Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31992L0077

    Id-Direttiva tal-Kunsill 92/77/KEE tad-19 ta' Ottubru 1992 li tissupplimenta s-sistema komuni tat-taxxa fuq il-valur miżjud u li temenda d-Direttiva 77/388/KEE (approssimazzjoni tar-rati tal-VAT)

    ĠU L 316, 31.10.1992, p. 1–4 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (FI, SV, CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2006; Imħassar b' 32006L0112

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/1992/77/oj

    31992L0077



    Official Journal L 316 , 31/10/1992 P. 0001 - 0004
    Finnish special edition: Chapter 9 Volume 2 P. 0080
    Swedish special edition: Chapter 9 Volume 2 P. 0080


    Id-Direttiva tal-Kunsill 92/77/KEE

    tad-19 ta' Ottubru 1992

    li tissupplimenta s-sistema komuni tat-taxxa fuq il-valur miżjud u li temenda d-Direttiva 77/388/KEE (approssimazzjoni tar-rati tal-VAT)

    IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 99 tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1],

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2],

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [3],

    Billi t-twettiq tas-suq intern, li hu wieħed mill-għanijiet fundamentali tal-Komunità, bħala l-ewwel pass jeħtieġ li l-kontrolli fiskali fil-fruntieri jkunu aboliti;

    Billi, jekk għandhom ikunu evitati distorsjonijiet, din l-abolizzjoni timplika fil-każ tat-taxxa fuq il-valur miżjud, mhux biss bażi ta' taxxa uniformi iżda wkoll numru ta' rati u ta' livelli ta' rati li huma fil-qrib biżżejjed bejn l-Istati Membri; billi hu għalhekk meħtieġ li tkun emendata d-Direttiva 77/388/KEE [4];

    Billi, matul il-perjodu transizzjonali, għandhom ikunu possibbli ċerti derogi li jikkonċernaw in-numru u l-livelli ta' rati,

    ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

    Artikolu 1

    Id-Direttiva 77/388/KEE qed tkun emendata minnufih kif ġej:

    1. L-Artikolu 12(3) qed jinbidel b'dan li ġej:

    "3. (a) Mill-1 ta' Jannar 1993 l-Istati Membri għandhom japplikaw rata standard li, sal-31 ta' Diċembru 1996, ma tistax tkun inqas minn 15 %.

    Abbażi tar-rapport dwar it-tħaddim ta' l-arranġamenti transizzjonali u tal-proposti dwar l-arranġamenti definittivi li għandu jingħata mill-Kummissjoni skond l-Artikolu 281 il-Kunsill għandu jiddeċiedi unanimament qabel il-31 ta' Diċembru 1995 dwar il-livell tar-rata minima li għandha tkun applikata wara l-31 ta' Diċembru 1996 fir-rigward tar-rata standard.

    L-Istati Membri jistgħu japplikaw ukoll waħda minn jew iż-żewġ rati. Ir-rati mnaqqsa ma jistgħux ikunu inqas minn 5 % u għandhom japplikaw biss għall-provvisti tal-kategoriji ta' oġġetti u servizzi speċifikati fl-Anness H.

    (b) L-Istati Membri jistgħu japplikaw rata mnaqqsa għall-provvisti ta' gass naturali u elettriku sakemm ma jkunx hemm riskju ta' distorsjoni tal-kompetizzjoni. L-Istat Membru li jaħseb biex japplika din ir-rata għandu jinforma l-Kummissjoni qabel jagħmel dan. Il-Kummissjoni għandha tagħti deċiżjoni dwar l-eżistenza ta' riskju ta' distorsjoni tal-kompetizzjoni. Jekk il-Kummissjoni ma tkunx ħadet dik id-deċiżjoni fi żmien tliet xhur minn meta tirċievi l-informazzjoni r-riskju ta' distorsjoni tal-kompetizzjoni jitqies li ma jeżistix.

    (ċ) Ir-regoli li jikkonċernaw ir-rati applikati għal xogħlijiet ta' l-arti, antikitajiet u oġġetti ta' kollezzjoni, għandhom ikunu stabbiliti mid-direttiva li għandha x'taqsam ma' l-arranġamenti speċjali applikabbli għal oġġetti sekondaman, opri ta' l-arti, antikitajiet u oġġetti ta' kollezzjoni. Il-Kunsill għandu jadotta din id-Direttiva qabel il-31 ta' Diċembru 1992.

