Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31990L0394

Id-Direttiva tal-Kunsill tat-28 ta' Ġunju, 1990 dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema minn espożizzjoni għar-riskji ta' aġenti karċinoġeni fuq ix-xogħol (Is-Sitt Direttiva partikolari skond it-tifsira ta' Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE)

ĠU L 196, 26.7.1990, p. 1–7 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (FI, SV, CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 19/05/2004; Imħassar b' 32004L0037

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/1990/394/oj

31990L0394



Official Journal L 196 , 26/07/1990 P. 0001 - 0007
Finnish special edition: Chapter 5 Volume 4 P. 0208
Swedish special edition: Chapter 5 Volume 4 P. 0208


Id-Direttiva tal-Kunsill

tat-28 ta' Ġunju, 1990

dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema minn espożizzjoni għar-riskji ta' aġenti karċinoġeni fuq ix-xogħol (Is-Sitt Direttiva partikolari skond it-tifsira ta' Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE)

(90/394/KEE)

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi il-Komunità Ekonomika Ewropea, u partikolarment Artikolu 118a tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni [1], mibgħuta wara l-parir tal-Kumitat Konsultattiv fuq is-Sigurtà, Iġjene u Protezzjoni tas-Saħħa fuq ix-xogħol,

B' kooperazzjoni mal-Parlament Ewropew [2],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [3],

Billi Artikolu 118a tat-Trattat jgħid illi l-Kunsill għandu jadotta, permezz ta' direttivi, ħtiġijiet minimi biex isostnu, l-aktar fl-ambjent tax-xogħol, titjib li jiggarantixxi aħjar il-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema;

Billi, skond dak l-Artikolu, direttivi bħal dawn għandhom jevitaw li jkunu ta' xkiel amministrattiv, finanzjaru u legali li jżomm lura l-ħolqien u l-iżvilupp ta' impriżi żgħar u ta' daqs medju.

Billi r-riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-27 ta' Frar, 1984, dwar it-tieni programm ta' azzjoni tal-Komunitajiet Ewropej dwar saħħa u sigurtà fuq ix-Xogħol [4] tipprovdi għall-iżvilupp tal-miżuri ta' protezzjoni għal ħaddiema li huma esposti għal aġenti karċinoġeni;

Billi l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni fuq il-programm tagħha dwar sigurtà, iġjene u saħħa fuq ix-Xogħol [5] tgħid li għandu jkun hemm Direttivi li jiggarantixxu s-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema;

Billi l-ħarsien ta' ħtiġijiet minimi, maħsuba biex jiggarantixxu livell aħjar ta' saħħa u sigurtà għall-protezzjoni tal-ħaddiema biex ma jkunux esposti għal riskji ta' aġenti karċinoġeni fuq ix-Xogħol, huwa essenzjali biex jiżgura s-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema;

Billi din id-Direttiva hija direttiva partikolari skond it-tifsira ta' l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE tat-12 ta' Ġunju, 1989, dwar l-introduzzjoni ta' miżuri biex isostnu titjib fis-saħħa u fis-sigurtà tal-ħaddiema fuq ix-Xogħol [6]; billi għalhekk id-dispożizzjonijiet ta' dik id-Direttiva japplikaw kollha għall-ħaddiema li jkunu esposti għal aġenti karċinoġeni, mingħajr preġudizzju għal dispożizzjonijiet aktar iebsa u/jew speċifiċi li hemm f'din id-Direttiva;

Billi d-Direttiva tal-Kunsill 67/548/KEE tas-27 ta' Ġunju, 1967, dwar l-approssimazzjoni ta' liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li għandhom x'jaqsmu mal-klassifikazzjoni, l-imballaġġ u l-ittikkettjar ta' sustanzi perikolużi [7], kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 88/490/KEE [8], issemmi lista ta' sustanzi perikolużi, flimkien ma' dettalji fuq il-klassifikazzjoni u proċeduri għall-ittikkettjar meta dawn ikunu qegħdin jinħadmu;

Billi d-Direttiva tal-Kunsill 88/379/KEE tas-7 ta' Ġunju 1988 rigward l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi dwar il-klassifikazzjoni, l-imballaġġ u l-ittikkettjar ta' preparazzjonijiet perikolużi [9], kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 89/178/KEE [10], tinkludi dettalji dwar il-proċeduri ta' klassifikazzjoni u tikkettjar għal dawn il-preparazzjonijiet;

