwel proċessar u preparazzjoni għas-suq tat-tabakk għandu jsir wara l-analiżi ta’ riskju. L-Istati Membri għandhom jagħmlu kontrolli għall-għarrieda biex jivverifikaw konformità ma’ l-Artikolu 7, bil-limiti ta’ żmien għall-ħlas tal-prezz tax-xiri stabbiliti fl-Artikolu 9(3)(j) u bil-limiti ta’ żmien għall-ħlas ta’ l-ammont stabbiliti fl-Artikolu 20(3).

2. Il-kontrolli mwettqa matul l-ewwel proċessar u l-preparazzjoni għas-suq għandhom jagħmlu possibbli l-verifika tal-kwantitajiet ta’ weraq tat-tabakk f’kull impriża li tkun qiegħda tiġi kontrollata, jew imkabbar fil-Komunità jew b’oriġini minn pajjiżi li m’humiex membri, imqiegħed taħt sorveljanza u jassigura li t-tabakk suġġett għal din is-superviżjoni ma jkun rilaxxat minn hemm qabel ma l-operazzjonijiet ta’ l-ewwel proċessar u l-preparazzjoni għas-suq jkunu tlestew u li ebda tabakk ma jkun imqiegħed aktar minn darba għaċ-ċekkjar. Iċ-ċekkjar għandu jinkludi:

(a) ċekkjar għal għarrieda tal-ħażniet ta’ l-impriża ta’ l-ipproċessar;

(b) ċekkjar meta t-tabakk joħroġ mill-post li fih kien taħt superviżjoni, wara li jkun sarlu l-ewwel proċessar u preparazzjoni għas-suq;

(ċ) il-miżuri ta’ kontroll addizzjonali kollha li l-Istati Membri jqisu li huma meħtieġa, b’mod partikolari biex jassiguraw li ebda premju ma jitħallas għal tabakk mhux maħdum li joriġina jew ġej minn pajjiżi li mhumiex membri.

3. Ċekkjar waqt l-ewwel proċessar u preparazzjoni għas-suq għandu jkopri ta’ l-anqas 5 % ta’ l-ewwel proċessuri; il-kampjun li għandu jiġi spezzjonat għandu jkun magħżul mill-awtorità kompetenti fuq il-bażi, b’mod partikolari, ta’ analiżi ta’ riskju u jassigura coverage rappreżentattiv tal-qisien differenti ta’ l-impriżi.

4. L-analiżi tar-riskju għandu jqis:

- ir-riżultati tal-kontrolli mwettqa fis-snin preċedenti,

- tibdil paragunat mas-sena preċedenti,

- fatturi oħra li għandhom jiġu definiti mill-Istat Membru.

Il-kontrolli msemmija fil-paragrafu 2 jridu jsiru fil-post fejn it-weraq tat-tabakk ikun ipproċessat. Fil-limitu ta’ żmien li għandu jiġi stabbilit fil-post fejn stabbilit mill-Istat Membru, l-impriżi nvoluti għandhom jinnotifikaw lill-korpi kompetenti tagħhom, bil-miktub, dwar il-postijiet fejn l-ipproċessar għandu jseħħ. L-Istati Membri jistgħu jistipulaw, għal dak l-għan, l-informazzjoni li għandha tiġi provduta mill-impriżi ta’ l-ewwel proċessar lill-korpi kompetenti.

IL-KAPITOLU II

Penalitajiet

Artikolu 49

Id-disposizzjonijiet ta’ dan il-kapitolu m’għandhomx japplikaw f’każijiet ta’ forza maġġuri.

Artikolu 50

1. Meta l-produtturi individwali ma jkabbrux tabakk, għandhom jitilfu kull dritt għall-premju għall-ħsad kurrenti u għall-kwota ta’ produzzjoni għall-ħsad li jkun imiss.

2. Jekk l-arja attwalment ikkultivata tkun anqas mill-arja ddikjarata b’aktar minn 10 %, il-premju li għandu jitħallas lill-produttur fil-kwistjoni għall-ħsad kurrenti u kull kwota li għandha tiġi allokata lil dak l-istess produttur għall-ħsad li jkun imiss għandhom jiġu mnaqqsa bid-doppju tad-diskrepanza misjuba.

3. Meta l-penalitajiet msemmija fil-paragrafi 1 u 2 jiġu applikati u l-produttur individwali jkun membru ta’ grupp ta’ produtturi, il-kwoti ta’ produzzjoni mniżżla fil-prospett ta’ kwota għandhom jiġu mnaqqsa bil-kwantitajiet eżatti koperti mill-piena relatata mal-kwota ta’ produzzjoni tal-produttur li għandu jiġi penalizzat għall-ħsad in kwestjoni, mingħajr il-possibbiltà ta’ allokazzjoni differenti bejn il-membri tal-grupp ta’ produtturi.

