Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 22018A0221(01)

    Trattat ta' Marrakexx biex jiġi ffaċilitat l-aċċess għal xogħlijiet pubblikati għal persuni għomja, b'diżabbiltà fil-vista jew li b'xi mod ieħor għandhom diffikultà biex jaqraw materjal stampat

    ĠU L 48, 21.2.2018, p. 3–11 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document Date of entry into force unknown (pending notification) or not yet in force.

    Related Council decision

    21.2.2018   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 48/3


    TRADUZZJONI

    TRATTAT TA' MARRAKEXX

    biex jiġi ffaċilitat l-aċċess għal xogħlijiet pubblikati għal persuni għomja, b'diżabbiltà fil-vista jew li b'xi mod ieħor għandhom diffikultà biex jaqraw materjal stampat

    IL-PARTIJIET KONTRAENTI,

    FILWAQT LI JFAKKRU l-prinċipji ta' nondiskriminazzjoni, opportunitajiet indaqs, aċċessibbiltà u parteċipazzjoni u inklużjoni sħaħ u effettivi fis-soċjetà, proklamati fid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabbiltà,

    KONSAPEVOLI tal-isfidi li jippreġudikaw l-iżvilupp sħiħ ta' persuni b'diżabbiltà fil-vista jew li b'xi mod ieħor għandhom diffikultà biex jaqraw materjal stampat, li jillimitaw il-libertà tal-espressjoni tagħhom, inkluża l-libertà li wieħed ifittex, jirċievi u jagħti informazzjoni u ideat ta' kull tip fuq bażi ugwali ma' ħaddieħor, inkluż permezz tal-forom ta' komunikazzjoni kollha tal-għażla tagħhom, it-tgawdija tad-dritt għall-edukazzjoni, u l-opportunità li jagħmlu riċerka,

    FILWAQT LI JENFASIZZAW l-importanza tal-ħarsien tad-drittijiet tal-awtur bħala inċentiv u premju għal kreazzjonijiet letterarji u artistiċi u li jtejbu l-opportunitajiet għal kulħadd, inklużi tal-persuni b'diżabbiltà fil-vista jew b'diffikultà biex jaqraw materjal stampat, biex jipparteċipaw fil-ħajja kulturali tal-komunità, biex igawdu l-arti u biex jiskambjaw il-progress xjentifiku u l-benefiċċji tiegħu,

    KONXJI mill-ostakli ta' persuni b'diżabbiltà fil-vista jew li b'xi mod ieħor għandhom diffikultà biex jaqraw materjal stampat biex jaċċessaw ix-xogħlijiet ippubblikati u biex jiksbu opportunitajiet ugwali fis-soċjetà, u kemm il-ħtieġa li jikber l-għadd ta' xogħlijiet f'formati aċċessibbli kif ukoll li titjieb iċ-ċirkolazzjoni ta' xogħlijiet bħal dawn,

    FILWAQT LI JQISU li l-maġġoranza tal-persuni b'diżabbiltà fil-vista jew li b'xi mod ieħor għandhom diffikultà biex jaqraw materjal stampat jgħixu f'pajjiżi li qed jiżviluppaw u l-pajjiżi l-anqas żviluppati,

    FILWAQT LI JIRRIKONOXXU li, minkejja d-differenzi fil-liġijiet nazzjonali dwar id-drittijiet tal-awtur, l-impatt pożittiv ta' teknoloġiji ġodda tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni fuq il-ħajja ta' persuni b'diżabbiltà fil-vista jew li b'xi mod ieħor għandhom diffikultà biex jaqraw materjal stampat jista' jissaħħaħ permezz ta' qafas legali mtejjeb fil-livell internazzjonali,

    FILWAQT LI JIRRIKONOXXU li bosta Stati Membri stabbilixxew limitazzjonijiet u eċċezzjonijiet fil-liġijiet nazzjonali tad-drittijiet tal-awtur għal persuni b'diżabbiltà fil-vista jew li b'xi mod ieħor għandhom diffikultà biex jaqraw materjal stampat ieħor, iżda hemm in-nuqqas dejjem jikber ta' xogħlijiet disponibbli f'kopji f'format aċċessibbli għal dawn il-persuni, u li hemm bżonn ta' riżorsi konsiderevoli għall-isforz tagħhom biex ix-xogħlijiet isiru aċċessibbli għal dawn il-persuni, u li n-nuqqas ta' possibbiltajiet ta' skambju transfruntier ta' kopji f'format aċċessibbli ħoloq il-ħtieġa tad-duplikazzjoni ta' dawn l-isforzi,

