Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31989L0437

    Id-Direttiva tal-Kunsill ta' l-20 ta' Ġunju 1989 dwar il-problemi ta' l-iġjene u tas-saħħa li jaffettwaw il-produzzjoni u t-tqegħid fuq is-suq tal-prodotti tal-bajd (89/437/KEE)

    ĠU L 212, 22.7.1989, p. 87–100 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (FI, SV, CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2005; Imħassar b' 32004L0041

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/1989/437/oj

    31989L0437



    Official Journal L 212 , 22/07/1989 P. 0087 - 0100
    Finnish special edition: Chapter 3 Volume 30 P. 0003
    Swedish special edition: Chapter 3 Volume 30 P. 0003


    Id-Direttiva tal-Kunsill

    ta' l-20 ta' Ġunju 1989

    dwar il-problemi ta' l-iġjene u tas-saħħa li jaffettwaw il-produzzjoni u t-tqegħid fuq is-suq tal-prodotti tal-bajd

    (89/437/KEE)

    IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 43 tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1],

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2],

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [3],

    Billi, sabiex tkun assigurata l-operazzjoni ħienja tas-suq komuni u aktar speċjalment ta' l-organizzazzjoni tas-suq komuni tal-bajd stabbilit bir-Regolament (KEE) Nru 2771/75 [4], kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KEE) Nru 3907/87 [5], u tas-sistema komuni tal-kummerċ għall-ovalbumina u l-laktalbumina introdotta bir-Regolament (KEE) Nru 2783/75 [6], kif emendat bir-Regolament (KEE) Nru 4001/87 [7], huwa essenzjali li l-promozzjoni tal-prodotti tal-bajd ma jibqgħux imxekkla bid-differenzi li jeżistu bejn l-Istati Membri rigward l-ħtiġiet tas-saħħa f'dan il-qasam; billi din tippermetti l-produzzjoni li tkun aktar armonizzata u ġġib kompetizzjoni fuq bażi ndaqs filwaqt li tiggarantixxi prodott ta' kwalità lill-konsumaturi;

    Billi l-kummerċ ta' ċerti prodotti tal-bajd li mhumiex koperti bl-Anness II tat-Trattat huma konnessi mill-qrib mal-kummerċ tal-prodotti tal-bajd li għalihom teżisti organizzazzjoni tas-suq filwaqt li t-tgħawwiġ tal-kompetizzjoni għandha tkun eliminata għall-prodotti kollha tal-bajd;

    Billi jidher li jkun xieraq li jkunu esklużi mill-iskop ta' din id-Direttiva l-prodotti tal-bajd li jinkisbu f'impriżi ta' skala żgħira, ħwienet jew ristoranti u użati għall-manifattura ta' l-oġġetti ta' l-ikel maħsuba għall-bejgħ direttament lejn il-konsumatur finali jew ikunu kkonsumati fuq il-post;

    Billi l-ħtiġiet tas-saħħa għandhom ikunu stabbiliti għall-produzzjoni, il-ħażna u t-trasport tal-prodotti tal-bajd; billi, partikolarment, huwa importanti li regoli jkunu stabbiliti biex jirregolaw l-approvazzjoni ta' l-istabbilimenti;

    Billi huwa importanti wkoll li l-ħtiġiet tas-saħħa li għandhom jitħarsu mill-prodotti tal-bajd ikunu stabbiliti;

    Billi l-imsemmija regoli għandhom japplikaw b'mod identiku għall-kummerċ ġewwa l-Komunità u għall-kummerċ ġewwa l-Istati Membri;

    Billi hija r-responsabbiltà primarja tal-produtturi li jassiguraw li l-prodotti tal-bajd iħarsu l-ħtiġiet tas-saħħa stabbiliti f'din id-Direttiva; billi l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri għandhom, billi jwettqu eżamijiet u verifiki, jaraw li l-produtturi jħarsu l-ħtiġiet fuq imsemmija; billi r-regoli li jirregolaw dawn il-verifiki u l-ispezzjonijiet iridu jikkunsidraw id-domanda tas-suq intern;

    Billi verifika mingħajr regola partikolari għandha ssir biex tiżvela l-preżenza tar-residwi ta' sostanzi li jistgħu jkunu ta' ħsara għas-saħħa tal-bniedem;

    Billi miżuri ta' kontroll tal-Komunità għandhom jiddaħħlu biex jiggarantixxu l-applikazzjoni uniformi fl-Istati Membri kollha tal-livelli stabbbiliti f'din id-Direttiva;

    Billi, fil-kuntest tal-kummerċ ġewwa l-Komunità, il-kunsinnatur, il-kunsinnatarju jew ir-rappreżentant tagħhom għandhom jingħataw l-opportunità, meta tinqala' tilwima ma' l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri tad-destinazzjoni, li jiksbu l-opinjoni ta' espert;

    Billi l-prodotti tal-bajd manifatturati f'pajjiż terz maħsuba biex jitqiegħdu fuq is-suq fit-territorju tal-Komunità m'għandhomx jikkwalifikaw għall-arranġamenti aktar favorevoli minn dawk stabbiliti f'din id-Direttiva; billi disposizzjoni għandha ssir għall-proċedura tal-Komunità biex ikunu spezzjonati l-istabbilimenti f'pajjiżi terzi;

    Billi l-Kummissjoni għandha tkun fdata bl-inkarigu li tadotta ċerti miżuri biex timplimenta din id-Direttiva; billi, għal dak l-għan, proċeduri għandhom ikunu stabbiliti biex jintroduċu koperazzjoni mill-qrib u effettiva bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri fil-Kumitat Permanenti tal-Veterinarji,

    ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

    Artikolu 1

    Din id-Direttiva tistabbilixxi l-ħtiġiet ta' l-iġjene u tas-saħħa li jikkonċernaw il-produzzjoni u tqegħid fuq is-suq tal-prodotti tal-bajd għall-konsum dirett mill-bniedem jew għall-manifattura ta' l-oġġetti ta' l-ikel.

    B'dana kollu, din id-Direttiva m'għandhiex tapplika għal:

    - oġġetti lesti ta' l-ikel manifatturati mill-prodotti tal-bajd, kif definiti fl-Artikolu 2 u li jilħqu mad-disposizzjonijiet ta' l-Artikolu 3,

    - prodotti tal-bajd li jinkisbu minn impriżi fuq skala żgħira u li, mingħajr ma jkunu għaddew minn xi trattament, jintużaw għall-manifattura ta' l-oġġetti ta' l-ikel maħsuba għall-bejgħ dirett, mingħajr xi intermedjarji, lejn il-konsumatur jew ikkonsumati fuq il-post minnufih wara li jkunu preparati.

    Artikolu 2

    Għall-fini ta' din id-Direttiva, id-definizzjoni mogħtija fl-Artikolu 1 (2) tar-Regolament (KEE) Nru 2772/75 [8] għandha tkun applikabbli. Id-definizzjonijiet li ġejjin ukoll għandhom japplikaw:

    1. prodotti tal-bajd: prodotti miksuba mill-bajd, il-varji komponenti u t-taħlitiet tagħhom, wara li titneħħa l-qoxra u l-membrana, maħsuba għall-konsum tal-bniedem; jistgħu jkunu parzjalment issupplimentati b'oġġetti ta' l-ikel jew adittivi oħra; jistgħu jkunu likwidi, ikkonċentrati, niexfin, ikkristallizzati, iffriżati, iffriżati malajr jew mibdula f'semisolidi;

    2. razzett ta' produzzjoni: mingħajr preġudizzju għar-Regolament (KEE) Nru 2782/75 [9], razzett għall-produzzjoni tal-bajd intenzjonati għall-konsum tal-bniedem;

    3. stabbiliment: stabbiliment approvat għall-manifattura u/jew it-trattament tal-prodotti tal-bajd;

    4. bajd imxaqqaq: bajd bil-qoxra mxaqqa imma mhux imkissra, bil-membrana sħiħa;

    5. grupp: kwantità tal-prodotti tal-bajd li ġew preparati bl-istess kondizzjonijiet u partikolarment ittrattati f'operazzjoni waħda kontinwa:

    6. kunsinna: kwantità tal-prodotti tal-bajd għal kunsinna waħda għal destinazzjoni waħda għal aktar ipproċessar mill-industrija ta' l-ikel jew maħsuba għall-konsum dirett tal-bniedem;

    7. pajjiż li qed jibgħat: l-Istat Membru jew il-pajjiż terz minn fejn il-prodotti tal-bajd jintbagħtu lejn Stat Membru ieħor;

    8. pajjiż tad-destinazzjoni: l-Istat Membru lejn fejn il-prodotti tal-bajd jintbagħtu minn Stat Membru ieħor jew minn pajjiż terz;

    9. pakkettjar: it-tqegħid ta' prodotti tal-bajd f'kull forma ta' pakkett;

    10. l-awtorità kompetenti: id-dipartiment veterinarju jew kull dipartiment ieħor ekwivalenti nnominat mill-Istat Membru konċernat biex jissorvelja l-konformità mad-disposizzjonijiet ta' din id-Direttiva;

    11. tqegħid fuq is-suq: il-promozzjoni (il-kummerċjalizzar) tal-prodotti tal-bajd, kif definiti fil-punt 5 ta' l-Artikolu 1 tar-Regolament (KEE) Nru 2772/75.

