Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 22020D1022

    Deċiżjoni Nru 1/2020 tal-Kumitat Konġunt stabbilit bil-Ftehim dwar il-Ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika tat-12 ta’ Ġunju 2020 li temenda l-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u tal-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika [2020/1022]

    PUB/2020/507

    ĠU L 225, 14.7.2020, p. 53–54 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
    ĠU L 225, 14.7.2020, p. 1–3 (GA)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2020/1022/oj

    14.7.2020   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 225/53


    DEĊIŻJONI Nru 1/2020 tAL-KUMITAT KONĠUNT STABBILIT BIL-FTEHIM DWAR IL-ĦRUĠ TAR-RENJU UNIT TAL-GRAN BRITTANJA U L-IRLANDA TA’ FUQ MILL-UNJONI EWROPEA U MILL-KOMUNITÀ EWROPEA TAL-ENERĠIJA ATOMIKA

    tat-12 ta’ Ġunju 2020

    li temenda l-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u tal-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika [2020/1022]

    Il-KUMITAT KONĠUNT,

    Wara li kkunsidra l-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (1) (“il-Ftehim dwar il-Ħruġ”), u b’mod partikolari l-Artikolu 164(5)(d) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Il-punt (d) tal-Artikolu 164(5) tal-Ftehim dwar il-Ħruġ jagħti s-setgħa lill-Kumitat Konġunt stabbilit skont l-Artikolu 164(1) tiegħu (“il-Kumitat Konġunt”) li jadotta deċiżjonijiet li jemendaw lil dak il-Ftehim, dment li tali emendi jkunu meħtieġa biex jikkoreġu żbalji, biex jindirizzaw l-ommissjonijiet jew nuqqasijiet oħrajn, jew biex jindirizzaw sitwazzjonijiet li ma kinux previsti meta ġie ffirmat il-Ftehim, u dment li tali deċiżjonijiet ma jemendawx l-elementi essenzjali ta’ dak il-Ftehim. Skont l-Artikolu 166(2) tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, id-deċiżjonijiet adottati mill-Kumitat Konġunt huma vinkolanti għall-Unjoni u għar-Renju Unit. L-Unjoni u r-Renju Unit iridu jimplimentaw it-tali deċiżjonijiet, li jeħtieġ li jkollhom l-istess effett legali tal-Ftehim dwar il-Ħruġ.

    (2)

    Fl-interess taċ-ċertezza legali u biex jiġu riflessi l-aġġustamenti meħtieġa bħala riżultat tad-data tad-dħul fis-seħħ sussegwenti tal-Ftehim dwar il-Ħruġ aktar tard minn dak previst inizjalment, l-Artikoli 135, 137, 143, 144 u 150 tal-Ftehim għandhom jiġu emendati,

    (3)

    L-Artikolu 145 tal-Ftehim dwar il-Ħruġ iħalli barra dispożizzjonijiet li jirregolaw l-għotjiet taħt il-Fond ta’ Riċerka għall-Faħam u l-Azzar li ngħataw qabel tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni lill-benefiċjarji stabbiliti fir-Renju Unit. Għaldaqstant jenħtieġ li l-Artikolu 145 tal-Ftehim dwar il-Ħruġ jiġi emendat biex jindirizza dan in-nuqqas u jipprovdi ċertezza legali fir-rigward tal-għotjiet li għadhom għaddejjin,

    (4)

    Il-parti I tal-Anness I tal-Ftehim dwar il-Ħruġ jenħtieġ li tiġi emendata biż-żieda ta’ żewġ deċiżjonijiet tal-Kummissjoni Amministrattiva għall-Koordinazzjoni tas-Sistemi tas-Sigurtà Soċjali li ma kinux elenkati fil-Parti I tal-Anness I tal-Ftehim dwar il-Ħruġ,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Il-Ftehim dwar il-Ħruġ għandu jiġi emendat kif ġej:

    1)

    Fl-Artikolu 135, fit-titolu, il-kliem “baġits tal-Unjoni għas-snin 2019 u 2020” għandhom jiġu sostitwiti bil-kliem “baġit tal-Unjoni għas-sena 2020”, u fil-paragrafu 1, il-kliem “snin 2019 u” għandhom jiġu sostitwiti bil-kelma “sena” u l-kelma “baġits” għandha tiġi sostitwita bil-kelma “baġit”;

    2)