Billi l-pjan ta' l-azzjoni mill-1987 sal-1989, adottat taħt il-programm "Ewropa kontra l-kanċer" jagħti appoġġ lil studji Ewropej dwar il-possibbiltà ta' riskji mill-kanċer minn uħud minn dawn is-sustanżi kimiċi;

Billi għalkemm tagħrif xjentifiku bħalissa mhux f'qagħda li jagħti livell li jekk ma jinqabiżx ma jkunx hemm bizgħa ta' riskju għas-saħħa, iżda jekk tonqos l-espożizzjoni għal aġenti karċinoġeni jonqsu wkoll dawk ir-riskji;

Billi madankollu, biex jingħata sehem għal tnaqqis ta' dawn ir-riskji, għandu jkun hemm valuri ta' limitu u dispożizzjonijiet relattivi oħra dwar dawk l-aġenti karċinoġeni li t-tagħrif li hemm dwarhom, inkluż dak xjentifiku u tekniku, jistgħu jġibu dan it-tnaqqis;

Billi għandhom jittieħdu miżuri ta' prevenzjoni għall-protezzjoni tas-saħħa u tas-sigurtà tal-ħaddiema li jkunu esposti għal aġenti karċinoġeni;

Billi din id-Direttiva ssemmi ħtiġijiet partikolari li huma speċifiċi għal min ikun espost għal aġenti karċinoġeni;

Billi din id-Direttiva hija ta' aspett prattiku fit-twettiq tad-dimensjoni soċjali tas-suq intern;

Billi, skond id-Deċiżjoni 74/325/KEE [11], kif l-aħħar emendata bl-Att ta' Aċċessjoni tal-1985, il-Kumitat Konsultattiv fuq il-Protezzjoni ta' Sigurtà, Iġjene u Saħħa fuq ix-Xogħol għandu jagħti parir lill-Kummissjoni bil-ħsieb li jitfasslu proposti f'dan il-qasam,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

TAQSIMA I

DISPOSIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Għan

1. Din id-Direttiva, li hija s-sitt Direttiva partikolari skond it-tifsira ta' Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE, għandha bħala għan tagħha l-protezzjoni tal-ħaddiema kontra riskji għas-saħħa u s-sigurtà tagħhom, inkluża l-prevenzjoni ta' dawn ir-riskji, li hemm jew li jista' jkun hemm għal min ikun espost għal aġenti karċinoġeni fuq ix-Xogħol.

Hija tistipula l-ħtiġijiet minimi partikolari f'dan il-qasam, inklużi l-valuri ta' limitu.

2. Din id-Direttiva m'għandhiex tapplika għall-ħaddiema li huma esposti biss għar-radjazzjoni msemmija fit-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika.

3. Id-Direttiva 89/391/KEE għandha tapplika kollha għal qasam kollu msemmi fil-paragrafu 1, mingħajr preġudizzju għal dispożizzjonijiet aktar iebsa u/jew speċifiċi li hemm f'din id-Direttiva.

Artikolu 2

Definizzjoni

Għall-finijiet ta' din id-Direttiva, "karċinoġenu" tfisser:

(a) sustanza li għaliha, f'Anness I tad-Direttiva 67/548/KEE, tapplika l-frażi R45 "jista' jikkawża kanċer";

(b) preparazzjoni li, taħt Artikolu 3(5)(j) tad-Direttiva 88/379/KEE, għandha jkollha t-tikketta ta' "R45 jista' jikkawża kanċer;"

(ċ) sustanza, preparazzjoni jew proċess imsemmija f'Anness I, kif ukoll sustanza jew preparazzjoni magħmula minn proċess li hemm referenza għalih f'Anness I.

Artikolu 3

Firxa — determinazzjoni u eżami tar-riskji

1. Din id-Direttiva għandha tapplika għal attivitajiet li fihom il-ħaddiema huma jew jistgħu jkunu esposti għal aġenti karċinoġeni minħabba x-xogħol tagħhom.