    Artikolu 3

    L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-prodotti tal-bajd biss li jħarsu l-ħtiġiet ġenerali li ġejjin huma produċuti bħala oġġetti ta' l-ikel jew li jkunu użati fil-manifattura ta' l-oġġetti ta' l-ikel:

    (a) riedu li kienu nkisbu mill-bajd tat-tiġieġ, tal-papri, tal-wiżż, tad-dundjani, tat-tjur tal-Ginea jew tas-summien, imma mhux taħlita ta' bajd minn l-ispeċi differenti;

    (b) għandhom ikollhom indikazzjoni tal-persentaġġ ta' l-ingredjenti tal-bajd li jkun fihom meta jkunu parzjalment issupplimentati minn oġġetti oħra ta' l-ikel jew, basta li jwettqu l-ħtiġiet ta' l-Artikolu 12, bl-adittivi;

    (ċ) kellhom ikunu ġew ittrattati jew ippreparati fi stabbiliment approvat bi qbil ma' l-Artikolu 6 li huwa konformi mal-Kapitoli I u II ta' l-Anness, u jissodisfa l-ħtiġiet ta' din id-Direttiva;

    (d) kellhom ikunu ppreparati permezz tal-kundizzjonijiet ta' l-iġjene li huma konformi mal-Kapitoli III u V ta' l-Anness, minn. bajd li jilħqu l-ħtiġiet stabbiliti fl-Kapitolu IV ta' l-Anness;

    (e) kellhom ikunu għaddew minn proċess ta' trattament awtorizzat permezz tal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 14 li jippermettilhom li jilħqu inter alia l-ispeċifikazzjonijiet analitiċi stabbiliti fil-Kapitolu VI ta' l-Anness.

    B'dana kollu, meta jkun meħtieġ għal raġunijiet teknoloġiċi assoċjati mal-preparazzjoni ta' ċerti oġġetti ta' l-ikel miksuba mill-prodotti tal-bajd, l-awtorità kompetenti għandha tiddeċiedi, fuq bażi tal-kriterja li trid tkun stabbilita skond il-proċedura stabbbilita fl-Artikolu 14, li ċerti prodotti tal-bajd m'għandhomx għalfejn jgħaddu mit-trattament; f'każ bħal dan, il-prodotti tal-bajd għandhom jintużaw mingħajr dewmien fl-istabbiliment fejn huma intenzjonati għal manifattura ta' l-oġġetti l-oħra ta' l-ikel;

    (f) kellhom ikunu konformi ma' l-ispeċifikazzjonijiet analitiċi stabbiliti fil-Kapitolu VI ta' l-Anness;

    (g) kellhom ikunu għaddew minn verifika tas-saħħa bi qbil mal-Kapitolu VII ta' l-Anness;

    (h) kellhom ikunu ġew ippakkjati bi qbil mal-Kapitolu VIII ta' l-Anness;

    (i) kellhom ikunu ġew maħżuna u ttrasportati bi qbil mal-Kapitoli IX u X ta' l-Anness;

    (j) għandhom ikollhom it-timbru tal-bonta li hemm provvediment dwaru fil-Kapitolu XI ta' l-Anness u, meta intenzjonati għal konsum dirett mill-bniedem, għandhom jilħqu l-ħtiġiet tad-Direttiva tal-Kunsill 79/112/KEE tat-18 ta' Diċembru 1978 dwar it-tqarrib tal-liġijiet ta' l-Istati Membri relatati mat-tikkettjar, il-preżentazzjoni u r-reklamar ta' l-oġġetti ta' l-ikel għall-bejgħ lejn il-konsumatur finali [10], kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 86/197/KEE [11].

    Artikolu 4

    L-awtoritajiet kompetenti għandhom jassiguraw li l-manifatturi tal-prodotti tal-bajd jadottaw il-miżuri kollha meħtieġa biex ikunu konformi ma' din id-Direttiva, u partikolarment li:

    - kampjuni għall-eżaminazzjoni tal-laboratorju jittieħdu sabiex jivverifikaw li l-ispeċifikazzjonijiet stabbiliti fil-Kapitolu VI ta' l-Anness ikunu jitħarsu,

    - prodotti tal-bajd li ma jistgħux jinżammu f'temperatura normali jkunu ttrasportati jew maħżuna fit-temperaturi stipulati fil-Kapitoli IX u X ta' l-Anness,

    - il-perjodu li matulu l-konservazzjoni tal-prodotti tal-bajd tkun assigurata huwa stabbilit,

    - ir-riżultati tal-verifiki u t-testijiet varji ikunu rrekordjati u jinżammu biex ikunu preżentati lilhom għal perjodu ta' sentejn,

    - kull grupp ikun immarkat b'tali mod li d-data tat-trattament tiegħu tista' tkun identifikata; din il-marka tal-grupp trid tidher fuq ir-rekord tat-trattament u fuq il-marka tal-bonta tagħhom li hemm provvediment dwaru fil-Kapitolu XI.

    Artikolu 5

    1. L-Istati Membri għandhom jassiguraw li verifiki jkunu effettwati biex jinstabu xi residwi ta' sostanzi li fihom azzjoni farmakoloġika jew ormonali, u ta' antibijotiċi, pestiċidi, deterġenti u sostanzi oħra li huma ta' ħsara jew li jistgħu jbiddlu l-karatteristiċi organolettiċi tal-prodotti tal-bajd jew jagħmlu l-konsum tagħhom perikoluż jew li jagħmel il-ħsara lis-saħħa tal-bniedem.

    2. Jekk il-prodotti tal-bajd eżaminati juru traċċi ta' residwi b'eċċess tal-livelli permissibbli stabbiliti bi qbil mal-paragrafu 4, m'għandhomx jitħallew jintużaw fl-ikel għall-konsum tal-bniedem jew jitqiegħdu fuq is-suq, jew għall-manifattura ta' l-oġġetti ta' l-ikel u għall-konsum dirett tal-bniedem.

    3. It-testijiet għar-residwi għandhom isiru skond il-metodi ppruvati u xjentifikament rrikonoxxuti, parikolarment dawk preskritti fid-Direttivi tal-Komunità jew fir-regoli internazzjonali l-oħra.

    Għandu jkun possibbli li jsiru estimi tat-testijiet għar-residwi bl-użu tal-metodi ta' referenza stabbiliti bi qbil mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 14 wara li l-Kumitat Xjentifiku Veterinarju ikun ta l-opinjoni tiegħu.

    Bi qbil ma' l-istess proċedura, mill-inqas laboratorju wieħed ta' referenza jrid ikun nominat f'kull Stat Membru biex iwettaq l-eżami għar-residwi fil-każ ta' l-applikazzjoni ta' l-Artikoli 7 u 8.

    Il-Kummissjoni għandha tippubblika l-metodi ta' referenza u l-lista tal-laboratorji ta' referenza fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

    4. Waqt li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni, il-Kunsill għandu jadotta:

    - l-arranġamenti dettaljati għas-sorveljanza,

    - it-tolleranzi għas-sostanzi li hemm referenza dwarhom fil-paragrafu 2,

    - il-frekwenza ta' meta għandhom jittieħdu l-kampjuni.

    Artikolu 6

    1. L-Istati Membri jħejju listi ta' l-istabbilimenti approvati tagħhom, li kull wieħed ikollu numru ta' l-approvazzjoni. L-Istati Membri għandhom jgħaddu din il-lista lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni.

    L-ebda Stat Membru m'għandu japprova stabbiliment sakemm il-konformità ma' din id-Direttiva tkun assigurata. Stat Membru għandu jirtira l-approvazzjoni jekk il-kondizzjonijiet li ngħatat fuqhom ma jibqgħux jkunu mħarsa. L-Istati Membri l-oħra u l-Kummissjoni għandhom ikunu infurmati bl-irtirar ta' l-approvazzjoni.

    2. L-ispezzjoni u s-sorveljanza ta' l-istabbilimenti u ċ-ċentri ta' l-ippakkjar għandhom jitwettqu regolarment taħt ir-responsabbiltà ta' l-awtorità kompetenti, li f'kull ħin irid ikollha aċċess ħieles għal kull parti ta' l-istabbilimenti, sabiex tassigura li din id-Direttiva qed tkun osservata.

    Jekk dawn l-ispezzjonijiet jiżvelaw li mhux il-ħtiġiet kollha ta' din id-Direttiva qed ikunu milħuqa, l-awtorità kompetenti għandha tieħu l-azzjoni li hemm bżonn biex tirrimedja s-sitwazzjoni.

    Artikolu 7

    1. Esperti mill-Kummissjoni jistgħu, b'koperazzjoni ta' l-awtoritajiet kompetenti, jagħmlu verifiki fuq il-post sa kemm dan ikun indispensabbli biex jassiguraw l-applikazzjoni uniformi tad-Direttiva; jistgħu partikolarment jivverifikaw jekk l-istabbilimenti jew iċ-ċentri ta' l-ippakkjar approvati bi qbil ma' l-Artikolu 5 (3) tar-Regolament (KEE) Nru 2772/75 ikunux attwalment konformi ma' din id-Direttiva.

