EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31987L0540

Id-Direttiva Tal-Kunsill tad-9 ta' Novembru 1987 dwar l-aċċess għax-xogħol ta' trasportatur ta' merkanzija fuq il-passaġġi fuq l-ilma fi trasport nazzjonali u internazzjonali u dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta' diplomi, ċertifikati u provi oħrajn ta' kwalifiki formali għal dan ix-xogħol

ĠU L 322, 12.11.1987, p. 20–24 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (FI, SV, CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO, HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/1987/540/oj

31987L0540



Official Journal L 322 , 12/11/1987 P. 0020 - 0024
Finnish special edition: Chapter 6 Volume 2 P. 0168
Swedish special edition: Chapter 6 Volume 2 P. 0168


Id-Direttiva Tal-Kunsill

tad-9 ta’ Novembru 1987

dwar l-aċċess għax-xogħol ta’ trasportatur ta’ merkanzija fuq il-passaġġi fuq l-ilma fi trasport nazzjonali u internazzjonali u dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta’ diplomi, ċertifikati u provi oħrajn ta’ kwalifiki formali għal dan ix-xogħol

(87/540/KEE)

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 75 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [3],

Billi l-organizzazzjoni tas-suq tat-trasport hija waħda mill-prekondizzjonijiet neċessarji għall-implimentazzjoni tal-politika komuni tat-trasport li hi prevista fit-Trattat;

Billi l-adozzjoni ta’ miżuri maħsuba biex jikkoordinaw il-kondizzjonijiet għall-aċċess għax-xogħol ta’ trasportatur x’aktarx li tinkoraġġixxi r-realizzazzjoni tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi u l-eżerċizzju effettiv tad-dritt ta’ l-istabbiliment;

Billi għandu jsir provvediment għall-introduzzjoni ta’ regoli komuni li jirregolaw l-aċċess għax-xogħol ta’ trasportatur tal-merkanzija fuq il-passaġġi fuq l-ilma fi trasport nazzjonali u internazzjonali sabiex jittejjeb il-livell tal-kwalifiki tat-trasportaturi; billi dan it-titjib x’aktarx li jgħin biex is-suq ikun iktar sod u jiġu eliminati kapaċitajiet ta’ eċċess strutturali li jtejbu l-kwalità ta’ servizz provdut, fl-interessi ta’ l-utenti, it-trasportaturi u l-ekonomija inġenerali;

Billi ġew ottenuti riżultati sodisfaċenti permezz ta’ l-implimentazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 74/561/KEE tat-12 ta’ Novembru 1974 dwar l-ammissjoni għax-xogħol ta’ trasportatur ta’ merkanzija bit-triq f’operazzjonijiet tat-trasport nazzjonali u internazzjonali [4] u tad-Direttiva tal-Kunsill 77/796/KEE tat-12 ta’ Diċembru 1977 li timmira għar-rikonoxximent reċiproku ta’ diplomi, ċertifikati u provi oħrajn ta’ kwalifiki formali għal trasportaturi tal-merkanzija bit-triq u trasportaturi tal- passiġġieri bit-triq, inklużi miżuri maħsuba sabiex jinkoraġġixxu lil dawn l-operaturi biex jeżerċitaw effettivament id-dritt tagħhom ta’ stabbiliment [5]

Billi r-regoli li jirregolaw l-aċċess għax-xogħol ta’ trasportatur tal-merkanzija fuq il-passaġġi fuq l-ilma għandhom għalhekk ikopru mill-inqas il-kompetenza professjonali tat-trasportatur; billi l-Istati Membri jistgħu wkoll iżommu jew jistabbilixxu regoli li jirregolaw ir-reputazzjoni tajba u l-pożizzjoni finanzjarja tat-trasportatur;