4. Jekk il-kontrolli ma jistgħux isiru minħabba raġunijiet attribwibbli għall-produttur, l-arja għandha titqies li m’hijiex maħduma.

Il-penalitajiet stabbiliti fil-paragrafi 1 u 2 m’għandhomx japplikaw għal produtturi jew proċessuri li jinnotifikaw lill-awtoritajiet kompetenti bil-miktub dwar dawn id-diskrepanzi qabel ma jseħħ il-kontroll jew jekk il-bdiewa jistgħu juru li l-kalkolu tagħhom ta’ l-arja tal-pakkett involut, esklużi toroq ta’ servizz u reċinti, kien ibbażat b’mod preċiż fuq informazzjoni magħrufa mill-awtorità kompetenti.

5. Jekk il-korp ta’ kontroll kompetenti jistabbilixxi l-preżenza ta’ tabakk mhux notifikat b’mod konformi ma’ l-Artikolu 16(2), il-kwantità li għandha tkun koperta mill-prospett tal-kwota li għaliha l-produttur huwa intitolat għall-ħsad li jkun imiss għandha tiġi mnaqqsa bid-doppju tal-kwantità mhix iddikjarata.

Artikolu 51

1. Jekk il-grupp ta’ produtturi ma jkunx ħares ir-regoli għall-għoti tal-premji kif stabbilit fl-Anness V, huwa għandu jitlef id-dritt tiegħu li jirċievi kull għajnuna speċifika għall-ħsad kurrenti. Ir-rikonoxximent ta’ gruppi ta’ produtturi li jinsabu li jkunu reġgħu kisru r-regoli wara t-tieni kontroll għandu jiġi rtirat.

Meta jinstabu żbalji klerikali, l-għajnuna speċifika għall-ħsad kurrenti għandha tiġi mnaqqsa. L-Istati Membri għandhom jiffissaw it-tnaqqis għal bejn 1 % u 20 % skond il-gravità ta’ l-iżball. Il-grupp ta’ produtturi għandu jirranġa l-konsegwenzi ta’ kull żball li jinstab.

2. Jekk il-grupp ta’ produtturi ma jħarisx ir-regoli msemmija fl-Artikolu 40(2) u (3), l-għajnuna speċifika għandha titnaqqas b’20 % sa 50 %, skont il-gravità tal-ksur. Ir-rikonoxximent ta’ gruppi ta’ produtturi li jinsabu li jkunu reġgħu kisru r-regoli wara t-tieni kontroll għandu jiġi rtirat.

Jekk xi produtturi li huma membri ta’ grupp ta’ produtturi ma jitħallsux l-ammont sħiħ tal-parti fissa u l-parti varjabbli tal-premju fi żmien 30 jum mill-iskadenza msemmija fl-Artikolu 18(3), l-għajnuna speċifika għandha titnaqqas b’20 %. L-għajnuna speċifika għandha titnaqqas b’20 % oħra għal kull perjodu addizzjonali ta’ 30 jum, sa massimu ta’ 150 jum.

3. L-amministraturi ta’ gruppi ta’ produtturi responsabbli b’mod volontarju jew bi traskuraġni serja għall-irtirar tar-rikonoxximent skond il-paragrafi 1 u 2 ma jistgħux jamministraw grupp ieħor ta’ produtturi jew jitfgħu applikazzjoni għar-rikonoxximent matul is-sena ta’ l-applikazzjoni tal-penali.

4. Ir-rikonoxximent għandu jiġi rtirat skond l-Artikolu 6.

Artikolu 52

Jekk it-tabakk mhux ipproċessat ma jkunx ġie kkunsinnat għall-postijiet ipprovduti fit-tieni sottoparagrafu ta’ l-Artikolu 16(1) jew it-trasportatur li jġorr kwantitajiet ta’ tabakk distinti kif imsemmi fl-Artikolu 47(2) miċ-ċentri tax-xiri għall-impjant ta’ proċessar ma jkollux awtorizzazzjoni li jagħmel it-trasport, l-impriża ta’ l-ipproċessar li tkun irċeviet it-tabakk involut għandha tħallas lill-Istat Membru somma flus ugwali għall-premji għall-kwantità ta’ tabakk in kwestjoni. Dan l-ammont għandu jitniżżel fil-kotba tal-Fond Ewropew ta’ Gwida u Garanzija Agrikola (FEGGA).