2. Fil-każ ta' attività li tista' ġġib magħha riskju ta' espożizzjoni għal aġenti karċinogeni, in-natura, il-grad u t-tul ta' żmien ta' l-espożizzjoni tal-ħaddiema għandhom ikunu stabbiliti biex l-eżami ta' kull riskju għas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema jkun jista' jsir, u biex jissemmew il-miżuri li għandhom jittieħdu.

L-eżami għandu jerġa' jsir regolarment u kull darba li jkun hemm bdil fil-kondizzjonijiet li jistgħu iħallu effett li ħaddiema jkunu esposti għal aġenti karċinoġeni.

Min iħaddem għandu jagħti lill-awtoritajiet responsabbli, meta jitolbuha, it-tagħrif użat biex isir l-eżami.

3. Barra dan, meta jsir eżami tar-riskju, għandhom jitqiesu każijiet oħra kollha ta' espożizzjoni akbar, bħal dawk b'effetti ħżiena fuq il-ġilda.

4. Meta jsir l-eżami msemmi fil-paragrafu 2, dawk li jħaddmu għandhom jieħdu ħsieb aktar dwar l-effetti fuq is-saħħa jew sigurtà tal-ħaddiema f'riskji partikolari, u għandhom, fost oħrajn,iqisu l-ħtieġa li ma jħaddmux nies f'dawk il-postijiet fejn dawn jistgħu jiġu f'kuntatt ma' aġenti karċinoġeni.

TAQSIMA II

DMIRIJIET TA' MIN IĦADDEM

Artikolu 4

Tnaqqis u tibdil

1. Min iħaddem għandu jnaqqas l-użu ta' aġenti karċinoġeni fuq ix-Xogħol, partikolarment billi jibdilhom, sakemm dan jista' jsir, b'sustanza, preparazzjoni jew proċess li l-kondizzjonijiet biex jintużaw ma jkunux ta' periklu jew ikunu ta' inqas periklu għas-saħħa jew is-sigurtà tal-ħaddiem, skond il-każ.

2. Min iħaddem għandu, meta jintalab, jibgħat dak li jkun sab fl-investigazzjonijiet tiegħu lill-awtoritajiet kompetenti.

Artikolu 5

Prevenzjoni u tnaqqis ta' espożizzjoni

1. Meta r-riżultati ta' l-eżami msemmi f'Artikolu 3(2) juru riskju għas-saħħa jew is-sigurtà tal-ħaddiem, il-ħaddiema m'għandhomx jibqgħu esposti għalih.

2. Meta l-aġent karċinoġenu ma jkunx jista' jinbidel teknikament b'sustanza, preparazzjoni jew proċess li l-kondizzjonijiet biex jintuzaw ma jkunux ta' periklu jew ikunu ta' inqas periklu għas-saħħa jew is-sigurtà tal-ħaddiem, min iħaddem għandu jara li, sakemm dan jista' jsir teknikament, l-aġent karċinoġenu jinħadem u jintuża fil-magħluq.

3. Meta dan ma jkunx jista' jsir teknikament fil-magħluq, min iħaddem għandu jara li l-livell ta' espożizzjoni tal-ħaddiema jkun fl-inqas livell teknikament possibbli.

4. Kull fejn ikun użat aġent karċinoġenu, min iħaddem għandu japplika l-miżuri kollha li ġejjin:

(a) il-kwantitajiet ta' aġent karċinoġenu fuq ix-xogħol għandhom ikunu limitati;

(b) l-għadd ta' ħaddiema esposti jew li jistgħu jkunu esposti għandu jinżamm baxx kemm jista' jkun;

(ċ) it-tfassil ta' kif isir ix-xogħol u kontrolli ta' inġinerija għandhom ikunu b'mod li ma jħallux jew li jnaqqsu l-ħruġ ta' aġenti karċinoġeni ġewwa l-post tax-xogħol;

(d) evakwazzjoni mis-sorsi ta' aġenti karċinoġeni, sistema fil-post għall-ħruġ ta' arja jew ventilazzjoni ġenerali, b'mod li dawn il-metodi jkunu kollha tajbin u jaqblu mal-ħtieġa li titħares is-saħħa pubblika u l-ambjent;

