This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 31991D0453
91/453/EEC: Commission Decision of 30 July 1991 setting up an Advisory Committee on Customs and Indirect Taxation
Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta' Lulju 1991 li tistabbilixxi Kumitat Konsultattiv fuq id-Dwana u t-Taxxa Indiretta
Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta' Lulju 1991 li tistabbilixxi Kumitat Konsultattiv fuq id-Dwana u t-Taxxa Indiretta
ĠU L 241, 30.8.1991, p. 43–45
(ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT) Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali
(FI, SV, CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO, HR)
In force
Official Journal L 241 , 30/08/1991 P. 0043 - 0045
Finnish special edition: Chapter 2 Volume 8 P. 0090
Swedish special edition: Chapter 2 Volume 8 P. 0090
Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta' Lulju 1991 li tistabbilixxi Kumitat Konsultattiv fuq id-Dwana u t-Taxxa Indiretta (91/453/KEE) IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ, Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, Billi Kumitat Konsultattiv fuq Kwistjonijiet tad-Dwana kien stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 73/351 [1], kif emendata bid-Deċiżjoni 86/565/KEE [2], biex jikseb l-opinjonijiet taċ-ċrieki professjonali u tal-konsumatur fuq problemi li joħorġu mit-tħaddim tal-unjoni doganali; Billi ma jeżisti l-ebda forum biex jirrappreżenta interessi professjonali fuq kwistjonijiet ta' taxxa indiretta; billi għandha ssir dispożizzjoni għall-konsultazzjoni ta' partijiet interessati fuq dawn il-kwistjonijiet; Billi qed jidher ċar fid-dawl tal-esperjenza li hemm bżonn ta' tibdiliet fl-istruttura u l-ħidma tal-Kumitat Konsultattiv biex jippermettilu jikkonċentra aktar effettivament fuq dawk l-aspetti tal-politika tal-Komunità fuq id-dwana u t-tassazzjoni li l-Kummissjoni u l-Kumitat innifsu jixtiequ jiżviluppaw fid-dettall; Billi għandu jitwaqqaf Kumitat Konsultattiv fuq id-Dwana u t-Taxxa Indiretta, b'inkarigu li jirrifletti dawn il-preokkupazzjonijiet ġodda; Billi r-regoli ġodda tal-proċedura tal-Kumitat għandhom jirriflettu esperjenza mgħoddija, IDDEĊIDIET KIF ĠEJ: Artikolu 1 Għandu jkun hemm flimkien mal-Kummissjoni, Kumitat Konsultattiv fuq id-Dwana u t-Taxxa Indiretta, minn hawn 'il quddiem msejjaħ il-"Kumitat". Għandu jkun kompost minn rappreżentanti mill-kategoriji li ġejjin: l-industrija, l-agrikultura u s-sajd, il-kummerċ, it-trasport, l-assigurazzjoni u l-banek, l-aġenti tad-dwana (inkluż il-forwarding agents), it-turiżmu, il-qasam tax-xogħol, il-konsumaturi u azjendi ta' daqs żgħir u medju. Artikolu 2 Il-Kumitat għandu jagħti l-opinjonijiet tiegħu lill-Kummissjoni fuq il-materji kollha li jirrigwardaw il-politika tad-dwana, il-VAT u s-sisa, jew fuq talba tal-Kummissjoni jew fuq l-inizjattiva tiegħu. Artikolu 3 1. Il-Kumitat għandu jkollu 19-il membru. 2. Is-siġġijiet għandhom ikunu allokati kif ġej: - tlieta lil rappreżentanti tal-industrija, - tnejn lil rappreżentanti tal-agrikoltura u s-sajd, - tnejn lil rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet tal-kummerċ, - tnejn lil rappreżentanti tal-kmamar tal-kummerċ u tal-industrija, - tnejn lil rappreżentanti tat-trasport, - wieħed lil rappreżentant tal-banek u l-assigurazzjoni, - tnejn lir-rappreżentanti tal-aġenti tad-dwana (inkluż il-forwarding agents), - wieħed lil rappreżentanti tal-korpi tat-turiżmu, - wieħed lil rappreżentant tal-qasam tax-xogħol, - tnejn lil rappreżentanti tal-konsumaturi - wieħed lil rappreżentant tal-azjendi ta' daqs żgħir u medju. Artikolu 4 Il-membri tal-Kumitat għandhom jinħatru mill-Kummissjoni. Il-korpi tal-livell komunitarju jew internazzjonali professjonali jew tal-konsumaturi l-aktar rappreżentattivi tal-attivitajiet affettwati mill-kwistjonijiet tad-dwana u tat-taxxa