    (d) Ir-regoli li jirrigwardaw it-tassazzjoni ta' prodotti agrikoli li m'humiex dawk li jaqgħu fil-kategorija 1 ta' l-Anness H għandhom ikunu deċiżi unanimament mill-Kunsill qabel il-31 ta' Diċembru 1994 abbażi ta' proposta tal-Kummissjoni.

    Sal-31 ta' Diċembru 1994, dawk l-Istati Membri li bħalissa qegħdin japplikaw rata mnaqqsa jistgħu jkomplu jagħmlu hekk; dawk li bħalissa qegħdin japplikaw rata standard ma jistgħux japplikaw rata mnaqqsa. Din għandha tippermetti posponiment ta' sentejn għall-applikazzjoni tar-rata standard.

    (e) Ir-Regoli li jirrigwardaw ir-reġim u r-rati applikati għad-deheb għandhom ikunu stabbiliti b'direttiva li għandha x'taqsam ma’ arranġamenti speċjali applikabbli għad-deheb. Il-Kummissjoni għandha tagħmel din il-proposta fil-ħin għall-adozzjoni tagħha mill-Kunsill, billi taġixxi unanimament, qabel il-31 ta' Diċembru 1992.

    Mill-1 ta' Jannar 1993, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiġġieldu l-frodi f'din iż-żona. Dawn il-miżuri jistgħu jinkludu l-introduzzjoni ta' sistema ta' żamma tal-kotba għall-VAT fuq provvisti tad-deheb bejn persuni intaxxabbli fl-istess Stat Membru li jipprovdi għall-ħlas tat-taxxa mix-xerrej f'isem il-bejjiegħ, u dritt simultanju lix-xerrej għal tnaqqis ta' l-istess ammont ta' taxxa daqs it-taxxa ta' dħul.";

    2. l-ewwel sentenza ta' l-Artikolu 12(4) għandha titħassar;

    3. is-subparagrafu segwenti qed jiżdied ma’ l-Artikolu 12(4):

    "Mill-1994, il-Kunsill għandu jirrevedi l-iskop tar-rati mnaqqsa kull sentejn abbażi ta' rapport mill-Kummissjoni. Il-Kunsill, b’mod unanimu u fuq proposta mill-Kummissjoni, jista’ jiddeċiedi li jbiddel il-lista ta' oġġetti u servizzi fl-Anness H.";

    4. L-Artikolu 28(2) qed jinbidel b'dan li ġej:

    "2. Minkejja l-Artikolu 12(3), id-disposizzjonijiet segwenti għandhom japplikaw matul il-perjodu transizzjonali msemmi fl-Artikolu 281.

    (a) L-eżenzjonijiet bir-rifużjoni tat-taxxa mħallsa fl-istadju preċedenti u rati mnaqqsa iktar baxxi mir-rata minima stipulata fl-Artikolu 12(3) dwar ir-rati mnaqqsa, li kienu fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 1991 u li huma skond il-liġi Komunitarja, u li jissodisfaw il-kondizzjonijiet stipulati fl-inċiżi ta' l-Artikolu 17 tat-tieni Direttiva tal-Kunsill tal-11 ta' April 1967, jistgħu jinżammu.

    L-Istati Membri għandhom jadottaw il-miżuri meħtieġa biex jassiguraw l-iffissar tar-riżorsi tagħhom li għandhom x’jaqsmu ma’ dawn l-operazzjonijiet.

    Fil-każ li fl-Irlanda, id-disposizzjonijiet ta' dan il-paragrafu joħolqu distorsjonijiet tal-kompetizzjoni fil-provvista ta' prodotti ta' l-enerġija tat-sħana u d-dawl, l-Irlanda tista’, fuq talba speċifika, tkun awtorizzata mill-Kummissjoni li tapplika rata mnaqqsa għal dawn il-provvisti, skond l-Artikolu 12(3). F'dak il-każ, l-Irlanda għandha tippreżenta t-talba tagħha lill-Kummissjoni flimkien ma’ l-informazzjoni kollha neċessarja. Jekk il-Kummissjoni ma tkunx ħadet deċiżjoni fi żmien tliet xhur minn meta tkun irċeviet it-talba, l-Irlanda għandha titqies li hi awtorizzata li tapplika r-rati mnaqqsa kif proposti.

