EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31993L0099

Id-Direttiva tal-Kunsill 93/99/KEE tad-29 ta' Ottubru 1993 dwar miżuri addizzjonali li jikkonċernaw il-kontroll uffiċjali ta' l-oġġetti ta' l-ikel

ĠU L 290, 24.11.1993, p. 14–17 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (FI, SV, CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2005; Imħassar b' 32004R0882

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/1993/99/oj

31993L0099



Official Journal L 290 , 24/11/1993 P. 0014 - 0017
Finnish special edition: Chapter 13 Volume 25 P. 0080
Swedish special edition: Chapter 13 Volume 25 P. 0080


Id-Direttiva tal-Kunsill 93/99/KEE

tad-29 ta' Ottubru 1993

dwar miżuri addizzjonali li jikkonċernaw il-kontroll uffiċjali ta' l-oġġetti ta' l-ikel

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi il-Komunità Ekonomika Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 100a tiegħu,

Wara li kkunsidra il-proposta mill-Kummissjoni [1],

B'kooperazzjoni mal-Parlament Ewropew [2],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [3],

Billi huwa neċessarju li jiġu adottati miżuri fil-kuntest tas-suq intern; billi s-suq intern jikkonsisti f'żona mingħajr fruntieri nterni li fiha jiġi żgurat il-moviment liberu ta' oġġetti, persuni, servizzi u kapital;

Billi l-kummerċ ta' l-oġġetti ta' l-ikel jokkupa post importanti ħafna fis-suq intern;

Billi huwa għalhekk essenzjali li l-applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 89/397/KEE ta' l-14 ta' Ġunju 1989 dwar il-kontroll uffiċjali ta' l-oġġetti ta' l-ikel [4] huwa uniformi fl-Istati Membri kollha; billi din id-Direttiva tipprovdi regoli ġenerali dwar il-kontroll uffiċjali ta' oġġetti ta' l-ikel;

Billi hemm il-bżonn ta' regoli addizzjonali maħsuba biex itejjbu l-proċeduri ta' kontroll fis-seħħ fil-Komunità;

Billi l-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi meħtieġa biex jiżguraw li l-impjegati ta' l-awtoritajiet kompetenti jkollhom kompetenza teknika u amministrattiva suffiċjenti;

Billi, biex tiġi garantita l-kwalità tad-data tat-test, għandha tiġi ntrodotta sistema ta' standards ta' kwalità għal-laboratorji fdati mill-Istati Membri għall-kontroll uffiċjali ta' l-oġġetti ta' l-ikel; billi din is-sistema għandha tkun konformi ma' dawk in-normi ġeneralment aċċettati u standardizzati; billi, b'żieda ma dan, huwa essenzjali li dawn il-laboratorji jużaw metodi ta' analiżi konvalidati, kull meta jkun possibbli;

Billi l-iżvilupp tal-kummerċ fl-oġġetti ta' l-ikel bejn l-Istati Membri varji jinneċessità kooperazzjoni iżjed mill-qrib bejn l-awtoritajiet involuti fil-kontroll ta' l-oġġetti ta' l-ikel;

Billi huma meħtieġa regoli ġenerali għall-uffiċjali tal-Kummisjsoni speċjalizzati fil-kontroll ta' oġġetti ta' l-ikel u li jikkooperaw ma' uffiċjali speċifiċi ta' l-Istati Membri sabiex jiżguraw l-applikazzjoni uniformi tal-leġislazzjoni dwar l-oġġeti ta' l-ikel;

Billi għandhom jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet li taħthom l-awtoritajiet nazzjonali u l-Kummissjoni għandhom jipprovdu għajnuna amministrattiva lill-xulxin bil-għan li tiġi żgurata l-applikazzjoni xierqa tal-leġislazzjoni dwar l-oġġetti ta' l-ikel, b'mod partikolari permezz ta' azzjoni preventiva u l-iskoperta ta' ksur jew ta' mġieba ssuspettata li tkun kisret ir-regoli;

Billi, minħabba n-natura ta' l-informazzjoni skambjata skond din id-Direttiva, din għandha tkun koperta bir-rekwiżiti tas-segretezza kummerċjali jew professjonali;

Billi għandha tiġi pprovduta proċedura biex tiġi stabbilita kooperazzjoni mill-qrib bejn l-Istati Membri u l-Kummisjoni,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

1. Din id-Direttiva tissupplimenta d-Direttiva 89/397/KEE.

2. Għall-iskopijiet ta' din id-Direttiva, d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 1(2), (3) u (4) tad-Direttiva 89/397/KEE japplikaw.