Artikolu 53

1. Jekk il-limitu ta’ żmien għall-ħlas tal-prezz tax-xiri li hemm stabbilit fl-Artikolu 9(3)(j) u l-limiti ta’ żmien għall-ħlas ta’ l-ammont li hemm ipprovdut fl-Artikolu 20(3) jinqabżu bi 30 jum, l-approvazzjoni ta’ l-ewwel proċessur għandha tiġi rtirata għal sena. L-approvazzjoni għandha tiġi rtirata għal sena oħra sa massimu ta’ tliet snin għal kull perjodu addizzjonali ta’ 30 jum.

2. Wara perjodu ta’ rtirar, l-ewwel proċessuri għandhom jibagħtu applikazzjoni ġdida għall-approvazzjoni.

3. L-amministraturi ta’ l-ewwel proċessuri responsabbli volontarjament jew bi traskuraġni serja għall-irtirar ta’ approvazzjoni ma jistgħux jamministraw l-ewwel proċessur ieħor approvat jew jitfgħu applikazzjoni għall-approvazzjoni matul l-ewwel sena li fiha l-penali tkun applikata.

IT-TITOLU VIII

Notifiki lill-Kummissjoni

Artikolu 54

Kull Stat Membru involut għandu minnufih jinnotifika lill-Kummissjoni dwar:

(a) l-applikazzjoni tat-tieni sottoparagrafu ta’ l-Artikolu 3(1)(f);

(b) ir-rifjut jew l-irtirar tar-rikonoxximent ta’ grupp ta’ produtturi, u jagħti r-raġunijiet tiegħu għaliex irrifjuta jew irtira r-rikonoxximent;

(ċ) l-ismijiet u l-indirizzi tal-korpi responsabbli għar-reġistrazzjoni ta’ kuntratti ta’ koltivazzjoni u ta’ impriżi ta’ l-ewwel proċessar approvati minn kull Stat Membru. Il-Kummissjoni għandha tippublika lista ta’ dawk il-korpi u l-impriżi ta’ l-ewwel proċessar approvati fis-serie ‘Ċ’ tal-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej;

(d) l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 12(1);

(e) l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 20(1);

(f) id-deċiżjonijiet li bi ħsiebha tieħu taħt l-Artikolu 27(4);

(g) il-miżuri meħuda taħt l-Artikolu 28(1);

(h) ir-regoli biex tinbena r-riżerva nazzjonali u l-kriterji oġġettivi biex tqassam ir-riżerva nazzjonali adottati taħt l-Artikolu 29(2) u (3);

(i) il-kwantitajiet trasferiti b’mod permanenti minn grupp ta’ varjetajiet taħt l-Artikolu 33;

(j) il-kwantitajiet li kienu s-suġġett ta’ applikazzjoni ta’ kwota ta’ xiri lura u l-kwantitajiet mixtrija lura minn grupp ta’ varjetajiet taħt l-Artikolu 35;

(k) il-miżuri nazzjonali meħuda biex tapplika dan ir-Regolament;

(l) informazzjoni oħra meħtieġa mill-Kummissjoni għal amministrazzjoni xierqa ta’ l-aranġamenti.

Id-database tal-kompjuter stabbilita taħt l-amministrazzjoni integrata u s-sistema ta’ kontroll għandha tintuża biex tinnotifika l-informazzjoni speċifikata f’dan l-Artikolu.

IT-TITOLU IX

Disposizzjonijiet tranżitorji u finali

Artikolu 55

Għall-ħsad ta’ l-1999, b’deroga mit-tieni inċiż ta’ l-Artikolu 3(1)(f), il-produtturi li huma membri ta’ aktar minn grupp ta’ produtturi wieħed jistgħu jinnotifikaw grupp bil-miktub dwar l-irtirar tagħhom mis-sħubija sal-31 ta’ Jannar 1999.

Artikolu 56

Ir-Regolamenti (KEE) Nru 3478/92, (KEE) Nru 84/93 u (KE) Nru 1066/95 huma hawnhekk imħassra b’effett mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 57

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba’ jum wara l-publikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Għandu japplika b’effett mill-ħsad ta’ l-1999.

Dan ir-Regolamment għandu jorbot fl-intier tiegħu u huwa direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, 22 ta’ Diċembru 1998.

Għall-Kummissjoni

Franz Fischler

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU L 215, tat-30.7.1992, p. 70.

[2] ĠU L 210, ta' l-20.7.1998, p. 23.

