This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 31976L0464
Council Directive 76/464/EEC of 4 May 1976 on pollution caused by certain dangerous substances discharged into the aquatic environment of the Community
Id-Direttiva tal-Kunsill ta’ l-4 ta’ Mejju 1976 dwar it-tniġġiz ikkawżat minn ċerti sustanzi perikolużi skarikati fl-ambjent akwatiku tal-Komunità
Id-Direttiva tal-Kunsill ta’ l-4 ta’ Mejju 1976 dwar it-tniġġiz ikkawżat minn ċerti sustanzi perikolużi skarikati fl-ambjent akwatiku tal-Komunità
ĠU L 129, 18.5.1976, p. 23–29
(DA, DE, EN, FR, IT, NL) Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali
(EL, ES, PT, FI, SV, CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL)
No longer in force, Date of end of validity: 23/03/2006; Imħassar b' 32006L0011
Official Journal L 129 , 18/05/1976 P. 0023 - 0029
Greek special edition: Chapter 15 Volume 1 P. 0138
Spanish special edition: Chapter 15 Volume 1 P. 0165
Portuguese special edition Chapter 15 Volume 1 P. 0165
Finnish special edition: Chapter 15 Volume 2 P. 0046
Swedish special edition: Chapter 15 Volume 2 P. 0046
Id-Direttiva tal-Kunsill ta’ l-4 ta’ Mejju 1976 dwar it-tniġġiż ikkawżat minn ċerti sustanzi perikolużi skarikati fl-ambjent akwatiku tal-Komunità (76/464/KEE) IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ, Wara li konsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 100 u 235 tiegħu, Wara li konsidra l-proposta mill-Kummissjoni, Wara li konsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [1], Wara li konsidra l-opinjoni tal-Kunsill Ekonomiku u Soċjali [2], Billi teżisti ħtieġa urġenti għal azzjoni ġenerali u simultanja mill-Istati Membri sabiex jipproteġu mit-tniġġiz l-ambjent akwatiku tal-Kommunità, b’mod partikolari dak ikkawżat minn ċerti sustanzi persistenti, tossiċi u li jistghu jkunu bijokumulattivi; Billi diversi konvenzjonijiet jew abbozzi ta’ konvenzjonijiet, inklużi l-Konvenzjoni għall-prevenzjoni tat-tniġġiz tal-baħar minn sorsi fuq l-art, l-abbozz tal-Konvenzjoni dwar il-protezzjoni tax-xmara Renu mit-tniġġiz kimiku u l-abbozz tal-Konvenzjoni Ewropea għall-protezzjoni tax-xmajjar u l-kanali ta’ l-ilma internazzjonali kontra t-tniġġiz, huma disinjati sabiex jipproteġu mit-tniġġiz ix-xmajjar u l-kanali ta’ l-ilma internazzjonali u l-ambjent marittimu; billi huwa importanti li tiġi żgurata l-implimentazzjoni koordinata ta’ dawn il-konvenzjonijiet. Billi kull nuqqas ta’ qbil bejn id-dispożizzjonijiet dwar l-iskariku ta’ ċerti sustanzi perikolużi fl-ambjent akwatiku li diġà qegħdin fis-seħħ jew li għadhom fit-tħejjija fid-diversi Stati Membri jistgħu joħolqu kondizzjonijiet mhux indaqs għall-kompetizzjoni u b’hekk jaffettwaw b’mod dirett il-funzjoni tas-suq komuni; billi hija għalhekk meħtieġa l-approssimazzjoni tal-liġijiet f’dan il-qasam, kif ipprovvdut fl-Artikolu 100 tat-Trattat; Billi jidher li din l-approssimazzjoni tal-liġijiet teħtieġ illi tkun akkompanjata minn azzjoni Komunitarja sabiex waħda mill-miri tal-Komunità fl-isfera tal-protezzjoni ta’ l-ambjent u tat-titjib fil-kwalità tal-ħajja tkun tista’ tinkiseb b’regoli iktar estensivi; billi ċerti dispożizzjonijiet speċifiċi għandhom għalhekk jiġu stabbiliti għal dan