(e) l-użu ta' proċeduri xierqa li diġà jeżistu biex jitkejlu aġenti karċinoġeni, partikolarment biex isir magħruf minn kmieni jekk ikunx hemm espożizzjoni mhux tas-soltu li tkun ġejja minn xi ħaġa mhux mistennija jew minn aċċident;

(f) applikazzjoni ta' proċeduri u metodi ta' ħidma f'waqtha;

(ġ) miżuri kollettivi ta' protezzjoni u/jew, fejn l-espożizzjoni ma tkunx tista' tinżamm b'mezzi oħra, miżuri ta' protezzjoni individwali;

(ħ) miżuri ta' iġjene, partikolarment tindif regolari ta' l-art, ħitan u uċuħ oħra;

(i) tagħrif għall-ħaddiema;

(j) fejn ikun hemm riskju għandu jkun immarkat, u għandu jsir użu sewwa ta' sinjali b'avviżi u ta' sigurtà, inkluża sinjali kontra t-tipjip fejn il-ħaddiema aktarx ikunu esposti jew jistgħu jkunu esposti għall-aġenti karċinoġeni;

(k) isiru pjanijiet biex jilqgħu l-emerġenzi li x'aktarx ikun hemm f'espożizzjoni għolja mhux tas-soltu;

(l) mezzi għal ħażna mingħajr periklu, immaniġġjar u trasport, partikolarment bl-użu ta' kontenituri ssiġillatti u b'tikketti fuqhom ċari u li jidhru;

(m) mezzi ta' ġbir mingħajr periklu, ħażna u rimi ta' skart mill-ħaddiema, inkluż l-użu ta' kontenituri ssiġillatti u b'tikketti fuqhom ċari u li jidhru.

Artikolu 6

Informazzjoni għall-awtoritajiet kompetenti

Meta r-riżultati tal-eżami msemmi f'Artikolu 3(2) juru riskju għas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema, min iħaddem għandu, meta jintalab, jagħti lill-awtoritajiet kompetenti informazzjoni xierqa fuq:

(a) l-attivitajiet u/jew proċessi industrijali li jkunu saru, inkluża r-raġunijiet għaliex aġenti karċinoġeni jkunu qegħdin jintużaw;

(b) il-kwantitajiet ta' sustanzi jew preparazzjonijiet maħdumin jew użati li jkollhom aġenti karċinoġeni;

(ċ) l-għadd ta' ħaddiema esposti;

(d) il-miżuri ta' prevenzjoni meħuda;

(e) it-tip ta' apparat protettiv użat;

(f) in-natura u l-grad ta' espożizzjoni;

(ġ) il-każijiet ta' bdil.

Artikolu 7

Espożizzjoni mhux mistennija

1. Fil-każ li tiġri xi ħaġa mhux mistennija jew ikun hemm aċċident li x'aktarx iħalli espożizzjoni mhux tas-soltu għall-ħaddiema, min iħaddem għandu jgħarraf b'dan lill-ħaddiema.

2. Sakemm is-sitwazzjoni terġa' tiġi bħal qabel u l-kawżi ta' l-espożizzjoni jitneħħew:

(a) dawk il-ħaddiema biss li jkun hemm bżonn biex isiru tiswijiet u xogħol ieħor meħtieġ għandhom jitħallew jaħdmu fil-post milqut;

(b) il-ħaddiema li jkollhom x'jaqsmu għandhom jingħataw ilbies protettiv u kull wieħed minnhom apparat prottettiv tan-nifs li huma għandhom jilbsu; illi l-espożizzjoni tista' ma tkunx permanenti u għandha tieħu l-inqas ħin meħtieġ għal kull ħaddiem;

(ċ) ħaddiema li ma jkunux protetti m'għandhomx jitħallew jaħdmu fil-post milqut.

Artikolu 8

Espożizzjonijiet mistennija

1. Għal xi attivitajiet bħall-manutenzjoni, li dwarhom ikun mistenni li jista' jkun hemm żieda sewwa ta' ħaddiema esposti, u li dwarhom ma jkunux jistgħu jittieħdu miżuri aktar biex jillimitaw espożizzjoni lill-ħaddiema, min iħaddem għandu jiddeċiedi, wara konsultazzjoni mal-ħaddiema u/jew mar-rappreżentanti tagħhom fl-impriża jew fl-azjenda, mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltà ta' min iħaddem, dwar il-miżuri meħtieġa li jkollhom jittieħdu biex jitnaqqas kemm jista' jkun id-dewmien tal-ħaddiema għall-espożizzjoni u biex tkun żgurata l-protezzjoni tal-ħaddiema waqt li jkunu qed jagħmlu dawk l-attivitajiet.