[3] ĠU L 351, tat-2.12.1992, p. 17.

[4] ĠU L 206, tat-23.7.1998, p. 19.

[5] ĠU L 12, ta' l-20.1.1993, p. 5.

[6] ĠU L 89, ta' l-10.4.1996, p. 8.

[7] ĠU L 108, tat-13.5.1995, p. 5.

[8] ĠU L 355, tal-5.12.1992, p. 1.

[9] ĠU L 117, tas-7.5.1997, p. 1.

[10] ĠU L 391, tal-31.12.1992, p. 36.

[11] ĠU L 212, tat-30.7.1998, p. 23.

--------------------------------------------------

ANNESS I

PERĊENTWALI TAL-GARANZIJA MINIMA GĦAL KULL STAT MEMBRU JEW REĠJUNI SPEĊIFIĊI GĦALL-GĦARFIEN TA' GRUPPI TA' PRODUTTURI

Stat Membru tar-reġjun speċifiku fejn jinsab stabbilit il-grupp produttur | Perċentwal |

Il-Ġermanja, Spanja (minbarra Castile-Leon, Navarre u ż-żona ta' Campezo fil-Pajjiż Bask), Franza (minbarra Nord-Pas-de-Calais u Pikardija), l-Italja, il-Portugall (minbarra r-Reġjun Awtonomu ta' l-Azores), il-Belgju, l-Awstrija | 2 % |

Il-Greċja (minbarra Epirus), ir-Reġjun Awtonomu ta' l-Azores (Portugall), Nord-Pas-de-Calais u Picardija (Franza) | 1 % |

Castile-Leon (Spanja), Navarre (Spanja), iż-żona ta' Campezo fil-Pajjiż Bask (Spanja), Epirus (il-Greċja) | 0,4 % |

--------------------------------------------------

ANNESS II

ŻONI TA' PRODUZZJONI MAGĦRUFA

Grupp ta' varjetajiet skond l-Anness tar-Regolament (KEE) Nru 2075/92 | Stat Membru | Żoni ta' produzzjoni |

I.Imqadded bis-sħana minn tubu | Il-Ġermanja | Schleswig-Holstein, Sassonja ta' Isfel, Bavarja, Rheinland-Pfalz, Baden-Wörttemberg, Hessen, Saarland, Branden-burg, Mecklenburg- Pomerania tal-Punent, Sassonja, Sassonja-Anhalt, Thuringia |

| Il-Greċja | Thrace, Maċedonja tal-Lvant, Maċedonja Ċentrali, Maċedonja tal-Punent, Tessalja, Epirus, Sterea Hellas tal-Lvant, Sterea Hellas tal-punent, Peloponnese |

| Franza | Aquitaine, Midi-Pyrénées, Auvergne-Limousin, Cham-pagne-Ardennes, Alsace-Lorraine, Rhîne-Alpes, Franche-Comté, Provence-Alpes-Cîte d'Azur, Loire Region, Centre, Poitou-Charente, Brittanja, Languedoc-Roussillon, Normandija, Burgundija, Nord-Pas-de-Calais, Picardija, le-de-France |

| L-Italja | Friuli, Veneto, Lombardija, Piemonte, Tuskanja, Marche, Umbrija, Lazjo, Abruzzi, Molise, Kampanja, Basilikata, Apulja, Kalabrija |

| Spanja | Estremadura, Andalusia, Castile-Leon, Castile-La Mancha |

| Il-Portugall | Beira Interior, Ribatejo Oeste, Alentejo, Reġjun Awtonomu ta' l-Ażores |

| L-Awstrija | Burgenland, l-Awstrija t'Isfel, l-Awstrija ta' Fuq, Stirja |

II.Imqadded bl-arja b'mod ħafif | Il-Belġju | Flanders, Hainaut, Namur, Lussemburgu |

| Il-Ġermanja | Bavarja, Rheinland-Pfalz, Baden-Wörttemberg, Hessen, Saarland, Brandenburg, Mecklenburg-Western Pomerania, Sassonja, Sassonja-Anhalt, Thuringia |

| Il-Greċja | Maċedonja tal-Lvant, Maċedonja Ċentrali, Maċedonja tal-Punent, Tessalja, |

| Franza | Aquitaine, Midi-Pyrénées, Auvergne-Limousin, Alsace-Lorraine, Rhîne-Alpes, Franche-Comté, Reġjun Loire, Centre, Poitou-Charente, Brittany, Burgundy, Languedoc-Roussillon, Champagne-Ardenne, Ile-de-France |