    FILWAQT LI JIRRIKONOXXU kemm l-importanza tal-irwol tad-detenturi li jagħmlu x-xogħlijiet tagħhom aċċessibbli għal persuni b'diżabbiltà fil-vista jew li b'xi mod ieħor għandhom diffikultà biex jaqraw materjal stampat u l-importanza ta' limitazzjonijiet u eċċezzjonijiet xierqa biex ix-xogħlijiet isiru aċċessibbli għal dawn il-persuni, b'mod partikolari meta s-suq ma jkunx jista' jipprovdi dan l-aċċess,

    FILWAQT LI JIRRIKONOXXU l-ħtieġa li jinżamm bilanċ bejn il-ħarsien effettiv tad-drittijiet tal-awtur u l-interessi tal-pubbliku, b'mod partikolari l-edukazzjoni, ir-riċerka u l-aċċess għall-informazzjoni, u li dan il-bilanċ għandu jiffaċilita l-aċċess effettiv u f'waqtu għal xogħlijiet għall-benefiċċju ta' persuni b'diżabbiltà fil-vista jew li b'xi mod ieħor għandhom diffikultà biex jaqraw materjal stampat,

    FILWAQT LI JTENNU l-obbligi tal-Partijiet Kontraenti skont it-trattati internazzjonali eżistenti dwar il-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur u l-importanza u l-flessibbiltà tat-test fuq tliet livelli għal limitazzjonijiet u eċċezzjonijiet stabbilit fl-Artikolu 9(2) tal-Konvenzjoni ta' Berna għall-Protezzjoni ta' Xogħlijiet Letterarji u Artistiċi, u strumenti internazzjonali oħra,

    FILWAQT LI JFAKKRU l-importanza tar-rakkomandazzjonijiet tal-Aġenda għall-Iżvilupp, adottata fl-2007 mill-Assemblea Ġenerali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali (WIPO), li għandha l-għan li tiżgura li l-konsiderazzjonijiet dwar l-iżvilupp jiffurmaw parti integrali mix-xogħol tal-Organizzazzjoni,

    FILWAQT LI JIRRIKONOXXU l-importanza tas-sistema internazzjonali dwar id-drittijiet tal-awtur u x-xewqa li l-limitazzjonijiet u l-eċċezzjonijiet jiġu armonizzati bil-għan li jiġi ffaċilitat l-aċċess għal u l-użu ta' xogħlijiet minn persuni b'diżabbiltà fil-vista jew li b'xi mod ieħor għandhom diffikultà biex jaqraw materjal stampat,

    FTIEHMU KIF ĠEJ:

    Artikolu 1

    Relazzjoni ma' Konvenzjonijiet u Trattati Oħra

    Xejn f'dan it-Trattat m'għandu jidderoga minn xi obbligi li l-Partijiet Kontraenti għandhom lejn xulxin skont kwalunkwe trattat ieħor, u lanqas ma għandu jippreġudika kwalunkwe dritt li Parti Kontraenti jkollha skont kwalunkwe trattat ieħor.

    Artikolu 2

    Definizzjonijiet

    Għall-finijiet ta' dan it-Trattat:

    (a)

    “xogħlijiet” tfisser xogħlijiet letterarji u artistiċi fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 2(1) tal-Konvenzjoni ta' Berna għall-Protezzjoni ta' Xogħlijiet Letterarji u Artistiċi, fil-forma ta' test, notazzjoni u/jew illustrazzjonijiet relatati, kemm jekk ippubblikati kif ukoll jekk b'mod ieħor magħmula disponibbli pubblikament bi kwalunkwe midja (1);

    (b)

    “kopja f'format aċċessibbli” tfisser kopja ta' xogħol f'mod alternattiv jew għamla alternattiva li tagħti lil persuna benefiċjarja aċċess għax-xogħol, inkluż li l-persuna tingħata permess ikollha aċċess b'mod fattibbli u komdu daqs persuna mingħajr diżabbiltà fil-vista jew li b'xi mod ieħor għandha diffikultà biex taqra materjal stampat. Il-kopja f'format aċċessibbli tintuża esklussivament mill-persuni benefiċjarji u għandha tirrispetta l-integrità tax-xogħol oriġinali, billi tittieħed konsiderazzjoni xierqa tal-bidliet meħtieġa biex jagħmlu xogħol aċċessibbli fil-format alternattiv u tal-ħtiġijiet tal-aċċessibbiltà tal-persuni benefiċjarji;

    (c)

    “entità awtorizzata” tfisser entità li hija awtorizzata jew rikonoxxuta mill-gvern li tipprovdi edukazzjoni, taħriġ, qari adattiv jew aċċess għal informazzjoni għal persuni benefiċjarji fuq bażi ta' mingħajr skop ta' qligħ. Tinkludi wkoll istituzzjoni jew organizzazzjoni mingħajr skop ta' qligħ li tipprovdi l-istess servizzi lil persuni benefiċjarji bħala waħda mill-attivitajiet primarji jew l-obbligi istituzzjonali tagħha (2).