Bi qbil ma' l-ewwel sub-inċiż, il-ħaddiema li jkollhom xjaqsmu għandhom jingħataw ilbies protettiv u kull wieħed minnhom apparat prottettiv tan-nifs li huma għandhom jilbsu sakemm tibqa' l-espożizzjoni mhux tas-soltu: illi l-espożizzjoni tista' ma tkunx permanenti u għandha tieħu l-inqas ħin meħtieġ għal kull ħaddiem;

2. Miżuri xierqa għandhom jittieħdu biex jassiguraw li jew il-postijiet li fihom isiru l-attivitajiet imsemmija fl-ewwel sub-inċiż tal-paragrafu 1 ikunu mmarkati u murija sewwa jew li persuni mhux awtorizzati ma jitħallewx b'mezzi oħra jidħlu f'dawk il-postijiet.

Artikolu 9

Aċċess għal postijiet ta' riskju

Miżuri xierqa għandhom jittieħdu minn min iħaddem biex ikun żgurat li f'dawk il-postijiet li fihom isiru l-attivitajiet li dwarhom l-eżami msemmi f'Artikolu 3(2) ikun wera riskju għas-sigurtà jew is-saħħa tal-ħaddiema, ikunu jistgħu jidħlu biss fihom ħaddiema li, minħabba x-xogħol jew id-dmirijiet tagħhom, ikun jinħtiġilhom jagħmlu hekk.

Artikolu 10

Iġjene u protezzjoni individwali

1. Min iħaddem għandu d-dmir, fil-każijiet ta' dawk l-attivitajiet kollha li jkollhom riskju li persuna tittieħed minn aġenti karċinoġeni, li jieħu miżuri xierqa biex jisgura li:

(a) ħaddiema ma jieklux, ma jixorbux jew ma jpejpux fil-postijiet tax-xogħol fejn ikun hemm riskju li huma jittieħdu minn aġenti karċinoġeni;

(b) ħaddiema jingħataw ilbies protettiv jew ilbies ieħor speċjali;

ikun hemm postijiet separati fejn jintrefa' l-ilbies tax-xogħol jew l-ilbies protettiv u l-ilbies ċivili;

(ċ) ħaddiema jkollhom faċilitajiet iġjeniċi biżżejjed u tajbin;

(d) apparat protettiv ikun merfugħ tajjeb f'post magħruf sewwa;

u li jkun eżaminat u mnaddaf jekk jista' jkun qabel ma, u f'kull każ wara li jkun intuża;

apparat difettuż jissewwa jew jinbidel qabel ma jintuża darb'oħra.

2. Ħaddiema jistgħu ma jintalbux iħallsu għall-ispejjeż ta' dawn il-miżuri.

Artikolu 11

Informazzjoni u taħriġ għall-ħaddiema

1. Miżuri xierqa għandhom jittieħdu minn min iħaddem biex ikun assigurat li l-ħaddiema u/jew ir-rappreżentanti tal-ħaddiema fl-impriża jew fl-azjenda jieħdu taħriġ xieraq u biżżejjed, imsejjes fuq l-informazzjoni kollha li tista' tingħatalhom, partikolarment bħala informazzjoni u struzzjonijiet, dwar:

(a) riskji li jista' jkun hemm għas-saħħa, inkluża r-riskji li jiġu mit-teħid tat-tabakk;

(b) prekawzjonijiet li għandhom jittieħdu biex ma jkunx hemm espożizzjoni

(ċ) ħtiġijiet ta' iġjene;

(d) l-użu ta' lbies u apparat protettiv

(e) miżuri li għandhom jieħdu l-ħaddiema, inkluża ħaddiema ta' salvataġġ, f'każ ta' inċidenti u biex ma jkunx hemm inċidenti.