Artikolu 2

L-Istati Membru għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti għandhom, jew għandhom aċċess għal, numru suffiċjenti ta' mpjegati bi kwalifiki u esperjenza xierqa, b'mod partikolari f'oqsma bħal ma huma l-kimika, il-kimika ta' l-ikel, il-mediċina veterinarja, il-mediċina, il-mikrobioloġija ta' l-ikel, l-iġjene ta' l-ikel, it-teknoloġija ta' l-ikel u il-liġi biex il-kontrolli msemmijja fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 89/397/KEE ikunu jistgħu isiru b'mod adegwat.

Artikolu 3

1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha neċessarji biex jiġi żgurat li l-laboratorji imsemmija fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 89/397/KEE jikkonformaw mal-kriterji ġenerali għat-tħaddim tal-laboratorji ta' l-ittestjar imniżżla fl-iStandard Ewropew EN 45001 supplimentati bi proċeduri ta' tħaddim standard u random audit tal-konformità tagħhom minn impjegati għall-assigurazzjoni tal-kwalità, skond il-prinċipji ta' l-OECD Nri 2 u 7 ta' prattika tajba tal-laboratorju kif stabbiliti fis-Sezzjoni II ta' l-Anness 2 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill ta' l-OECD tat-12 ta' Mejju 1981 li tikkonċerna l-aċċettazzjoni reċiproka tad-data meta jiġu stmati l-kimiċi.

2. Meta jkunu qed jistmaw il-laboratorji imsemmijja fl-artikolu 7 tad-Direttiva 89/397/KEE, l-Istati Membri għandhom:

(a) japplikaw il-kriterji mniżżla fl-Istandard Ewropew EN 45002;

u

(b) jirrikjedu l-użu ta' skemi tat-testjar tal-profiċjenza sa fejn dan ikun xieraq.

Il-laboratorji li jilħqu l-kriterji ta' l-istima għandhom jiġu preżunti li ssodisfaw il-kriterji imsemmijja fil-paragrafu 1.

Il-laboratorji li ma jissodisfawx il-kriterji ta' l-istima m'għandhomx jiġu meqjusa bħala laboratorji imsemmija fl-Artikolu 7 ta' l-imsemmija Direttiva.

3. L-Istati Membri għandhom jinnominaw korpi responsabbli għall-istimar tal-laboratorji kif imsemmija fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 89/397/KEE. Dawn il-korpi għandhom jikkonformaw mal-prinċipji ġenerali tal-korpi t'akkreditament tal-laboratorji imniżżla fl-Istandard Ewropew EN 45003.

4. L-akkreditazzjoni u stima tal-laboratorji ta' l-ittestjar imsemmija f'dan l-Artikolu tista' tkun in konnessjoni ma' testijiet individwali jew ma gruppi ta' testijiet. Kull devjazzjoni xierqa mill-mod li bih l-istandards imsemmijja fil-paragrafi 1, 2 u 3 jiġu applikati għandha tiġi adottata skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 8.

Artikolu 4

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li konvalidazzjoni tal-metodi ta' analiżi użati fil-kuntest tal-kontroll uffiċjali ta' oġġetti ta' l-ikel mill-laboratorji imsemmija fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 89/397/KEE jikkonformaw kull meta jkun possibbli mad-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 1 u 2 ta' l-Anness tad-Direttiva tal-Kunsill 85/591/KEE tat-23 ta' Diċembru 1985 li tirrigwarda l-introduzzjoni ta' metodi Komunitarji ta' teħid ta' kampjuni u t'analiżi għas-sorveljanza ta' l-oġġetti ta' l-ikel maħsuba għall-konsum uman [5].