Billi, madanakollu, m’hemmx il-ħtieġa li jiġu inklużi fir-regoli komuni stabbiliti b’din id-Direttiva ċerti attivitajiet ta’ trasport b’impatt ekonomiku żgħir u billi t-trasport għall-kont proprju huwa, skond id-definizzjoni eskluż minn dawn ir-regoli; billi jidher ukoll approprjat li jiġi pprovdut għall-esklużjoni possibbli mill-iskop ta’ din id-Direttiva ta’ trasportaturi li joperaw esklussivament permezz ta’ passaġġi fuq l-ilma navigabbli fit-territorju tagħhom li ma jkunux marbuta man-network tal-passaġġi fuq l-ilma ta’ Stat Membru ieħor;

Billi teżisti l-ħtieġa ta’ rikonoxximent reċiproku tad-diplomi, iċ-ċertifikati u xhieda oħra ta’ kwalifiki formali għall-attivitajiet koperti b’din id-Direttiva, sabiex jitmexxa ’l quddiem id-dritt ta’ l-istabbiliment;

Billi ċ-ċertifikat ta’ kompetenza professjonali maħruġ skond id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva li jirrigwarda l-aċċess għax-xogħol ta’ trasportatur għandu jiġi rikonoxxut bħala prova suffiċjenti mill-Istat Membru ospitanti;

Billi l-Istati Membri li jimponu fuq iċ-ċittadini proprji tagħhom ċerti ħtiġiet dwar ir-reputazzjoni tajba u l-pożizzjoni finanzjarja għandhom jirrikonoxxu l-produzzjoni ta’ dokumenti approprjati maħruġa minn awtorità kompetenti fl-Istat ta’ l-oriġini tat-trasportatur jew l-istabbiliment minn qabel bħala prova suffiċjenti fir-rigward ta’ ċittadini ta’ Stati Membri oħrajn;

Billi, barraminnhekk, din id-Direttiva għandha tapplika wkoll għall-persuni impjegati koperti bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1612/68 tal-15 ta’ Ottubru 1968 dwar il-libertà ta’ moviment għal ħaddiema fil-Komunità [6], jekk l-Istati Membri jagħmlu aċċess għax-xogħol kopert b’din id-Direttiva jew l-eżerċizzju tiegħu minn dawn il-persuni fuq il-kondizzjoni tal-pussess ta’ għarfien u kapaċitajiet professjonali,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

IL-KAPITOLU I

Id-definizzjonijiet u l-qasam ta’ l-applikazzjoni

L-Artikolu 1

1. L-aċċess għax-xogħol ta’ trasportatur tal-merkanzija fuq il-passaġġi fuq l-ilma fi trasport nazzjonali u internazzjonali għandu jiġi rregolat bid-dispożizzjonijiet adottati mill-Istati Membri skond ir-regoli komuni stabbiliti f’din id-Direttiva

2. Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva:

- "ix-xogħol ta’ trasportatur ta’ merkanzija b’bastiment tal-passaġġi fuq l-ilma" jfisser l-attivitajiet li tidħol għalihom persuna fiżika jew kull impriża li tittrasporta merkanzija b’bastiment tal-passaġġi fuq l-ilma interni b’kiri jew bi ħlas, anke jekk dan ix-xogħol mhuwiex eżerċitat fuq bażi regolari,

- "impriża" tfisser kumpaniji jew ditti fis-sens ta’ l-Artikolu 58 tat-Trattat u gruppi jew kooperattivi ta’ operaturi li l-iskop tagħhom huwa li jottjenu kummerċ minn aġenti tat-trasport bil-baħar għal distribuzzjoni fost il-membri tagħhom, irrispettivament minn jekk dawn il-gruppi jew kooperattivi għandhomx personalità ġuridika.

L-Artikolu 2

Din id-Direttiva m’għandhiex tapplika għall-persuni fiżiċi jew impriżi li jwettqu x-xogħol ta’ trasportatur tal-merkanzija fuq il-passaġġi fuq l-ilma b’bastimenti ta’ kapaċità ta’ massa statika meta l-bastiment ikun mgħobbi daqs kemm jiflaħ li ma taqbiżx il-200 tunnellata metrika.

L-Istati Membri jistgħu inaqqsu dan il-limitu għal xi operazzjonijiet ta’ trasport jew l-operazzjonijiet kollha jew għal ċerti kategoriji ta’ trasport.