l-iskop; billi l-Artikolu 235 tat-Trattat għandu jiġi invokat għaliex is-setgħat meħtieġa għal dan il-għan m‘humiex ipprovduti fit-Trattat; Billi l-programm ta’ azzjoni tal-Komunitajiet Ewropej dwar l-ambjent [3] jipprovdi numru ta’ miżuri li jipproteġu l-ilma ħelu u l-ilma baħar minn certu tniggis; Billi sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni effettiva ta’ l-ambjent akwatiku tal-Komunità, jeħtieġ li ssir l-ewwel lista, msejħa l-Lista I, ta’ ċerti sustanzi individwali magħżula prinċipalment fuq il-bażi tat-tossiċità, tal-persistenza u tal-bijokumulazzjoni tagħhom, bl-eċċezzjoni ta’ dawk li bijoloġikament ma jagħmlux ħsara jew li jinbidlu b’ħeffa f’sustanzi li bijoloġikament ma’ jagħmlux ħsara, u t-tieni lista, msejħa l-Lista II, li tinkludi sustanzi li jaghmlu l-ħsara lill-ambjent akwatiku, li, madankollu, jistgħu jkunu limitati għal żona speċifika u li jiddependu fuq il-karatteristiċi u l-post fejn jinstab l-ilma li fih jiġu skarikati; billi kull skariku ta’ dawn is-sustanzi għandu jkun bla ħsara għal kull awtorizzazzjoni minn qabel li tispeċifika l-livelli ta’ emissjoni; Billi t-tniġġiz permezz ta’ l-iskariku tad-diversi sustanzi perikolużi fil-Lista I irid jiġi eliminat; billi l-Kunsill għandu, f’limiti speċifiċi taż-żmien u fuq proposta mill-Kummissjoni, jadotta valuri ta’ limitu li l-livelli stabbiliti għall-emissjonijiet ma għandhomx jaqbżu, metodi tal-kejl, u l-limiti taż-żmien li l-iskarikaturi eżistenti jridu jħarsu; Billi l-Istati Membri għandhom japplikaw dawn il-valuri ta’ limitu, għajr fejn Stat Membru jista’ jagħti prova lill-Kummissjoni, b’mod konformi ma’ proċedura ghall-moniteragg stabbilita mill-Kunsill, illi l-għanijiet immedjati tal-kwalità stabbiliti mill-Kunsill, fuq proposta mill-Kummissjoni, ikunu qegħdin jintlaħqu u jkunu qegħdin jinżammu kontinwament fiż-żona kollha li tista’ tkun affettwata mill-iskariki minħabba l-azzjoni meħuda, fost oħrajn, minn dan l-Istat Membru; Billi jeħtieġ li jitnaqqas it-tniġġiz ta’ l-ilma kawżat mis-sustanzi fil-Lista II; billi għal dan il-ghan l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu programmi li jinkorporaw l-għanijiet għall-kwalità ta’ l-ilma mfassla b’konformità mad-Direttivi tal-Kunsill fejn dawn jeżistu; billi l-livelli għall-emissjonijiet applikabbli għal dawn is-sustanzi għandhom jiġu kalkolati skond dawn l-għanijiet għall-kwalità; Billi, bla ħsara għal ċerti eċċezzjonijiet u modifiki, din id-Direttiva għandha tiġi applikata għall-iskariki fl-ilma ta’ taħt l-art sakemm jiġu adottati regoli Komunitarji speċifiċi dwar dawn; Billi Stat Membru wieħed jew aktar jistgħu jkunu kapaċi, individwalment jew flimkien, jieħdu miżuri iktar stretti minn dawk ipprovvduti f’din id-Direttiva; Billi għandu jinbena inventarju ta’ l-iskariku fl-ambjent akwatiku tal-Komunità ta’ ċerti sustanzi partikolarment perikolużi sabiex jinstab minfejn joriġinaw; Billi jista’ jinħtieġ li jiġu riveduti u, fejn meħtieġ, issupplimentati l-Listi I u II fuq il-bażi ta’ l-esperjenza, billi, fejn xieraq, jiġu trasferiti ċerti sustanzi mil-Lista II għal-Lista I, ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT: Artikolu 1 1. Bla ħsara għall-Artikolu 8, din id-Direttiva għandha tapplika għal: - l-ilma tal-wiċċ ‘l ġewwa mill-kosta, - l-ibħra territorjali, - l-ilma ta’ mal-kosta, - l-ilma ta’ taħt l-art. 2. Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva: (a) "l-ilma tal-wiċċ ‘il ġewwa mill-kosta" ifisser kull ilma ħelu ġieri jew mhux li jkun fit-territorju ta’ Stat Membru wieħed jew iktar; (b) "l-ilma ta’ mal-kosta" ifisser l-ilma fuq in-naħa ta’ l-art il ġewwa mil-linja bażi li minnha titkejjel il-medda ta’ l-ibħra territorjali, li testendi, fil-każ tax-xmajjar u l-kanali, sal-limitu ta’ l-ilma ħelu; (ċ) "il-limitu ta’ l-ilma ħelu" ifisser il-post fix-xmara jew kanal fejn, fil-frugh tal-baħar u fiż-żmien meta l-livell ta’ l-ilma ħelu jkun baxx, ikun hemm żieda apprezzabbli fis-salinità minħabba l-preżenza ta’ l-ilma baħar; (d) "skariku" ifisser it-tidħil fl-ilmijiet riferiti fil-paragrafi 1 ta’ kull sustanza inkluża fil-Listi I u II, minbarra: - skariki mit-thammil tal-ħama, - skariki operazzjonali mill-bastimenti fl-ibħra territorjali, - ir-rimi ta’ skart fl-ibħra territorjali mill-bastimenti; (e) "tniġġis" ifisser l-iskariku mill-bniedem, b’mod dirett jew indirett, ta’ sustanzi jew ta’ enerġija fl-ambjent akwatiku, li bhala riżultat jikkawża riskji għas-saħħa tal-bniedem, ħsara lir-riżorsi ħajjin u lill-ekosistemi akwatiċi, hsara lill-amenitajiet jew tfixkil f’xi użu leġittmu ieħor ta’ l-ilma Artikolu 2 L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi xierqa sabiex jeliminaw it-tnigġiz ta’ l-ilmijiet riferiti fl-Artikolu 1 mis-sustanzi perikolużi fil-familji u l-gruppi tas-sustanzi fil-Lista I ta’ l-Anness u sabiex inaqqsu t-tniġġiz ta’ l-ilmijiet imsemmija mis-sustanzi perikolużi tal-Lista II fl-Anness, b’mod konformi ma’ din id-Direttiva, li d-dispożizzjonijiet tagħha jirrappreżentaw biss l-ewwel pass lejn din il-mira. Artikolu 3 Fir-rigward tas-sustanzi li jaghmlu parti mill-familji u l-gruppi tal-Lista I, minn issa ‘l quddiem imsejħa "s-sustanzi fil-Lista I": 1. kull skariku fl-ilmijiet riferiti fl-Artikolu 1 li jista’ jkollu xi sustanza minn dawn jeħtieġ l-awtorizzazzjoni minn qabel ta’ l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru interessat; 2. l-awtorizzazzjoni għandha tistabbilixxi l-livelli ta’ emissjoni rigward l-iskariku ta’ kull sustanza ta’ din ix-xorta fl-ilmijiet riferiti fl-Artikolu 1 u, fejn dan jinħtieġ għall-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva, l-iskariku ta’ kull sustanza ta’ din ix-xorta fis-sistema tad-drenaġġ. 3. fil-każ ta’ l-skariku eżistenti ta’ kull sustanza minn dawn fl-ilmijiet riferiti fl-Artikolu 1, dawk li jiskarikaw iridu jikkonformaw mal-kondizzjonijiet stabbiliti fl-awtorizzazzjoni fil-perjodu taż-żmien stabbilit fiha. Dan il-perjodu ma jistax jaqbeż il-limiti stabbiliti b’mod konformi ma’ l-Artikolu 6(4); 4. l-awtorizzazzjonijiet jistgħu jinghataw biss għal perjodu limitat ta’ żmien. Jistgħu jiġu mġedda, wara li jitqies kull tibdil fil-valuri ta’ limitu riferiti fl-Artikolu 6. Artikolu 4 1. L-Istati Membri għandhom japplikaw sistema li ma taccetta ebda emissjoni ta’ sustanzi mill-Lista I fl-iskariku fl-ilma ta’ taħt l-art. 2. L-Istati Membri għandhom japplikaw għall-ilma ta’ taħt l-art id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva li għandhom x’jaqsmu mal-familji u l-gruppi ta’ sustanzi fil-Lista II, minn issa ‘l quddiem imsejħa "is-sustanzi fil-lista II". 