It-taħriġ għandu jkun

- addattat biex jieħu qies ta' riskju li jkun hemm u ta' riskji ġodda, u

- imtenni kull tant żmien jekk ikun meħtieġ.

2. Min iħaddem għandu jgħarraf lill-ħaddiema dwar installazzjoni u kontenituri li jkollhom x'jaqsmu li jkun fihom aġenti karċinoġeni, jaraw li l-kontenituri kollha, pakketti u installazzjonijiet li jkun fihom aġenti karċinoġeni jkollhom tikketti ċari u li jinqraw, u li avviżi ta' twissija u sinjali ta' periklu jitqiegħdu b'mod li jkunu jidhru sewwa

Artikolu 12

Informazzjoni għall-ħaddiema

Miżuri xierqa għandhom jittieħdu biex jiżguraw li:

(a) ħaddiema u/jew kull rappreżentant tal-ħaddiema fl-impriża jew fl-azjenda jkunu jistgħu jaraw li din id-Direttiva tkun applikata jew li huma jkunu jistgħu jagħtu sehemhom fl-applikazzjoni tagħha, partikolarment dwar:

(i) il-konsegwenzi għas-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fl-għażla u fl-użu ta' lbies u apparat protettiv, mingħajr preġudizzju għar-responsabbilità ta' min iħaddem biex iqis kemm l-ilbies u l-apparat ikunu effettivi;

(ii) il-miżuri stabbiliti minn min iħaddem u li huma msemmija fl-ewwel sub-inċiż ta' Artikolu 8(1), mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltà ta' min iħaddem biex jieħu dawn il-miżuri;

(b) ħaddiema u/jew kull rappreżentant tal-ħaddiema fl-impriża jew fl-azjenda jkunu mgħarrfa malajr kemm jista' jkun b'espożizzjonijiet mhux tas-soltu, inkluża dawk li huma msemmija fl-Artikolu 8, bil-kawżi tagħhom u bil-miżuri meħuda jew li jkunu ser jittieħdu biex tissewwa s-sitwazzjoni;

(ċ) min iħaddem iżomm lista aġġornata tal-ħaddiema li jkunu qed jagħmlu l-attivitajiet li dwarhom ir-riżultati ta' l-eżami msemmi f'Artikolu 3(2) juru riskju għas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema, u jindika, jekk ikollu dak it-tagħrif, l-espożizzjoni li huma jkunu ħadu;

(d) it-tabib u/jew l-awtoritajiet kompetenti, kif ukoll il-persuni l-oħra kollha li huma responsabbli mis-saħħa u s-sigurtà fuq ix-Xogħol, ikunu jistgħu jaraw il-lista msemmija fis-sub-inċiż (ċ);

(e) kull ħaddiem ikun jista' jara t-tagħrif fuq il-lista li tkun tapplika għalih personalment;

(f) ħaddiema u/jew kull rappreżentant tal-ħaddiema fl-impriża jew fl-azjenda jkunu jistgħu jaraw tagħrif kollettiv anonimu.

Artikolu 13

Konsultazzjoni u partiċipazzjoni tal-ħaddiema

Konsultazzjoni u parteċipazzjoni tal-ħaddiema u/jew tar-rappreżentanti tagħhom dwar ħwejjeġ imsemmija f'din id-Direttiva, inkluż l-Anness tagħha, għandhom isiru skond Artikolu 11 tad-Direttiva 89/391/KEE.

TAQSIMA III

DISPOSIZZJONIJIET MIXXELLANJI

Artikolu 14

Sorveljanza tas-saħħa

1. Stati Membri għandhom jagħmlu, skond il-liġijiet u/jew il-prattika nazzjonali, arranġamenti biex ikun hemm sorveljanza f'waqtha tas-saħħa ta' ħaddiema li għalihom ir-riżultati ta' l-eżami msemmi f'Artikolu 3(2) juru riskju għas-saħħa jew is-sigurtà.

2. L-arranġamenti msemmija fil-paragrafu 1 għandhom isiru b'mod li kull ħaddiem issirlu, jekk ikun jixraq, sorveljanza tajba ta' saħħtu:

- qabel l-espożizzjoni,

- f'intervalli regolari minn hemm 'il quddiem.