Artikolu 5

1. Il-Kummissjoni għandha taħtar u tinnomina uffiċjali speċifiċi biex jikkooperaw mal-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri biex jissorveljaw u jevalwaw l-ekwivalenza u effettività tas-sistemi uffiċjali ta' kontroll ta' l-ikel imħaddma mill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri. Il-Kummissjoni għandha tibgħat rapporti regolari lill-Istati Membri in kwistjoni dwar ix-xogħol ta' l-uffiċjali speċifiċi tagħha.

Il-Kummissjoni għandha tiżgura illi dawk l-uffiċjali huma kkwalifikati b'mod adegwat u li għandhom it-tagħrif u l-esperjenza meħtieġa sabiex iwettqu dan ix-xogħol; regoli dettaljati ta' applikazzjoni jistgħu jiġu adottati skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 8.

L-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri għandhom jikkooperaw ma' l-uffiċjali magħżula tal-Kummissjoni u jagħtu l-għajnuna kollha meħtieġa biex jippermettulhom li jwettqu x-xogħol tagħhom.

2. Skond id-dmirijiet stabbiliti fil-paragrafu 1, l-Istati membri għandhom jippermettu lill-uffiċjali magħżula tal-Kummissjoni li jakkumpanjaw lill-uffiċjali ta' l-awtoritajiet kompetenti tagħhom li jkunu qegħdin iwettqu l-operazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 89/397/KEE. F'kull każ, l-uffiċjali ta' l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri għandhom jibqgħu responsabbli għat-twettiq ta' l-operazzjonijiet ta' kontroll. Il-Kummissjoni għandha tagħti lill-Istati Membri avviż ta' mill-anqas ħamest ijiem tax-xogħol qabel ma jibdew dawn l-operazzjonijiet. Wara li tiġi mwettqa kull operazzjoni imsemmija f'dan il-paragrafu il-Kummisjsoni għandha tibgħat rapport dwar ix-xogħol ta' l-uffiċjali speċifiċi tagħha lill-Istati Membri kkonċernati.

Għall-fini ta' l-operazzjonijiet imsemmija f'dan il-paragrafu, l-uffiċjali nnominati tal-Kummissjoni għandhom jipproduċi awtorizzazzjoni bil-miktub li tispeċifika l-identità u l-istatus tagħhom.

L-uffiċjali nnominati mill-Kummissjoni għandhom jikkonformaw mar-regoli u mal-prattiċi li uffiċjali ta' l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati membri għandhom isegwu.

3. Il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport annwali lill-Istati Membri u lill-Parlament Ewropew dwar l-implimentazzjoni ta' dan l-Artikolu.

Artikolu 6

1. L-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri għandhom jagħtu lill-xulxin għajnuna amministrattiva fil-proċeduri kollha ta' sorveljanza in konnessjoni mad-dispożizzjonijiet legali u ma' l-istandards ta' kwalità applikabbli għall-oġġetti ta' l-ikel u fil-proċeduri kollha kontra l-ksur tal-liġi applikabbli għall-oġġetti ta' l-ikel.

2. Biex tiġi ffaċilitata din l-għajnuna amministrattiva kull Stat Membru għandu jinnomina korp wieħed ta' kollegament. Dan għandu jkun il-korp innominat mill-Istat Membru biex jagħmel kollegament kif xieraq mal-korpi ta' kollegament ta' l-Istati Membri l-oħra. Ir-rwol tal-korpi għandu jkun li jgħinu u jikkooordinaw il-komunikazzjoni u, b'mod partikolari, it-trasmissjoni u r-riċeviment ta' talbiet għall-għajnuna.