Bl-istess mod, din id-Direttiva m’għandhiex tapplika għal persuni fiżiċi jew impriżi li joperaw il-ferries.

IL-KAPITOLU II

L-aċċess għax-xogħol

L-Artikolu 3

1. Persuni fiżiċi jew impriżi li jixtiequ jwettqu x-xogħol ta’ trasportatur ta’ merkanzija fuq il-passaġġi fuq l-ilma għandhom jissodisfaw il-kondizzjoni ta’ kompetenza professjonali, anke jekk ikunu membri ta’ grupp jew ta’ kooperattiva ta’ operaturi fis-sens ta’ l-Artikolu 1(2) jew jeżerċitaw ix-xogħol tagħhom esklussivament għal perjodu speċifiku ta’ żmien bħala subkuntratturi għal impriża oħra tat-trasport fuq il-passaġġi fuq l-ilma.

Jekk l-applikant ikun persuna fiżika li ma tissodisfax dik il-kondizzjoni, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu madanakollu jawtorizzawh iwettaq ix-xogħol ta’ trasportatur tal-merkanzija fuq il-passaġġi fuq l-ilma sakemm jindikalhom persuna oħra li tissodisfa l-kondizzjonijiet li fil-fatt tmexxi l-operazzjonijiet ta’ trasport fuq bażi permanenti.

Jekk l-applikant ikun impriża fis-sens ta’ l-Artikolu 1(2) waħda mill-persuni fiżiċi li fil-fatt tmexxi l-operazzjonijiet tat-trasport ta’ l-impriża fuq bażi permanenti għandha tissodisfa l-kondizzjoni ta’ kompetenza professjonali.

2. Il-kondizzjoni ta’ kompetenza professjonali għandha tikkonsisti fil-pussess tal-livell ta’ kompetenza stabbilit u aċċettat mill-awtorità jew mill-korp maħtur għal dan l-iskop minn kull Stat Membru fis-suġġetti elenkati fl-Anness. L-għarfien neċessarju għandu jinkiseb jew bl-attendenza għal korsijiet jew bl-esperjenza prattika f’impriża tat-trasport fuq il-passaġġi fuq l-ilma, jew b’kombinazzjoni tat-tnejn. L-Istati Membri jistgħu jeżentaw lit-titolari ta’ ċerti diplomi milli jipprovdu prova ta’ l-għarfien tagħhom tas-suġġetti elenkati fl-Anness li jkunu koperti bid-diplomi msemmija.

Wara li jivverifikaw il-pussess ta’ l-għarfien ikkonċernat, l-awtorità jew il-korp imsemmi fl-ewwel subparagrafu għandhom joħorġu ċertifikat.

3. Wara li jikkonsulta lill-Kummissjoni, Stat Membru jista’ jeżenta mill-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva trasportaturi li joperaw esklussivament permezz ta’ passaġġi fuq l-ilma navigabbli fit-territorju tagħhom li ma jkunux marbuta man-network tal-passaġġi fuq l-ilma ta’ Stat Membru ieħor. L-esperjenza prattika akkwistata f’impriża tat-trasport eżentata mill-applikazzjoni ta’ dawn il-kondizzjonijiet ma għandhiex tagħti intitolament għaċ-ċertifikat imsemmi fil-paragrafu 2.

L-Artikolu 4

1. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-kondizzjonijiet li fuqhom impriża tat-trasport tista’ b’ deroga mill-Artikolu 3(1), topera fuq bażi proviżorja għal massimu ta’ sena, liema perjodu jista’ jiġi mtawwal b’mhux iktar minn sitt xhur f’każijiet speċjali ġustifikati kif mistħoqq, fil-każ tal-mewt jew ta’ l-inkapaċità fiżika jew ġuridika tal-persuna fiżika li twettaq ix-xogħol ta’ trasportatur jew tal-persuna fiżika li tikkonforma mad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 3.