    Entità awtorizzata tistabbilixxi u ssegwi l-prattiċi tagħha stess:

    (i)

    li tistabbilixxi li l-persuni li sservi huma persuni benefiċjarji;

    (ii)

    li tillimita d-distribuzzjoni u t-tqegħid għad-disponibbiltà ta' kopji f'format aċċessibbli tagħha għal persuni benefiċjarji u/jew entitajiet awtorizzati;

    (iii)

    li tiskoraġġixxi r-riproduzzjoni, id-distribuzzjoni u d-disponibilità ta' kopji mhux awtorizzati; u

    (iv)

    li żżomm attenzjoni kif imiss fi, u reġistri ta', l-immaniġġar tagħha ta' kopji ta' xogħlijiet, filwaqt li tirrispetta l-privatezza tal-persuni benefiċjarji skont l-Artikolu 8.

    Artikolu 3

    Persuni Benefiċjarji

    Persuna benefiċjarja hija persuna li:

    (a)

    hija għamja;

    (b)

    għandha diżabbiltà fil-vista jew diżabbiltà fil-perċezzjoni jew biex taqra, li ma tistax titjieb biex tagħti funzjoni viżiva sostanzjalment ekwivalenti għal dik ta' persuna li ma jkollhiex tali diffikultà jew diżabbiltà u għalhekk ma tkunx tista' taqra xogħlijiet stampati sa sostanzjalment l-istess grad bħal persuna mingħajr xi diffikultà jew diżabbiltà; jew (3)

    (c)

    b'xi mod ieħor, minħabba diżabbiltà fiżika, ma tkunx tista' żżomm jew timmanipula ktieb jew tiffoka jew iċċaqlaq għajnejha sal-grad li normalment ikun aċċettabbli għal qari;

    irrispettivament minn kwalunkwe diżabbiltà oħra.

    Artikolu 4

    Limitazzjonijiet u Eċċezzjonijiet tal-Liġi Nazzjonali Rigward Kopji f'Format Aċċessibbli

    1.

    (a)

    Il-Partijiet Kontraenti għandhom jipprovdu fil-liġijiet nazzjonali tagħhom dwar id-drittijiet tal-awtur għal limitazzjoni jew eċċezzjoni għad-dritt ta' riproduzzjoni, id-dritt ta' distribuzzjoni, u d-dritt ta' tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku kif previst fit-Trattat WIPO dwar id-Drittijiet tal-Awtur (WCT), biex jiffaċilitaw id-disponibbiltà ta' xogħlijiet f'kopji f'format aċċessibbli għal persuni benefiċjarji. Il-limitazzjoni jew l-eċċezzjoni prevista fil-liġi nazzjonali għandha tippermetti bidliet meħtieġa sabiex jagħmlu x-xogħol aċċessibbli fil-format alternattiv.

    (b)

    Il-Partijiet Kontraenti jistgħu jipprovdu wkoll limitazzjoni jew eċċezzjoni għad-dritt tal-prestazzjoni pubblika biex jiffaċilitaw l-aċċess għal xogħlijiet għal persuni benefiċjarji.

    2.   Parti Kontraenti tista' tissodisfa l-Artikolu 4(1) fir-rigward tad-drittijiet kollha li huma identifikati fih billi tipprovdi limitazzjoni jew eċċezzjoni fil-liġi nazzjonali tagħha dwar id-drittijiet tal-awtur b'tali mod li:

    (a)

    l-entitajiet awtorizzati għandhom ikunu permessi, mingħajr l-awtorizzazzjoni tad-detentur tad-drittijiet tal-awtur, li jagħmlu kopja f'format aċċessibbli ta' xogħol, jiksbu mingħand entità awtorizzata oħra kopja f'format aċċessibbli, u jipprovdu dawk il-kopji lil persuni benefiċjarji bi kwalunkwe mezz, inkluż permezz ta' self mhux kummerċjali jew b' komunikazzjoni elettronika b'mezzi bil-fili jew mingħajr fili, u jieħdu kwalunkwe pass intermedju biex jiksbu dawk l-għanijiet, meta jintlaħqu l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

