Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31993R2019

    Ir-Regolament tal-Kunsill (EEC) Nru 2019/93 tad-19 Lulju 1993 li jintroduċi miżuri speċifiċi għall-Gżejjer Aegean iż-żgħar rigward ċerti prodotti agrikoli

    ĠU L 184, 27.7.1993, p. 1–7 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (FI, SV, CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2006; Imħassar b' 32006R1405

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1993/2019/oj

    31993R2019



    Official Journal L 184 , 27/07/1993 P. 0001 - 0007
    Finnish special edition: Chapter 3 Volume 51 P. 0058
    Swedish special edition: Chapter 3 Volume 51 P. 0058


    Ir-Regolament tal-Kunsill (EEC) Nru 2019/93

    tad-19 Lulju 1993

    li jintroduċi miżuri speċifiċi għall-Gżejjer Aegean iż-żgħar rigward ċerti prodotti agrikoli

    IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 42 u 43 tiegħu,

    Wara li kkunsidra il-propsta mill-Kummissjoni [1],

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2],

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [3],

    Billi l-Kunsill Ewropew, meta ltaqa’ f’Rodi fit-2 u t-3 ta’ Diċembru 1988, rrikonoxxa l-problemi speċifiċi socjo-ekonomiċi esperjenzjati minn ċerti reġjuni gżejjer fil-Komunità; billi għandhom jiġu mplimentati miżuri sabiex jirrispondu għal dawn il-problemi speċifiċi;

    Billi s-sitwazzjoni ġeografika eċċezzjonali fil-gżejjer Aegean fir-rigward tal-fonti ta’ fornitura ta’ ikel u prodotti agrikoli essenzjali għall-konsum ta’ kuljum jew produzzjoni agrikola fuq il-gżejjer Aegean timponi spejjeż li jikkostitwixxu piż serju fuq is-setturi kkonċernati; billi dan il-piż naturali jista’ jiġi paċut bl-introduzzjoni ta’ arranġamenti speċifiċi ta’ fornitura għal prodotti bażiċi essenzjali;

    Billi l-kwantitajiet ta’ prodotti li jibbenefikaw mill-arranġamenti speċifiċi ta’ fornitura għandhom jiġu determinati fil-kwadru ta’ bilanċi mbassra ta’ fornitura li jistgħu jiġu aġġustati matul is-sena fuq il-bażi tal-ħtiġiet essenzjali tas-suq lokali waqt li jittieħed kont tal-produzzjoni lokali; billi, minħabba l-miżuri addottati sabiex jiġi inkoraġġit l-iżvilupp tal-produzzjoni lokali, dawn l-arranġamenti għandhom jiġu applikati fis-settur tal-frott u tal-ħxejjex matul perjodu ta’ ħames snin u fuq bażi ta’ tnaqqis;

    Billi l-arranġamenti in kwistjoni huma maħsuba biex inaqqsu l-ispejjeż ta’ produzzjoni u l-prezzijiet tal-konsumatur; billi għandu għalhekk isir monitoraġġ fuq l-impatt attwali tagħhom;

    Billi, sabiex tiġi evitata kwalunkwe distorzjoni tal-kummerċ, il-prodotti koperti bl-arranġamenti speċifiċi ta’ fornitura ma jistgħux jerġgħu jinbagħtu f’partijiet oħra tal-Komunità jew ri-esportati lejn pajjiżi terzi;

    Billi ġestjoni u sistema ta’ kontroll addattati u effettivi għandhom jiġu stabbiliti għall-implimentazzjoni ta’ l-arranġamenti;

    Billi l-kondizzjonijiet speċifiċi ta’ l-agrikoltura fil-gżejjer Aegean jeħtieġu attenzjoni speċjali; billi huma neċessarji miżuri kemm għall-allevament u prodotti ta’ l-annimali kif ukoll għal-prodotti ta’ l-uċuh;

    Billi, għall-promozzjoni ta’ l-iżvilupp ta’ l-allevament tradizzjonali fuq il-gżejjer, għandhom jingħataw premiums addizzjonali għas-simna ta’ annimali bovini rġiel u għaż-żamma ta’ baqar li jreddgħu u għajnuna għall-ħażna privata għandha tingħata għal ġobnijiet tradizzjonalment fabbrikati f’dawn il-gżejjer;

    Billi għandhom jittieħdu miżuri fis-settur tal-frott u l-ħxejjex u t-tkabbir tal-fjuri sabiex isostnu u jżidu l-produzzjoni u jtejjbu l-produttività tar-razzett u l-kwalità tal-prodott;

    Billi għandhom ukoll jittieħdu miżuri biex isostnu l-produzzjoni ta’ patata għall-konsum uman u taż-żerriegħa tal-patata;

