EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31993D0053

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta’ Diċembru 1992 li jistabbilixxi kumitat xjentifiku għad-denominazzjonijiet ta’ l-oriġini, indikazzjonijiet ġeografiċi u ċertifikati ta’ karattru speċifiku

ĠU L 13, 21.1.1993, p. 16–17 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (FI, SV, CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 05/02/2007; Imħassar b' 32007D0071

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/1993/53/oj

31993D0053



Official Journal L 013 , 21/01/1993 P. 0016 - 0017
Finnish special edition: Chapter 3 Volume 48 P. 0018
Swedish special edition: Chapter 3 Volume 48 P. 0018


Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni

tal-21 ta’ Diċembru 1992

li jistabbilixxi kumitat xjentifiku għad-denominazzjonijiet ta’ l-oriġini, indikazzjonijiet ġeografiċi u ċertifikati ta’ karattru speċifiku

(93/53/KEE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea,

Billi fil-qafas tal-protezzjoni tal-Komunità tad-denominazzjonijiet ta’ l-oriġini u l-indikazzjonijiet ġeografiċi, ir-reġistrazzjoni tagħhom tista’ tinvolvi l-eżami ta’ problemi li jikkonċernaw in-natura ġenerika ta’ isem u l-fatturi li għandhom jitqiesu meta tkun definita d-denominazzjoni ta’ l-oriġini u l-indikazzjoni ġeografika għall-prodotti agrikoli u oġġetti ta’ l-ikel, fuq naħa waħda, u l-applikazzjoni ta’ kriterji rigward il-kompetizzjoni ġusta fit-transazzjonijiet kummerċjali u l-perikolu li jitħawdu l-konsumaturi fit-tifsira ta’ l-Artikoli 13 u 14 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2081/92 [1] fil-każijiet meta hemm konflitt bejn id-denominazzjonijiet ta’ l-oriġini jew l-indikazzjonijiet ġeografiċi u t-trademark, omonimi jew prodotti eżistenti li huma mibjugħa legalment, fuq l-oħra;

Billi fil-qafas tal-protezzjoni tal-Komunità ta’ ċertifikati ta’ karattru speċifiku, ir-reġistrazzjoni tagħhom tista’ tinvolvi l-eżami ta’ problemi dwar l-istima tan-natura tradizzjonali ta’ prodotti agrikoli u oġġetti ta’ l-ikel;

Billi t-tfittxija għal soluzzjoni għal dawn il-problemi teħtieġ l-assistenza ta’ esperti kwalifikati ħafna bi sfond legali jew fl-agrikoltura, u partikolarment bl-għarfien tad-drittijiet tal-propjetà intellettwali;

Billi huwa għalhekk xieraq li jkun stabbilit kumitat xjentifiku biex jassisti l-Kummissjoni,

IDDEĊIDIET KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Kumitat xjentifiku, minn hawn ‘il quddiem msejjaħ "il-kumitat", huwa b’dan stabbilit biex jassisti l-Kummissjoni.

Artikolu 2

Il-ħidma tal-Kumitat għandha tkun li teżamina, fuq talba tal-Kummissjoni, il-problemi tekniċi kollha dwar l-applikazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 2081/92 u r-Regolament tal-Kunsill(KEE) Nru 2082/92 [2] fir-rigward tar-reġistrazzjoni ta’ l-ismijiet ta’ prodotti agrikoli u oġġetti ta’l-ikel u każijiet ta’ konflitt bejn l-Istati Membri, partikolarment:

1. il-fatturi li għandhom jitqiesu meta jkunu definiti indikazzjonijiet ġeografiċi u denominazzjonijiet ta’ l-oriġini u eċċezzjonijiet għalihom, partikolarment reputazzjoni u fama eċċezzjonali;

2. natura ġenerika;

3. l-istima tan-natura tradizzjonali;

4. l-istima ta’ kriterji rigward il-kompetizzjoni ġusta fit-transazzjonijiet kummerċjali u r-riskju li jitħawwdu l-konsumaturi f’każijiet ta’ konflitt bejn id-denominazzjoni ta’ l-oriġini jew indikazzjoni ġeografika u t-trademark, omonimi jew prodotti eżistenti li huma mpoġġija fis-suq legalment.