Dawk l-arranġamenti għandhom isiru b'mod li miżuri individwali u ta' iġjene tax-xogħol ikunu jistgħu jsiru mill-ewwel.

3. Jekk ħaddiem jinstab li qed isofri minn anormalità ssuspettata li ġejja minn espożizzjoni għall-aġenti karċinoġeni, it-tabib jew l-awtorità responsabbli għall-ħarsien tas-saħħa tal-ħaddiem jistgħu jitolbu li ħaddiema oħra li kienu hekk esposti ssirilhom sorveljanza ta' saħħithom.

F'dak il-każ, għandu jsir eżami tar-riskju ta' espożizzjoni skond Artikolu 3(2).

4. Fil-każijiet fejn issir sorveljanza tas-saħħa, għandu jinżamm reġistru mediku individwali, u t-tabib jew l-awtorità responsabbli għas-sorveljanza tas-saħħa għandhom jipproponu x'miżuri protettivi jew preventivi għandhom jittieħdu għal ħaddiema individwali.

5. Il-ħaddiema għandhom jingħataw tagħrif u pariri dwar sorveljanza tas-saħħa li tista' ssirilhom wara li tkun waqfet l-espożizzjoni.

6. Skond il-liġijiet u/jew il-prattika nazzjonali:

- il-ħaddiema għandhom ikunu jistgħu jaraw ir-riżultat tas-sorveljanza ta' saħħithom, u

- il-ħaddiema li jkollhom x'jaqsmu jew min iħaddem jistgħu jitolbu li r-riżultati tas-solveljanza tas-saħħa jkunu reveduti

7. Rakkomandazzjonijiet prattiċi għas-sorveljana tas-saħħa tal-ħaddiema jinsabu fl-Anness II.

8. Il-każijiet kollha ta' kanċer li jkunu saru magħrufa skond il-liġijiet u/jew il-prattika nazzjonali minħabba espożizzjoni tax-xogħol għall-aġenti karċinoġeni għandhom ikunu nnotifikati lill-awtorità kompetenti.

Artikolu 15

Żamma ta' reġistri

1. Il-lista msemmija f'Artikolu 12(ċ) u r-reġistru mediku msemmi f'Artikolu 14(4) għandhom jinżammu mill-inqas 40 sena wara t-tmiem ta' l-espożizzjoni, skond il-liġijiet u/jew il-prattika nazzjonali

2. L-awtoritajiet responsabbli għandhom jingħataw dawk id-dokumenti fil-każijiet fejn l-impriża ma tibqax miftuħa, skond il-liġijiet u/jew il-prattika nazzjonali.

Artikolu 16

Valuri ta' limitu

1. Il-Kunsill għandu, skond il-proċeduri msemmija f'Artikolu 118a tat-Trattat, jistabbilixxi valuri ta' limitu f'Direttivi skond tagħrif li jkollu, inkluż tagħrif xjentifiku u tekniku dwar dawk l-aġenti karċinoġeni kollha, jekk dan jista' jsir, u, fejn ikun meħtieġ, dispożizzjonijiet oħra li jkollhom x'jaqsmu direttament.

2. Valuri ta' limitu u dispożizzjonijiet oħra li jkollhom x'jaqsmu direttament għandhom jissemmew f'Anness III.

Artikolu 17

Annessi

1. L-Annessi I u III jistgħu jkunu emendati biss skond il-proċedura msemmija f'Artikolu 118a tat-Trattat.

2. Aġġustamenti li jkunu biss tekniċi għal Anness II fid-dawl tal-progress tekniku, bdil fir-regolamenti internazzjonali jew speċifikazzjonijiet u sejbiet ġodda fil-qasam ta' aġenti karċinoġeni għandhom ikunu adottati skond il-proċedura msemmija f'Artikolu 17 tad-Direttiva 89/391/KEE.

Artikolu 18

Użu ta' tagħrif

Il-Kummissjoni għandha jkollha aċċess għall-użu magħmul mill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali tat-tagħrif imsemmi fl-Artikolu 14(8).

Artikolu 19

Dispożizzjonijiet finali

1. Stati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li jkunu meħtieġa biex ikunu jaqblu ma' din id-Direttiva sa mhux aktar tard mill-31 Diċembru 1992.