    Billi sabiex tiġi sostnuta l-vitikultura tradizzjonali fuq dawn il-gżejjer, għandha tingħata għajnuna għad-dwieli li jipproduċu nbejjed ta’ kwalità psr li jissodisfaw il-ħtiġiet stabbiliti f’regoli Komunitarji u jiffurmaw parti ta’ programm ta’ titjib fil-kwalità;

    Billi, sabiex jiġu sostnut u nkorraġġit titjib fil-kwalità fil-produzzjoni lokali ta’ nbejjed likuri ta’ kwalità psr, għandha tingħata għajnuna biex tpaċi l-ispejjeż tal-ħażna għall-maturazzjoni ta’ dawn il-prodotti;

    Billi, sabiex jiġi megħjun l-appoġġ għat-tkabbir tradizzjonali taż-żebbuġ fuq il-gżejjer u sabiex jinżamm il-potenzjal tal-produzzjoni u sabiex tiġi ppriżervata l-kampanja u l-ambjent naturali, għajnuna għal kull ettaru għandha tingħata, sakemm l-imsaġar taż-żebbuġ jinżammu b’mod li jiggarantixxi produzzjoni regolari;

    Billi t-trobbija tan-naħal hija settur marbut maż-żamma tal flora mportanti u fraġili fil-gżejjer Aegean waqt li fl-istess ħin tipprovdi lill-abitanti bi dħul addizzjonali; billi, għalhekk, dik l-attività tradizzjonali għandha tkun appoġġata permezz ta’ għoti ta’ għajnuna biex tgħin fit-tnaqqis ta’ l-ispejjeż għolja ta’ produzzjoni; billi dik l-għajnuna għandha tingħata bħala parti mill-inizjattivi għat-titjib tal-kondizzjonijiet tas-suq għall-għasel li għandhom jitwettqu minn assoċjazzjonijiet ta’ produtturi; billi, f’antiċipazzjoni ta’ l-istabbiliment ta’ dawn l-assoċjazzjonijiet, ammont limitat ta’ għajnuna għandu jiġi allokat lill-produtturi kollha ta’ l-għasel għall-perjodu ristrett;

    Billi l-irziezet fuq il-gżejjer Aegean jippreżentaw djufija strutturali maġġuri li minnha jirriżultaw diffikultajiet speċifiċi; billi numru ta’ derogi huma għalhekk neċessarji biex jiffurmaw ir-regoli li jirrestrinġu jew jipprojbixxu l-għoti ta’ ċerti forom ta’ għajnuna strutturali;

    Billi ċerti miżuri strutturali essenzjali għall-iżvilupp ta’ l-agrikoltura fuq il-gżejjer Aegean in kwistjoni huma ffinanzjati taħt kwadri Komunitarji ta’ sostenn sabiex jippromwovu l-iżvilupp u l-aġġustament strutturali ta’ reġjuni li l-iżvilupp tagħhom waqa’ lura (mira 1) skond l-Artikoli 130a u 130ċ tat-Trattat;

    Billi l-problemi esperjenzati mill-gżejjer Aegean huma aċċentwati bin-nuqqas ta’ daqs tal-gżejjer; billi, sabiex jiġu diretti l-prijoritajiet u tiġi garantita l-effettività tal-miżuri maħsuba, dawn għandhom jiġu applikati biss lil gżejjer b’popolazzjonijiet li ma jaqbżux il-100000 abitant, magħrufa bħala l-‘gżejjer iż-żgħar’,

    ADDOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Dan ir-Regolament jistabilixxi miżuri speċifiċi biex jirrimedjaw, fir-rigward ta’ ċerti prodotti agrikoli u mezzi ta’ produzzjoni agrikola, id-diffikultajiet ikkawżati min-natura remota u insulari tal-gżejjer Aegean iż-żgħar, hawnhekk iżjed il-quddiem magħrufa bħala ‘l-gżejjer iż-żgħar’.

    Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament ‘il-gżejjer iż-żgħar’ huma kwalunkwe gżira fil-Baħar Aegean li l-popolazzjoni permanenti tagħha ma teċċedix il-100000 abitant.

    It-TITOLU I Arranġamenti speċifiċi ta’ fornitura

    Artikolu 2

    Għal kull sena kalendarja, bilanċi mbassra ta’ fornitura għandhom jiġu stabbiliti għall-prodotti agrikoli neċessarji għall-konsum uman u għall-mezzi bażiċi meħtieġa għall-produzzjoni agrikola elenkata fl-Anness hawn mehmuż. Dawn il-bilanċi jistgħu jiġu riveduti kull sena fuq il-bażi tax-xejriet fil-ħtiġiet tal-gżejjer iż-żgħar.

