This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 31994R1275
Council Regulation (EC) No 1275/94 of 30 May 1994 on adjustments to the arrangements in the fisheries chapters of the Act of Accession of Spain and Portugal
Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1275/94 tat-30 ta' Mejju 1994 dwar aġġustamenti għall-arranġamenti fil-kapitli dwar is-sajd fl-Att ta' l-Adeżjoni ta' Spanja u l-Portugall
Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1275/94 tat-30 ta' Mejju 1994 dwar aġġustamenti għall-arranġamenti fil-kapitli dwar is-sajd fl-Att ta' l-Adeżjoni ta' Spanja u l-Portugall
ĠU L 140, 3.6.1994, p. 1–2
(ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT) Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali
(FI, SV, CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO)
No longer in force, Date of end of validity: 18/06/2009; Imħassar b' 32009R0492
Official Journal L 140 , 03/06/1994 P. 0001 - 0002
Finnish special edition: Chapter 4 Volume 6 P. 0069
Swedish special edition: Chapter 4 Volume 6 P. 0069
Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1275/94 tat-30 ta' Mejju 1994 dwar aġġustamenti għall-arranġamenti fil-kapitli dwar is-sajd fl-Att ta' l-Adeżjoni ta' Spanja u l-Portugall IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 43 tiegħu, Wara li kkunsidra l-Artikoli 162 u 350 ta' l-Att ta' Adeżjoni ta' Spanja u l-Portugall, Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni [1], Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2], Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [3], Billi l-Artikoli 162 u 350 ta' l-Att ta' Adeżjoni jiddisponu li, fuq il-bażi ta' rapport mibgħut mill-Kummissjoni lill-Kunsill dwar is-sitwazzjoni u l-prospetti li jikkonċernaw is-sajd fil-Komunità, kull aġġustamenti fis-settur tas-sajd li jkun hemm bżonnhom u li jridu jidħlu fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 1996 għandhom jiġu adottati qabel il-31 ta' Diċembru 1993; Billi l-prinċipji li fuqhom għandhom jiġu bażati l-aġġustamenti fuq livell ta' Komunità għandhom jiġu preskritti, sabiex l-Istati Membri ikunu jistgħu jiżguraw l-implimentazzjoni tagħhom; Billi d-diposizzjonijiet il-ġodda jridu jagħmlu possibbli l-integrazzjoni sħiħa ta' Spanja u l-Portugall fl-iskema ġenerali tal-politika komuni tas-sajd u jridu jkunu totalment konformi ma' l-acquis communautaire, b'mod partikolari dwar il-prinċipji ta' stabbilità relattiva u l-eċċezzjonijiet għall-prinċipju ta' aċċess liberu għall-ibħra kif preskritt fir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3760/92 ta' l-20 ta' Diċembru 1992 li jistabbilixxi sistema fil-Komunità għas-sajd u l-akwakultura [4]; Billi, biex jiġi evitat ir-riskju ta' disturb tal-bilanċi kurrenti fiż-żoni u r-riżorsi konċernati u għal raġunijiet ta' sigurtà legali, hu essenzjali li l-aċċess liberu għall-bastimenti kollha tas-sajd tal-Komunità għal ibħra li jaqgħu taħt is-sovranità u l-ġurisdizzjoni ta' l-Istati Membri ikun akkumpanjat bid-dħul fis-seħħ fl-istess ħin ta' miżuri tal-Komunità li jippreskrivu l-kondizzjonijiet li taħthom jingħata l-aċċess għaż-żoni u r-riżorsi; billi jirriżulta li d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 2 u 3 ta' dan ir-Regolament iridu jidħlu fis-seħħ flimkien; billi aċċess għal ibħra irid ikun akkumpanjat minn sorveljanza tal-kapaċità għas-sajd li tkun tintuża, biex ikun żgurat li l-mezzi in kwistjoni ikunu adattati għar-riżorsi disponibbli; Billi dawn l-aġġustamenti ma jridux jinvolvu żieda fil-livelli ġenerali ta' l-isforz għas-sajd eżistenti għal kull diviżjoni ta' l-ICES u l-CECAF u lanqas ma jridu jaffettwaw ir-riżorsi suġġetti għal restrizzjonijiet ta' qbid; Billi hu essenzali li jinżamm il-bilanċ tar-riżorsi f'żoni sensittivi ħafna bħal m'hi dik li qiegħda fin-nofsinhar tal-latitudni tramuntana 56o30′ T, lvant tal-lonġitudni 12o P u t-tramuntana tal-latitudni 50o30′ T, diviżjoni X ta' l-ICES lejn it-tramuntana ta' 36o30′ T u ż-żona CECAF lejn it-tramuntana ta' 31o T u fit-tramuntana ta' dak il-parallel għal-lvant ta' 17o30′ P; billi s-sensittività ta' dawn iż-żoni titlob monitoraġġ sew ta' l-iżvilupp ta' l-isforz