This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 31978L0050
Council Directive 78/50/EEC of 13 December 1977 supplementing, as regards the chilling process, Directive 71/118/EEC on health problems affecting trade in fresh poultrymeat
Id-Direttiva tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 1977 li tissupplimenta, fir-rigward tal-proċess tat-tkessiħ, id-Direttiva 71/118/KEE dwar il-problemi tas-saħħa li jolqtu l-kummerċ fil-laħam frisk tat-tjur
Id-Direttiva tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 1977 li tissupplimenta, fir-rigward tal-proċess tat-tkessiħ, id-Direttiva 71/118/KEE dwar il-problemi tas-saħħa li jolqtu l-kummerċ fil-laħam frisk tat-tjur
ĠU L 15, 19.1.1978, pp. 28–31
(DA, DE, EN, FR, IT, NL) Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali
(EL, ES, PT, FI, SV, CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL)
No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2005; Impliċitament imħassar minn 32004L0041
Official Journal L 015 , 19/01/1978 P. 0028 - 0031
Finnish special edition: Chapter 3 Volume 9 P. 0146
Greek special edition: Chapter 03 Volume 19 P. 0231
Swedish special edition: Chapter 3 Volume 9 P. 0146
Spanish special edition: Chapter 03 Volume 13 P. 0171
Portuguese special edition Chapter 03 Volume 13 P. 0171
Id-Direttiva tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 1977 li tissupplimenta, fir-rigward tal-proċess tat-tkessiħ, id-Direttiva 71/118/KEE dwar il-problemi tas-saħħa li jolqtu l-kummerċ fil-laħam frisk tat-tjur (78/50/KEE) IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ, Wara li kkunsidra t-Trattat li jwaqqaf il-Komunità Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 43 u 100 tiegħu, Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni, Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [1], Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [2], Billi l-Artikolu 14 tad-Direttiva tal-Kunsill 71/118/KEE tal-15 ta’ Frar 1971 dwar il-problemi tas-saħħa li jolqtu l-kummerċ fil-laħam frisk tat-tjur [3], kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 75/431/KEE [4], jistipula li l-Istati Membri għandhom jipprojbixxu l-użu tal-proċess tat-tkessiħ tat-tjur indikat fl-Artikolu msemmi; Billi projbizzjoni bħal din m’hijiex sa tkun torbot qabel 18-il xahar wara li l-Kummissjoni tkun issottomettiet rapport dwar il-proċessi tat-tkessiħ li ma jkunux koperti mill-projbizzjoni jew, mhux aktar tard mill-1 Jannar 1978; Billi l-Kummissjoni, wara li kkonsultat l-Istati Membri fil-Kumitat Veterinarju Permanenti, ressqet quddiem il-Kunsill rapport li jistabbilixxi l-kondizzjonijiet li jirregolaw l-impjant, l-operat u l-kontroll li l-proċess tat-tkessiħ permezz ta’ l-immersjoni fl-ilma għandu jissodisfa biex ma jkunx meqjus li jaqa’ fl-ambitu tal-projbizzjoni msemmija; billi din id-Direttiva hija bbażata fuq il-konklużjonijiet ta’ dak ir-rapport, ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA: Artikolu 1 L-Artikolu 14 tad-Direttiva 71/118/KEE għandu jinbidel bit-test li ġej: "Artikolu 14 1. Mill-15 ta’ Frar 1979 l-Istati Membri għandhom jipprojbixxu t-tkessiħ tal-laħam frisk tat-tjur permezz ta’ l-immersjoni fl-ilma, sakemm dan ma jsirx skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-punti 28a u 28b tal-Kapitolu V ta’ l-Anness I u l-karkassi hekk imkessħa jkunu ġew iffriżati immedjatament jew deep-frozen. 