EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31962D1217(02)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill ta’ l-4 ta’ Diċembru 1962 dwar il-koordinazzjoni tal-policies dwar l-istruttura ta’ l-agrikoltura

ĠU 136, 17.12.1962, p. 2892–2895 (DE, FR, IT, NL)
Edizzjoni Speċjali bl-Ingliż: Serje I Volum 1959-1962 P. 295 - 297

Edizzjoni(jiet) speċjali oħra (DA, EL, ES, PT, FI, SV, CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO, HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/1962/1217(1)/oj

31962D1217(02)



Official Journal 136 , 17/12/1962 P. 2892 - 2895
Finnish special edition: Chapter 3 Volume 1 P. 0058
Swedish special edition: Chapter 3 Volume 1 P. 0058
Danish special edition: Series I Chapter 1959-1962 P. 0261
English special edition: Series I Chapter 1959-1962 P. 0295 - 0297
Greek special edition: Chapter 03 Volume 1 P. 0081
Spanish special edition: Chapter 03 Volume 1 P. 0065
Portuguese special edition Chapter 03 Volume 1 P. 0065


Id-Deċiżjoni tal-Kunsill

ta’ l-4 ta’ Diċembru 1962

dwar il-koordinazzjoni tal-policies dwar l-istruttura ta’ l-agrikoltura

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITÀ EKONOMIKA EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, b’mod partikolari l-Artikolu 43 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew,

Billi l-ħidma u l-iżvilupp fis-suq komuni tal-prodotti agrikoli għandhom ikunu akkompanjati mill-ħolqien ta’ politika agrikola komuni, li minnha politika dwar l-istruttura ta’ l-agrikoltura tifforma parti integrali;

Billi skond l-Artikolu 39, il-paragrafu 1, il-punti (a) u (b) tat-Trattat, wieħed mill-għanijiet ta’ politika agrikola komuni hu li tiżdied il-produttività agrikola u b’hekk jiġi żgurat livell ta’ għixien xieraq lill-komunità agrikola, b’mod partikolari billi jiżdied il-qligħ individwali tal-persuni involuti fl-agrikoltrua; billi jekk dawn l-għanijiet għandhom jintlaħqu, l-elementi sani ta’ l-agrikoltura għandhom jinżammu u d-difetti fl-istruttura eliminati;

Billi l-ħolqien ta’ politika ta’ struttura fil-qafas ta’ politika agrikola komuni għandu jsir skond it-tendenzi tas-swieq agrikoli; billi koordinazzjoni fil-qrib hi neċessarja bejn politika dwar is-swieq agrikoli u politika dwar l-istruttura agrikola; billi hemm bżonn, aktar minn hekk, li wieħed iżomm f’moħħu li l-istruttura agrikola hi marbuta ma’ l-ekonomija sħiħa;

Billi hu għalhekk neċessarju li kemm sabiex ikun hemm koordinazzjoni bejn il-politika strutturali u l-politika ta’ żvilupp reġjonali, u fil-qafas ta’ politika ta’ żvilupp reġjonali, hemm bżonn li jittieħdu miżuri żejda maħluqa sabiex jiffaċilitaw l-adattament ta’ l-agrikoltura għal tendenzi ekonomiċi u soċjali;

Billi jeżistu difetti strutturali fuq livell lokali kif ukoll reġjonali u żvilupp strutturali hu possibli biss meta jkun hemm kooperazzjoni attiva bejn dawk involuti direttament; peress li l-ħolqien ta’ politika dwar l-istruttura hi għalhekk responsabilità ta’ l-Istati Membri;

Billi passi għandhom, madankollu, jittieħdu fil-qafas tal-Komunità sabiex tħajjar l-iżvilupp ta’ struttura agrikola u sabiex tagħmel dak kollu possibli biex tkabbar il-potenzjal ekonomiku u l-kompetitività ta’ l-agrikoltura;

Billi koordinazzjoni mill-Komunità tal-policies strutturali ta’ l-Istati membri titlob li dawn il-policies ikun jaqblu mal-politika ta’ agrikoltura komuni u ma’ għanijiet oħra tal-Komunità;

Billi koordinazzjoni tal-policies strutturali teħtieġ kooperazzjoni fil-qrib u b’saħħitha bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni; billi dan jista’ jsir b’mod effettiv grazzi għall-ħolqien ta’ Kumitat Permanenti li jkun magħmul minn rappreżentati ta’ kull Stat Membru, b’rappreżentant tal-Kummissjoni bħala president;

Peress li hemm bżonn li l-Kummissjoni tgħaddi kull sena rapport dwar l-istruttura lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, li jfihem is-sitwazzjoni ġenerali fil-Komunità rigward l-istruttura agrikola u li jinkludi rendikont tal-policies strutturali ta’ l-Istati membri relatati ma’ l-għanijiet ta’ politika agrikola komuni;