    Fl-Artikolu 137, fit-titolu u fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1, il-kliem “fl-2019 u” għandhom jitħassru;

    3)

    L-Artikolu 143(1) għandu jiġi emendat kif ġej:

    (a)

    fit-tieni subparagrafu “31 ta’ Lulju 2019” għandha tiġi sostitwita b’“31 ta’ Lulju 2020”;

    (b)

    it-tielet subparagrafu għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

    “Fil-kontijiet konsolidati tal-Unjoni relatati mas-sena 2020, il-pagamenti li jsiru mid-dispożizzjonijiet imsemmija fil-punt (b) tat-tieni subparagrafu mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim sal-31 ta’ Diċembru 2020 għandhom jiġu divulgati għall-istess operazzjonijiet finanzjarji kif imsemmija f’dan il-paragrafu iżda li dwarhom tittieħed deċiżjoni fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim jew wara din.”;

    4)

    Fl-Artikolu 144(1), fit-tieni subparagrafu, “31 ta’ Lulju 2019” għandha tiġi sostitwita b’“31 ta’ Lulju 2020”;

    5)

    Fl-Artikolu 145, għandu jiżdied il-paragrafu li ġej:

    “Fir-rigward tal-proġetti taħt il-Fond ta’ Riċerka dwar il-Faħam u l-Azzar stabbilit mill-Protokoll 37 għat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u għat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea taħt ftehimiet ta’ għotja ffirmati qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ tranżizzjoni, għandu jkompli japplika d-dritt tal-Unjoni applikabbli fir-Renju Unit u għalih wara t-tmiem tal-perjodu ta’ tranżizzjoni, sa ma jingħalqu l-proġetti. Id-dritt applikabbli tal-Unjoni għandu jinkludi b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet li ġejjin, u kwalunkwe emenda lil dawk id-dispożizzjonijiet, irrispettivament mid-data tal-adozzjoni, tad-dħul fis-seħħ jew tal-applikazzjoni tal-emenda:

    (a)

    id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2003/76/KE, 2003/77/KE u 2008/376/KE;

    (b)

    l-atti msemmija fil-punt (a), (c), (d) u (e) tal-Artikolu 138(2).”;

    6)

    l-Artikolu 150 għandu jiġi emendat kif ġej:

    (a)

    il-paragrafu 4 għandu jiġi emendat kif ġej:

    (i)

    fir-raba’ sentenza, “15 ta’ Diċembru” għandha tiġi sostitwita bi “15 ta’ Ottubru” u “2019” għandha tiġi sostitwita b’“2020”;

    (ii)

    fil-ħames sentenza, “15 ta’ Diċembru 2030” għandha tiġi sostitwita bi “15 ta’ Ottubru 2031”;

    (b)

    il-paragrafu 8 għandu jiġi emendat kif ġej:

    (i)

    fl-ewwel subparagrafu, “2019” għandha tiġi sostitwita b’“2020”;

    (ii)

    fl-ewwel sentenza tat-tieni subparagrafu, “2020” għandha tiġi sostitwita b’“2021”;

    7)

    Fil-Parti I tal-Anness I għall-Ftehim dwar il-Ħruġ, għandhom jinżdiedu l-atti li ġejjin:

    Taħt “Skambju Elettroniku tad-Data (serje E)”: Id-Deċiżjoni Nru E7 tal-Kummissjoni Amministrattiva għall-Koordinazzjoni tas-Sistemi tas-Sigurtà Soċjali li tikkonċerna l-arranġamenti prattiċi għall-koperazzjoni u l-iskambju tad-data sakemm l-Iskambju Elettroniku ta’ Informazzjoni dwar is-Sigurtà Soċjali (EESSI) jiġi implimentat bis-sħiħ fl-Istati Membri;

    Taħt “Benefiċċji tal-Familja (serje F)”: Id-Deċiżjoni Nru F3 tal-Kummissjoni Amministrattiva għall-Koordinazzjoni tas-Sistemi tas-Sigurtà Soċjali dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 68 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 b’rabta mal-metodu tal-kalkolu tas-suppliment li jagħmel tajjeb għad-differenza.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-adozzjoni tagħha.

    Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Ġunju 2020.

    Għall-Kumitat Konġunt

    Il-Kopresidenti

    Maroš ŠEFČOVIČ

    Michael GOVE


    (1)  ĠU L 29, 31.1.2020, p. 7.


    Top