| L-Italja | Veneto, Lombardy, Piedmont, Umbria, Emilia-Romanja, Lazjo, Abruzzi, Molise, Kampanja, Basilikata, Apulja, Sqallija, Frijuli, Tuskanja, Marche |

| Spanja | Esxtremadura, Andalusija, Castile-Leon, Castile-La Mancha |

| Il-Portugall | Beiras, Ribatejo Oeste, Entre Douro e Minho, Trás-os-Montes, Reġjun Awtonomu ta' l-Azores |

| L-Awstrija | Burgenland, l-Awstrija t'Isfel, l-Awstrija ta' Fuq, Stirja |

III.Skur u mqadded bl-arja | Il-Belġjum | Flanders, Hainaut, Namur, il-Lussemburgu |

| Il-Ġermanja | Rheinland-Pfalz, Baden-Wörttemberg, Hessen, Saarland, Bavarja, Brandenburg, Mecklenburg-Western Pomerania, Sassonja, Sassonja-Anhalt, Thuringia |

| Franza | Aquitaine, Midi-Pyrénées, Languedoc-Roussillon, Auvergne-Limousin, Poitou-Charente, Brittany, Loire Region, Centre, Rhîne-Alpes, Provence-Alpes-Cîte d'Azur, Franche-Comté, Alsace-Lorraine, Champagne-Ardenne, Picardy, Nord-Pas-de-Calais, Normandija, Burgundija, Réunion |

| L-Italja | Frijuli, Trentino, Veneto, Tuskanja, Lazjo, Molise, Kampanja, Apulja, Sqallija |

| Spanja | Estremadura, Andalusija, Castile-Leon, Castile-La Mancha, Valenzja (Komunità Awtonoma), Navarre, Rioja, Katalonja, Madrid, Galizja, Asturjas, Kantabria, żona ta' Kompezo fil-Pajjiż Bask, La Palma (Gżejjer Kanarji) |

| L-Awstrija | Burgenland, l-Awstrija t'Isfel, l-Awstrija ta' Fuq, Stirja |

IV.mqadded bin-nar | L-Italja | Veneto, Tuskanja, Umbrija, Lazjo, Kampanja, Marche |

| Spanja | Estremadura, Andalusija |

V.Imqadded bix-Xemx | Il-Greċja | Maċedonja tal-Lvant, Tessalja, Epirus, Sterea Hellas tal-Lvant, Sterea Hellas tal-Punent, Peloponnese, Thrace u l-gżejjer |

| L-Italja | Lazjo, Abruzzi, Molise, Kampanja, Basilikata, Apulja, Sqallija |

VI.Basma | Il-Greċja | Thrace, Maċedonja tal-Lvant, Maċedonja taċ Ċentru, Maċedonja tal-Punent, Tessalja, Sterea Hellas tal-Punent |

VII.Katerini u varjetajiet simili | Il-Greċja | Maċedonja tal-Lvant, Maċedonja Ċentrali, Tessalja, Epirus, terea Hellas tal-Lvant, Sterea Hellas tal-Punent |

VIII.Kaba Koulak klassiku, Elassona, Myrodata de Agrinion, Zichnomyrodata | Il-Greċja | Maċedonja tal-Lvant, Maċedonja Ċentrali, Maċedonja tal-Punent, Tessalja, Epirus, Sterea Hellas tal-Lvant, Sterea Hellas tal-Punent, Peloponnese u l-gżejjer, Thrace |

--------------------------------------------------

ANNESS III

Rekwiżiti minimi ta’ kwalità

It-tabakk eliġibbli għall-premju msemmi fl-Artikolu 3 tar-Regolament (KEE) Nru 2075/92 għandu jkun ta’ kwalità kummerċjabbli tajba u ġusta billi jiġu meqjusa l-karatteristiċi tipiċi tal-varjetà involuta u m’għandux ikun fih xejn minn dan li ġej:

(a) biċċiet ta’ weraq;

(b) weraq mittiekel bis-silġ;

(ċ) weraq bi ħsara serja fuq aktar minn terz tal-wiċċ;

(d) weraq marid jew attakkat minn insetti fuq aktar minn 25 % tal-wiċċ;

(e) weraq immarkat b’pestiċidi;

(f) weraq li hu nej jew li jidher b’mod ċar ta’ kulur aħdar;

(g) weraq li ġarrab ħsara bil-ġlata;

(h) weraq attakkat bil-moffa jew taħsir;

(i) weraq b’vini mhux b’saħħithom, umdi jew attakkati bit-tħassir jew bi zkuk imlaħħma u prominenti;

(j) weraq mis-selvaġġ jew rimi mill-ġnub;

(k) weraq li jkollhom riħa mhux tas-soltu għall-varjetà in kwestjoni;

(l) weraq bil-ħamrija għadha mwaħħla;

(m) weraq b’kontenut ta’ umdità li teċċedi b’aktar minn erba’ punti l-kontenut ta’ umdità stabbilit fl-Anness IV.