Peress li bħala parti mill-koordinazzjoni tal-policies strutturali għandhom jittieħdu passi sabiex jiġi żgurat użu adegwat u koordinat tal-faċilitajiet ta’ finanzjament tal-Komunità għall-benefiċċju ta’ l-istruttura agrikola, il-faċilitajiet imsemmija mħallsa mill-Fond ta’ Garanzija u Orjentazzjoni (skond l-azzjoni li tissemma fl-Artikolu 3 il-paragrafu 1, il-punt (d), u l-Artikolu 2, il-paragrafu 2, il-punt (ċ) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 25 dwar l-iffinanzjar ta’ politika agrikola komuni), mill-Fond Soċjali Ewropew, u mill-Bank Ewropew ta’ l-Investiment;

Peress li jeħtieġ li l-Kummissjoni, skond, b’mod partikolari, r-rapport dwar l-istruttura, tissottometti l-proposti maħsuba għall-iżvilupp ta’ l-istruttura agrikola lill-Kunsill għall-adozzjoni skond l-Artikolu 43 tat-Trattat u b’hekk toħloq il-possibilità li policies strutturali ta’ l-Istati Membri jkunu koordinati;

Peress li sabiex issir il-koordinazzjoni bejn il-policies strutturali hemm bżonn li wieħed ikun infurmat dwar is-sitwazzjoni fl-Istati Membri rigward l-istruttura agrikola u l-policies agrikoli tagħhom, u b’mod partikolari dwar il-miżuri meħuda sabiex din l-istruttura titjieb u wkoll il-kundizzjonijiet fuq livell reġjonali; billi l-Istati membri għandhom jgħaddu lill-Kummissjoni l-informazzjoni kollha neċessarja;

Peress li jekk wieħed jixtieq jikseb koordinazzjoni tal-policies strutturali effettiva l-Kummissjoni għandha tirċievi mingħand l-Istati Membri d-dettalji kollha tal-pjanijiet li jsiru iktar minn darba fis-sena, il-proposti u l-programmi reġjonali, kif ukoll kopji tal-liġijiet proposti, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi, jew, fejn kopja ta’ dawn ma’ teżistix, deskrizzjoni dettaljata tal-proposti maħsuba;

Peress li koordinazzjoni effettiva tal-policies strutturali ta’ l-Istati membri tista’ tkun żgurata għall-dawn il-proposti biss jekk il-Kummissjoni jkollha l-poter li tesprimi l-opinjoni tagħha dwar il-proposti u tkun mitluba tgħaddi l-opinjoni tagħha meta hekk ikun mixtieq minn Stat Membru;

Peress li, bil-għan li kollox jimxi ħarir fil-leġislazzjonai nazzjonali, il-koordinazzjoni tal-policies strutturali teħtieġ l-għarfien tal-liġijiet kollha rilevanti; regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi użati fl-Istati membri; billi hu mixtieq li l-Istati Membri jgħaddu lill-Kummissjoni kull informazzjoni oħra li hi jkollha bżonn għall-koordinazzjoni tal-policies strutturali;

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

L- Artikolu 1

1. Bil-għan li tikber il-koordinazzjoni ta’ policies dwar l-istruttura ta’ l-agrikoltura u tinkiseb kooperazzjoni aktar soda u mill-qrib bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni, għandu jinstab qrib il-Kummissjoni Kumitat Permanenti dwar l-Istruttura Agrikola (minn issa ’l quddiem imsejjaħ "il-Kumitat").

2. Il-Kumitat għandu jkun responsabbli għall-istudju tal-policies strutturali ta’ l-Istati Membri, flimkien ma’ miżuri u programmi oħra proposti minnhom għat-titjib ta’ l-istruttura ta’ l-agrikoltura. Meta jsiru dawn l-istudji, għandha titqies ir-relazzjoni interna bejn il-politika strutturali u l-politika ta’ żvilupp reġjonali u mal-politika tas-swieq agrikoli. Il-Kumitat għandu jkun responsabbli sabiex jiżgura skambju ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni rigward il-politika strutturali. Il-Kummissjoni għandha tikkonsulta mal-Kumitat dwar problemi li għandhom x’jaqsmu ma’ l-istruttura agrikola. Il-Kumitat għandu jassisti l-Kummissjoni fuq il-preparazzjoni tal-Parti (a) tar-rapport fuq l-istruttura li tissemma fl-Artikolu 2.

3. Il-Kumitat għandu jkun magħmul minn rappreżentanti ta’ kull Stat Membru flimkien ma’ rappreżentant tal-Kummissjoni bħala president.

4. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi servizzi ta’ segretarji lill-Kumitat.