    Artikolu 3

    1. Taħt l-arranġamenti msemmija f’dan it-Titolu, għandhom jingħataw għajnuniet għall-fornitura lill-gżejjer iż-żgħar tal-prodotti elenkati fl-Anness hawn mehmuż, b’kont partikolari tal-ħtiġiet speċifiċi ta’ dawk il-gżejjer u, meta l-prodotti jkunu ikel, il-ħtiġiet preċiżi tal-kwalità u dawk kwantitattivi. L-arranġamenti ta’ fornitura għandhom jiġu mplimentati b’tali mod li ma jfixklux l-iżvilupp potenzjali tal-prodotti lokali.

    2. L-għajnuna għandha tiġi ffissata bħala somma grossa għal kull grupp ta’ gżejjer fuq il-bażi ta’ l-ispejjez tat-tqegħid fis-suq kalkolati mill-portijiet tal-kontinent tal-Greċja li minnhom normalment jintbagħtu l-fornituri.

    Għajnuna għal frott u ħxejjex għandha titħallas għall-perjodu ta’ ħames snin mill-1993. L-għajnuna għall-1994, 1995, 1996 u 1997 għandha tiġi ffissata fi 80 %, 60 %, 40 % u 20 % rispettivament ta’ l-ammont applikabbli fl-1993.

    90 % ta’ l-ammont ta’ għajnuna għandu jiġi ffinanzjat mill-Komunità u 10 % mill-Istati Membri in kwistjoni.

    3. Kondizzjoni għall-benefiċċju mill-arranġamenti għandha tkun dik li l-vantaġġi jkunu attwalment mgħoddija lill-utent aħħari.

    4. Il-prodotti koperti bl-arranġamenti speċifiċi ta’ fornitura previsti f’dan it-Titolu ma jistgħux jiġu ri-esportati lil pajjiżi terzi jew jerġgħu jintbagħtu lill-bqija tal-Komunità.

    5. Prodotti koperti bl-arranġamenti speċifiċi ta’ fornitura u prodotti proċessati minnhom m’għandhomx ikunu eliġibbli għal rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni mill-gżejjer iż-żgħar.

    Artikolu 4

    Regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ dan it-Titolu għandhom jiġu addottati skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 23 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1766/92 tat-30 ta’ Ġunju 1992 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq fiċ-ċereali [4] jew l-Artikoli li jikkorrispondu tar-regolamenti dwar l-organizzjoni komuni tas-swieq fis-setturi kkonċernati.

    Għandhom ikopru b’mod partikolari:

    - id-determinazzjoni tal-kwantitajiet ta’ prodotti koperti bl-arranġamenti ta’ fornitura,

    - l-ammonti ta’ għajnuna,

    - id-dispożizzjonijiet għall-assigurazzjoni ta’ monitoraġġ effettiv u li l-vantaġġi jkunu attwallment mgħoddija lill-utent aħħari.

    It-TITOLU II Miżuri għas-sostenn ta’ prodotti lokali

    Artikolu 5

    L-għajnuniet previsti f’dan it-Titolu għandhom jingħataw għas-sostenn ta’ attivitajiet tradizzjonali, titjib fil-kwalità ta’ u l-iżvilupp ta’ prodotti lokali skond il-ħtiġiet tas-swieq fuq il-gżejjer in kwistjoni u għar-rivitalizzazzjoni ta’ ċerti attivitajiet agrikoli li huma vokazzjoni tradizzjonali u naturali fuq il-gżejjer in kwistjoni.

    Artikolu 6

    1. L-għajnuniet li ġejjin għandhom jingħataw lis-settur ta’ l-allevament:

    - għajnuna għat-tismin ta’ annimali bovini maskili, li għandha tirrappreżenta suppliment ta’ 40 ECU kull ras għall-premium speċjali previst fl-Artikolu 4b tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 805/68 tas-27 ta’ Ġunju 1968 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq fiċ-ċanga u l-vitella [5]; is-suppliment jista’ jingħata fir-rigward ta’ annimal ta’ piż minimu li għandu jiġi determinat skond il-proċedura prevista fil-paragrafu 3,

    - suppliment għall-premium għall-manutenzjoni ta’ baqar li jreddgħu previst fl-Artikolu 4d tar-Regolament (KEE) Nru 805/68, li għandu jitħallas lil produtturi taċ-ċanga u l-vitella; l-ammont ta’ dan is-suppliment għandu jkun 40 ECU għal kull baqra li tredda’ miżmum mill-produttur fil-jum li fih tintbagħat l-applikazzjoni sa massimu ta’ 40 ras għal kull azjenda.