    Stat Membru li fit-territorju tiegħu ssir il-verifika għandu jagħti l-assistenza kollha li hemm bżonn lill-esperti biex iwettqu dmirijiethom. Il-Kummissjoni għandha tavża lill-Istat Membru konċernat bir-riżultati ta' dawn il-verifiki.

    L-Istat Membru konċernat għandu jieħu l-miżuri kollha li hemm bżonn biex jieħu akkont tar-riżultati tal-verifika. Jekk l-Istat Membru ma jieħux dawk il-miżuri, il-Kummissjoni tista', bi qbil mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 13, tiddeċiedi li l-Istat Membru f'dak il-każ ikollu jwaqqaf it-tqegħid fis-suq tal-prodotti tal-bajd mill-istabbiliment li jonqos milli jkun konformi ma' din id-Direttiva.

    2. Qabel ma jsiru l-verifiki li hemm referenza dwarhom fil-paragrafu 1, bi qbil mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 14, id-disposizzjonijiet ġenerali għall-applikazzjoni ta' dan l-Artikolu għandhom ikunu determinati u rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni għandha tkun stabbilita, li jkun fiha r-regoli li għandhom ikunu mħarsa għall-iskop tal-verifiki li hemm provvediment dwarhom fil-paragrafu 1.

    Artikolu 8

    1. Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 6 u 7, il-pajjiż tad-destinazzjoni jista', meta jkun hemm bażi serja ta' suspetti ta' l-irregolaritajiet, iwettaq spezzjonijiet mhux diskriminatorji tal-prodotti tal-bajd sabiex jivverifika li l-kunsinna tkun tilħaq il-ħtiġiet ta' din id-Direttiva.

    2. L-ispezzjonijiet li hemm referenza dwarhom fil-paragrafu 1 għandhom jitwettqu fil-post tad-destinazzjoni ta' l-oġġetti jew f'post addattat ieħor, basta li fil-każ ta' l-aħħar l-għażla tal-post tfixkel mill-inqas possibbli t-triq ta' l-oġġetti.

    Dawn l-ispezzjonijiet għandhom jitwettqu malajr kemm jista' jkun biex ma jdewmux bla bżonn it-tqegħid tal-prodotti tal-bajd fuq is-suq, jew jikkawżaw dewmien li jista' jħassar il-kwalità tagħhom.

    3. Jekk, matul spezzjoni mwettqa skond il-paragrafi 1 u 2, jinstab li l-prodotti tal-bajd ma jkunux konformi ma' din id-Direttiva, l-awtorità kompetenti tal-pajjiż tad-destinazzjoni tista' tagħti lill-kunsinnatur, lill-kunsinnatarju jew lir-rappreżentant tagħhom l-għażla li jirtira l-kunsinna mis-suq sabiex tgħaddi minn iktar trattamenti jew li tintuża għal skopijiet oħra jekk permissibbli fuq il-bażi ta' saħħa. Jekk le, l-alternattiva offruta trid tkun li jinqerdu l-prodotti tal-bajd. F'kull każ, miżuri ta' prekawzjoni għandhom jittieħdu mill-awtorità kompetenti biex ma jitħalliex l-użu ħażin ta' dawn il-prodotti tal-bajd.

    4. (a) Id-deċiżjonijiet u l-bażi li fuqhom jittieħdu għandhom ikunu nnotifikati lill-kunsinnatur, lill-kunsinnatarju jew lir-rappreżentant tagħhom. Jekk din il-persuna titlob hekk, raġunijiet għandhom jingħataw għal dawk id-deċiżjonijiet u jridu jkunu nnotifikati lilu minnufih bil-miktub flimkien mal-partikolarijiet tar-rimedji li għandu għad-disposizzjoni tiegħu skond il-liġi, il-forom tagħhom u l-limiti ta' żmien li matulhom trid tittieħed l-azzjoni.

    Ir-rimedji għad-disposizzjoni tal-kunsinnatur, tal-kunsinnatarju jew tar-rappreżentant tagħhom m'għandhomx ikunu affettwati minn din id-Direttiva.

    (b) Jekk dawn id-deċiżjonijiet ikunu bbażatti fuq l-eżistenza ta' riskju serju partikolari għas-saħħa tal-bniedem, għandhom ikunu kkomunikati mill-ewwel lill-awtorità kompetenti ta' l-Istat Membru tal-kunsinja u lill-Kummissjoni.

    (ċ) Wara din il-komunikazzjoni, il-miżuri xierqa jistgħu jittieħdu bi qbil mal-proċeduri stabbiliti fl-Artikolu 13, partikolarment għall-iskop tal-kordinazzjoni tal-miżuri meħuda fi Stati Membri oħra rigward il-prodotti tal-bajd konċernati.

    5. L-Istati Membri għandhom jagħtu lill-kunsinnaturi li l-prodotti tagħhom tal-bajd ma jistgħux jitqiegħdu fuq is-suq bħala riżultat ta' spezzjoni kif hemm ipprovdut fil-paragrafu 1 id-dritt li tinkiseb l-opinjoni ta' espert.

    L-espert għandu jkun ċittadin ta' Stat Membru apparti mil-pajjiż tal-kunsinja jew il-pajjiż tad-destinazzjoni.

    Il-Kummissjoni, li taġixxi fuq proposta mill-Istati Membri, għandha tħejji lista ta' l-esperti li jistgħu jkunu mqabbda biex jippreparaw dawn l-opinjonijiet. Ir-regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta' dan il-paragrafu għandhom ikunu adottati bi qbil mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 14.

    Artikolu 9

    Meta Stat Membru jikkunsidra, wara li jwettaq l-ispezzjoni bi qbil ma' l-Artikolu 8 li d-disposizzjonijiet ta' din id-Direttiva m'għadhomx ikunu mħarsa fi stabbiliment fi Stat Membru ieħor, dan għandu b'hekk javża lill-awtorità kompetenti ta' dak l-Istat. L-imsemmija awtorità għandha tieħu l-miżuri kollha meħtieġa u tavża lill-awtorità kompetenti ta' l-ewwel Stat Membru bid-deċiżjonijiet meħudha u bir-raġunijiet għal dawk id-deċiżjonijiet.

    Jekk l-ewwel Stat Membru jibża' li dawk il-miżuri ma jkunux ittieħdu jew li mhumiex tajbin biżżejjed, iż-żewġ Stati Membri flimkien għandhom ifittxu modi u metodi biex jirranġaw is-sitwazzjoni, jekk hemm bżonn, permess ta' żjara ta' spezzjoni ta' l-istabbiliment.

    L-Istati Membri għandhom javżaw lill-Kummissjoni bit-tilwim u s-soluzzjonijiet li jintlaħqu.

    Jekk l-Istati Membri ma jkunux jistgħu jaslu għal ftehim, wieħed minnhom għandu jirreferi l-materja fi żmien raġonevoli lill-Kummissjoni, li għandha tagħti struzzjonijiet lil espert wieħed jew aktar biex jagħti opinjoni.

    Sakemm tasal dik l-opinjoni, l-Istat Membru li qiegħed jibgħat għandu jintensifika l-verifiki fuq il-prodotti tal-bajd li jkunu ġejjin mill-istabbiliment f'dak il-każ u, fuq talba ta' l-Istat Membru tad-destinazzjoni, il-Kummissjoni għandha minnufih tagħti struzzjonijiet lil espert biex imur fl-istabbiliment tal-kunsinnatur sabiex jipproponi miżuri temporanji xierqa ta' protezzjoni.

    Fid-dawl ta' l-opinjoni li hemm provvediment dwarha fir-raba' subparagrafu, jew ir-riżultat tal-verifiki mwettqa bi qbil ma' l-Artikolu 7 (1), l-Istati Membri jistgħu jkunu awtorizzati, skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 13, li temporanjament ma jħallux aċċess fit-territorju tagħhom għall-prodotti tal-bajd li jkunu ġejjin minn dak l-istabbiliment.

    L-awtorizzazzjoni bħal din tista' tkun irtirata permezz tal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 13 fuq il-bażi ta' opinjoni oħra mwassla minn espert wieħed jew aktar.

    L-esperti għandhom ikunu ċittadini ta' Stat Membru apparti minn dawk involuti fit-tilwima.

    Ir-regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta' dan l-Artikolu għandhom ikunu adottati bi qbil mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 14.

    Artikolu 10

    L-Anness ta' din id-Direttiva għandu jkun emendat mill-Kunsill li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni.

    Artikolu 11

    1. Sa kemm isseħħ l-applikazzjoni tad-disposizzjonijiet ta' din id-Direttiva, id-disposizzjonijiet nazzjonali li jirregolaw l-importazzjoni tal-prodotti tal-bajd minn pajjiżi terzi għandhom ikomplu jgħoddu u ma għandhomx ikunu aktar favorevoli minn dawk li jirrelogaw il-kummerċ intra-Komunitarju.

    2. Spezzjonijiet fuq il-post għandhom jitwettqu minn esperti mill-Istati Membri u l-Kummissjoni. L-esperti ta' l-Istati Membri li jkunu ngħataw struzzjonijiet biex iwettqu dawn l-ispezzjonijiet għandhom ikunu nnominati mill-Kummissjoni fuq proposti mill-Istati Membri. L-ispezzjonijiet għandhom isiru f'isem il-Komunità, li tħallas l-ispejjeż irrelatati magħhom.