    (i)

    l-entità awtorizzata li tixtieq twettaq din l-attività għandha aċċess legali għal dak ix-xogħol jew għal kopja ta' dak ix-xogħol;

    (ii)

    ix-xogħol jinbidel f'kopja f'format aċċessibbli, li tista' tinkludi kwalunkwe mezz li jkun meħtieġ għal tiftix fost informazzjoni fil-format aċċessibbli, iżda ma tintroduċix bidliet minbarra dawk meħtieġa biex jagħmlu x-xogħol aċċessibbli lill-persuna benefiċjarja;

    (iii)

    tali kopji f'format aċċessibbli huma pprovduti esklussivament biex jintużaw minn persuni benefiċjarji, u

    (iv)

    l-attività titwettaq fuq bażi ta' mingħajr skop ta' qligħ;

    u

    (b)

    persuna benefiċjarja, jew xi ħadd li jaġixxi f'isimha inkluża persuna primarja li tieħu ħsiebha jew tipprovdilha kura, tista' tagħmel kopja f'format aċċessibbli ta' xogħol għall-użu personali tal-persuna benefiċjarja jew b'xi mod ieħor tista' tassisti l-persuna benefiċjarja tagħmel u tuża kopji f'format aċċessibbli fejn il-persuna benefiċjarja jkollha aċċess legali għal dak ix-xogħol jew kopja ta' dak ix-xogħol.

    3.   Parti Kontraenti tista' tissodisfa l-Artikolu 4(1) billi tipprovdi limitazzjonijiet jew eċċezzjonijiet oħra fil-liġi nazzjonali tagħha dwar id-drittijiet tal-awtur skont l-Artikoli 10 u 11 (4).

    4.   Parti Kontraenti tista' tillimita l-limitazzjonijiet jew l-eċċezzjonijiet skont dan l-Artikolu għal xogħlijiet li, fil-format aċċessibbli partikolari, ma jistgħux jinkisbu kummerċjalment taħt termini raġonevoli għal persuni benefiċjarji f'dak is-suq. Kwalunkew Parti Kontraenti li tuża din il-possibbiltà għandha tiddikjara dan f'notifika depożitata mad-Direttur Ġenerali tal-WIPO meta ssir ir-ratifika ta', l-aċċettazzjoni ta' jew l-adeżjoni ma' dan it-Trattat jew fi kwalunkwe żmien sussegwenti (5).

    5.   Għandha tkun kwistjoni għal-liġi nazzjonali li tiddetermina jekk limitazzjonijiet jew eċċezzjonijiet skont dan l-Artikolu humiex suġġetti għal remunerazzjoni.

    Artikolu 5

    Skambju Transfruntier ta' Kopji f'Format Aċċessibbli

    1.   Il-Partijiet Kontraenti għandhom jipprovdu li jekk kopja f'format aċċessibbli ssir taħt limitazzjoni jew eċċezzjoni jew skont il-liġi, dik il-kopja f'format aċċessibbli tista' titqassam jew issir disponibbli permezz ta' entità awtorizzata lil persuna benefiċjarja jew entità awtorizzata f'Parti Kontraenti oħra (6).

    2.   Parti Kontraenti tista' tissodisfa l-Artikolu 5(1) billi tipprovdi limitazzjoni jew eċċezzjoni fil-liġi nazzjonali tagħha dwar id-drittijiet tal-awtur b'tali mod li:

    (a)

    l-entitajiet awtorizzati għandhom ikunu permessi, mingħajr l-awtorizzazzjoni tad-detentur tad-drittijiet, li jqassmu jew jagħmlu disponibbli għall-użu esklussiv ta' persuni benefiċjarji kopji f'format aċċessibbli lil entità awtorizzata f'Parti Kontraenti oħra; u

    (b)

    l-entitajiet awtorizzati għandhom ikunu permessi, mingħajr l-awtorizzazzjoni tad-detentur tad-drittijiet u skont l-Artikolu 2(c), li jqassmu jew jagħmlu disponibbli kopji f'format aċċessibbli lil persuna benefiċjarja f'Parti Kontraenti oħra,

    sakemm qabel id-distribuzzjoni jew it-tqegħid għad-disponibilità, l-entità awtorizzata oriġinarja ma kinitx taf jew ma kellhiex bażi raġonevoli biex tkun taf li l-kopja f'format aċċessibbli se tintuża għal persuni oħra barra l-persuni benefiċjarji (7).