    2. L-għajnuna għandha tingħata għall-ħażna privata ta’ ġobnijiet iffabbrikati lokalment:

    - Feta, mill-inqas xahrejn,

    - Graviera, ta’ mill-inqas tlett xhur,

    - Ladotyri, ta’ mill-inqas tlett xhur,

    - Kefalograviera, ta’ mill-inqas tlett xhur.

    L-ammont ta’ għajnuna għandu jiġi iffissat skond il-proċedura msemmija fil-paragrafu 3.

    3. Il-Kummissjoni għandha taddotta regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu, inklużi dispożizzjonijiet ta’ kontroll, skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 30 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 804/68 tas-27 ta’ Ġunju 1968 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq fil-ħalib u prodotti tal-ħalib [6] jew dik stabbilita fl-Artikolu 27 tar-Regolament (KEE) Nru 805/68, skond il-każ.

    Artikolu 7

    1. Għajnuna għal kull ettaru għandha tingħata lil produtturi u gruppi ta’ produtturi u organizzazzjonijiet rikonoxxuti skond l-Artikolu 13 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1035/72 tat-18 Mejju 1972 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq fil-frott u l-ħxejjex [7] u r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1360/78 tad-19 ta’ Ġunju 1978 dwar gruppi ta’ produtturi u l-assoċjazzjonijiet tagħhom [8] rispettivament li jintrabtu li jwettqu programm ta’ inizjattivi, approvat mill-awtoritajiet kompetenti, bl-iskop ta’ l-iżvilupp u/jew id-diversifikazzjoni tal-produzzjoni u/jew it-titjib fil-kwalità tal- frott, ħxejjex u fjuri elenkati fil-Kapitoli 6, 7 u 8 tan-nomenklatura kkombinata. L-inizzjattivi eliġibbli għandhom ifittxu b’mod partikolari li jiżviluppaw il-produzzjoni u l-kwalità tal-prodott, partikolarment permezz tal-konverżjoni tal-varjetà u titjib fl-uċuh. Dawn l-inizjattivi għandhom jiffurmaw parti ntegrali tal-programmi mwettqa tul ta’ l-anqas tlett snin.

    L-għajnuna għandha tingħata għal programmi li jkopru arja minima ta’ 0,3 ettari.

    2. L-ammont ta’ għajnuna Komunitarja għandu jkun massimu ta’ 500 ECU/ha jekk l-Istat Membru jipprovdi finanzjar uffiċċjali ta’ mill-anqas 300 ECU/ha u l-kontribuzzjoni tal-produttur individwali jew tal-grupp tkun tammonta għal ta’ l-anqas 200 ECU/ha. Jekk il-kontribuzzjonijiet ta’ l-Istat Membru u/jew tal-produtturi jkunu anqas mill-ammonti speċifikati, l-għajnuna Komunitarja għandha titnaqqas proporzjonalment.

    L-għajnuna għandha titħallas kull sena ta’ l-esekuzzjoni tal-programm, għall-perjodu li ma jeċċedix it-tlett snin.

    3. L-għajnuna għandha tiżdied b’100 ECU/ha meta l-programm ta’ inizjattivi jintbagħat u jitwettaq minn grupp jew organizzazzjoni ta’ produtturi u meta, għall-implimentazzjoni tiegħu, rikors għall-għajnuna teknika jkun maħsub. L-għajnuna addizzjonali għandha tingħata fir-rigward ta’ programmi li jinvolvu arja minima ta’ 2 ha.

    4. Dan l-Artikolu m’għandux japplika għall-produzzjoni ta’ patata għall-konsum uman li taqa’ fil-kodiċi NM 07019051, 07019059 u 07019090 jew il-produzzjoni ta’ patata taż-żriegħ li taqa’ fil-kodiċi NM 07011000, lanqas għall-produzzjoni ta’ tadam li jaqa’ fil-kodiċi NM 0702.

    5. Regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu, inklużi dispożizzjonijiet ta’ kontroll, għandhom jiġu adottati skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 33 tar-Regolament (KEE) Nru 1035/72 [9].

    Artikolu 8

    1. Għajnuna għal kull ettaru għandha tingħata kull sena għall-koltivazzjoni ta’ patata għall-konsum uman li taqa’ fil-kodiċi NM 07019051, 07019059 u 07019090 u għall-koltivazzjoni ta’ patata taż-żriegħ li taqa’ fil-kodiċi NM 07011000.

    L-għajnuna għandha titħallas fir-rigward ta’ arji koltivati u maħsuda sa massimu ta’ 3200 ha kull sena.

    2. L-ammont ta’ għajnuna annwali għandu jkun ta’ 500 ECU/ha.

    3. Regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu, inklużi dispożizzjonijiet ta’ kontroll, għandhom jiġu adottati skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 11 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2358/71 tas-26 ta’ Ottubru 1971 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq fiż-żrieragħ.