    (b) L-Istati Membri li, fl-1 ta' Jannar 1991 skond il-liġi Komunitarja, ikunu applikaw l-eżenzjonijiet bir-rifużjoni tat-taxxa mħallsa fl-istadju preċedenti, jew rati mnaqqsa iktar baxxi mill-minimu stipulat fl-Artikolu 12(3) fir-rigward tar-rati mnaqqsa, għal oġġetti u servizzi li mhumiex dawk speċifikati fl-Anness H, jistgħu japplikaw ir-rata l-imnaqqsa jew waħda miż-żewġ rati mnaqqsa msemmija fl-Artikolu 12(3) għal kwalunkwe minn dawn il-provvisti.

    (ċ) L-Istati Membri li skond it-termini ta' l-Artikolu 12(3) ikunu obbligati li jżidu r-rata standard tagħhom kif applikata fl-1 ta' Jannar 1991 b'iżjed minn 2 %, jistgħu japplikaw rata mnaqqsa iktar baxxa mill-minimu stipulat fl-Artikolu 12(3) dwar ir-rata mnaqqsa lil provvisti jew kategoriji ta' oġġetti u servizzi speċifikati fl-Anness H. Madankollu, dawk l-Istati Membri jistgħu japplikaw din ir-rata lis-servizzi ta' ristoranti, ħwejjeġ tat-tfal, żraben tat-tfal u sistemazzjoni fid-djar. L-Istati Membri ma jistgħux jintroduċu eżenzjonijiet bir-rifużjoni tat-taxxa fl-istadju preċedenti fuq il-bażi ta' dan il-paragrafu.

    (d) L-Istati Membri li fl-1 ta' Jannar 1991 applikaw rata mnaqqsa lil servizzi ta' ristoranti, ħwejjeġ tat-tfal, żraben tat-tfal u sistemazzjoni fid-djar, jistgħu jkomplu japplikaw din ir-rata lil dawn il-provvisti.

    (e) L-Istati Membri li fl-1 ta' Jannar 1991 applikaw rata mnaqqsa lill-provvisti ta' oġġetti u servizzi li mhumiex dawk speċifikati fl-Anness H jistgħu japplikaw ir-rata l-imnaqqsa jew waħda miż-żewġ rati mnaqqsa msemmija fl-Artikolu 12(3) lil dawn il-provvisti, iżda r-rata m'għandhiex tkun inqas minn 12 %.

    (f) Ir-Repubblika Griega tista’ tapplika r-rati tal-VAT sa’ 30 % inqas mir-rati li jikkorrispondu applikati fil-kontinent tal-Greċja fid-dipartimenti ta' Lesbos, Chios, Samos, u fid-Dodecanese u fis-Cyclades, u fuq il-gżejjer segwenti fil-baħar Eġew: Thasos, Sporades tat-Tramuntana, Samothrace u Skiros.

    (g) Qabel il-31 ta' Diċembru 1994, il-Kunsill għandu jeżamina għal darb'oħra d-disposizzjonijiet tas-subparagrafi (a) sa’ (f) hawn fuq b'mod partikolari dwar it-tħaddim xieraq tas-suq intern, abbażi ta' rapport mill-Kummissjoni,. Fil-każ ta' distorsjonijiet sinifikanti tal-kompetizzjoni li jistgħu jinqalgħu, il-Kunsill, b'mod unanimu u fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu jadotta miżuri xierqa.";

    5. L-Anness H fl-Anness ta' din id-Direttiva għandu jiżdied.

    Artikolu 2

    1. Sabiex iħarsu din id-Direttiva l-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrattivi neċessarji sa mhux iżjed tard mill-31 ta' Diċembru 1992. Għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni minnufih b'dan.

    Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, dawn għandu jkollhom riferenza għal din id-Direttiva jew għandu jkollhom magħhom din ir-riferenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi li bihom għandha ssir din ir-riferenza għandhom ikunu stipulati mill-Istati Membri.

    2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw it-testi tad-disposizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fis-suġġett immexxi minn din id-Direttiva lill-Kummissjoni.

    Artikolu 3

    Din id-Direttiva qed tkun indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmula fil-Lussemburgu, 19 ta' Ottubru 1992.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    J. Cope

    [1] ĠU C 176, tas-17.7.1990, pġ. 8.

    [2] ĠU C 324, ta' l-24.12.1990, pġ. 104.

    [3] ĠU C 332, tal-31.12.1990, pġ. 1.

    [4] ĠU L 145, tat-13.6.1977, pġ. 1. Emendati l-aħħar bid-Direttiva 91/680/KEE (ĠU L 376, tal-31.12.1991, pġ. 1).