2. Madanakollu, l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri jistgħu, bħala eċċezzjoni, jawtorizzaw permanentement f’ċerti każi speċjali l-operazzjoni ta’ impriża minn persuna li ma tissodisfax il-kondizzjonijiet ta’ kompetenza professjonali msemmija fl-Artikolu 3, imma li kellha mill-inqas tliet snin ta’ esperjenza prattika fit-tmexxija ta’ kuljum ta’ l-impriża kkonċernata.

L-Artikolu 5

Persuni fiżiċi li jipprovdu prova illi qabel l-1 ta’ Lulju 1990 wettqu legalment fi Stat Membru x-xogħol ta’ trasportatur ta’ merkanzija fuq il-passaġġi fuq l-ilma fi trasport nazzjonali jew internazzjonali għandhom, għall-iskopijiet li jiksbu ċ-ċertifikat imsemmi fl-Artikolu 3(2), jiġu eżentati mill-obbligu li jippruvaw li jissodisfaw il-kondizzjonijiet stabbiliti hemmhekk.

L-Artikolu 6

1. Għandhom jingħataw raġunijiet għal kull deċiżjoni li tirrifjuta applikazzjoni għall-aċċess għax-xogħol ta’ trasportatur tal-merkanzija fuq il-passaġġi fuq l-ilma meħuda mill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri skond il-miżuri adottati fuq il-bażi ta’ din id-Direttiva.

2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi l-awtoritajiet kompetenti jirtiraw awtorizzazzjoni għat-twettiq tax-xogħol ta’ trasportatur tal-merkanzija fuq il-passaġġi fuq l-ilma jekk isibu illi l-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3 mhumiex aktar issodisfati, soġġett għall-permess, meta approprjat ta’ żmien suffiċjenti għar-reklutaġġ ta’ sostitut.

3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi l-persuni ġuridiċi u l-impriżi msemmija f’din id-Direttiva jkollhom l-opportunità li jiddefendu l-interessi tagħhom bil-mezzi approprjati fir-rigward tad-deċiżjonijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2.

IL-KAPITOLU III

Ir-rikonoxximent reċiproku ta’ diplomi, ċertifikati u provi oħrajn ta’ kwalifiki formali

L-Artikolu 7

L-Istati Membri għandhom jirrikonoxxu ċ-ċertifikati msemmija fit-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 3(2) li jkunu nħarġu minn Stat Membru ieħor bħala prova suffiċjenti ta’ kompetenza professjonali.

L-Artikolu 8

1. Meta Stat Membru jimponi ċerti ħtiġiet fuq iċ-ċittadini proprji tiegħu dwar ir-reputazzjoni tajba jew in-nuqqas ta’ falliment, dak l-Istat għandu jaċċetta bħala prova suffiċjenti fir-rigward ta’ ċittadini nazzjonali ta’ Stati Membri oħrajn, mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 2 u 3, estratt mir-reġistru ġudizzjarju jew, fin-nuqqas ta’ dak, dokument ekwivalenti maħruġ minn awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva kompetenti fil-pajjiż ta’ l-oriġini jew ta’ stabbiliment preċedenti tat-trasportatur li juru li dawn il-kondizzjonijiet kienu ssodisfati.

2. Meta Stat Membru jimponi fuq iċ-ċittadini proprji tiegħu ċerti ħtiġiet dwar ir-reputazzjoni tajba, u prova li dawn il-ħtiġiet huma sodisfatti ma tistax tiġi provduta permezz tad-dokument imsemmi fil-paragrafu 1, dak l-Istat għandu jaċċetta bħala evidenza suffiċjenti fir-rigward ta’ ċittadini Stati Membri oħrajn ċertifikat maħruġ minn awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva kompetenti fl-Istat ta’ l-oriġini jew ta’ stabbiliment preċedenti li jiddikjara li l-ħtiġiet inkwistjoni kienu ssodisfati. Dawn iċ-ċertifikati għandhom jirrelataw għall-fatti speċifiċi meqjusa bħala rilevanti mill-Istat ospitanti.