    Artikolu 9

    1. Għajnuna uniformi għal kull ettaru għandha tingħata għall-koltivazzjoni kontinwa ta’ dwieli u għall-produzzjoni ta’ nbejjed ta’ kwalità psr fiż-żoni tradizzjonali tat-tkabbir ta’ l-inbid.

    L-għajnuna għandha titħallas fir-rigward ta’ l-arji:

    (a) miżrugħa b’varjetajiet inklużi fil-lista ta’ varjetajiet ta’ dielja adattati għall-produzzjoni ta’ kull wieħed mill-inbejjed ta’ kwalità psr prodott li jappartjenu għall-kategoriji rakkomandati jew awtorizzati msemmija fl-Artikolu 13 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 822/87 tas-16 ta’ Marzu 1987 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq fl-inbid [10];

    (b) u li fuqhom il-produzzjoni kull ettaru tkun taħt il-limitu massimu ffissat mill-Istat Membru, espress fi kwantitajiet ta’ għeneb, most ta’ l-egħneb jew inbid, bla ħsara għall-kondizzjonijiet ta’ l-Artikolu 11 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 823/87 tas-16 ta’ Marzu 1987 li jistabilixxi dispożizzjonijiet speċjali li jirrelataw għal inbejjed ta’ kwalità prodotti f’reġjuni speċifiċi [11]

    2. L-għajnuna għandha tammonta għal 400 ECU/ha. Mis-sena ta’ l-inbid 1997/98, l-għajnuna għandha tingħata esklussivament lil gruppi jew organizzazzjonijiet ta’ produtturi li jibdew miżura għat-titjib tal-kwalità ta’ l-inbejjed prodotti skond programm approvat mill-awtoritajiet kompetenti; il-programm għandu jinkludi b’mod partikolari l-mezzi għat-titjib tal-vinifikazzjoni, il-ħażna u l-kondizzjonijiet ta’ distribuzzjoni.

    3. L-Artikoli 32, 34, 38, 39, 41, 42 u 46 tar-Regolament (KEE) Nru 822/87 u tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1442/88 ta’ l-24 ta’ Mejju 1988 dwar l-għoti, għas-snin ta’ l-inbid 1988/89 sa 1995/96, ta’ premiums permanenti ta’ abbandun fir-rigward ta’ żoni tat-tkabbir ta’ l-inbid [12] m’għandhomx japplikaw għal arji jew għal prodotti ottenuti minn arji li fir-rigward tagħhom titħallas l-għajnuna msemmija fil-paragrafu 1.

    4. Regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu għandhom jiġu adottati, kif neċessarju, skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 83 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 822/87. Għandhom jikkonċernaw b’mod partikolari il-kondizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-programm imsemmi fil-paragrafu 2 u għad-dispożizzjonijiet ta’ kontroll.

    Artikolu 10

    1. L-għajnuna għandha tingħata għall-immaturar ta’ nbejjed likuri ta’ kwalità prodotti lokalment b’mod tradizzjonali li jinvolvu proċess ta’ maturazzjoni ta’ mhux anqas minn sentejn. L-għajnuna għandha titħallas matul it-tieni sena tal-maturazzjoni sa kwantità massima ta’ 40000 hl kull sena.

    L-ammont ta’ għajnuna għandu jiġi stabbilit f’0,02 ECU/hl kuljum.

    2. Regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu għandhom jiġu adottati, kif neċessarju, skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 83 tar-Regolament (KEE) Nru 822/87.

    Artikolu 11

    1. Għajnuna uniformi annwali għal kull ettaru għandha tingħata għall-manutenzjoni ta’ msaġar taż-żebbuġ f’żoni tradizzjonali tat-tkabbir taż-żebbuġ, sakemm dawk l-imsaġar taż-żebbuġ jinżammu u jiġu mantnuti f’kondizzjonijiet tajba ta’ produzzjoni.

    L-ammont ta’ għajnuna għandu jkun ta’ 120 ECU/ha.

    2. Regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu għandhom jiġu adottati skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 38 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 136/66 tat-22 ta’ Settembru 1966 dwar l-istabbiliment ta’ organizzazzjoni komuni fiż-żjut u x-xaħmijiet [13]. B’mod partikolari għandhom jiffissaw il-kondizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ l-arranġamenti ta’ għajnuna msemmija fil-paragrafu 1, il-kondizzjonijiet għaż-żamma adattata ta’ l-imsaġar taż-żebbuġ u d-dispożizzjonijiet ta’ kontroll.

    Artikolu 12

    1. L-għajnuna għandha tingħata għall-produzzjoni ta’ għasel ta’ kwalità speċifiku għall-gżejjer Aegean li jkun fih proporzjon kbir ta’ għasel tas-sagħtar.