    3.   Parti Kontraenti tista' tissodisfa l-Artikolu 5(1) billi tipprovdi limitazzjonijiet jew eċċezzjonijiet oħra fil-liġi nazzjonali tagħha dwar id-drittijiet tal-awtur skont l-Artikoli 5(4), 10 u 11.

    4.

    (a)

    Meta entità awtorizzata f'Parti Kontraenti tirċievi kopji f'format aċċessibbli skont l-Artikolu 5(1) u dik il-Parti Kontraenti ma jkollhiex obbligi skont l-Artikolu 9 tal-Konvenzjoni ta' Berna, tiżgura, f'konsistenza mas-sistema u prattiki legali tagħha stess, li kopji f'format aċċessibbli jiġu biss ripprodotti, distribwiti jew isiru disponibbli għall-benefiċċju ta' persuni benefiċjarji fil-ġurisdizzjoni ta' dik il-Parti Kontraenti.

    (b)

    Id-distribuzzjoni u t-tqegħid għad-disponibilità ta' kopji f'format aċċessibbli permezz ta' entità awtorizzata skont l-Artikolu 5(1) għandhom ikunu limitati għal dik il-ġurisdizzjoni sakemm il-Parti Kontraenti ma tkunx Parti għat-Trattat WIPO dwar id-Drittijiet tal-Awtur jew b'xi mod ieħor tillimita limitazzjonijiet u eċċezzjonijiet li jimplimentaw dan it-Trattat għad-dritt ta' distribuzzjoni u għad-dritt ta' tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku għal ċerti każijiet speċjali li ma jmorrux kontra l-isfruttament normali tax-xogħol u li ma jippreġudikawx b'mod mhux raġonevoli l-interessi leġittimi tad-detentur tad-drittijiet (8)  (9).

    (c)

    Xejn f'dan l-Artikolu ma jaffettwa d-determinazzjoni ta' dak li jikkostitwixxi att ta' distribuzzjoni jew att ta' tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku.

    5.   Xejn f'dan it-Trattat m'għandu jintuża biex tiġi indirizzata l-kwistjoni tal-eżawriment tad-drittijiet.

    Artikolu 6

    Importazzjoni ta' Kopji f'Format Aċċessibbli

    Sa fejn il-liġi nazzjonali ta' Parti Kontraenti tippermetti lil persuna benefiċjarja, min jaġixxi f'isimha, jew entità awtorizzata, biex jagħmlu kopja f'format aċċessibbli ta' xogħol, il-liġi nazzjonali ta' dik il-Parti Kontraenti għandha wkoll tħallihom jimportaw kopja f'format aċċessibbli għall-benefiċċju ta' persuni benefiċjarji, mingħajr l-awtorizzazzjoni tad-detentur tad-dritt (10).

    Artikolu 7

    Obbligi dwar Miżuri Teknoloġiċi

    Il-Partijiet Kontraenti għandhom jieħdu l-miżuri xierqa, fejn meħtieġ, biex jiġi żgurat li meta jipprovdu protezzjoni legali adegwata u rimedji legali effettivi kontra ċ-ċirkumvenzjoni ta' miżuri teknoloġiċi effettivi, din il-protezzjoni legali ma ċċaħħadx lil persuni benefiċjarji milli jgawdu l-limitazzjonijiet u l-eċċezzjonijiet previsti f'dan it-Trattat (11).

    Artikolu 8

    Rispett għall-Privatezza

    Fl-implimentazzjoni ta' limitazzjonijiet u eċċezzjonijiet previsti f'dan it-Trattat, il-Partijiet Kontraenti għandhom jaħdmu biex jipproteġu l-privatezza ta' persuni benefiċjarji fuq bażi ugwali ma' ħaddieħor.

    Artikolu 9

    Kooperazzjoni biex jiġi Ffaċilitat l-Iskambju Transfruntier

    1.   Il-Partijiet Kontraenti għandhom ifittxu li jrawmu l-iskambju transfruntier ta' kopji f'format aċċessibbli billi jinkoraġġixxu l-kondiviżjoni volontarja tal-informazzjoni biex jgħinu lill-entitajiet awtorizzati fl-identifikazzjoni ta' xulxin. L-Uffiċċju Internazzjonali tal-WIPO għandu jistabbilixxi punt ta' aċċess ta' informazzjoni għal dan l-għan.