3. L-Istati Membri għandhom javvżaw lill-Kummissjoni bid-dettalji kollha relevanti tal-korp ta' kollegamentt innominat tagħhom. Il-lista ta' korpi ta' kollegament innominati u d-dettalji rilevanti għandhom jiġu ppublikati fis-serje ‘C' tal-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

4. Hekk kif jirċievi talba raġunata, il-korp ikkonċernat għandu jkun responsabbli biex jiżgura li l-korp li jagħmel it-talba jiġi pprovdut bl-informazzjoni kolllha neċessarja, ħlief dik li ma tistax tiġi rilaxxata minħabba l-fatt li din tkun is-suġġett ta' proċeduri legali, sabiex dak il-korp ikun jista' jiggarantixxi li jikkonforma mad-dispożizzjonijiet legali u ma' l-istandards ta' kwalità applikabbli għall-oġġetti ta' l-ikel fil-ġurisdizzjoni tiegħu.

5. It-tagħrif u d-dokumenti provduti skond il-paragrafu 4 għandhom jintbagħtu mingħajr dewmien żejjed jew permezz tal-korp ta' kollegament jew direttament, skond kif xieraq. Meta d-dokumenti l-oriġinali ma jistgħux jinbagħtu, jistgħu jintbagħtu l-kopji ta'dawn id-dokumenti.

6. Fejn, waqt l-iskambju ta' l-informazzjoni, isir ċar illi seta' kien hemm każ ta' nuqqas ta' konformità mal-liġijiet jew mar-regoli tal-Komunità jew mal-liġijiet nazzjonali jew ta' l-Istat Membru li jkun qed jirċievi jew ta' l-Istat Membru li jkun qed jibgħat, l-awtorità kompetenti ta' l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu l-allegata nuqqas ta' konformità tkun seħħet għandha fi żmien xieraq tirrapporta lill-awtorità kompetenti fl-Istat Membru l-ieħor

- dwar kull azzjoni li setgħet ittieħdet biex tiġi trattata l-allegata nuqqas ta' konformità, kif wkoll

- dwar kull azzjoni oħra li tkun ħadet, inkluża kull azzjoni biex tipprova tipprevjeni li terġa tiġri l-allegata nuqqas ta' konformità.

Dan ir-rapport jista' wkoll jiġi kkupjat lill-Kummissjoni fuq l-iniżjattiva jew ta' l-Istat Membru li jibgħat jew ta' dak li jirċievi.

7. Dan l-Artikolu għandu japplika mingħajr preġudizzju għad-Deċiżjoni tal-Kunsill 85/45/KEE tal-21 ta' Diċembru 1988 dwar il-perikli li jirriżultaw mill-użu ta' prodotti għall-konsumatur [6] u d-Direttiva tal-Kunsill 92/59/KEE dwar is-sigurtà ġenerali tal-prodotti [7].

Artikolu 7

1. L-informazzjoni mibgħuta skond l-Artikolu 6 ta' din id-Direttiva, tkun xi tkun il-forma tagħha, hija koperta bis-segretezza professjonali. Fi proċeduri kriminali, l-informazzjoni tista' tintuża biss bil-kunsens minn qabel ta' l-Istat Membru li jkun qed jibgħat skond, għal dawk l-Istati Membri li huma parti fihom, il-konvenzjonijiet internazzjonali u l-ftehim fis-seħħ dwar l-għajnuna reċiproka fi kwistjonijiet kriminali.

2. Fejn Stat Membru jkollu regoli li jippermettu li persuni jaċċessaw b'mod liberu l-informazzjoni miżmuma mill-awtoritajiet kompetenti, dan il-fatt għandu jiġi żvelat fil-ħin li ssir it-talba lil Stat Membru ieħor jew jekk ma jkunx hemm talba bhal din waqt l-iskambju ta' informazzjoni. Jekk l-Istat Membru li jkun qed jibgħat jindika li l-informazzjoni tinvolvi kwistjonijiet ta' segretezza professjonali jew kummerċjali, l-Istat Membru li jkun qed jirċievi għandu jiżgura li l-informazzjoni ma tiġix mxandra b'mod iżjed wiesgħa minn dak li hemm provdut fil-paragrafu 1. Jekk ma jkunx possibbli għall-Istat Membru li jkun qed jirċievi li jirrestrinġi l-għoti ta' l-informazzjoni b'dan il-mod, m'għandux ikun kuntrarju għall-kondizzjonijiet ta' din id-Direttiva li l-Istat Membru li jkun qed jibgħat iżomm l-informazzjoni.