    L-għajnuna għandha titħallas lill-gruppi ta’ produtturi ta’ l-għasel, rikonoxxuti skond ir-Regolament (KEE) Nru 1360/78 abbażi tan-numru ta’ xhediet irreġistrati ta’ produzzjoni, li jintrabtu li jimplimentaw programmi annwali ta’ inizjattivi maħsuba sabiex itejjbu l-kondizzjonijiet li taħthom l-għasel ta’ kwalità jitqiegħed fis-suq u jiġi promoss.

    L-ammont ta’ għajnuna għandu jkun iffissat f’10 ECU għal kull xeheda ta’ produzzjoni rreġistrata kull sena.

    2. Għal perjodu transitorju ta’ massimu ta’ sentejn bl-iskop ta’ l-istabbiliment u r-rikonoxximent tal-gruppi msemmija fil-paragrafu 1, l-għajnuna għandha titħallas lil kull persuna li żżomm in-naħal u jkollha ta’ l-anqas 10 xhediet ta’ produzzjoni.

    Għal dan il-każ partikolari, l-ammont ta’ għajnuna għandu jkun iffissat f’7 ECU għal kull xheda ta’ produzzjoni rreġistrata.

    3. L-għajnuna msemmija fi-paragrafi 1 u 2 għandha tingħata għal massimu ta’ 50000 u 100000 xeheda fis-sena rispettivament.

    4. Regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu, inklużi dispożizzjonijiet ta’ kontroll, meta neċessarju, għandhom jiġu adottati skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 17 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2771/75 tad-29 ta’ Ottubru 1975 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-bajd [14].

    It-TITOLU III Derogi applikabbli għal miżuri strutturali

    Artikolu 13

    1. Minkejja l-Artikoli 5, 6, 7, 10 u 19 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2328/91 tal-15 ta’ Lulju 1991 dwar it-titjib fl-effiċjenza ta’ strutturi agrikoli [15], għajnuna ta’ nvestiment għal ażjendi agrikoli fuq il-gżejjer Aegean in kwistjoni għandha tingħata taħt il-kondizzjonijiet li ġejjin:

    (a) minkejja l-Artikolu 5(1)(a), l-iskema ta’ għajnuna ta’ nvestiment prevista fl-Artikoli 5 sa 9 tar-Regolament imsemmi hawn fuq tista’ tiġi applikata fuq il-gżejjer Aegean in kwistjoni għall-bdiewa li, għalkemm ma jipprattikawx il-biedja bħala l-attività prinċipali tagħhom, jottjenu mill-anqas 25 % tad-dħul tagħhom minn xogħol tal-biedja mwettaq fl-ażjenda u li l-ażjenda tagħhom ma teħtieġx l-ekwivalenti ta’ aktar minn MWU wieħed, sakemm l-investimenti maħsuba ma jeċċedix 25000 ECU. Bl-eċċezzjoni ta’ speċjalitajiet lokali il-produzzjoni kollha ta’l-ikel għandha tkun ristretta għall-konsum lokali;

    (b) l-awtorizzazzjoni li tikkonċerna ż-żamma ta’ kontijiet simplifikati previsti fl-Artikolu 5(1)(d) għandha tapplika;

    (ċ) il-produzzjoni tal-majjali fuq azjendi tal-familja m’għandhiex tkun soġġetta għall-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 6(4); madankollu, l-kondizzjonijiet imsemmija fl-aħħar subparagrafu ta’ dak il-paragrafu li, mat-tlestija tal-pjan, ta’ l-anqas l-ekwivalenti ta’ 35 % tal-kwantità ta’ l-għalf ikkunsmat mill-majjali jista’ jiġi prodott fl-ażjenda għandha tiġi sostitwita b’figura ta’ 10 %;

    (d) fir-rigward tal-produzzjoni tal-bajd u t-tjur, il-projbizzjoni msemmija fl-Artikolu 6(6) m’għandhiex tapplika għal irziezet tal-familja;

    (e) minkejja l-Artikolu 7(2)(a) u (b), il-valur massimu ta’ għajnuna ta’ nvestiment għandu jkun ta’ 55 % sew jekk l-investiment ikun f’kapital fiss sew jekk le.

    Id-dispożizzjonijiet f’(ċ), (d) u (e) hawn fuq għandhom japplikaw biss sakemm il-produzzjoni ta’ bhejjem titwettaq f’mod kompatibbli mal-benessri ta’ l-annimali u mal-ħtiġiet ta’ protezzjoni ambjentali u sakemm il-produzzjoni tkun għas-suq domestiku fuq il-gżejjer in kwistjoni.