    2.   Il-Partijiet Kontraenti jintrabtu li jassistu lill-entitajiet awtorizzati tagħhom involuti f'attivitajiet skont l-Artikolu 5 biex jagħmlu informazzjoni dwar il-prattiki tagħhom disponibbli skont l-Artikolu 2(c), kemm permezz ta' kondiviżjoni ta' informazzjoni fost l-entitajiet awtorizzati, kif ukoll billi jagħmlu disponibbli informazzjoni dwar il-politiki u l-prattiki tagħhom, inklużi dawk relatati mal-iskambju transfruntier ta' kopji f'format aċċessibbli, lil partijiet interessati u lil membri tal-pubbliku kif xieraq.

    3.   L-Uffiċċju Internazzjonali tal-WIPO huwa mistieden biex jaqsam l-informazzjoni, fejn disponibbli, dwar il-funzjonament ta' dan it-Trattat.

    4.   Il-Partijiet Kontraenti jagħrfu l-importanza tal-kooperazzjoni internazzjonali u l-promozzjoni tagħha, b'appoġġ għall-isforzi nazzjonali għat-twettiq tal-iskop u l-għanijiet ta' dan it-Trattat (12).

    Artikolu 10

    Prinċipji Ġenerali dwar l-Implimentazzjoni

    1.   Il-Partijiet Kontraenti jimpenjaw ruħhom li jadottaw il-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw l-applikazzjoni ta' dan it-Trattat.

    2.   Xejn m'għandu jipprevjeni lill-Partijiet Kontraenti milli jiddeterminaw il-metodu xieraq ta' implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta' dan it-Trattat fis-sistema u fil-prattika legali tagħhom stess (13).

    3.   Il-Partijiet Kontraenti jistgħu jissodisfaw id-drittijiet u l-obbligi tagħhom skont dan it-Trattat permezz ta' limitazzjonijiet jew eċċezzjonijiet speċifikament għall-benefiċċju ta' persuni benefiċjarji, limitazzjonijiet jew eċċezzjonijiet oħra, jew taħlita tagħhom, fi ħdan is-sistema u l-prattika legali nazzjonali tagħhom. Dawn jistgħu jinkludu determinazzjonijiet ġudizzjarji, amministrattivi jew regolatorji għall-benefiċċju tal-persuni benefiċjarji bħala prattiki, negozjar jew użi ġusti biex jissodisfaw il-ħtiġijiet tagħhom b'mod konsistenti mad-drittijiet u l-obbligi tal-Partijiet Kontraenti skont il-Konvenzjoni ta' Berna, trattati oħra internazzjonali, u l-Artikolu 11.

    Artikolu 11

    Obbligi Ġenerali dwar Limitazzjonijiet u Eċċezzjonijiet

    Fl-adozzjoni tal-miżuri meħtieġa biex jiżguraw l-applikazzjoni ta' dan it-Trattat, Parti Kontraenti tista' teżerċita d-drittijiet u għandha tikkonforma mal-obbligi li dik il-Parti Kontraenti jkollha skont il-Konvenzjoni ta' Berna, il-Ftehim dwar Aspetti relatati mal-Kummerċ ta' Drittijiet ta' Proprjetà Intellettwali u t-Trattat WIPO dwar id-Drittijiet tal-Awtur, inklużi ftehimiet interpretattivi tagħhom sabiex:

    (a)

    skont l-Artikolu 9(2) tal-Konvenzjoni ta' Berna, Parti Kontraenti tista' tippermetti r-riproduzzjoni ta' xogħlijiet f'ċerti każijiet speċjali sakemm tali riproduzzjoni ma tmurx kontra sfruttament normali tax-xogħol u ma tippreġudikax b'mod mhux raġonevoli l-interessi leġittimi tal-awtur;

    (b)

    skont l-Artikolu 13 tal-Ftehim dwar Aspetti relatati mal-Kummerċ ta' Drittijiet ta' Proprjetà Intellettwali, Parti Kontraenti għandha tillimita limitazzjonijiet jew eċċezzjonijiet għad-drittijiet esklussivi għal ċerti każijiet speċjali li ma jmorrux kontra sfruttament normali tax-xogħol u li ma jippreġudikawx b'mod mhux raġonevoli l-interessi leġittimi tad-detentur tad-drittijiet;