    3. Lista ta' l-istabbilimenti li jħarsu l-ħtiġiet stabbiliti fl-Anness għandha titħejja bi qbil mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 14.

    4. Iċ-ċertifikat tas-saħħa li jakkumpanja l-prodotti ma' l-importazzjoni u l-forma u n-natura tat-timbru tal-bonta tagħhom applikati għall-prodotti għandhom ikunu bħall-mudell li jrid ikun iddeterminat bi qbil mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 14.

    Artikolu 12

    Il-Kunsill, li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu jiddeċiedi liema adittivi li jinsabu fil-lista ta' l-adittivi awtorizzati mir-regoli tal-Komunità fis-seħħ fuq l-adittivi li jistgħu jintużaw fl-oġġetti ta' l-ikel jistgħu jintużaw fil-prodotti tal-bajd definiti fl-Artikolu 3 (a) u r-regoli dettaljati fuq dan l-użu.

    Skemm ikun hemm din id-deċiżjoni, ir-regoli nazzjonali li jirregolaw dan l-użu għandhom ikomplu japplikaw.

    Artikolu 13

    1. Meta l-proċedura stabbilita f'dan l-Artikolu għandha tkun applikata, il-materja għandha tkun irreferuta lejn il-Kumitat Permanenti tal-Veterinari stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-15 ta' Ottubru 1968 (minn issa 'il quddiem riferut bħala 'il-kumitat'), mill-president tiegħu fuq l-inizzjattiva tiegħu stess jew fuq talba ta' Stat Membru.

    2. Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni għandu jissottometti lejn il-kumitat abbozz tal-miżuri li għandhom jittieħdu. Il-kumitat għandu jwassal l-opinjoni tiegħu fuq l-abbozz fil-limitu taż-żmien li l-president jista' jistabbilixxi skond l-urġenza tal-materja. L-opinjoni għandha tingħata bil-maġġoranza kif stabbilita fl-Artikolu 148 (2) tat-Trattat fil-każ tad-deċiżjonijiet li l-Kunsill ikun meħtieġ jadotta fuq proposta mill-Kummissjoni. Il-voti tar-rappreżentanti ta' l-Istati Membri fil-kumitat għandhom ikunu mgħobbija bil-manjiera stabbilita f'dak l-Artikolu. Il-president m'għandux jivvota.

    3. Il-Kummissjoni għandha tadotta l-miżuri maħsuba jekk ikunu bi qbil ma' l-opinjoni tal-kumitat.

    4. Jekk il-miżuri maħsuba ma jkunx bi qbil ma' l-opinjoni tal-kumitat, jew jekk l-ebda opinjoni ma titwassal, il-Kummissjoni għandha, mingħajr dewmien, tissottometti lejn il-Kunsill proposta rigward il-miżuri li għandhom jittieħdu. Il-Kunsill għandu jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata.

    Jekk, fi żmien 15-il ġurnata mid-data tar-riferiment lejn il-Kunsill, il-Kunsill ikun għadu ma aġixxix, il-miżuri proposti għandhom ikunu adottati mill-Kummissjoni, apparti minn meta l-Kunsill ikun iddeċieda kontra l-imsemmija miżuri b'maġġoranza sempliċi.

    Artikolu 14

    1. Meta il-proċedura stabbilita f'dan l-Artikolu għandha tkun applikata, il-president għandu jirreferi l-materja mingħajr dewmien lejn il-kumitat fuq l-inizzjattiva tiegħu stess jew fuq talba ta' Stat Membru.

    2. Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni għandu jissottometti lejn il-kumitat abbozz tal-miżuri li għandhom jittieħdu. Il-kumitat iwassal l-opinjoni tiegħu fuq l-abbozz fil-limitu taż-żmien li l-president jista' jistabbilixxi skond l-urġenza tal-materja. L-opinjoni għandha tkun mogħtija mil-maġġoranza kif stabbilita fl-Artikolu 148 (2) tat-Trattat fil-każ tad-deċiżjonijiet li l-Kunsill ikun meħtieġ li jaddotta fuq proposta mill-Kummissjoni. Il-voti tar-rappreżentanti ta' l-Istati Membri fil-kumitat għandhom ikunu mgħobbija kif stabbilit f'dak l-Artikolu. Il-president m'għandux jivvota.

    3. Il-Kummissjoni għandha tadotta l-miżuri maħsuba jekk ikunu bi qbil ma' l-opinjoni tal-kumitat.

    4. Jekk il-miżuri maħsuba ma jkunux bi qbil ma' l-opinjoni tal-kumitat, jew jekk l-ebda opinjoni ma tingħata, il-Kummissjoni għandha, mingħajr dewmien, tissottometti lejn il-Kunsill proposta rigward il-miżuri li għandhom jittieħdu. Il-Kunsill għandu jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata.

    Jekk, fi żmien tliet xhur mid-data tar-riferiment lejn il-Kunsill, il-Kunsill ikun għadu ma aġixxix, il-miżuri pproponuti għandhom ikunu adottati mill-Kummissjoni, apparti minn meta l-Kunsill ikun iddeċieda kontra l-miżuri b'maġġoranza sempliċi.

    Artikolu 15

    L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex ikunu konformi ma' din id-Direttiva sal-31 ta' Diċembru 1991. Huma għandhom jinfurmaw minnufih lill-Kummissjoni dwar dan.

    Il-Kummissjoni għandha, mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 1994, tissottometti rapport lill-Kunsill dwar l-esperjenza miksuba fuq is-suġġett, akkumpanjat, meta xieraq, mill-proposti mmirati biex ikun addattat l-Anness ta' din id-Direttiva wara li jkun ittieħed akkont speċjali ta' l-iżviluppi xjentifiċi u teknoloġiċi.

    Artikolu 16

    Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmula fil-Lussemburgu, 20 ta' Ġunju 1989.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    C. Romero Herrera

    [1] ĠU C 67, ta’ l-14. 3. 1987, pġ. 9. u ĠU C 53, tat-2. 3. 1989, pġ. 10.

    [2] ĠU C 187, tat-18. 7. 1988, pġ. 184.

    [3] ĠU C 232, tal-31. 8. 1987, pġ. 1.

    [4] ĠU L 282, ta’ l-1. 11. 1975, pġ. 49.

    [5] ĠU L 370, tat-30. 12. 1987, pġ. 14.

    [6] ĠU L 282, ta’ l-1. 11. 1975, pġ. 104.

    [7] ĠU L 377, tal-31. 12. 1987, pġ. 44.

    [8] ĠU L 282, ta' l-1. 11. 1975, pġ. 56.

    [9] ĠU L 282, ta' l-1. 11. 1975, pġ. 100

    [10] ĠU L 33, tat-8. 2. 1979, pġ. 1.

    [11] ĠU L 144, tad-29. 5. 1986, pġ. 38.

    --------------------------------------------------

    ANNESS

    KAPITOLU I

    KONDIZZJONIJIET ĠENERALI TA' L-APPROVAZZJONI U L-OPERAZZJONI

    L-istabbilimenti għandhom ikollhom mill-inqas:

    1. f'postijiet fejn il-bajd jinħażnu u fejn il-prodotti tal-bajd huma mmanifatturati jew maħżuna:

    (a) paviment li minnu ma jgħaddix ilma li jkun faċli li jitnaddaf u li jkun iddisinfettat, ma jitmermirx u mpoġġi b'tali mod li jiffaċilita l-iskular ta' l-ilma; l-ilma għandu jxaqleb lejn katusi mgħammra bi gradilja jew trappoli biex ma jħallux irwejjaħ;

    (b) ħitan lixxi, ta' ħajja twila, li ma jgħaddix ilma minnhom, b'kisja ta' kulur ċar, li jinħaslu sa għoli ta' mill-inqas żewġ metri u mill-inqas sa l-għoli ta' ħażna fil-kmamar tas-silġ u kesħa u fl-imħażen. Fejn jiltaqgħu il-ħitan ma' l-art għandu ikun fit-tond jew irranġat b'tali mod li jkun faċli biex jitnaddaf;

    (ċ) bibien ta' materjal li ma jitmermirx u, jekk ta' l-injam, b'kisja lixxa u li ma jgħaddix ilma minnha fuq iż-żewġ naħat;

    (d) soqfa li huma faċli jitnaddfu u li nbnew u kompluti b'tali mod li ma jħallux li jinġabar il-ħmieġ u li titrabba l-moffa, il-possibbilità ta' tqaxxir taż-żebgħa u l-kondensazzjoni tal-fwar ta' l-ilma;

    (e) ventilazzjoni adegwata u, jekk meħtieġ, estrazzjoni tajba tal-fwar;

    (f) dawl naturali jew artifiċjali adegwat;

    (g) viċin kemm jista' jkun lejn l-istazzjonijiet ta' xogħol:

    - numru adegwat ta' faċilitajiet għat-tindif u d-disinfettar ta' l-idejn u t-tindif tat-tagħmir b'ilma jaħraq. Il-vitin m'għandhomx ikunu operabbli bl-idejn imma bid-dirgħajn. Għat-tindif ta' l-idejn, dawn il-faċilitajiet għandhom ikunu pprovduti b'ilma kontinwu sħun u kiesaħ jew ilma mħallat minn qabel għal temperatura tajba, prodotti għat-tindif u ddisinfettar u x-xugamani ta' l-idejn li jistgħu jintużaw darba biss,