3. Meta d-dokument meħtieġ skond il-paragrafi 1 u 2 ma jinħariġx mill-Istat ta’ l-oriġini jew stabbiliment preċedenti, dan id-dokument jista’ jiġi sostitwit b’dikjarazzjoni fuq ġurament jew b’dikjarazzjoni solenni magħmula mill-persuna kkonċernata quddiem awtorità kompetenti ġudizzjarja jew amministrattiva jew, meta approprjat, quddiem nutar fl-Istat ta’ l-oriġini jew ta’ stabbiliment preċedenti ta’ dik il-persuna; din l-awtorità jew dan in-nutar għandhom joħorġu ċertifikat li jattesta l-awtentiċità tad-dikjarazzjoni fuq ġurament jew tad-dikjarazzjoni solenni. Id-dikjarazzjoni fir-rigward ta’ falliment tista’ ssir ukoll quddiem korp professjonali kompetenti fl-istess Stat.

4. Id-dokumenti maħruġa skond il-paragrafi 1 u 2 m’ għandhomx, meta prodotti, ikunu ġew maħruġa iktar minn tliet xhur qabel. Din il-kondizzjoni għandha tapplika wkoll għal dikjarazzjonijiet magħmula skond il-paragrafu 3.

L-Artikolu 9

1. Meta Stat Membru jimponi ċerti ħtiġiet rigward il-pożizzjoni finanzjarja fuq iċ-ċittadini proprji tiegħu u meta jkun meħtieġ ċertifikat bħala prova, dak l-Istat għandu jqis ċertifikati korrispondenti maħruġa mill-banek fl-Istat ta’ l-oriġini jew ta’ stabbiliment preċedenti, jew b’korpi oħrajn maħtura minn dak l-Istat, bħala ekwivalenti għaċ-ċertifikati maħruġa fit-territorju proprju tiegħu.

2. Meta Stat Membru jimponi ċerti ħtiġiet dwar il-pożizzjoni finanzjarja fuq iċ-ċittadini proprji tiegħu u meta prova li dawn il-ħtiġiet huma ssodisfati ma tistax tiġi fornita permezz tad-dokument imsemmi fil-paragrafu 1, dak l-Istat għandu jaċċetta bħala prova suffiċjenti fir-rigward ta’ ċittadini ta’ Stati Membri oħrajn ċertifikat maħruġ minn awtorità amministrattiva kompetenti fl-Istat ta’ l-oriġini jew ta’ stabbiliment preċedenti li jiddikjara li l-ħtiġiet inkwistjoni jkunu ġew issodisfati. Dawn iċ-ċertifikati għandhom jirrelataw għall-fatti speċifiċi kkunsidrati relevanti mill-Istat ospitanti.

L-Artikolu 10

L-Artikoli 7, 8 u 9 għandhom japplikaw ukoll għal ċittadini ta’ Stati Membri li, skond ir-Regolament (KEE) Nru 1612/68, huma meħtieġa li jkunu involuti bħala persuni impjegati fl-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 1 ta’ din id-Direttiva.

IL-KAPITOLU IV

Dispożizzjonijiet finali

L-Artikolu 11

1. L-Istati Membri għandhom iġibu fis-seħħ il-miżuri neċessarji sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sat-30 ta’ Ġunju 1988. Għandhom jinfurmaw minnufih lill-Kummissjoni bihom.

Għandhom jiżguraw illi l-verifika inizjali ta’ l-istandards ta’ kompetenza msemmija fl-Artikolu 3 ssir qabel l-1ta’ Lulju 1990.

2. L-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenija tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fl-oqsma rregolati b’din id-Direttiva.

L-Artikolu 12

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, fid-9 ta’ Novembru 1987.

Għall-Kunsill

Il-President

B. Haakonsen

[1] ĠU C 351, ta’ l-24.12.1983, p. 5.

[2] ĠU C 172, tat-2.7.1984, p. 8.

[3] ĠU C 248, tas-17.9.1984, p. 40.

[4] ĠU L 308, tad-19.11.1974, p. 18.