3. Il-paragrafi 1 u 2 la għandhom japplikaw għad-drenagg domestiku u lanqas għall-iskariki injettati fis-saffi mielħa li jinsabu fil-fond u li ma jistgħux jintużaw. 4. Id-dispożizzjonijiet f’din id-Direttiva li għandhom x’jaqsmu ma’ l-ilma ta’ taħt l-art ma għandhomx jibqgħu japplikaw malli tigi implimentata Direttiva separata dwar l-ilma ta’ taħt l-art. Artikolu 5 1. Il-livelli ghall-emissjonijiet stabbiliti fl-awtorizzazzjonijiet moghtija skond l-Artikolu 3 għandhom jiddeterminaw: (a) l-oghla konċentrazzjoni ta’ sustanza permessa fi skariku. Meta s-sustanza tkun dilwita l-valur ta’ limitu provvdut fl-Artikolu 6(1)(a) għandu jigi diviż bil-fattur tat-tghammid; (b) l-akbar kwantità ta’ sustanza permessa fi skariku matul perjodu taż-żmien speċifikat jew matul aktar minn perjodu wieħed taż-żmien. Din il-kwantità tista’, jekk jinħtieġ, tiġi wkoll espressa bħala unità tal-piż ta’ l-oġġett li jniġġez għal kull unità ta’ l-element karatteristiku ta’ l-attività li tniġġez (p.e. unità tal-piż għal kull unità tal-materja prima jew għal kull unità tal-prodott). 2. Għal kull awtorizzazzjoni, l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru interessat tista’, jekk jinħtieġ, timponi livelli għall-emissjonijiet iktar stretti minn dawk li jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-valuri ta’ limitu stabbiliti mill-Kunsill skond l-Artikolu 6, wara li tikkonsidra b’mod partikolari t-tossiċità, il-persistenza u l-bijokumulazzjoni tas-sustanza involuta fl-ambjent li fih tkun ġiet skarikata. 3. Jekk min jiskarika jiddikjara li ma jistax iħares il-livelli meħtieġa ghall-emissjonijiet, jew jekk din is-sitwazzjoni tkun evidenti ghall-awtorità kompetenti fl-Istat Membru interessat, l-awtorizzazzjoni ma għandhiex tinghata. 4. Jekk il-livelli għall-emissjonijiet ma jiġux imħarsa, l-awtorità kompetenti fl-Istat Membru interessat għandha tieħu l-passi xierqa kollha sabiex tiżgura illi jitharsu l-kondizzjonijiet ta’ l-awtorizzazzjoni u, jekk jinħtieġ, illi l-iskariku jiġi projbit. Artikolu 6 1. Filwaqt li jaġixxi fuq proposta mill-Kummissjoni, l-Kunsill għandu jistabbilixxi l-valuri ta’ limitu li l-livelli għall-emissjonijiet ma jistgħux jaqbżu fil-każ tad-diversi sustanzi perikolużi inklużi fil-familji u fil-gruppi fil-Lista I. Dawn il-valuri ta’ limitu għandhom jiġu stabbiliti skond: (a) l-oghla konċentrazzjoni ta’ sustanza permessa fi skariku, u (b) fejn xieraq, l-akbar kwantità ta’ sustanza ta’ din ix-xorta espressa bħala unità tal-piż ta’ l-oġġett li jniġġes għal kull unità ta’ l-element karatteristiku ta’ l-attività li tniġġes (p.e. unità tal-piż għal kull unità tal-materja prima jew unità tal-prodott). Fejn xieraq, il-valuri ta’ limitu applikabbli għad-drenagg industrijali għandhom jiġu stabbiliti skond is-settur u x-xorta ta’ prodott. Il-valuri ta’ limitu applikabbli għas-sustanzi fil-Lista I għandhom jiġu stabbiliti principalment fuq il-bażi ta’: - it-tossiċità, - il-persistenza, - il-bijokumulazzjoni, filwaqt li jitqiesu l-aħjar mezzi teknici disponibbli. 