    - faċilitajiet biex tkun iddisinfettata l-għodda;

    2. numru xieraq ta' kmamar fejn jistgħu jinbiddlu l-ħwejjeġ, b'ħitan u art lixxi, ma jgħaddix minnhom u jinħaslu, mejjilli tal-ħasil u maħsel bil-flushing. Dan ta' l-aħħar m'għandux jagħti direttament għall-post tax-xogħol. Il-mejjilli tal-ħasil irid ikollhom ilma kontinwu sħun u kiesaħ jew ilma mħallat minn qabel għal temperatura tajba, materjali għat-tindif u d-disinfettar ta' l-idejn, u xugamani ta' l-idejn li jistgħu jintużaw darba biss. Iv-vitin tal-mejjilli ma jridux ikunu operabbli bil-pala ta' l-id. Għandu jkun hemm numru biżżejjed ta' mejjilli viċin il-maħsel;

    3. post separat u faċilitajiet adekwati għat-tindif u d-disinfettar tal-kontenituri u t-tankijiet fissi u mobbli. B'dana kollu, dan il-post u dawn il-faċilitajiet ma jkunux meħtieġa jekk ikun hemm provvediment għat-tindif u d-disinfettar tal-kontenituri u t-tankijiet f'ċentri oħra;

    4. faċilitajiet għall-provvista ta' l-ilma esklussivament għax-xorb skond it-tifsira tad-Direttiva tal-Kunsill 80/778/KEE tal-15 ta' Lulju 1980 rigward il-kwalità ta' l-ilma maħsub għall-konsum tal-bniedem [1];

    B'dana kollu, il-faċilitajiet li jipprovdu l-ilma mhux tajjeb għax-xorb huma awtorizzati għall-produzzjoni tal-fwar, ġlied kontra n-nar u li jkessħu t-tagħmir tar-refriġerazzjoni, sakemm il-pajpijiet installati għal dan l-iskop ma jħallux l-użu ta' dan l-ilma għal skopijiet oħra u ma jippreżentaw l-ebda riskju ta' kontaminazzjoni tal-prodotti tal-bajd. Il-fwar u l-ilma kkonċernati ma jistgħux jiġu f'kuntatt mal-prodotti tal-bajd jew jintużaw għat-tindif jew id-disinfettar tal-kontenituri, magni jew tagħmir li jagħmlu kuntatt mal-prodotti tal-bajd. Il-pajpijiet li minnhom jgħaddi l-ilma mhux tajjeb għax-xorb iridu jintgħarfu sewwa minn dawk li minnhom jgħaddi l-ilma tajjeb għax-xorb;

    5. tagħmir xieraq għall-protezzjoni kontra pesti bħal ma huma insetti jew annimali gerriema;

    6. tagħmir, biċċiet ta' makkinarju u strumenti jew l-uċuh tagħhom li huma maħsuba biex jagħmlu kuntatt mal-prodotti tal-bajd iridu jkunu magħmula minn materjal lixx li faċli jinħasel, jitnaddaf u li jkun iddisinfettat, jiflaħ għas-sadid u ma jittrasferixxix sostanzi lejn il-prodotti tal-bajd f'tali kwantitajiet li jipperikola s-saħħa tal-bniedem, joħloq deterjorazzjoni fil-komposizzjoni tal-prodotti tal-bajd jew jaffettwa ħażin il-karatteristiċi organolettiċi tagħhom.

    KAPITOLU II

    KONDIZZJONIJIET SPEĊJALI GĦALL-APPROVAZZJONI TA' L-ISTABBILIMENTI

    B'żieda mal-kondizzjonijiet stabbbiliti fil-Kapitolu I, l-istabbilimenti jrid ikollhom mill-inqas:

    1. kmamar tajbin kbar biżżejjed għall-ħażna separata tal-bajd u l-prodotti lesti tal-bajd, meta jkun hemm bżonn, b'tagħmir tar-refriġerazzjoni biex il-prodotti tal-bajd jinżammu f'temperaturi adegwati; imħażen kesħin iridu jkunu mgħammra b'termometru jew termometru mwarrab li jirrekordja;

    2. meta jintużaw bajd maħmuġin, faċilitajiet għall-ħasil u d-disinfettar tal-bajd; lista tal-prodotti awtorizzati biex iwettqu din id-disinfettazzjoni għandha titħejja bi qbil mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 14;

    3. (a) kamra speċjali bil-faċilitajiet li hemm bżonn biex jitkissru l-bajd u jinġabar il-kontenut tagħhom u jitneħħew il-partijiet tal-qoxra u l-membrana;

    (b) kamra separata għall-operazzjonijiet għajr dawk riferuti f'(a).

    Meta l-prodotti jkunu ppasturizzati, il-pasturizzazzjoni tista' ssir fil-kamra riferuta f'(a), meta l-istabbiliment għandu sistema magħluqa ta' pasturizzazzjoni; f'każi oħra l-pasturizzazzjoni trid issir fil-kamra riferuta f'(b). Fil-każ ta' l-aħħar, kull pass għandu jittieħed biex tkun evitata l-kontaminazzjoni tal-prodotti tal-bajd wara l-pasturizzazzjoni tagħhom;

    4. faċilitajiet tajbin fl-impjant biex jinġarr il-kontenut tal-bajd;

    5. fil-każijiet li hemm provvediment dwarhom f'din id-Direttiva, it-tagħmir approvat mill-awtorità kompetenti għat-trattament tal-prodotti tal-bajd, mgħammra mill-inqas bi:

    (a) fil-każ ta' pasturizzazzjoni:

    - kontroll awtomatiku tat-temperatura,

    - termometru li jirrekordja,

    - apparat awtomatiku ta' sigurtà li ma jħallix sħana mhux biżżejjed;

    (b) fil-każ ta' sistema kontinwa ta' pasturizzazzjoni, it-tagħmir irid ukoll ikun mgħammar bi:

    - sistema adegwata ta' sigurtà li ma tħallix it-taħlit tal-prodotti pasturizzati tal-bajd ma' prodotti mhux kompletament pasturizzati tal-bajd, u

    - apparat awtomatiku ta' sigurtà li jirrekordja li ma jħallix li sseħħ it-taħlita msemmija qabel;

    6. kamra għall-ħażna ta' l-oġġetti ta' l-ikel u l-adittivi l-oħra;

    7. meta l-prodotti jkunu ppakkjati f'kontenituri li wara jintremew, post adegwat u, jekk meħtieġ, separat għall-ħażna ta' dawn il-kontenituri u l-materja prima maħsuba għall-manifattura tagħhom;

    8. faċilitajiet għat-tneħħija immedjata u l-ħażna separata ta' qxur vojta, u tal-bajd u l-prodotti tal-bajd li mhumiex tajbin għall-konsum tal-bniedem;

    9. tagħmir tajjeb għall-ippakkjar bl-iġjene tal-prodotti tal-bajd;

    10. biex isiru l-analiżi u l-eżamijiet skond il-ħtiġiet ta' din id-Direttiva fuq il-materja prima u l-prodotti tal-bajd, l-istabbiliment irid ikollu laboratorju xieraq. Jekk le, għandu jassigura s-servizzi ta' laboratorju li jaqdi dawk il-ħtiġiet. Fil-każ ta' l-aħħar għandu jinforma lill-awtorità kompetenti kif meħtieġ;

    11. meta meħtieġ, tagħmir xieraq biex jitwaqqa' s-silġ mill-prodotti friżati tal-bajd li għandu jgħaddi minn trattament u aktar tqandil minn stabbiliment approvat;

    12. kamra separata għall-ħażna tal-prodotti għat-tindif u d-disinfettar;

    KAPITOLU III

    IL-ĦTIĠIET TA' L-IĠJENE RIGWARD IL-FOND, IT-TAGĦMIR U L-PERSONAL TA' L-ISTABBILIMENTI

    L-għola livell ta' ndafa għandu ikun meħtieġ mill-personal, fil-fond u fit-tagħmir:

    1. il-personal li jittrattaw u jmissu l-bajd u l-prodotti tal-bajd għandhom, partikolarment, jilbsu lbies tax-xogħol u lbies tar-ras nodfa. Għandhom jaħslu u jiddisinfettaw idejhom bosta drabi matul kull ġurnata xogħol u wara li jerġgħu lura għax-xogħol.