5. Il-Kumitat għandu jadotta r-regoli ta’ tmexxija tiegħu.

L- Artikolu 2

Il-Kummissjoni għandha tgħaddi, kull sena, lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, rapport dwar l-istruttura li jinkludi:

(a) studju mill-ġdid tas-sitwazzjoni rigward l-istruttura agrikola fl-Istati Membri u l-policies tagħhom dwar dan, flimkien ma’ programm li jinkludi l-miżuri kollha meħuda bħala riżultat ta’ dawn il-policies;

(b) studju li jeżamina n-natura, distribuzzjoni ġeografika, skop u finanzjament ta’ dawn il-miżuri, skond il-kuntest tal-policies strutturali fl-Istati Membri, u li jeżamina wkoll l-effikaċità ta’ dawn il-miżuri meta mqabbla ma’ l-għanijiet ta’ politika agrikola komuni u mar-riżultati li dawn jagħtu fit-tul taż-żmien li normalment għandhom ikunu antiċipati għall-prodotti agrikoli;

(ċ) informazzjoni fir-rispett ta’ dawn li ġejjin rigward il-koordinazzjoni fuq livell Komunitarju ta’ policies ta’ struttura dwar l-agrikoltura:

(1) miżuri meħuda bil-għan ta’ din il-koordinazzjoni;

(2) finanzjament mill-Komunità;

(3) ir-riżultati ta’ dawn il-miżuri u l-finanzjament;

L- Artikolu 3

Skond l-Artikolu 43 tat-Trattat, il-Kunsill għandu, fuq bażi b’mod partikolari tar-rapport fuq l-istruttura, jadotta l-miżuri neċessarji sabiex jikkoordina l-policies strutturali ta’ l-Istati membri. Bil-proposti ta’ dawn il-miżuri, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra l-mezzi ta’ finanzjament tal-Komunità, peress li l-miżuri proposti għandhom jiġu finanzjati mis-sors tal-Komunità rigward id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill.

L- Artikolu 4

1. L-Istati Membri għandhom jgħaddu lill-Kummissjoni, kull sena, fajl ta’ informazzjoni meħtieġ sabiex isir ir-rapport fuq l-istruttura ta’ l-agrikoltura. Din l-informazzjoni għandha tinvolvi b’mod partikolari:

- is-sitwazzjoni rigward l-istruttura ta’ l-agrikoltura, skond il-kundizzjonijiet reġjonali u l-policies ta’ żvilupp reġjonali;

- ir-relazzjoni bejn l-istruttura ta’ l-agrikoltura u l-policies tas-suq;

- in-natura, skop u finanzjament tal-miżuri għall-iżvilupp strutturali meħuda matul is-sena ta’ qabel;

- in-natura u l-iskop tal-miżuri għall-iżvilupp strutturali maħsuba għal dik is-sena.

2. Wara konsultazzjoni mal-Kumitat, il-Kummissjoni għandha tiddetermina l-forma u d-data li fiha din l-informazzjoni għandha tingħata mill-Istati membri.

L- Artikolu 5

L-Istati membri għandhom jgħaddu lill-Kummissjoni dan li ġej bħala miżuri għall-iżvilupp strutturali:

- safejn hu possibli, kopji tal-liġijiet proposti, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi, jew, fejn kopja ta’ dawn ma’ teżistix, deskrizzjoni dettaljata tal-proposti maħsuba;

- kopji ta’ pjanijiet li jsiru iktar minn darba fis-sena u programmi reġjonali.

L- Artikolu 6

Il-Kummissjoni

- tista’ tesprimi ruħha dwar kull kopja ta’ xi liġi, regolament jew dispożizzjoni amministrattiva, pjanijiet li jsiru iktar minn darba fis-sena u programmi reġjonali mogħtija lilha skond l-Artikolu 5;

- għandha tesprimi ruħha dwarhom jekk mitluba mill-Istat Membru.

Il-Kummissjoni għandha dejjem tikkonsulta mal-Kumitat.

L- Artikolu 7

Fi żmien tliet xhur mid-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni l-Istati Membri għandhom, bil-għan li l-leġislazzjoni nazzjonali tibqa’ miexja b’mod kalm u regolari, jgħaddu lill-Kummissjoni d-dettalji tal-liġijiet kollha eżistenti, tar-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi relatati ma’ l-iżvilupp ta’ l-istruttura ta’ l-agrikoltura. Mingħajr ma jiġu affettwati d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 5, dettalji tal-liġijiet kollha, tar-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi adottati wara din id-data għandhom jingħataw immedjatament wara d-dħul fis-seħħ tagħhom.

L- Artikolu 8

L-Istati Membri għandhom, jekk ikunu mitluba mill-Kummissjoni, jgħaddu lill-Kummissjoni kull informazzjoni oħra li jkollha bżonn għall-koordinazzjoni tal-policies dwar l-istruttura ta’ l-agrikoltura fuq livell Komunitarju.

L- Artikolu 9

Din id-Deċiżjoni hi indirizzata lill-Istati membri.

Magħmul fi Brussel, fl-4 ta’ Diċembru 1962.

Għall-Kunsill

Il-President

E. Colombo

--------------------------------------------------

Top