2. Il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi fuq proposta mill-Kummssjoni, għandu jistabbilixxi l-għanijiet tal-kwalità għas-sustanzi fil-Lista I. Dawn l-għanijiet għandhom jiġu stabbiliti prinċipalment fuq il-bażi tat-tossiċità, tal-persistenza u ta’ l-akkumulazzjoni tas-sustanzi msemmija f’organiżmi ħajjin u fis-sediment, kif indikat mill-informazzjoni xjentifika konklużiva l-aktar aggornata, filwaqt li titqies id-differenza bejn il-karatteristiċi ta’ l-ilma mielaħ u ta’ l-ilma ħelu. 3. Il-valuri ta’ limitu stabbiliti skond il-paragrafu 1, għandhom japplikaw għajr fil-każi fejn Stat Membru jista’ jagħti prova lill-Kummissjoni, b’mod koformi ma’ proċedura ghall-moniteragg stabbilita mill-Kunsill wara proposta mill-Kummissjoni, illi l-għanijiet tal-kwalità stabbiliti skond il-paragrafu 2, jew għanijiet Komunitarji ghall-kwalità iktar stretti, ikunu qegħdin jintlaħqu u jkunu qegħdin jinżammu bla waqfien fiż-żona kollha li tista’ tiġi affettwata mill-iskariki minħabba l-azzjoni meħuda minn, fost oħrajn, dan l-Istat Membru. Il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Kunsill l-okkażjonijiet fejn tkun aċċettat il-metodu ta’ l-objettivi tal-kwalità. Kull ħames snin il-Kunsill għandu jeżamina, fuq il-bażi ta’ proposta mill-Kummissjoni u b’mod konformi ma’ l-Artikolu 148 tat-Trattat, l-okkażjonijiet fejn ikun ġie applikat il-metodu msemmi. 4. Għal dawk is-sustanzi inklużi fil-familji u l-gruppi ta’ sustanzi riferiti fil-paragafu 1, il-limiti taż-żmien riferiti fil-punt 3 ta’ l-Artikolu 3 għandhom jiġu stabbiliti mill-Kunsill skond l-Artikolu 12, filwaqt li jitqiesu l-karatteristiċi tas-setturi industrijali interessati u, fejn xieraq, ix-xorta ta’ prodotti. Artikolu 7 1. Sabiex jitnaqqas it-tniġgiz ta’ l-ilmijiet riferiti fl-Artikolu 1 mis-sustanzi fil-Lista II, l-Istati Membri għandom ifasslu programmi li fl-implimentazzjoni tagħhom għandhom japplikaw b’mod partikolari l-metodi riferiti fil-paragrafi 2 u 3. 2. L-iskariki kollha fl-ilmijiet riferiti fl-Artikolu 1 li jista’ jkun fihom xi wħud mis-sustanzi fil-Lista II għandhom jeħtieġu l-awtorizzazjoni minn qabel ta’ l-awtorità kompetenti fl-Istat Membru interessat, illi fiha għandhom jiġu stabbiliti l-livelli għall-emissjonijiet. Dawn il-livelli għandhom ikunu msejsa fuq l-għanijiet tal-kwalità, li għandhom jiġu fissati kif ipprovvdut fil-paragrafu 3. 3. Il-progrmmi riferiti fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu l-għanijiet tal-kwalità għall-ilma; dawn għandhom jiġu stabbiliti b’mod konformi mad-Direttivi tal-Kunsill, fejn dawn jeżistu. 4. Il-programmi jistgħu jinkludu wkoll dispożizzjonijiet speċifiċi li jirregolaw il-kompożizzjoni u l-użu ta’ sustanzi jew gruppi ta’ sustanzi u prodotti u għandhom iqisu l-ahhar żviluppi tekniċi li huma possibbli ekonomikament. 5. Il-programmi għandhom jistabbilixxu t-temma taż-żmien għall-implimentazzjoni tagħhom. 6. Gabra fil-qosor tal-programmi u tar-riżultati ta’ l-implimentazzjoni tagħhom għandha tinghata lill-Kummissjoni. 