    Mhux permess tipjip, li jieklu, jobżqu jew jomogħdu f'postijiet fejn il-bajd u l-prodotti tal-bajd huma trattati jew maħżuna;

    2. l-ebda annimal ma jista' jidħol fl-istabbiliment. Xi annimali gerriema, insetti jew dud ieħor li jinstab għandhom jinqerdu sistematikament;

    3. il-fond, it-tagħmir u l-istrumenti użati għal xogħol fuq il-prodotti tal-bajd iridu jinżammu nodfa u fi stat tajjeb ta' tiswija. It-tagħmir u l-istrumenti jridu jitnaddfu bir-reqqa u jkunu ddisinfettati bosta drabi jekk hemm bżonn matul il-ġurnata tax-xogħol, fl-aħħar tal-ġurnata tax-xogħol u qabel jerġgħu jintużaw meta jkunu tħammġu. Sistemi magħluqa ta' kannen biex jinġarru l-prodotti tal-bajd jridu jkunu provduti b'sistema tajba ta' tindif li tassigura t-tindif u d-disinfettar tagħhom fil-partijiet kollha. Wara li jitnaddfu u jkunu ddisinfettati, il-pajpijiet iridu jkunu mlaħalħa b'ilma tajjeb għax-xorb;

    4. il-fond, l-istrumenti u t-tagħmir m'għandhomx jintużaw għal skopijiet għajr l-ipproċessar tal-prodotti tal-bajd apparti milli l-ipproċessar ta' oġġetti oħra ta' l-ikel jew fl-istess waqt jew f'ħinijiet differenti wara li tinkiseb l-awtorizzazzjoni ta' l-awtorità kompetenti, sakemm il-miżuri kollha li hemm bżonn jittieħdu biex jevitaw il-kontaminazzjoni ta' jew l-iskambju ħażin fil-prodotti koperti b'din id-Direttiva;

    5. l-ilma tajjeb għax-xorb irid jintuża għall-iskopijiet kollha: b'dana kollu, l-ilma mhux tajjeb għax-xorb jista' jintuża f'każijiet eċċezzjonali għall-produzzjoni tal-fwar sakemm il-pajpjiet installati għal dan l-iskop ma jippermettux l-użu ta' dan l-ilma għal skopijiet oħra u ma jippreżentaw l-ebda periklu ta' kontaminazzjoni tal-bajd u l-prodotti tal-bajd. Barra minn hekk, l-użu ta' l-ilma mhux tajjeb għax-xorb jista' jkun awtorizzat f'każijiet ta' eċċezzjoni biex ikessaħ it-tagħmir tar-refriġerazzjoni. Il-pajpijiet ta' l-ilma mhux tajjeb għax-xorb iridu jintgħarfu sewwa minn dawk użati għall-ilma tajjeb għax-xorb;

    6. deterġenti, disinfettanti u sostanzi simili jridu jintużaw u li jkunu maħżuna b'tali mod li l-istrumenti, it-tagħmir u l-prodotti tal-bajd ma jkunux affettwati ħażin. Wara l-użu tagħhom it-tali strumenti u t-tagħmir għandhom jitlaħalħu sew b'ilma tajjeb għax-xorb;

    7. il-persuni li huma sorsi possibbli ta' kontaminazzjoni ma jridux jitħallew milli jaħdmu fi jew imissu l-bajd jew il-prodotti tal-bajd;

    8. kull persuna impjegata biex taħdem fil jew li titratta l-bajd jew il-prodotti tal-bajd għandha tkun meħtieġa li tipproduċi ċertifikat mediku biex turi li m'hemm l-ebda raġuni għalfejn hu jew hi m'għandhomx ikunu ngaġġati f'dan ix-xogħol. Iċ-ċertifikat mediku jrid jiġġedded kull sena sakemm ma jkunx hemm skema medika oħra ta' eżami tal-personal li toffri garanziji simili li tkun rikonoxxuta bi qbil mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 14.

    KAPITOLU IV

    IL-ĦTIĠIET LI JIKKONĊERNAW IL-BAJD MAĦSUBA GĦALL-MANIFATTURA TAL-PRODOTTI TAL-BAJD

    1. Il-bajd użat għall-manifattura tal-prodotti tal-bajd iridu jkunu mqiegħda f'pakketta li huma konformi mar-Regolament (KEE) Nru 95/69 tas-17 ta' Jannar 1969 li jimplimenta r-Regolament (KEE) Nru 1619/68 dwar in-normi tal-kummerċ tal-bajd [2], kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KEE) Nru 3906/86 [3].

    2. (a) Għall-manifattura tal-prodotti tal-bajd, bajd mhux inkubat biss li huma tajbin għall-konsum tal-bniedem jistgħu jintużaw; il-qoxra tagħhom trid tkun żviluppata kompletament jew ma jkolliex xquq;

    (b) b'mod ta' deroga minn (a), il-bajd imxaqqaq jista' jintuża għall-manifattura tal-prodotti tal-bajd sakemm jitwasslu direttament miċ-ċentri ta' l-ippakkjar u r-razzett tal-produzzjoni lejn l-istabbiliment approvat, fejn jitkissru malajr kemm jista' jkun.

    3. Il-bajd u l-prodotti tal-bajd li mhumiex tajbin għall-konsum tal-bniedem iridu jitneħħew u titbiddel is-sura tagħhom b'tali mod li ma jistgħux jerġgħu jintużaw għall-konsum tal-bniedem. Għandhom minnufih jitqiegħdu fil-kamra li hemm provvediment dwarha fil-punt 8 tal-Kapitolu II.

    KAPITOLU V

    IL-ĦTIĠIET SPEĊJALI TA' L-IĠJENE GĦALL-MANIFATTURA TAL-PRODOTTI TAL-BAJD

    L-operazzjonijiet kollha jridu jsiru b'tali mod li jevitaw kull kontaminazzjoni matul il-produzzjoni, it-trattament u l-ħażna tal-prodotti tal-bajd, u partikolarment;

    1. il-bajd u l-prodotti tal-bajd ippreżentati għal trattament suċċessiv fi stabbiliment approvat iridu jinħażnu minnufih malli jaslu fil-kmamar li hemm provvediment dwarhom fil-Kapitolu II, il-punt I sakemm ikunu proċessati. It-temperatura ta' dawn il-kmamar trid tkun tali biex tassigura li ma jkunux ikkontaminati. Turtieri tal-qxur tal-bajd m'għandhomx jitpoġġew direttament ma' l-art;

    2. il-bajd irid jitneħħa mill-pakketti, u, jekk hemm bżonn, maħsula u disinfettati, f'kamra li tkun separata mill-kamra fejn jitkissru; il-materjal tal-pakketti m'għandux jiddaħħal fil-kamra fejn jitkissru;

    3. il-bajd għandu jitkisser fil-kamra li hemm provvediment dwarha fil-Kapitolu II, il-punt 3 (a); il-bajd imxaqqaq kif imsemmi fil-Kapitolu IV, punt 2 (b) għandu ikun ipproċessat mingħajr dewmien;

    4. bajd maħmuġ għandu jkun imnaddaf qabel jitkisser; dan irid isir f'kamra li hija separata mill-kamra fejn jitkissru jew minn kull kamra fejn il-kontenut espost tal-bajd huwa użat. Il-proċeduri ta' tindif iridu jkunu tali li ma jħallux kontaminazzjoni jew tħassir bit-taħlit tal-kontenuti tal-bajd. Il-qxur iridu jkunu nexfin biżżejjed meta jitkissru biex ma jħallux tħassir tal-kontenut tal-bajd bil-fdalijiet ta' l-ilma tat-tindif;

    5. il-bajd għajr dawk tat-tiġieġ jew dawk tad-dundjani jew tjur tal-Ginea jridu jkunu amministrati u proċessati separatament. It-tagħmir kollu jrid jitnaddaf u jkun iddisinfettat meta l-ipproċessar tal-bajd tat-tiġieġ u dawk tad-dundjani u t-tjur tal-Ginea jerġa' jitkompla;

    6. it-tkissir, kwalunkwe proċedura li tintuża, trid issir b'tali mod li tkun evitata kemm jista' jkun il-kontaminazzjoni tal-kontenut tal-bajd. Għal dak l-iskop, il-kontenut tal-bajd ma jistax jinkiseb biċ-ċentrifugazzjoni jew bit-tgħaffiġ tal-bajd, lanqas ma tista' ċentrifugazzjoni tintuża biex jinkisbu l-fdalijiet ta' l-abjad tal-bajd mill-qxur vojta. Il-fdalijiet tal-qxur jew il-membrani jridu jinżammu 'l barra mill-prodott tal-bajd kemm jista' jkun u m'għandhomx jaqbżu l-kwantità speċifikata fil-punt 2 (c) tal-Kapitolu VI;

    7. wara it-tkissir, kull partiċella tal-prodott tal-bajd trid tgħaddi minn trattament malajr kemm jista' jkun; it-trattament tas-sħana jikkonsisti minn trattament tal-prodott tal-bajd taħt temperatura xierqa għal perjodu xieraq biex jelimina kull organiżmu patoġeniku li hemm preżenti. Matul it-trattament tas-sħana, it-temperaturi jridu jkunu reġistrati kontinwament. Ir-rekords ta' kull grupp li għadda mit-trattament għandhom jinżammu għad-disposizzjoni ta' l-awtorità kompetenti għal sentejn. Grupp li ma kienx trattat biżżejjed jista' minnufih jerġa' jgħaddi minn trattament fl-istess stabbiliment sakemm it-trattament il-ġdid iġibu tajjeb għall-konsum tal-bniedem; jekk ma jinstabx tajjeb għall-konsum tal-bniedem, għandu jitkisser skond il-punt 3 tal-Kapitolu IV;