Artikolu 3

1. Il-membri tal-Kumitat għandhom jinħatru mill-Kummissjoni minn fost esperti kwalifikati ħafna bil-kompetenza fl-oqsma msemmija fl- l-Artikolu 2.

2. Il-Kumitat għandu jkun magħmul minn seba’ membri u seba’ membri alterni awtorizzati biex jipparteċipaw fil-laqgħat.

Artikolu 4

1. Il-Kumitat għandu jeliġi President u Viċi-President minn fost il-membri tiegħu.

Għandhom ikunu eletti fuq bażi ta’ maġġoranza sempliċi.

2. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi s-segretarjat għall-Kumitat.

Artikolu 5

Il-proċeduri tal-Kumitat għandhom ikunu validi biss meta l-membri kollha tiegħu jkunu preżenti. Il-Kumitat għandu jagħti opinjoni favorevoli meta l-voti favur jeċċedu l-voti kontra. Meta voti favur u voti kontra ikunu indaqs, l-astenzjoni għandha tkun kunsidrata bħala vot favur.

Artikolu 6

1. Il-Membri għandhom jinħatru għall-terminu ta’ ħames snin, liema terminu għandu jiġġedded.Iżda, iż-żmien tal-kariga tal-President u l-Viċi-President għandu jkun ta’ sentejn. Ma jistgħux ikunu ri-eletti minnufih wara li jkunu qdew id-dmirijiet tagħhom għall-żewġ perjodi konsekuttivi ta’ sentejn. Il-Membri m’għandhomx ikunu mħallsa għas-servizzi tagħhom.

2. Ma’ l-egħluq tal-perjodu ta’ ħames snin jew sentejn, kif ikun il-każ, il-membri, il-President u l-Viċi-President għandhom jibqgħu fil-ħatra sakemm jinbiddlu jew il-ħatriet tagħhom jiġġeddu.

3. Meta membru, President jew Viċi-President ma jkunx jista’ jaqdi dmirijietu jew fil-każ tar-riżenja tiegħu, hu għandu jinbidel għall-perjodu li fadal taż-żmien tal-kariga tiegħu, skond il-proċedura provduta fl-Artikoli 3 u 4, kif ikun il-każ.

Artikolu 7

1. Il-Kumitat għandu jiltaqa’ fuq talba ta’ rappreżentant tal-Kummissjoni.

2. Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni u l-uffiċjali u impjegati oħra tal-Kummissjoni konċernati għandhom jattendu l-laqgħat tal-Kumitat.

3. Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni jista’ jistieden esponenti ewlenin bi kwalifiki speċjali fis-suġġetti taħt studju biex jattendu dawn il-laqgħat.

Artikolu 8

1. Il-proċeduri tal-Kumitat għandhom jirrelataw mal-materji li dwarhom il-Kummissjoni tkun talbet opinjoni.

Il-Kummissjoni tista’ tispeċifika perjodu li fih għandha tingħata din l-opinjoni.

2. Meta l-opinjoni mitluba hija soġġetta ta’ ftehim unanimu mill-membri tal-Kumitat, għandhom jistabbilixxu il-konklużjonijiet konġunti tagħhom. Fin-nuqqas ta’ l-unanimità, id-diversi posizzjonijiet adottati matul il-proċeduri għandhom jiddaħħlu f’rapport magħmul taħt ir-responsabbilità tas-segretarjat tal-Kumitat.

Artikolu 9

Meta r-rappreżentant tal-Kummissjoni jinforma l-membri tal-Kumitat li l-opinjoni mitluba tirrigwarda suġġett ta’ natura konfidenzjali, dawk il-membri għandhom ikunu taħt obbligu biex ma jiżvelawx l-informazzjoni li tkun ġiet għall-għarfien tagħhom permezz tax-xogħol tal-Kumitat.

Magħmula f’Brussel, fil-21 ta’ Diċembru 1992.

Għall-Kummissjoni

Ray Mac Sharry

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU L 208, 24.7.1992, p. 1.

[2] ĠU L 208, 24. 9. 7, p. 13.

--------------------------------------------------

Top