3. Kull rifjut li tiġi pprovduta l-informazzjoni skond id-dispożizzjonijiet ta' dan l-Artikolu għandu jkun ġġustifikat.

Artikolu 8

1. Meta l-proċedura stabbilita f'dan l-Artikolu għandha tiġi segwita, il-Kummisjsoni għandha tiġi megħjuna mill-Kumitat Permanenti għall-Oġġetti ta' l-Ikel, stabbilit bid-Deċiżjoni 69/414/KEE [8], hawnhekk iżjed ‘il quddiem imsejjaħ il-Kumitat

2. Il-President għandu jirreferi l-każ lill-Kumitat jew fuq l-inizjattiva tiegħu stess jew fuq it-talba tar- rappreżentant ta' xi Stat Membru.

3. Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni għandu jissottometti lill-Kumitat abbozz tal-miżuri li għandhom jittieħdu. Il-Kumitat għandu jagħti l-opinjoni tiegħu dwar l-abbozz fit-terminu li l-president jista' jiffissa skond l-urġenza tal-każ. L-opinjoni għandha tingħata skond il-maġġoranza stabbilita fl-Artikolu 148(2) tat-Trattat fil-każ ta' deċiżjonijiet li l-Kunsill ikun meħtieġ li jaddotta fuq proposta mill-Kummissjoni. Il-voti tar-rappreżentant ta' l-Istati Membri fi ħdan il-Kumitat għandhom ikunu peżati bil-mod stabbilit f'dak l-Artikolu. Il-President m'għandux jivvota.

4. (a) Il-Kummissjoni għandha taddotta l-miżuri maħsuba meta dawn ikunu skond l-Opinjoni tal-Kumitat.

(b) Fejn il-miżuri previsti ma jkunux skond l-Opinjoni tal-Kumitat, jew jekk ebda opinjoni ma tingħata, il-Kummissjoni għandha, mingħajr dewmien, tibgħat lill-Kunsill proposta dwar il-miżuri li għandhom jittieħdu. Il-Kunsill għandu jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata.

Jekk, wara li jiskadu it-tliet xhur minn meta jkunu ġew irriferiti lill-Kunsill, il-Kunsill ma jkunx aġixxa, il-miżuri proposti għandhom jiġu addottati mill-Kummissjoni.

Artikolu 9

1. L-Istati Membri għandhom iġibu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji biex jikkonformaw

- ma' din id-Direttiva, ħlief għall-Artikolu 3, qabel l-1 ta' Mejju 1995,

- ma' l-Artikolu 3 qabel 1 ta' Novembru 1998.

Għandhom javżaw minnufih b'dan lill-Kummissjoni.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, dawn għandu jkun fihom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b'din ir-referenza fl-okkazzjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi ta' kif għandha ssir ir-referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

2. L-Istati Membri għandhom jgħaddu lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam irregolat b'din id-Direttiva.

Artikolu 10

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, fid-29 ta' Ottubru 1993.

Għall-Kunsill

Il-President

R. Urbain

[1] ĠU C 51, tas-26.2.1992, p. 20.

[2] ĠU C 337, tal-21.12.1992, p. 143 u d-Deċiżjoni ts-27 t'Ottubru 1993 (għad mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

[3] ĠU C 332, tas-16.12.1992, p. 5.

[4] ĠU L 186, tat-30.6.1989, p. 23.

[5] ĠU L 372, tal-31.12.1985, p. 50.

[6] ĠU L 17, tal-21.1.1989, p. 51. Id-Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 90/352/KEE (ĠU L 173, tas-6.7.1990, p. 49).

[7] ĠU L 228, tal-11.8.1992, p. 24.

[8] ĠU L 291, tad-19.11.1969, p. 9.

--------------------------------------------------

Top