    8. jekk it-trattament ma jsirx minnufih wara t-tkissir, il-kontenut tal-bajd irid jinħażen taħt kondizzjonijiet sodisfaċenti ta' iġjene, jew iffriżati jew f'temperatura ta' mhux iktar minn 4°C. Il-perjodu tal-ħażna b'4°C m'għandux jaqbeż 48 siegħa, ħlief fil-każ ta' l-ingredjenti li jrid jitneħħilhom iz-zokkor;

    9. meta ċerti prattiċi ta' produzzjoni jeħtieġu hekk, il-Kummissjoni għandda tiddetermina, bi qbil ma' l-Artikolu 14 u sal-31 ta' Diċembru 1991, l-eżistenza ta' każijiet speċjali u għandha tistabbilixxi l-kondizzjonijiet speċifiċi li għalihom il-prodotti tal-bajd li ġejjin minn stabbiliment approvat jistgħu jkunu trattati fi stabbiliment approvat ieħor, bil-fehma li l-kondizzjonijiet ġenerali li ġejjin jitħarsu:

    (a) hekk kif il-prodotti tal-bajd jinkisbu, iridu jew ikunu ffriżati jew imkessħa għal temperatura ta' mhux aktar minn 4°C fil-każ ta' l-aħħar, iridu jkunu trattati fil-post tad-destinazzjoni tagħhom matul it-48 siegħa wara t-tkissir tal-bajd minn fejn inkisbu, ħlief fil-każ ta' l-ingredjenti li jrid jitneħħilhom iz-zokkor;

    (b) iridu jkunu ppakkjati, eżaminati, ittrasportati u amministrati skond il-ħtiġiet tad-Direttiva;

    (ċ) iridu jkunu ttikkettjati skond il-ħtiġiet stabbiliti fil-Kapitolu XI In-natura ta' l-oġġetti trid tkun indikata kif ġej: prodotti tal-bajd mhux pasturizzati għandhom ikunu trattati fil-post ta' destinazzjoni id-data u l-ħin tat-tkissir;

    10. aktar operazzjonijiet ta' proċessar wara t-trattament għandhom jassiguraw li ma jkunx hemm kontaminazzjoni mill-ġdid tal-prodott tal-bajd; prodotti likwidi jew prodotti konċentrati li ma kienux stabilizzati biex jinżammu fit-temperatura tal-kamra għandhom jew jitnixxfu jew jitkessħu għal temperatura li ma taqbiżx l-4°C minnufih, jew wara li jgħaddu minn proċess ta' fermentazzjoni; prodotti għall-iffriżar iridu jkunu friżati minnufih wara t-trattament;

    11. il-prodotti tal-bajd iridu jinżammu fit-temperaturi meħtieġa minn din id-Direttiva sakemm jintużaw għall-manifattura ta' l-oġġetti l-oħrajn ta' l-ikel;

    12. fl-istabbilimenti approvati, il-preparazzjoni tal-prodotti tal-bajd mill-materja prima li mhix tajba għall-manifattura ta' l-oġġetti ta' l-ikel mhux permess, anki għal skopijiet mhux ta' l-ikel.

    KAPITOLU VI

    SPEĊIFIKAZZJONIJIET ANALITIĊI

    1. Kriterji mikrobijoloġiċi

    Il-gruppi kollha tal-prodotti tal-bajd għandhom, wara t-trattament, jgħaddu minn spezzjonijiet mikrobijoloġiċi billi jittieħdu kampjuni minn stabbilimenti ta' trattament sabiex jiggarantixxu li jħarsu l-kriterji li ġejjin:

    (a) salmonellae: assenza f'25g jew ml tal-prodott tal-bajd;

    (b) kriteri oħra:

    - bakterja mesofolika aerobika: M = 10 [4] fi 1g jew 1ml,

    - enterobacteriaceae: M = 10 [5] fi 1g jew 1ml,

    - staphylococci: assenza fi 1g tal-prodott tal-bajd,

    M = il-valur massimu tan-numru ta' bakterja; ir-riżultat huwa meqjus mhux sodisfaċenti jekk in-numru ta' bakterja f'unita waħda jew aktar ta' kampjun tkun M jew aktar.

    2. Kriteri oħra

    Il-gruppi kollha tal-prodotti tal-bajd iridu jgħaddu minn spezzjonijiet billi jittieħdu kampjuni fl-istabbilimenti tat-trattament sabiex jiggarantixxu li jħarsu l-kriterji li ġejjin:

    (a) il-konċentrazzjoni ta' aċidu 3 OH-butyric m'għandux jeċċedi l-10 mg/kg fil-materja niexfa tal-prodott tal-bajd mhux modifikat;

    (b) sabiex jassigura l-amministrazzjoni iġjenika tal-bajd u l-prodotti tal-bajd qabel it-trattament, ir-regoli li ġejjin għandhom ikunu applikabbli:

    - il-kontenut ta' aċidu lattiku ma jridx jaqbeż l-1000mg/kg tal-materja niexfa tal-prodott tal-bajd (applikabbli biss għall-prodott mhux ittrattat),

    - il-kontenut ta' aċidu suċċiniku m'għandux jeċċedi l-25 mg/kg tal-materja niexfa tal-prodott tal-bajd.

    Fil-każ ta' prodotti ffermentati, b'dana kollu, dawn il-valuri huma dawk irrekordjati qabel il-proċess ta' fermentazzjoni;

    (ċ) il-kwantità tal-fdalijiet tal-qoxra tal-bajd, membrana tal-bajda u kull partiċella oħra tal-prodott tal-bajd m'għandhiex taqbeż il-100 mg/kg tal-prodott tal-bajd;

    (d) il-kwantitajiet residwi tas-sostanzi msemmija fl-Artikolu 5 (1) ma jistgħux jaqbżu t-tolleranzi msemmija fl-Artikolu 5 (4);

    3. qabel il-31 ta' Diċembru 1991, il-Kummissjoni għandha, bi qbil mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 14, tiddetermina:

    - il-metodi ta' l-analiżi u tat-testijiet,

    - il-pjani ta' kif jittieħdu l-kampjuni,

    - in-numru ta' kampjuni li għandhom jittieħdu,

    - it-tolleranzi analitiċi.

    Sa kemm iseħħu dawn id-deċiżjonijiet l-Istati Membri għandhom jirrikonoxxu bħala metodi ta' referenza l-metodi kollha ta' analiżi u testijiet li huma rikonoxxuti internazzjonalment.

    KAPITOLU VII

    IL-KONTROLL TAS-SAĦĦA U S-SUPERVIŻJONI TAL-PRODUZZJONI

    1. L-istabbilimenti għandhom ikunu suġġetti għas-superviżjoni mill-awtorità kompetenti.

    Superviżjoni mill-awtorità kompetenti għandha tinkludi xi miżuri ta' superviżjoni li jkunu meqjusa bħala meħtieġa biex tassigura li l-manifatturi tal-prodotti tal-bajd iħarsu l-ħtiġiet ta' din id-Direttiva u partikolarment:

    - verifiki dwar l-oriġini tal-bajd u d-destinazzjoni tal-prodotti tal-bajd u tar-rekords li hemm referenza dwarhom fir-raba' subinċiż ta' l-Artikolu 4,

    - l-ispezzjoni tal-bajd maħsuba għall-manifattura tal-prodotti tal-bajd,

    - l-ispezzjoni tal-prodotti tal-bajd li se jintbagħtu mill-istabiliment,

    - il-verifikazzjoni ta' l-indafa ta' l-iġjene tal-post, il-faċilitajiet u l-istrumenti u tal-personal,

    - li jittieħdu xi kampjuni meħtieġa għat-testijiet tal-laboratorju biex jassiguraw li l-bajd u l-prodotti tal-bajd ikunu konformi mal-ħtiġiet ta' din id-Direttiva; ir-riżultati ta' dan it-testijiet għandhom jiddaħħlu f'reġistru u jkunu nnotifikati lejn il-manifattur tal-prodotti tal-bajd.

    2. Fuq talba ta' l-awtorità kompetenti, il-manifatturi tal-prodotti tal-bajd għandhom iżidu l-frekwenza tat-testijiet tal-laboratorju li hemm referenza dwarhom fl-ewwel subinċiż ta' l-Artikolu 4 meta dan jitqies meħtieġ biex jassigura l-produzzjoni iġjenika tal-prodotti tal-bajd.

    KAPITOLU VIII

    L-IPPAKKJAR TAL-PRODOTTI TAL-BAJD

    1. Il-prodotti tal-bajd iridu jkunu ppakkjati f'kondizzjonijiet sodisfaċenti ta' l-iġjene biex jassiguraw li ma jkunux ikkontaminati.

    Il-kontenituri jridu jkunu konformi mar-regoli kollha ta' l-iġjene, inklużi li ġejjin:

    - m'għandhomx ikunu tali li jfixklu l-karatteristiċi organolettiċi tal-prodotti tal-bajd,

    - m'għandhomx ikunu kapaċi li jittrasmettu lejn il-prodotti tal-bajd sostanzi li huma ta' periklu għas-saħħa tal-bniedem,

    - għandhom ikunu b'saħħithom biżżejjed biex jipproteġu sewwa l-prodotti tal-bajd.

    2. Il-kamra fejn il-kontenituri jkunu maħżuna trid tkun ħielsa mit-trab u mid-dud; il-materjal biex isiru l-kontenituri li mbagħad jintremew ma jridux ikunu maħżuna ma' l-art.