--------------------------------------------------

ANNESS IV

IL-KONTENUT TA' UMDITÀ MSEMMI FL-ARTIKOLU 15

Grupp ta' varjetajiet | Kontenut ta' umdità (%) |

I.Imqadded bis-sħana minn tubu | 16 |

II.Imqadded bl-arja b'mod ħafif

Il-Ġermanja, Franza, il-Belġju, l-Awstrija, il-Portugall, ir-Reġjun Awtonomu ta' l-Ażores | 22 |

Stati Membri oħra u żoni tal-produzzjoni oħra rikonoxxuti fil-Portugall | 20 |

III.Skur u mqadded bl-arja

Il-Belġju, Il-Ġermanja, Franza, l-Awstrija | 26 |

Stati Membri oħra | 22 |

IV.Imqadded bin-nar | 22 |

V.Imqadded bix-Xemx | 16 |

VI.Basmas | 16 |

VII.Katerini | 16 |

VIII.Kaba Koulak classic, Elassona, Myrodata Agrinion, Zichnomyrodata | 16 |

--------------------------------------------------

ANNESS V

A. Regoli għall-qsim ta’ premju

1. Il-premju jinkludi:

- għajnuna speċifika = 2 % tal-premju,

- parti varjabbli tal-premju = perċentwal tal-premju aġġustat minn gruppi ta’ varjetajiet u Stati Membri kif muri f’sezzjoni B u b’konformità ma’ l-Artikolu 15(1),

- il-parti fissa tal-premju = għad-differenza bejn il-premju wara t-tnaqqis ta’ l-ammont miżmum biex tiffinanzja l-Fond u s-somma ta’ l-għajnuna speċifika u l-parti varjabbli tal-premju.

2. L-ammont addizzjonali stabbilit fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KEE) 2075/92 huwa magħdud mal-parti fissa tal-premju.

B. Relazzjoni bejn il-parti varjabbli u l-premju

1999

| I Imqadded | II Imqadded bl-arja b'mod ħafif | III Skur u mqadded bl-arja | IV Imqadded bin-nar | V Imqadded bix-Xemx | Oħrajn |

| VI Basmas | VII Katerini | VIII K. Koulak |

L-Italja | 20 % | 20 % | 20 % | 20 % | 25 % | | | |

Il-Greċja | 20 % | 20 % | | | 25 % | 15 % | 15 % | 15 % |

Spanja | 20 % | 20 % | 20 % | 20 % | | | | |

Il-Portugall | 20 % | 20 % | | | | | | |

Franza | 20 % | 20 % | 20 % | | | | | |

Il-Ġermanja | 20 % | 20 % | 20 % | | | | | |

Il-Belġju | | 20 % | 20 % | | | | | |

L-Awstrija | 20 % | 20 % | 20 % | | | | | |

2000

| I Imqadded | II Imqadded bl-arja b'mod ħafif | III Skur u mqadded bl-arja | IV Imqadded bin-nar | V Imqadded bix-Xemx | Oħrajn |

| VI Basmas | VII Katerini | VIII K. Koulak |

L-Italja | 25 % | 25 % | 25 % | 25 % | 35 % | | | |

Il-Greċja | 25 % | 25 % | | | 35 % | 20 % | 20 % | 20 % |

Spanja | 25 % | 25 % | 25 % | 25 % | | | | |

Il-Portugall | 25 % | 25 % | | | | | | |

Franza | 25 % | 25 % | 25 % | | | | | |

Il-Ġermanja | 25 % | 25 % | 25 % | | | | | |

Il-Belġju | | 25 % | 25 % | | | | | |

L-Awstrija | 25 % | 25 % | 25 % | | | | | |

2001 u ħsad ta' wara

| I Imqadded | II Imqadded bl-arja b'mod ħafif | III Skur u mqadded bl-arja | IV Imqadded bin-nar | V Imqadded bix-Xemx | Oħrajn |

| VI Basmas | VII Katerini | VIII K. Koulak |

L-Italja | 35 % | 35 % | 40 % | 32 % | 45 % | | | |

Il-Greċja | 35 % | 35 % | | | 45 % | 30 % | 30 % | 30 % |

Spanja | 35 % | 35 % | 40 % | 32 % | | | | |

Il-Portugall | 35 % | 35 % | | | | | | |

Franza | 35 % | 35 % | 40 % | | | | | |

Il-Ġermanja | 35 % | 35 % | 40 % | | | | | |

Il-Belġju | | 35 % | 40 % | | | | | |

L-Awstrija | 35 % | 35 % | 40 % | | | | | |

C. Parti varjabbli tal-premju

Il-parti varjabbli tal-premju hija ugwali għal:

×

.