2. Madankollu, fil-każ tal-karkassi akkwistati u maħsuba għas-suq fit-territorji tagħhom, l-Istati Membri għandhom jiġu awtorizzati biex jagħtu, wara li jintalbu, lill-impriżi li jkunu jeżerċitaw l-attività tagħhom fit-territorju tagħhom fl-1 ta’ Jannar 1978 deroga mir-rekwiżiti tal-paragrafu 1. Derogi bħal dawn ma jistgħux jiġu estiżi oltre l-15 ta’ Awissu 1982. L-Istati Membri li jkunu jagħmlu użu mid-derogi previsti fl-ewwel paragrafu jistgħu ma joġġezzjonawx għad-dħul fit-territorju tagħhom ta’ laħam tat-tjur akkwistat fi Stat Membru ieħor bl-istess kondizzjonijiet. 3. L-Istati Membri li jixtiequ jagħmlu użu mill-possibbiltà mogħtija mill-paragrafu 2 għandhom jinformaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra kemm jista’ jkun malajr u f’kull każ mhux iktar tard mill-15 ta’ Frar 1979. 4. Fejn il-klawsoli tad-deroga fil-paragrafu 2 jiġu invokati, l-użu tat-timbri sanitarji previsti fl-Anness I, il-Kapitolu X, għandhom jiġu pprojbiti. Madankollu, għall-implimentazzjoni tat-tieni subparagrafu 2, l-Istati Membri kkonċernati għandhom jiġu awtorizzati biex jippermettu d-dħul fit-territorju tagħhom ta’ karkassi li ma jkollhomx xi timbru sanitarju kif previst fl-Anness I, il-Kapitolu X." Artikolu 2 L-Artikolu li ġej għandu jiġi inkorporat fid-Direttiva 71/118/KEE: "Artikolu 14a 1. Il-Kummissjoni, wara li tikkonsulta l-Istati Membri fil-Kumitat Veterinarju Permanenti, għandha tressaq quddiem il-Kunsill sa l-1 ta’ Jannar 1980 rapport, jekk jista’ jkun akkompanjat minn jew segwit minn proposti approprjati dwar: (a) il-kontinwazzjoni ta’ l-istudju dwar il-proċessi tat-tkessiħ tal-karkassi li jkunu sodisfaċenti mill-aspett ta’ l-iġjene, ir-rapport li jittratta kemm l-iżvilupp tas-sistema msemmija fl-Anness I, fil-Kapitolu V, fil-punti 28a u 28b u proċessi oħra ta’ tkessiħ, b’mod partikolari dawk li jużaw is-CO2 likwidu u n-nitroġenu likwidu jew il-proċess permezz tal-bexx; (b) il-kontrolli mikrobijoloġiċi inkluż l-irwol tal-valuri ta’ limiti u l-metodi mikrobijoloġiċi li għandhom jintużaw għall-għanijiet tal-kontrolli bħal dawn, fuq: (i) il-grad ta’ l-iġjene tal-proċess tat-tkessiħ bl-immersjoni msemmi fl-Anness I, fil-Kapitolu V, fil-punti 28a u 28b; u (ii) il-proċess kollu tal-qtil minn x’ħin it-tajra ħajja tidħol il-biċċerija sa l-istadju ta’ l-ippakkjar jew, meta jkun approprjat sakemm il-karkassa tħalli l-biċċerija; (ċ) il-kwantità ta’ l-ilma assorbit-inkluża l-valutazzjoni ta’ l-irwol tal-valur tagħha bħala limitu - bħala parametru għall-kontrolli ta’ l-iġjene fuq l-apparat tat-tkessiħ bl-immersjoni. 