    (c)

    skont l-Artikolu 10(1) tat-Trattat tal-WIPO dwar id-Drittijiet tal-Awtur, Parti Kontraenti tista' tipprevedi limitazzjonijiet jew eċċezzjonijiet għad-drittijiet mogħtija lill-awturi skont id-WCT f'ċerti każijiet speċjali, li ma jmorrux kontra sfruttament normali tax-xogħol u li ma jippreġudikawx b'mod mhux raġonevoli l-interessi leġittimi tal-awtur;

    (d)

    skont l-Artikolu 10(2) tat-Trattat tal-WIPO dwar id-Drittijiet tal-Awtur, Parti Kontraenti għandha tillimita, meta tapplika l-Konvenzjoni ta' Berna, kwalunkwe limitazzjoni ta', jew eċċezzjoni għal, drittijiet għal ċerti każijiet speċjali li ma jmorrux kontra sfruttament normali tax-xogħol u li ma jippreġudikawx b'mod mhux raġonevoli l-interessi leġittimi tal-awtur.

    Artikolu 12

    Limitazzjonijiet u Eċċezzjonijiet Oħra

    1.   Il-Partijiet Kontraenti jagħrfu li Parti Kontraenti tista' timplimenta fil-liġi nazzjonali tagħha limitazzjonijiet u eċċezzjonijiet oħra tad-drittijiet tal-awtur għall-benefiċċju ta' persuni benefiċjarji apparti dawk li huma previsti f'dan it-Trattat b'kunsiderazzjoni għas-sitwazzjoni ekonomika ta' dik il-Parti Kontraenti, u għall-bżonnijiet soċjali u kulturali tagħha, b'konformità mad-drittijiet u l-obbligi internazzjonali ta' dik il-Parti Kontraenti, u fil-każ ta' pajjiż l-inqas żviluppat billi jitqiesu l-bżonnijiet speċjali u d-drittijiet u l-obbligi internazzjonali partikolari u flessibiltajiet tiegħu.

    2.   Dan it-Trattat huwa mingħajr preġudizzju għal limitazzjonijiet u eċċezzjonijiet oħra għal persuni b'diżabbiltà previsti fil-liġi nazzjonali.

    Artikolu 13

    Assemblea

    1.

    (a)

    Il-Partijiet Kontraenti għandhom ikollhom Assemblea.

    (b)

    Kull Parti Kontraenti għandha tkun rappreżentata fl-Assemblea minn delegat wieħed li jista' jkun assistit minn delegati, konsulenti u esperti sostituti.

    (c)

    L-ispejjeż ta' kull delegazzjoni għandhom jitħallsu mill-Parti Kontraenti li tkun ħatret id-delegazzjoni. L-Assemblea tista' titlob lill-WIPO biex tagħti għajnuna finanzjarja sabiex tiffaċilita l-parteċipazzjoni ta' delegazzjonijiet minn Partijiet Kontraenti kkunsidrati bħala pajjiżi li qed jiżviluppaw f'konformità mal-prattika stabbilita tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti jew li jkunu pajjiżi fi tranżizzjoni għal ekonomija tas-suq.

    2.

    (a)

    L-Assemblea għandha titratta kwistjonijiet li jirrigwardaw iż-żamma u l-iżvilupp ta' dan it-Trattat u l-applikazzjoni u t-tħaddim ta' dan it-Trattat.

    (b)

    L-Assemblea għandha twettaq il-funzjoni mogħtija lilha bl-Artikolu 15 fir-rigward tal-ammissjoni ta' ċerti organizzazzjonijiet intergovernattivi sabiex jissieħbu f'dan it-Trattat.

    (c)

    L-Assemblea għandha tiddeċiedi l-konvokazzjoni ta' kwalunkwe konferenza diplomatika għar-reviżjoni ta' dan it-Trattat u tagħti l-istruzzjonijiet neċessarji lid-Direttur Ġenerali tal-WIPO għall-preparazzjoni ta' tali konferenza diplomatika.

    3.

    (a)

    Kull Parti Kontraenti li tkun Stat għandu jkollha vot wieħed u għandha tivvota f'isimha stess biss.

    (b)

    Kwalunkwe Parti Kontraenti li tkun organizzazzjoni intergovernattiva tista' tipparteċipa fil-vot, minflok l-Istati Membri tagħha, b'għadd ta' voti daqs l-għadd tal-Istati Membri tagħha li jkunu msieħba f'dan it-Trattat. L-ebda tali organizzazzjoni intergovernattiva ma għandha tipparteċipa fil-vot jekk xi wieħed mill-Istati Membri tagħha jeżerċita d-dritt tiegħu li jivvota u viċi versa.