7. Il-Kummissjoni, flimkien ma’ l-Istati Membri, għandha tagħmel arranġamenti għat-tqabbil regolari tal-programmi sabiex tiżgura koordinament sufficjenti fl-implimentazzjoni tagħhom. Jekk jidhrilha li hu xieraq, għandha tissottometti proposti rilevanti lill-Kunsill għal dan l-iskop. Artikolu 8 L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi xierqa kollha sabiex jimplimentaw il-miżuri adottati minnhom skond din id-Direttiva hekk illi ma jżidux it-tniġġiz fl-ilmijiet li għalihom ma japplikax l-Artikolu 1. Għandhom b’żieda ma’ dan jipprojbixxu l-azzjonijiet kollha li b’ mod intenzjonali jew le jaħarbu d-disposizjonijiet ta’ din id-Direttiva. Artikolu 9 L-applikazzjoni tal-miżuri meħuda skond din id-Direttiva ma jistgħu fl-ebda ċirkostanza jwasslu, b’ mod dirett jew indirett, għaż-żieda fit-tniġġiz ta’ l-ilmijiet riferiti fl-Artikolu 1. Artikolu 10 Fejn xieraq, Stat Membru wieħed jew iktar jistgħu b’mod individwali jew flimkien jieħdu miżuri iktar stretti minn dawk ipprovvduti f’din id-Direttiva. Artikolu 11 L-awtorità kompetenti għandha tibni inventarju ta’ l-iskariki fl-ilmijiet riferiti fl-Artikolu 1 li jista’ jkun fihom sustanzi mill-Lista I li għalihom japplikaw il-livelli għall-emissjonijiet. Artikolu 12 1. Il-Kunsill, huwa u jaġixxi b’unanimità, għandu jieħu deċiżjoni fi żmien disa’ xhur dwar kull proposta mill-Kummissjoni magħmula skond l-Artikolu 6 u dwar il-proposti li jirrigwardaw il-metodi tal-kejl applikabbli. Proposti dwar serje tal-bidu tas-sustanzi kif ukoll il-metodi tal-kejl li jkunu japplikaw u t-temma taż-żmien riferiti fl-Artikolu 6(4) għandhom jiġu sottomessi mill-Kummissjoni f’perjodu ta’ mhux aktar minn sentejn wara n-notifika ta’ din id-Direttiva. 2. Il-Kummissjoni għandha, fejn possibbli fi żmien 27 xahar min-notifika ta’ din id-Direttiva, tibgħat l-ewwel proposti magħmula skond l-Artikolu 7(7). Il-Kunsill, huwa u jaġixxi b’unanimità, għandu jieħu deċiżjoni fi żmien disa’ xhur. Artikolu 13 1. Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom ifornu lill-Kummissjoni, fuq it-talba tagħha li hi trid tissottomi f’kull każ, bit-tagħrif kollu meħtieġ, u b’mod partikolari: - bid-dettalji ta’ l-awtorizzazzjonijiet moghtija skond l-Artikolu 3 u l-Artikolu 7(2), - bir-riżultati ta’ l-inventarju ipprovvdut fl-Artikolu 11, - bir-riżultati tal-moniteragg min-network nazzjonali, - tagħrif addizzjonali dwar il-programmi riferiti fl-Artikolu 7. 2. It-tagħrif miksub bħala riżultat ta’ l-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu għandu jiġi wżat biss għall-għan li għalih ikun ġie mitlub. 3. Il-Kummissjoni u l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri, l-uffiċjali tagħhom u impjegati oħra ma għandhomx jikxfu t-tagħrif miksub minnhom skond din id-Direttiva u li jkun tat-tip li jaqa’ taht l-obbligu tas-segretezza professjonali. 4. Id-dispożizzjonijiet fil-paragrafi 2 u 3 ma għandhomx jimpedixxu l-pubblikazzjoni ta’ tagħrif ġenerali jew ta’ stharrig li ma jkunx fihom taghrif li għandu x’jaqsam ma’ impriżi jew assoċjazzjonijiet ta’ impriżi partikolari. Artikolu 14 Il-Kunsill, huwa u jaġixxi fuq proposta mill-Kummissjoni, li għandha taġixxi fuq l-inizjattiva taghha jew fuq it-talba ta’ Stat Membru, għandu jirrevedi u, fejn meħtieġ, jikkompleta l-Listi I u II fuq il-bażi ta’ l-esperjenza billi jittrasferixxi ċerti sustanzi mil-Lista II għall-Lista I fejn xieraq. Artikolu 15 Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri. Magħmula