    3. Il-kontenituri użati għall-prodotti tal-bajd għandhom ikunu nodfa qabel ma jkunu mimlija; il-kontenituri li jistgħu jerġgħu jintużaw għandhom jitnaddfu, ikunu ddisinfettati u mlaħalħa qabel ma jkunu mimlija.

    4. Il-kontenituri jridu jinġiebu lura fil-kamra tax-xogħol b'mod iġjeniku u jridu jintużaw mingħajr dewmien bla bżonn.

    5. Immedjatament wara li jkunu ppakkjati, il-kontenituri għandhom jingħalqu u jitpoġġew fil-kmamar tal-ħażna li hemm referenza dwarha fil-Kapitolu II, il-punt 1.

    6. Il-kontenituri maħsuba għall-prodotti tal-bajd jistgħu jintużaw għall-oġġetti oħra ta' l-ikel jekk ikun hemm bżonn, sakemm jitnaddfu u jkunu ddisinfettati biex ma jikkontaminawx il-prodotti tal-bajd.

    7. Il-kontenituri li jkunu sejrin jintużaw għat-trasport tal-prodotti tal-bajd fil-massa għandhom ikunu konformi mar-regoli kollha ta' l-iġjene, u partikolarment dawn li ġejjin:

    - l-uċuh tagħhom ta' ġewwa u kull parti oħra li tista' tagħmel kuntatt mal-prodott tal-bajd iridu jkunu magħmula minn materjal lixx li faċli jinħasel, jitnaddaf u li jkun iddisinfettat, jiflaħ għas-sadid u ma jittrasferixxix sostanzi lejn il-prodott tal-bajd f'tali kwantitajiet li jipperikola s-saħħa tal-bniedem, joħloq deterjorazzjoni fil-komposizzjoni tal-prodott tal-bajd jew jaffettwa ħażin il-karatteristiċi organolettiċi tiegħu.

    - iridu jkunu ddisinjati sabiex il-prodott tal-bajd jista' jitneħħa kompletament; jekk armati bil-vitin, dawn iridu jkunu faċli li jitneħħew, żarmati, maħsula, imnaddfa u ddisinfettati,

    - iridu jinħaslu, jitnaddfu, ikunu ddisinfettati u mlaħalħa minnufih wara kull użu u, jekk meħtieġ, qabel jerġgħu jintużaw,

    - iridu jkunu ssiġillati sewwa wara li jimtlew u jibqgħu ssiġillati matul it-trasport sakemm jintużaw,

    - iridu jkunu riservati għat-trasport tal-prodotti tal-bajd.

    B'dana kollu, mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet ta' dan il-Kapitolu, għall-ewwel darba u f'dan il-każ sal-31 ta' Diċembru 1990, il-Kummissjoni, bi qbil mal-proċedura li hemm provvediment dwarha fl-Artikolu 14 u sal-limitu li l-prodotti tal-bajd u l-oġġetti l-oħra konċernati ta' l-ikel ma jsofru l-ebda effetti ħżiena bħala riżultat, tistabbilixxi, jekk meħtieġ, il-kondizzjonijiet speċifiċi li dawn il-kontenituri għandhom ikunu konformi magħhom biex jintużaw għat-trasport ta' l-oġġetti l-oħra ta' l-ikel, partikolarment, kondizzjonijiet li jirrigwardaw:

    - il-ħasil, it-tindif u d-disinfettar tal-kontenituri qabel jerġgħu jintużaw,

    - kondizzjonijiet tat-trasport,

    - it-tul ta' żmien li matulu jistgħu jintużaw.

    Sakemm id-deċiżjonijiet li hemm provvediment dwarhom fit-tieni subparagrafu jidħlu fis-seħħ u mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 1991:

    - ir-regoli nazzjonali li jawtorizzaw l-użu tal-kontenituri għat-trasport fit-territorju nazzjonali ta' l-oġġetti ta' l-ikel għajr il-prodotti tal-bajd kif ukoll il-ftehim bilaterali konkluż mill-Istati Membri dwar dan jibqa' applikabbli, filwaqt li jkunu konformi mad-disposizzjonijiet ġenerali tat-Trattat,

    - l-Istati Membri, li r-regoli nazzjonali tagħhom jagħmlu disposizzjoni għal awtorizzazzjoni bħal din, la jistgħu jirrestrinġu u lanqas jipprojbixxu d-dħul fit-territorju tagħhom tat-trasport minn Stati Membri oħra li jipprovdu l-istess awtorizzazzjoni,

    - l-Istati Membri li ma jipprojbixxu t-trasport fit-territorju tagħhom ta' l-oġġetti l-oħra ta' l-ikel fil-kontenituri ddisinjati għat-trasport tal-prodotti tal-bajd jistgħu jagħmlu t-trasport tal-prodotti tal-bajd li jkunu ġejjin minn Stati Membri oħra bl-istess ħtiġiet.

    KAPITOLU IX

    IL-ĦAŻNA

    1. Il-prodotti tal-bajd iridu jinħażnu fil-kmamar tal-ħażna li hemm referenza dwarhom fil-punt 1 tal-Kapitolu II.

    2. Il-prodotti tal-bajd li dwarhom ċerti temperaturi ta' ħażna meħtieġa għalihom iridu jinżammu f'dawn it-temperaturi. It-temperaturi tal-ħażna għandhom ikunu rekordjati kontinwament, ir-rata ta' kesħa trid tkun tali li l-prodott jilħaq it-temperaturi meħtieġa malajr kemm jista' jkun u l-kontenituri jridu jinħażnu b'tali mod li jkun hemm ċirkolazzjoni libera ta' l-arja madwarhom.

    3. It-temperaturi fil-ħażna ma jridux jaqbżu l-valuri li ġejjin:

    —prodotti fi friża qawwija: | -18°C, |

    —prodotti friżħati: | -12°C, |

    —prodotti mkessħa: | +4°C, |

    —prodotti mqadda mill-ilma (esklużi l-abjad tal-bajd): | +15°C. |

    KAPITOLU X

    IT-TRASPORT

    1. Il-vetturi u l-kontenituri għat-trasport tal-prodotti tal-bajd iridu jkunu ddisinjati u mgħammra b'tali mod li t-temperaturi meħtieġa minn din id-Direttiva ikunu jistgħu jinżammu kontinwament matul il-perjodu tat-trasport.

    2. Il-prodotti tal-bajd iridu jintbagħtu b'tali mod li jkunu protetti sewwa matul it-trasport minn kull ma jista' jkun detrimentali għalihom.

    3. It-temperaturi preskritti fil-punt 3 tal-Kapitolu IX, iridu jinżammu matul it-trasport.

    KAPITOLU XI

    L-IMMARKAR TAL-PRODOTTI TAL-BAJD

    1. Mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet tad-Direttiva 79/112/KEE, kull kunsinna tal-prodotti tal-bajd li titlaq minn stabbiliment irid ikollha tabella li jkun fiha l-partikolari li ġejjin:

    (i) jew:

    - fuq il-parti ta' fuq, l-ittra jew ittri ta' inizjali tal-pajjiż li qed jagħmel il-kunsinna b'ittri kbar, i.e. B/D/DK/EL/ESP/F/IRL/I/L/NL/P/UK, segwit minn-numru ta' l-approvazzjoni ta' l-isabbiliment,

    - fil-parti t'isfel, wieħed mis-settijiet ta' inizjali li ġejjin: CEE - KEE - EEG - EOK - EWG - EØF;

    (ii) jew:

    - fil-parti ta' fuq, l-isem b'ittri kbar tal-pajjiż li jkun qiegħed jagħmel il-kunsinna,

    - fiċ-ċentru, in-numru ta' l-approvazzjoni ta' l-istabbiliment,

    - fil-parti t'isfel, wieħed mis-settijiet ta' inizjali li ġejjin: CEE - KEE - EEG - EOK - EWG - EØF;

    (iii) it-temperatura li fiha l-prodotti tal-bajd iridu jinżammu u l-perjodu li matulu l-konservazzjoni tagħhom tista' b'hekk tkun asssigurata.

    It-tabella għandha tkun tinqara, ma titħassarx u b'ittri li faċli jintgħarfu.

    2. Id-dokumenti tat-trasport għandhom partikolarment jinkludu:

    (a) in-natura tal-prodotti b'indikazzjoni ta' l-ispeċi ta' oriġini;

    (b) in-numri tal-gruppi;

    (ċ) il-post tad-destinazzjoni u l-isem u l-indirizz ta' l-ewwel indirizzat.

    3. Din l-informazjoni, u dak kontenut fil-marka tal-bonta tagħhom trid tingħata fil-lingwa jew fil-lingwi uffiċjali tal-pajjiż tad-destinazzjoni.

    [1] ĠU L 229, tat-30. 8. 1980, pġ. 11.

    [2] ĠU L 229, tat-30. 8. 1980, pġ. 11.

    [3] ĠU L 13, tat-18. 1. 1969, pġ. 13.

    [4] ĠU L 364, tat-23. 12. 1986, pġ. 20.

    [5] ĠU L 13, tat-18. 1. 1969, pġ. 13.

    --------------------------------------------------

    Top