2. Il-Kummissjoni, wara li tikkonsulta l-Istati Membri fil-Kumitat Veterinarju Permanenti, għandha tressaq quddiem il-Kunsill sal-15 ta’ Ottubru 1978 rapport jekk jista’ jkun akkompanjat minn proposti dwar il-kondizzjonijiet speċifiċi ta’ l-iġjene li permezz tagħhom il-proċess li jikkonforma mal-kondizzjonijiet stabbiliti fil-punti 28a u 28b ta’ l-Anness I, Kapitolu V, jista’ jiġi applikat għal karkassi li la jkunu ġew iffriżati immedjatament u lanqas deep-frozen. 3. Il-Kunsill għandu jaġixxi unanimament fuq il-proposti tal-Kummissjoni msemmija fil-paragrafu 1 fi żmien perjodu ta’ 12-il xahar mid-data ta’ meta jitressqu u qabel il-31 ta’ Diċembru 1978 fuq il-proposti msemmija fil-paragrafu 2." Artikolu 3 Il-punti li ġejjin għandhom jiżdiedu mal-Kapitolu V ta’ l-Anness I għad-Direttiva 71/118/KEE: "28a. Il-karkassi li jkunu se jiġu ssoġġettati għal proċess ta’ tkessiħ bl-immersjoni skond il-proċess deskritt fi 28b għandhom, immedjatament wara t-tneħħija tal-ġewwieni, jinħaslu sewwa permezz tal-bexx u jiġu mgħaddsin bla dewmien. Il-bexx għandu jsir permezz ta’ apparat li jaħsel b’mod effiċjenti kemm is-superfiċji interni kif ukoll esterni tal-karkassi. Għall-karkassi ta’ piż ta’: - mhux iktar minn 2.5 kilogrammi, ta’ lanqas 1.5 litru ilma għandhom jintużaw għal kull karkassa, - bejn it-2.5 kilogrammi u l-5 kilogrammi, ta’ l-anqas 2.5 litri ilma għandhom jintużaw għal kull karkassa, - 5 kilogrammi jew iktar, ta’ l-anqas 3.5 litri ilma għandhom jintużaw għal kull karkassa. 28b. Il-proċess tat-tkessiħ permezz ta’ l-immersjoni għandu jissodisfa r-rekwiżiti li ġejjin: (a) il-karkasssi għandhom jgħaddu minn tank jew tankijiet bl-ilma jew bis-silġ u l-ilma li l-kontenut tagħhom ikun jinbidel il-ħin kollu. Għandha tiġi aċċettata biss is-sistema li biha l-karkassi jiġu l-ħin kollu mbuttati ’l quddiem b’mezzi mekkaniċi permezz ta’ kontro-kurrent ta’ ilma; (b) it-temperatura ta’ l-ilma fit-tank jew fit-tankijiet imkejla fil-postijiet tad-dħul u l-ħruġ tal-karkassi m’għandhiex tkun ta’ iktar minn + 16 °C u + 4 °C rispettivament; (ċ) din għandha ssir b’tali mod li t-temperatura speċifikata fil-Kapitolu XII tintlaħaq fl-iqsar żmien possibbli; (d) l-anqas kurrent ta’ l-ilma matul il-proċess kollu tat-tkessiħ imsemmi fil-paragrafu (a) għandu jkun ta’ - 2.5 litru għal kull karkassa li tkun tiżen 2.5 kilogrammi jew inqas, - 4 litri għal kull karkassa li tkun tiżen bejn 2.5 kilogrammi u 5 kilogrammi, - 6 litri għal kull karkassa li tkun tiżen 5 kilogrammi jew iktar. Jekk ikun hemm ħafna tankijiet, id-dħul ta’ l-ilma l-ġdid u l-ħruġ ta’ l-ilma użat f’kull tank għandu jkun irregolat b’tali mod li dan jonqos progressivament fid-direzzjoni tal-moviment tal-karkassi, billi l-ilma l-ġdid jinqasam bejn it-tankijiet b’tali mod li l-kurrent ta’ l-ilma li jgħaddi mill-aħħar tank ma jkunx anqas minn: - litru għal kull karkassa li tkun tiżen 2.5 kilogrammi jew anqas, - 5 litru għal kull karkassa li tiżen bejn 2.5 kilogrammi u 5 kilogrammi, - 2 litri għal kull karkassa li tkun tiżen 5 kilogrammi jew aktar. L-ilma użat għall-ewwel mili tat-tankijiet m’għandux ikun inkluż fil-kalkolazzjoni ta’ dawn il-kwantitajiet; (e) il-karkassi m’għandhomx jibqgħu fl-ewwel parti ta’ l-apparat jew fl-ewwel tank għal iktar minn nofs siegħa jew fil-bqija ta’ l-apparat jew it-tank (ijiet) għal aktar milli jkun strettament meħtieġ. Kull prekawzjoni għandha tittieħed biex jiġi żgurat li, fil-każ ta’ waqfien fil-proċess, il-ħin tat-transitu stabbilit mill-ewwel subparagrafu jiġi mħares. Kull meta jieqaf l-apparat, il-veterinarju uffiċjali għandu jkun sodisfatt li qabel ma dan jerġa’ jitħaddem il-karkassi għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti tad-Direttiva u jkunu tajbin għal konsum uman jew, jekk dan ma jkunx il-każ, jiżgura li dawn jiġu ttrasportati kemm jista’ jkun malajr fil-lokal previst mill-punt 1 (h) u (i); (f) kull biċċa mill-apparat għandha titbattal għal kollox, titnaddaf u tiġi ddiżinfettata kull meta dan ikun meħtieġ fi tmiem il-perjodu tax-xogħol u ta’ l-anqas darba kuljum; (g) dan għandu jkollu tagħmir ta’ kontroll ikkalibrat li jippermetti sorveljanza adegwata u kontinwa tal-kejl u rrekordjar ta’: - il-konsum ta’ l-ilma waqt il-bexx/il-ħasil qabel l-immersjoni, - it-temperatura ta’ l-ilma fit-tank jew it-tankijiet fil-postijiet tad-dħul u l-ħruġ tal-karkassi, - il-konsum ta’ l-ilma waqt l-immersjoni, - l-għadd tal-karkassi f’kull wieħed mill-imwieżen elenkati fid-(d) aktar ’il fuq u fil-punt 28a; (h) ir-riżultati tad-diversi kontrolli li jkunu saru mill-produttur għandhom jinżammu u jingħataw malli dawn jintalbu mill-veterinarju uffiċjali; (i) il-funzjonament korrett ta’ l-impjant tat-tkessiħ u l-effett tiegħu fuq il-livell ta’ l-iġjene għandu jiġi stmat sakemm jiġu adottati, skond l-Artikolu 14a, il-metodi mikrobijoliġiċi tal-Komunità skond il-metodi mikrobijoloġiċi xjentifiċi rrikonoxxuti mill-Istati Membri, filwaqt li t-tniġġiż tal-karkassi minn batterji totali u enterobatterjaċei għandu jiġi pparagunat qabel u wara l-immersjoni. Dan il-paragun għandu jsir meta l-makkinarju jintuża għall-ewwel darba u wara dan perjodikament u fi kwalunkwe każ kull darba li jsiru xi alterazzjonijiet fil-mekkaniżmu. Il-funzjonament tad-diversi partijiet għandu jiġi rregolat biex jiġi żgurat standard sodisfaċenti ta’ iġjene." Artikolu 4 Matul il-perjodu ta’ l-applikazzjoni ta’ kull deroga mogħtija taħt it-tieni inċiż ta’ l-Artikolu 16a (a) tad-Direttiva 71/118/KEE, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jsiru kontrolli approprjati fuq l-istallazzjonijiet tal-bidu u l-operat kontinwu tal-proċessi tat-tkessiħ f’kull stabbiliment kopert minn deroga ta’ din ix-xorta. Artikolu 5 L-Istati Membri għandhom iġibu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva mhux iktar tard mill-1 ta’ Jannar 1978. Artikolu 6 Din id-Direttiva qed tiġi indirizzata lill-Istati Membri. Magħmula fi Brussel, fit-13 ta’ Diċembru 1977. Għall-Kunsill Il-President A. Humblet [1] ĠU C 293, tat-13.12.1976, p. 70. [2] ĠU C 56, tas-7.3.1977, p. 88. [3] ĠU L 55, tat-8.3.1971, p. 23. [4] ĠU L 192, ta' l-24.7.1975, p. 6. --------------------------------------------------