[5] ĠU L 334, ta’ l-24.12.1977, p. 37.

[6] ĠU L 257, tad-19.10.1968, p. 2.

--------------------------------------------------

L-ANNESS

IL-LISTA TAS-SUĠĠETTI MSEMMIJA FL-ARTIKOLU 3(2) LI GĦANDHA TIĠI PPROVDUTA GĦALIHOM PROVA TA’ KOMPETENZA PROFESSJONALI

L-għarfien li għandu jiġi kkunsidrat għar-rikonoxximent tal-kompetenza professjonali għandu jkollu x’jaqsam għall-inqas mas-suġġetti elenkati hawn taħt. Din ta’ l-aħħar għandha tkun deskritta fid-dettall u għandha tkun definita jew approvata mill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali. Il-kontenut tas-suġġett għandu jkun tali illi jista’ jiġi assimilat minn persuni li l-livell edukattiv tagħhom ikun ekwivalenti għal dak milħuq fit-tmiem ta’ l-edukazzjoni obbligatorja.

A. Is-suġġetti li huwa meħtieġ għarfien sodisfaċenti dwarhom fil-każ tat-trasportaturi li jkun beħsiebhom jidħlu biss għal xogħlijiet ta’ trasport nazzjonali

1. Il-liġi

L-elementi bażiċi tal-liġi ċivili u kummerċjali, tal-leġislazzjoni soċjali u dwar it-taxxa li tagħhom l-għarfien huwa neċessarju għat-twettiq tax-xogħol, b’mod partikolari rigward:

- kuntratti inġenerali,

- il-kuntratti tat-trasport, b’mod partikolari r-responsabbiltà tat-trasportatur (in-natura u limiti),

- il-kumpaniji kummerċjali,

- il-kontijiet tan-negozju,

- ir-regolamenti tax-xogħol u tas-sigurtà soċjali,

- is-sistema tat-taxxi.

2. L-amministrazzjoni kummerċjali u finanzjarja ta’ impriża

- il-metodi tal-pagamenti u tal-finanzjament,

- il-kalkolu tal-prezzijiet tax-xiri,

- is-sistema tal-prezzijiet u l-kondizzjonijiet tat-trasport,

- il-kontabilità kummerċjali,

- l-assigurazzjoni,

- il-fatturi,

- l-aġenti tat-trasport.

3. L-aċċess għas-suq

- id-dispożizzjonijiet li jirrelataw għall-bidu u t-twettiq tax-xogħol,

- is-sistemi ta’ chartering,

- id-dokumenti tat-trasport.

4. Standards tekniċi u aspetti tekniċi ta’ operazzjoni

- il-karatteristiċi tekniċi tal-bastimenti,

- l-għażla tal-bastimenti,

- ir-reġistrazzjoni,

- jiem battala u r-rata tal-ħlas lil sid il-bastiment minħabba n-nuqqas ta’ tagħbija jew ħatt (demurrage).

5. Is-sigurtà

- id-dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva li jirrigwardaw it-traffiku bil-passaġġi fuq l-ilma,

- il-prevenzjoni ta’ l-inċidenti u l-miżuri li għandhom jittieħdu fil-każ ta’ inċident.

B. Is-suġġetti li hu meħtieġ għarfien tagħhom fil-każ ta’ trasportaturi li jaħsbu li jidħlu għal operazzjonijiet tat-trasport internazzjonali

- is-suġġetti elenkati taħt A,

- id-dispożizzjonijiet applikabbli għat-trasport fuq il-passaġġi fuq l-ilma bejn l-Istati Membri u bejn il-Komunità u pajjiżi mhux membri li joħorġu mil-liġi nazzjonali, standards Komunitarji u konvenzjonijiet u l-ftehimiet internazzjonali, b’mod partikolari fir-rigward ta’ chartering u l-prezzijiet u l-kondizzjonijiet tat-trasport,

- il-prattiki doganali u formalitajiet,

- ir-regolamenti prinċipali tat-traffiku fl-Istati Membri.

--------------------------------------------------

Top