    2. Fir-rigward ta’ l-istallazzjoni ta’ bdiewa żgħar, il-kondizzjoni prevista fl-aħħar inċiż ta’ l-Artikolu 10(1) tar-Regolament (KEE) Nru 2328/91 m’għandhiex tapplika.

    3. Minkejja l-Artikolu 19(1)(a) tar-Regolament (KEE) Nru 2328/91, fil-każ ta’ biedja tal-bhejjem ta’ l-ifrat, l-ammont ta’ ħlas ta’ kumpens imsemmi fl-Artikolu 17 ta’ dak ir-Regolament jista’ jittella għal 180,5 ECU għal kull LU bla ħsara għal ammont massimu ta’ 3540 ECU għal kull azjenda għall-1993, li għandu jiġi aġġornat bil-proċedura stabbilita fl-Artikolu 29 tar-Regolament (KEE) Nru 4253/88 [16].

    4. Minkejja l-Artikolu 19(1)(b) (iii), il-ħlas ta’ kumpens imsemmi fl-Artikolu 17 tar-Regolament (KEE) Nru 2328/91 jista’ jingħata fuq il-gżejjer għall-uċuh kollha, sakemm ikunu kkoltivati b’mod kompatibbli mal-ħtiġiet ta’ protezzjoni ambjentali u bla ħsara għal ammont massimu ta’ 3540 ECU għal kull azjenda għall-1993, li għandu jiġi aġġornat bil-proċedura stabbilita fl-Artikolu 29 tar-Regolament (KEE) Nru 4253/88.

    B’żieda, il-baqar li l-ħalib tagħhom huwa maħsub għas-suq domestiku tar-reġjun jistgħu jittieħdu in konsiderazzjoni għall-kalkolu tal-ħlas ta’ kumpens fl-arji kollha tar-reġjun speċifikati fl-Artikolu 3(4) u (5) tad-Direttiva tal-Kunsill 75/268/KEE tat-28 ta’ April 1975 dwar il-biedja fuq il-muntanji u l-għoljiet f’ċerti arji anqas iffavoriti [17], sa massimu ta’ 20 unità ta’ bhejjem.

    5. Il-Kummissjoni, skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 29 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4253/88:

    (a) għandha tadotta l-kondizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu;

    (b) tista’ tiddeċiedi, għall-gżejjer iż-żgħar fuq talba ġustifikata mill-awtoritajiet kompetenti, li tidderoga mit-tieni inċiż ta’ l-Artikolu 17(3) ta’ dak ir-Regolament bl-iskop li tawtorizza żieda fir-rata ta’ finanzjar Komunitarju ‘l fuq mill-limitu pprovdut għal investimenti f’ċerti setturi ta’ l-ipproċessar u tat-tqegħid fis-suq ta’ prodotti agrikoli maħsuba biex itejjbu l-livell ta’ għajxien ta’ l-abitanti.

    It-TITOLU IV Dispożizzjonijiet finali

    Artikolu 14

    Il-miżuri previsti fit-Titoli I u II ta’ dan ir-Regolament għandhom jikkostitwixxu miżuri ta’ intervent maħsuba sabiex jistabbilizzaw is-swieq agrikoli fis-sens ta’ l-Artikolu 3(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 729/70 tal-21 ta’ April 1970 dwar l-iffinanzjar tal-politika komuni agrikola [18].

    Artikolu 15

    1. Il-Kummissjoni għandha tissottometti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport annwali dwar l-implimentazzjoni tal-miżuri previsti f’dan ir-Regolament, akkumpanjati meta approprjat bi proposti li jikkonċernaw kwalunkwe miżuri ta’ aġġustament li jistgħu ikunu neċessarji sabiex jintlaħqu l-miri ta’ dan ir-Regolament.

    2. Fit-tmiem tat-tielet sena ta’ l-applikazzjoni ta’ l-arranġamenti speċifiċi ta’ fornitura, il-Kummissjoni għandha tibgħat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport ġenerali dwar is-sitwazzjoni ekonomika tal-gżejjer Aegean, li jkun juri l-impatt tal-miżuri meħuda skond dan ir-Regolament.

    Fid-dawl tal-konklużjonijiet tar-rapport, il-Kummissjoni għandha tibgħat, fejn dan jirriżulta neċessarju, aġġustamenti approprjati, inkluż, jekk ikun il-każ, tnaqqis fil-livell ta’ ċerta għajnuna u/jew l-istabbiliment ta’ limiti temporanji.

    Artikolu 16

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussel, fid-19 ta’ Lulju 1993.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    A. Bourgeois

    [1] ĠU C 56, tas-26.2.1993, p. 21.

    [2] Opinjoni mogħtija fil-25 ta’ Ġunju 1993 (għadha mhux pubblikata fil-Ġurnal Uffiċċjali).