    --------------------------------------------------

    ANNESS

    "

    ANNESS H

    LISTA TA' PROVVISTI TA' OĠĠETTI U SERVIZZI LI JISTGĦU JKUNU SOĠĠETTI GĦAL RATI MNAQQSA TA' VAT

    Meta jaqilbu f'liġi nazzjonali l-kategoriji hawn taħt li jirreferu għal oġġetti, l-Istati Membri jistgħu jużaw in-nomenklatura kkombinata sabiex jiddeterminaw eżattament kemm hi koperta l-kategorija kkonċernata.

    Kategorija | Deskrizzjoni |

    1 | Affarijiet ta' l-ikel (inkluż ix-xorb imma eskluż ix-xorb alkoħoliku) għal konsum tal-bnedmin u ta' l-annimali; annimali ħajjin, żerriegħa, pjanti u ingredjenti normalment maħsuba għall-użu fil-preparazzjoni ta' affarijiet ta' l-ikel; prodotti normalment maħsuba li jkunu użati biex jissupplimentaw jew jissostitwixxu l-affarijiet ta' l-ikel |

    2 | Provvisti ta' l-ilma |

    3 | Prodotti farmaċewtiċi ta' tip normalment użati għall-kura tas-saħħa,, għall-prevenzjoni tal-mard u għat-trattament ta' skopijiet mediċi u veterinarji, inkluż dawk il-prodotti użati għall-kontraċezzjoni u għall-protezzjoni sanitarja. |

    4 | Tagħmir mediku, għajnuniet u strumenti oħra normalment maħsuba biex itaffu jew jikkuraw id-diżabilità, għal użu esklussiv u personali tal-persuni b'diżabilità, inkluż it-tiswija ta' dawn l-oġġetti, u siġġijiet tat-tfal tal-karrozza |

    5 | It-trasport ta' passiġġieri u l-bagalji li jkollhom magħhom |

    6 | Il-provvista, inkluż b'self mil-libreriji, ta' kotba (inkluż opuskoli, fuljetti u oġġetti simili stampati, stampa tat-tfal, tpinġija jew kotba għat-tpinġija bil-kulur, mużika stampata jew bil-manuskritt, mapep u mapep idrografiċi jew mapep simili), gazzetti u rivisti, li mhumiex materjal kollhu kemm hu jew ddedikat b'mod sostanzjali għar-reklamar |

    7 | Dħul għal wirjiet, teatri, ċirkli, fieri, parks tad-divertiment, kunċerti, mużewijiet, żooijiet, swali taċ-ċinema, eżebizzjonijiet u avvenimenti u faċilitajiet kulturali simili |

    Riċeviment ta' servizzi tax-xandir |

    8 | Servizzi pprovduti minn jew somom dovuti lil kittieba, kompożituri u artisti li jagħtu wirjiet |

    9 | Il-provvista, kostruzzjoni, rennovazzjoni u tibdil tad-djar ipprovduti bħala parti minn politika soċjali |

    10 | Provvisti ta' oġġetti u servizzi ta' tip normalment maħsuba għall-użu fil-produzzjoni agrikola imma li mhumiex beni kapitali bħal makkinarju jew bini |

    11 | Akkomodazzjoni pprovduta minn lukandi jew stabbilimenti simili inkluż il-provvista ta' akkomodazzjoni għall-vakanzi u l-kiri ta' siti tal-kampeġġ u parks għall-karavani |

    12 | Dħul għal avvenimenti sportivi |

    13 | L-użu ta' faċilitajiet sportivi |

    14 | Il-provvista ta' oġġetti u servizzi minn organizzazzjonijiet rikonoxxuti bħala istituzzjonijiet ta' karità mill-Istati Membri u mqabbda fix-xogħol ta' assistenza soċjali jew ta' sigurtà soċjali, safejn dawn il-provvisti mhumiex eżenti skond l-Artikolu 13 |

    15 | Servizzi pprovduti minn kummissjonanti u servizzi ta' kremazzjoni, flimkien mal-provvista ta' oġġetti li għandhom x'jaqsmu ma dawn. |

    16 | Il-provvista tal-kura medika u tas-snien kif ukoll kura termali safejn dawn is-servizzi ma jkunux eżenti skond l-Artikolu 13 |

    17 | Servizzi pprovduti in konnessjoni mat-tindif tat-toroq, il-ġbir taż-żibel u t-trattament ta' l-iskart, li m'humiex il-provvista ta' dawn is-servizzi minn korpi msemmija fl-Artikolu 4(5) |

    "

    --------------------------------------------------

    Top