fi Brussell, fl-4 ta’ Mejju 1976. Għall-Kunsill Il-President G. Thorn [1] ĠU C 5, tat-8.1.1975, p. 62 [2] ĠU C 108, tal-15.5.1975, p. 76 [3] ĠU C 112, tal-20.12.1973, p. 1. -------------------------------------------------- ANNESS Il-Lista I tal-familji u gruppi ta' sustanzi Il-Lista I fiha ċerti sustanzi individwali li jaghmlu sehem mill-familji u mill-gruppi ta' sustanzi li ġejjin, magħżula fil-biċċa l-kbira fuq il-bażi tat-tossiċità, l-persistenza u l-bijokumulazzjoni tagħhom, għajr dawk li bijoloġikament ma jaghmlux ħsara jew li jiġu mibdula bil-ħeffa f'sustanzi li bijoloġikament ma jaghmlux ħsara: 1. il-komposti organoaloġenici u s-sustanzi li jistgħu jiffurmaw dawn il-komposti fl-ambjent akwatiku, 2. il-komposti organofosforiċi, 3. il-komposti organotin, 4. is-sustanzi li jkunu gew ippruvati li ghandhom kwalitajiet karċinoġeni fl-ambjent akwatiku jew permezz tiegħu [1], 5. il-merkurju u l-komposti tiegħu, 6. il-kadmju u l-komposti tiegħu, 7. iż-żjut minerali persistenti u l-idrokarboni li joriġinaw miż-żejt minerali, u għall-iskopijiet ta' l-implimentazzjoni ta' l-Artikoli 2, 8, 9 u 14 ta' din id-Direttiva: 8. is-sustanzi sintetiċi persistenti li jistgħu iżommu fil-wicc, jibqgħu f'sospensjoni jew jegħrqu u li jistgħu jfixklu kull użu ta' l-ilmijiet. Il-Lista II tal-familji u l-gruppi ta' sustanzi Fil-Lista II jinsabu: - s-sustanzi li jaghmlu sehem mill-familji u l-gruppi tas-sustanzi fil-Lista I li għalihom ma ġewx stabbiliti l-valuri ta' limitu riferiti fl-Artikolu 6 tad-Direttiva, - ċerti sustanzi individwali u kategoriji ta' sustanzi li jaghmlu sehem mill-familji u l-gruppi ta' sustanzi mniżżla fil-lista hawn taħt, u li jaghmlu ħsara lill-ambjent akwatiku, li, madankollu, jistgħu ikunu limitati ghal żona specifikata u li jiddependu mill-karatteristiċi u l-post fejn jinstab l-ilma li fih jiġu skarikati. Il-familji u l-gruppi tas-sustanzi riferiti fit-tieni inciż 1. Il- metallojdi u l-metalli li ġejjin u l-komposti tagħhom: 1. iż-żingu 2. ir-ram 3. in-nikil 4. il-kromju 5. ic-comb 6. is-selenju 7. l-arseniku 8. l-antimonju 9. il-molibdenu 10. it-titanju 11. l-istann 12. il-barju 13. il-berillju 14. il-boron 15. l-uranju 16. il-vanadju 17. il-kobalt 18. it-talju 19. it-tellurju 20. il-fidda 2. Il-bijoċodi u d-derivati tagħhom li ma jidhrux fil-Lista I. 3. Is-sustanzi li għandhom effett hażin fuq it-togħma u/jew ir-riha tal-prodotti derivati mill-ambjent akwatiku għall-konsum tan-nies, u l-komposti li x'aktarx inisslu dawn is-sustanzi fl-ilma. 4. Il-komposti organici tas-silikon li huma tossiċi jew persistenti, u s-sustanzi li jistgħu jnisslu dawn il-komposti fl-ilma, minbarra dawk li bijoloġikament ma jaghmlux ħsara jew li jinbidlu fl-ilma bil-ħeffa f'sustanzi li ma jaghmlux ħsara. 5. Il-komposti inorganiċi tal-fosfru u tal-fosfru elementali. 6. Iż-żjut minerali mhux persistenti u l-idrokarboni li joriġinaw miż-żejt minerali. 7. Iċ-ċjanuri, il-fluworidi. 8. Is-sustanzi li għandhom effett negattiv fuq il-bilanċ ta' l-ossignu, b'mod partikolari: l-ammonja, in-nitriti. [1] Fejn ċerti sustanzi fil-Lista II ikunu karċinoġeni, jigu inklużi fil-kategorija 4 ta' din il-lista. --------------------------------------------------