għas-sajd li jintuża u ta' l-istat tar-riżorsi biex ikunu jistgħu jittieħdu l-miżuri meħtieġa, fejn xieraq, biex ikun priservat il-bilanċ: Billi l-aġġustamenti jridu jqisu, fuq bażi ta' każ każ, il-kondizzjonijiet ġeografiċi, ġeomorfoloġiċi u bijoloġiċi ta' kull reġjun marittimu tal-Komunità biex ikun jista' jikkontribwixxi għad-dħul ta' sajd b'responsabbiltà u għall-priservazzjoni tal-ħtiġijiet individwali ta' reġjuni fejn l-iżvilupp soċjo-ekonomiku tal-popolazzjoni lokali ikun jiddependi partikolarment mill-industriji tas-sajd u dawk relatati magħhom; Billi l-bilanċ ta' relazzjonijiet kontrattwali fis-sajd ma' ċerti pajjiżi terzi għandu jibqa' priservat; Billi hu meħtieġ li jkun implimentat kontroll effettiv li jiggarantixxi konformità sħiħa ma' miżuri tal-Komunità dwar dan is-suġġett, ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT: Artikolu 1 B'effett mill-1 ta' Jannar 1996, l-arranġamenti dwar l-aċċess għal ibħra u riżorsi preskritti fl-Artikoli 156 sa 166 u 347 sa 353 ta' l-Att ta' Adeżjoni ta' Spanja u l-Portugall għandhom jiġu aġġustati u inkorporati fil-miżuri tal-Komunità previsti fl-Artikoli 3 u 4 ta' dan ir-Regolament, li japplikaw għall-bastimenti kollha tal-Komunità, skond l-Artikoli li jsegwu. Artikolu 2 1. Id-dispożizzjonijiet dwar is-sistema ta' listi bażiċi u perjodiċi u aċċess għal żoni preskritti fl-Att ta' Adeżjoni jew fl-implimentazzjoni tiegħu għandhom jiġu mħassra. Bla ħsara għall-Artikoli 6 u 7 tar-Regolament (KEE) Nru 3760/92, il-bastimenti tas-sajd kollha tal-Komunità għandu jkollhom aċċess liberu għal ibħra li jaqgħu taħt is-sovranità jew fil-ġurisdizzjoni ta' l-Istati Membri. 2. Id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1 għandhom jidħlu fis-seħħ, għaż-żoni u r-riżorsi msemmija fl-Artikolu3, fid-data tad-dħul fis-seħħ tal-miżuri tal-Komunità adottati mill-Kunsill skond l-Artikolu 3. Għaż-żoni u r-riżorsi msemmija fl-Artikolu 4 għandhom jidħlu fis-seħħ biss meta jiġu adottati miżuri skond l-Artikolu 4. 3. Il-Kummissjoni għandha tibgħat proposti dwar il-miżuri msemmija fl-Artikolu 3 kemm jista' jkun malajr u mhux aktar tard mill-1 ta' Ġunju 1994 u l-Kunsill għandu jieħu azzjoni qabel l-1 ta' Jannar 1995. Artikolu 3 1. Il-Kunsill għandu, skond l-Artikoli 4 u 8 tar-Regolament (KEE) Nru 3760/92, jadotta l-miżuri tal-Komunità li jippreskrivu l-kondizzjonijiet għall-aċċess għaż-żoni u r-riżorsi bla ħsara għar-regoli speċifiċi skond l-Artikoli 156 sa 166 u 347 sa 356 ta' l-Att ta' Adeżjoni. Dawn il-miżuri għandhom jinkludu restrizzjonijiet dwar l-isfruttament. 2. F'konformità mal-prinċipji ġenerali tal-politika komuni tas-sajd u partikolarment l-istabbilità relattiva, il-miżuri msemmija fil-paragrafu 1 iridu jqisu f'kull każ individwali l-iżvilupp ta' possibiltajiet ta' sajd. 3. Il-miżuri msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jikkonformaw mal-prinċipju li ma jkunx hemm żieda fl-isforz għas-sajd li l-livell tiegħu hu preskritt fl-Artikoli 158, 160, 164, 165, 349, 351 u 352 ta' l-Att ta' Adeżjoni.. Għandhom ukoll jiddisponu għal tnaqqis f'dak l-isforz għas-sajd jekk l-iżvilupp tar-riżorsi joħloq il-ħtieġa ta' tnaqqis ġenerali ta' possibiltajiet ta' sajd. Artikolu 4 Għal żoni u riżorsi għajr dawk imsemmija fl-Artikolu 3, bl-eċċezzjoni ta' dawk suġġetti fil-31 ta' Diċembru 1993 għal restrizzjonijiet kwantitattivi fil-qbid, il-Kunsill għandu, biex jitħarsu l-prinċipji ġenerali tal-politika komuni tas-sajd, jadotta skond l-Artikoli 4 u 8 tar-Regolament (KEE) Nru 3760/92 il-miżuri tal-Komunità li jippreskrivu l-kondizzjonijiet dwar aċċess, inklużi restrizzjonijiet dwar l-isfruttament, waqt li jieħu f'konsiderazzjoni l-attivitajiet tas-sajd waqt perjodu reċenti u rappreżentattiv. Artikolu 5 Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej. Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha. Magħmul fi Brussel, 30 ta' Mejju 1994. Għall-Kunsill Il-President G. Moraitis [1] ĠU C 321, tas-27.11.1993, p. 14; u ĠU C 92, tad-29.3.1994, p. 1. [2] ĠU C 20, ta' l-24.1.1994. [3] ĠU C 34, tat-2.2.1994, p. 72. [4] ĠU L 389, tal-31.12.1992, p. 1. --------------------------------------------------