    [3] Opinjoni mogħtija fis-26 ta’ Mejju 1993 (għadha mhux pubblikata fil-Ġurnal Uffiċċjali).

    [4] ĠU L 181, ta’ l-1.7.1992, p. 21.

    [5] ĠU L 148, tat-28.6.1968, p. 24. Ir-Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KEE) Nru 747/93 (ĠU L 77, tal-31.3.1993, p. 15).

    [6] ĠU L 148, tat-28.6.1968, p. 13. Ir-Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KEE) Nru 2071/92 (ĠU L 215, tat-30.7.1992, p. 64).

    [7] ĠU L 118, ta’ l-20.5.1972, p. 1. IR-Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KEE) Nru 746/93 (ĠU L 77, tal-31.3.1993, p. 14).

    [8] ĠU L 166, tat-23.6.1978, p. 1. Ir-Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KEE) Nru 746/93 (ĠU L 77, tal-31.3.1993, p. 14).

    [9] ĠU L 246, tal-5.11.1971, p. 1. Ir-Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KEE) Nru 3695/92 (ĠU L 374, tat-22.12.1992, p. 40).

    [10] ĠU L 84, tas-27.3.1987, p. 1. Ir-Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KEE) Nru 1566/93 (ĠU L 154, tal-25.6.1993, p. 39).

    [11] ĠU L 84, tas-27.3.1987, p. 59. Ir-Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KEE) Nru 3896/91 (ĠU L 368, tal-31.12.1991, p. 3).

    [12] ĠU L 132, tat-28.5.1988, p. 3. IR-Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KEE) Nru 833/92 (ĠU L 88, tat-3.4.1992, p. 16).

    [13] ĠU C 172, tat-30.9.1966, p. 3025/66. IR-Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KEE) Nru 2046/92 (ĠU L 215, tat-30.7.1992, p. 1).

    [14] ĠU Nru L 282, ta’ l-1.11.1975, p. 49. Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (EEC) Nru 1235/89 (ĠU Nru L 128, tal-11.5.1989, p. 29).

    [15] ĠU L 218, tas-6.8.1991, p. 1. IR-Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KEE) Nru 870/93 (ĠU L 91, tal-15.4.1993, p. 10).

    [16] Ir-Regolament tal-Kunsill (EEC) Nru 4253/88 tad-19 ta’ Diċembru 1988, li jistabilixxi dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 2052/88 fir-rigward tal-koordinazzjoni ta’ l-attivitajiet tal-fondi strutturali differenti bejniethom u ma’ l-operazzjonijiet tal-Bank Ewropew ta’ l-Investiment u l-istrumenti finanzjarji oħra eżistenti (ĠU L 374, tal-31.12.1988, p. 1).

    [17] ĠU L 128, tad-19.5.1975, p. 1. Id-Direttiva kif l-aħħar emendata bir-Regolament (KEE) Nru 797/85 (ĠU L 93, tat-30.3.1985, p. 1).

    [18] ĠU L 94, tat-28.4.1970, p. 13. Ir-Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KEE) Nru 746/93 (ĠU L 185, tal-15.7.1988, p. 1).

    --------------------------------------------------

    L-ANNESS

    Lista ta' prodotti koperti bl-arranġamenti speċifiċi ta' fornitura taħt it-Titolu I għall-gżejjer Aegean iż-żgħar

    Deskrizzjoni | Kodiċi NM |

    Prodotti tal-ħalib

    –Jogurt | 040310 |

    Zokkor | 1701 |

    Dqiq tal-qamħ | 1101 u 1102 |

    Ħaxix

    (għall-1993 sa l-1997) | 0701 sa 0709 |

    Frott

    (għall-1993 sa l-1997 | |

    –Frott taċ-ċitru, frisk | ex0805 |

    –Egħneb | 080610 |

    –Tuffieħ | 0808 10 91 sa 0808 10 99 |

    –Lanġas | 0808 20 31 sa 0808 20 39 |

    –Berquq, ċirasa, ħawħ (inklużi nettarini), għajnbaqar u pruni, friski | 0809 |

    –Frawli | 081010 |

    –Bettiegħ, dulliegħ | 080710 |

    –Tin, frisk | 08109010 |

    –Kiwi | 08042010 |

    Għalf

    –Ċereali | |

    –qamħ | 1001 |

    –segala | 1002 |

    –qamħirrum | 1003 |

    –ħafur | 1004 |

    –majż | 1005 |

    –Lucerne u prodotti ta' l-għalf | 1214 |

    –Residwi u skart mill-industriji ta' l-ikel | 2302 sa 2308 |

    –Preparati ta' til użat fl-għalf għall-annimali | 230990 |

    --------------------------------------------------

    Top