Fejn A huwa l-ammont totali tal-premju varjabbli disponibbli għall-grupp ta’ produtturi għal grupp ta’ varjetajiet, QL hija l-kwantità kkunsinnata bil-lott u PP huwa l-prezz tax-xiri għal kull lott tal-membru tal-grupp ta’ produtturi għall-grupp involut.

Għal kull grupp ta’ varjetajiet, il-grupp ta’ produtturi għandu jiddividi l-ammont totali disponibbli tal-premju varjabbli għall-grupp ta’ varjetajiet involuti bis-somma tal-kwantitajiet ikkunsinnati bil-lott, multiplikat bil-prezz tax-xiri għal kull lott. Ir-riżultat ta’ din id-diviżjoni għandu jkun multiplikat bir-riżultat tal-multiplikazzjoni tal-kwantità ta’ kull lott bil-prezz tax-xiri tagħha. Premju varjabbli ugwali għal żero għandu jiġi attribwit għal lottijiet mibjugħa għal prezz bejn il-prezz minimu u l-prezz minimu miżjud b’40 % għal kull grupp ta’ varjetajiet imkabbra mill-grupp ta’ produtturi.

--------------------------------------------------

ANNESS VI

METODI KOMUNITARJI BIEX JIĠI STABBILIT IL-KONTENUT TA’ UMDITÀ TAT-TABAKK MHUX MAĦDUM

I. METODI LI GĦANDHOM JINTUŻAW

A. Il-metodu Beaudesson

1. Apparat

Forn li jnixxef Beaudesson EM10

Dryer ta’ l-elettriku bl-arja sħuna li fih l-arja tgħaddi fuq kampjun li għandu jitnixxef b’konvezzjoni forzata permezz ta’ fann ta’ ventilazzjoni speċjali. Il-kontenut ta’ umdità jiġi stabbilit bl-użin qabel u wara t-tnixxif, il-bilanċ jiġi kalibrat b’tali mod li l-qari mogħti bil-kwantità ta’ 10 g użati jikkorrispondi direttament għall-valur tal-kontenut ta’ umdità f’ %.

2. Proċedura

Kwantità ta’ 10 g tintiżen ġo taġen b’qiegħ imtaqqab imbagħad titqiegħed fil-kolonna li tnixxef, fejn tkun isserraħ fuq ċirku spirali. Il-forn jinxtegħel għal ħames minuti, matul liema ħin l-arja sħuna tnixxef il-kampjun f’temperatura ta’ madwar 100 grad ċentigradi. Wara l-ħames minuti, timer awtomatiku jwaqqaf il-proċess. It-temperatura ta’ l-arja fl-aħħar tal-proċess ta’ tnixxif tiġi reġistrata b’termometru fuq ġewwa. Il-kampjun jintiżen u l-kontenut ta’ l-umdità tiegħu jinqara direttament u jiġi kkoreġut jekk meħtieġ b’żieda jew bi tnaqqis ta’ 10 ta’ perċentwal skond il-qari tat-temperatura, bl-użu ta’ l-iskala mogħtija ma’ l-apparat.

B. Il-metodu Brabender

1. Apparat

Forn Brabender

Dryer ta’ l-elettriku li jikkonsisti f’kamra ċilindrika b’termostat, imrewwaħ b’konvezzjoni forzata, li fiha jitqiegħdu fl-istess ħin 10 twaġen tal-metall, li kull waħda minnhom ikun fiha 10 g tabakk. Dawn it-twaġen jitqiegħdu fuq mejda, li tkun tista’ ddur permezz ta’ rota ta’ l-idejn f’10 pożizzjonijiet differenti, li jippermettu lil kull wieħed mit-twaġen, wara li jinxef, jitqiegħed f’pożizzjoni fejn ikun jista’ jintiżen ġewwa l-apparat: sistema ta’ lievi tippermetti lil kull waħda mill-pjanċi li ddur biex titqiegħed fuq keffa ta’ miżien mibni ġewwa, mingħajr il-bżonn li jitneħħew il-kampjuni mill-kamra. Il-miżien għandu skala read-out li tidher, u tagħti qari dirett tal-kontenut ta’ l-umdità. Miżien ieħor huwa mwaħħal ma’ l-apparat, li jintuża biss biex jintiżnu l-kwantitajiet inizzjali.