Jekk, wara n-notifika ta' din id-Direttiva, id-Direttivi 67/548/KEE jew 88/379/KEE ikunu emendati dwar is-sustanzi u t-preparazzjonijiet, li bl-Artikolu 2(a) u (b) jistgħu jkunu emendati, Stati Membri għandhom iġibu fis-seħħ dawk il-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex idaħħlu dawn l-emendi fid-dispożizzjonijiet msemmija fis-sub-inċiż saż-żmien imsemmi għall-implimentazzjoni ta' l-emendi ta' dawk id-Direttivi.

Stati Membri għandhom mill-ewwel jgħarrfu lill-Kummissjoni meta d-dispożizzjonijiet imsemmija f'dan il-paragrafu jkunu nġabu fis-seħħ.

2. Stati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni dwar id-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li jkunu ġja adottaw jew li jkunu ser jadottaw fil-futur f'dak li għandu x'jaqsam ma din id-Direttiva.

Artikolu 20

Din id-Direttiva hija ndirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fil-Lussemburgu, it-28 ta' Ġunju, 1990.

Għall-Kunsill

Il-President

M. Geoghegan-quinn

[1] ĠU Ċ 34, tat-8.2.1988, p. 9.

[2] ĠU Ċ 158, tas-26.6.1989, p. 121 u ĠU Ċ 149, tat-18.6.1990.

[3] ĠU Ċ 208, tat-8.8.1988, p. 43.

[4] ĠU Ċ 67, tat-8.3.1984, p. 2.

[5] ĠU Ċ 28, tat-3.2.1988, p. 1.

[6] ĠU L 183, tad-29.6.1989, p. 1.

[7] ĠU Ċ 196, tas-16.8.1967, p. 1.

[8] ĠU L 259, tad-19.9.1988, p. 1.

[9] ĠU L 187, tas-16.7.1988, p. 14.

[10] ĠU L 64, tat-8.3.1989, p. 18.

[11] ĠU L 185, tad-9.7.1974, p. 15.

--------------------------------------------------

ANNESS I

Lista ta' sustanzi, preparazzjonijiet u proċessi (Artikolu 2(ċ))

1. Manifattura ta' auramine.

2. Xogħol li jġib miegħu espożizzjoni għal idrokarboni poliċikliċi aromatiċi li hemm fin-nugrufun tal-faħam, qatran, żift, dħaħen jew trabijiet.

3. Xogħol li jġib miegħu espożizzjoni għal trabijiet, dħaħen u raxx mix-xiwi u elettro-raffinar ta' kupru-nikil f'temperaturi għolja.

4. Proċessi aċidużi qawwija fil-manifattura ta' alkaħol isopropil.

--------------------------------------------------

ANNESS II

Rakkomandazzjonijiet prattiċi għas-sorveljanza tas-saħħa tal-ħaddiema (Artikolu 14(7))

1. It-tabib u/jew l-awtorità responsabbli li tissorvelja s-saħħa tal-ħaddiema esposti għal aġenti karċinoġeni għandhom ikunu familjari mal-kondizzjonijiet ta' espożizzjoni jew ċirkostanzi ta' kull ħaddiem.

2. Is-sorveljanza tas-saħħa tal-ħaddiema għandha ssir bi qbil mal-prinċipji u l-prattika tal-mediċina tax-xogħol; hija għandha tinkludi mill-inqas il-miżuri li ġejjin:

- żamma ta' reġistri dwar l-istorja medika u tax-xogħol tal-ħaddiem,

- intervista personali,

- fejn ikun xieraq, sorveljanza bioloġika, kif ukoll l-għarfien minn kmieni ta' effetti prematuri u riversibbli.

Jista' jkun hemm aktar eżamijiet għal kull ħaddiem meta saħħtu tkun qed tiġi sorveljata, fid-dawl ta' tagħrif l-aktar reċenti li jkun hemm dwar mediċina tax-xogħol.

--------------------------------------------------

ANNESS III

Valuri ta' limitu u dispożizzjonijiet oħra li għandhom x'jaqsmu direttament (Artikolu 16)

A. Valuri ta' limitu

p.m.

B. Dispożizzjonijiet oħra li għandhom x'jaqsmu direttament

p.m.

--------------------------------------------------

Top