għandhom jipproponu żewġ kandidati lill-Kummissjoni, ta' nazzjonalitajiet differenti tal-Istati Membri, għal kull siġġu allokat lilhom. Artikolu 5 Għandu jinħatar deputat għal kull membru tal-Kumitat, bil-metodu deskritt f'Artikolu 4. Mingħajr preġudizzju għal Artikolu 9, id-deputati għandhom ikunu preżenti fil-laqgħat tal-Kumitat u għandhom jieħdu parti fil-proċeduri tiegħu biss meta l-membri li jagħmlu minflokhom ma jkunux jistgħu jagħmlu hekk. Artikolu 6 Il-kariga għall-membri tal-Kumitat għandha tkun ta' tliet snin. Din tista’ tiġġedded. Wara li jagħlqu t-tliet snin, il-membri għandhom jibqgħu fil-kariga sakemm jinbiddlu jew il-ħatra tagħhom tiġġedded. Il-kariga ta' membru għandha tispiċċa qabel ma jagħlqu tliet snin fil-każ tar-riżenja tiegħu, jekk jspiċċa mill-organizzazzjoni li jirrappreżenta, jew b’mewtu. Tista’ tispiċċa ukoll meta l-organizzazzjoni li tipproponih titlob li jinbidel. Persuna għandha tinħatar skond il-proċedura preskritta f'Artikolu 4 biex tibdel dak il-membru għal bqija tal-kariga. Il-membri m'għandhomx ikunu mħallsa għas-servizzi tagħhom. Artikolu 7 Lista ta' membri u deputati għandha tkun pubblikat mill-Kummissjoni, għall-finijiet ta' informazzjoni, fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej. Artikolu 8 Il-Kumitat għandu jtella’ president u żewġ viċi presidenti għall-tliet snin. L-elezzjoni għandha tinħtieġ maġġoranza ta' żewġ terzi tal-membri preżenti. Il-membri eletti għandhom ikunu l-uffiċjali tal-Kumitat. Il-Kumitat għandu jeliġi uffiċjali oħra minn fost il-membri tiegħu, ukoll b'maġġoranza ta' żewġ terzi. L-uffiċjali għandhom jippreparaw u jorganizzaw ix-xogħol tal-Kumitat. Artikolu 9 Il-Kumitat jew id-dipartimenti tal-Kummissjoni konċernati jistgħu jistiednu kull persuna bi kwalifiki speċjalisti biex jieħdu sehem fil-proċeduri tiegħu bħala espert fuq materja partikolari fl-aġenda. L-esperti għandhom jieħdu sehem biss f'diskussjonijiet ta' dawk il-materji li fir-rigward tagħhom kienu mistiedna. Artikolu 10 Il-Kumitat jista’ jistabbilixxi gruppi tax-xogħol. Artikolu 11 1. Il-Kumitat għandu jissejjaħ mill-Kummissjoni u għandu jiltaqa’ fil-kwartieri ġenerali tal-Kummissjoni. Laqgħat tal-uffiċjali għandhom jitlaqqgħu mill-president b'arranġament mal-Kummissjoni. 2. Rappreżentanti tad-dipartimenti tal-Kummissjoni konċernati għandhom jieħdu sehem fil-laqgħat tal-Kumitat, tal-uffiċjali tiegħu u tal-gruppi tax-xogħol. 3. Servizzi segretarjali għall-Kumitat, l-uffiċjali tiegħu u l-gruppi ta' ħidma għandhom ikunu provduti mill-Kummissjoni. Artikolu 12 L-ebda vot m'għandu jittieħed fuq kwistjonijiet diskussi mill-Kumitat. Il-Kummissjoni tista’, meta titlob l-opinjoni tal-Kumitat, tiffissa terminu meta din l-opinjoni tista’ tingħata. Il-veduti mfissra mill-kategoriji rappreżentati għandhom ikunu reġistrati fil-minuti, li għandhom jintbagħtu lill-Kummissjoni. Meta jkun hemm qbil unanimu fil-Kumitat fuq l-opinjoni li għandha tingħata, il-Kumitat għandu jabbozza konklużjonijiet konġunti, li għandhom ikunu mehmuża mal-minuti. Artikolu 13 Meta l-Kummissjoni tinforma l-membri tal-Kumitat li opinjoni mitluba jew kwistjoni mqajma tirrigwarda kwistjonijiet ta' natura konfidenzjali, il-membri għandhom ikunu taħt l-obbligu li ma jikxfux l-informazzjoni li jkunu kisbu bix-xogħol tal-Kumitat jew il-gruppi tax-xogħol. F'dawn il-każijiet, il-membri tal-Kumitat u r-rappreżentanti tad-dipartimenti tal-Kummissjoni konċernati biss jistgħu jkunu preżenti fil-laqgħat. Artikolu 14 Id-Deċiżjoni 73/351/KEE hija b'din imħassra. Artikolu 15 Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fit-30 ta' Lulju 1991. Magħmula fi Brussell, it-30 ta' Lulju 1991. Għall-Kummissjoni Christiane Scrivener Membru tal-Kummissjoni [1] ĠU L 321, tat-22.11.1973, p. 37. [2] ĠU L 331, tal-25.11.1986, p. 18. --------------------------------------------------