2. Proċedura

It-termostat jiġi ssettjat għal 110 °C.

Il-kamra tibda tissaħħan minn qabel: perjodu minimu 15-il minuta.

10 kwantitajiet ta’ 10 g jintiżnu.

Il-forn jimtela’.

Il-kampjuni jitnixxfu għal 50 minuta.

Il-piżijiet biex jiġi stabbilit il-kontenut gross ta’ l-umdità jinqraw.

C. Ċ. Metodi oħra

L-Istati Membri jistgħu jużaw metodi oħra ta’ kejl, ibbażati b’mod partikolari fuq dak li tistabbilixxi r-reżistenza elettrika jew il-proprjetajiet dielektriċi tal-lott involut, bil-kondizzjoni li r-riżultati jkunu kalibrati fuq il-bażi ta’ stħarriġ ta’ kampjun rappreżentattiv bl-użu ta’ wieħed mill-metodi msemmija f’A u B.

II. TEĦID TA’ KAMPJUNI

Din li ġejja hija l-proċedura li għandha tiġi segwita għat-teħid ta’ kampjuni ta’ weraq tat-tabakk biex jiġi stabbilit il-kontenut ta’ umdità bl-użu ta’ wieħed mill-metodi msemmija f’I.A u B:

1. Għażla ta’ kampjuni

Agħżel minn kull qatta numru ta’ weraq proporzjonat mal-piż tagħha. In-numru ta’ weraq magħżula għandhom ikunu biżżejjed li jkunu jirrappreżentaw sewwa l-qatta kollha.

Il-kampjun għandu jkun fih kwantità ugwali ta’ weraq minn naħa ta’ barra tal-qatta, weraq min-nofs u weraq mill-pożizzjoni ta’ bejn dawn.

2. Omoġenizzazzjoni

Il-weraq kollha magħżula jiġu mħallta flimkien f’borża tal-plastik u ftit kilogrammi minnhom jiġu mqatta’ biċċiet (wisgħa ta’ tqattigħ 0,4 sa 2mm).

3. Sotto teħid ta’ kampjuni

Wara t-tqattigħ, ħallat il-weraq imqatta’ sewwa u ħu kampjun rappreżentattiv.

4. Kejl

Il-kejl għandu jsir fuq dan il-kampjun ridott kollu u jridu jittieħdu prekawzjonijiet sabiex jiġi żgurat:

- li ebda varjazzjoni fil-kontenut ta’ l-umdità ma sseħħ (borża jew kontenitur li ma jippermettux li jidħlu l-arja u l-ilma).

- l-omoġeneità tal-kampjun ma tkunx affettwata mill-qagħad ta’ l-iskart.

III. LIVELLI TAL-KAMPJUNI U L-FREKWENZA U L-METODU BIEX JIĠI KKALKULAT IL-PIŻ AĠĠUSTAT

- in-numru ta’ kampjuni li għandhom jittieħdu biex jiġi stabbilit il-kontenut ta’ umdità tat-tabakk mhux maħdum għandu jkun ugwali ta’ l-anqas għal tlieta għal kull produttur għal kull kunsinna għal kull grupp ta’ varjeta. Il-produtturi u l-ewwel proċessuri jistgħu jitolbu mal-kunsinna li n-numru ta’ kampjuni meħuda jiżdiedu,

- il-piż tat-tabakk ikkunsinnat għal kull grupp ta’ varjetà matul l-istess ġurnata għandu jiġi aġġustat skond il-medja tal-kontenut ta’ umdità mkejla. Jekk il-medja tal-kontenut ta’ umdita tkun anqas minn punt wieħed ogħla jew inqas milll-kontenut ta’ umdità ta’ referenza, il-piż tat-tabakk eliġibbli għall-premju m’għandux ikun aġġustat,

- il-piż aġġustat huwa: il-piż nett totali tat-tabakk ikkunsinnat minn kull grupp ta’ varjetajiet matul l-istess ġurnata x (100 ± il-medja tal-kontenut ta’ l-umdità)/(100 ± il-kontentut ta’ umdità ta’ referenza għall-varjetà in kwestjoni). Il-medja tal-kontenut ta’ umdità għandha tkun numru sħiħ mogħti billi tnaqqas għad-deċimali bejn 0.01 u o.49 u żżid għal deċimali bejn 0.50 u 0.99.

--------------------------------------------------

Top