    4.   L-Assemblea għandha tiltaqa' wara konvokazzjoni mid-Direttur Ġenerali u, fin-nuqqas ta' ċirkustanzi eċċezzjonali, matul l-istess perijodu u fl-istess post bħall-Assemblea Ġenerali tal-WIPO.

    5.   L-Assemblea għandha tagħmel l-almu tagħha biex tieħu d-deċiżjonijiet tagħha b'konsensus u għandha tistabbilixxi r-regoli ta' proċedura tagħha stess, inklużi l-konvokazzjoni ta' sessjonijiet straordinarji, ir-rekwiżiti ta' kworum u, soġġett għad-dispożizzjonijiet ta' dan it-Trattat, il-maġġoranza meħtieġa għal diversi tipi ta' deċiżjonijiet.

    Artikolu 14

    Uffiċċju Internazzjonali

    L-Uffiċċju Internazzjonali tal-WIPO għandu jaqdi l-kompiti amministrattivi fir-rigward ta' dan it-Trattat.

    Artikolu 15

    Eliġibbiltà għal Sħubija fit-Trattat

    1.   Kwalunkwe Stat Membru tal-WIPO jista' jissieħeb f'dan it-Trattat.

    2.   L-Assemblea tista' tiddeċiedi li tħalli kwalunkwe organizzazzjoni intergovernattiva tissieħeb f'dan it-Trattat li tiddikjara li hija kompetenti fir-rigward ta', u li jkollha l-leġiżlazzjoni tagħha li torbot lill-Istati Membri tagħha kollha dwar, kwistjonijiet koperti minn dan it-Trattat u li tkun ġiet debitament awtorizzata, skont il-proċeduri interni tagħha, li tissieħeb f'dan it-Trattat.

    3.   L-Unjoni Ewropea, wara li tkun għamlet id-dikjarazzjoni msemmija fil-paragrafu preċedenti fil-Konferenza Diplomatika li adottat dan it-Trattat, tista' tissieħeb f'dan it-Trattat.

    Artikolu 16

    Drittijiet u Obbligi Skont it-Trattat

    Soġġetta għal kwalunkwe dispożizzjoni kuntrarja speċifika f'dan it-Trattat, kull Parti Kontraenti għandha tgawdi d-drittijiet kollha u tassumi l-obbligi kollha skont dan it-Trattat.

    Artikolu 17

    Iffirmar tat-Trattat

    Dan it-Trattat ikun miftuħ għall-iffirmar fil-Konferenza Diplomatika f'Marrakexx, u wara fil-kwartieri ġenerali tal-WIPO minn kwalunkwe parti eliġibbli għal sena wara l-adozzjoni tiegħu.

    Artikolu 18

    Dħul fis-Seħħ tat-Trattat

    Dan it-Trattat għandu jidħol fis-seħħ tliet xhur wara li 20 parti eliġibbli msemmija fl-Artikolu 15 ikunu ddepożitaw l-istrumenti tagħhom ta' ratifika jew adeżjoni.

    Artikolu 19

    Data Effettiva tas-Sħubija fit-Trattat

    Dan it-Trattat għandu jorbot:

    (a)

    l-20 parti eliġibbli msemmija fl-Artikolu 18, mid-data li fiha jkun daħal fis-seħħ dan it-Trattat;

    (b)

    kull parti eliġibbli oħra msemmija fl-Artikolu 15, mill-għeluq ta' tliet xhur mid-data li fiha tkun iddepożitat l-istrument ta' ratifika jew adeżjoni tagħha mad-Direttur Ġenerali tal-WIPO.

    Artikolu 20

    Denunzja tat-Trattat

    Dan it-Trattat jista' jiġi denunzjat minn kwalunkwe Parti Kontraenti permezz ta' notifika indirizzata lid-Direttur Ġenerali tal-WIPO. Kwalunkwe denunzja għandha ssir effettiva sena mid-data li fiha d-Direttur Ġenerali tal-WIPO jkun irċieva n-notifika.

    Artikolu 21

    Lingwi tat-Trattat

    1.   Dan it-Trattat huwa ffirmat f'verżjoni oriġinali unika bl-Ingliż, bl-Għarbi, biċ-Ċiniż, bil-Franċiż, bir-Russu u bl-Ispanjol, bil-verżjonijiet f'dawn il-lingwi kollha jkunu awtentiċi daqs xulxin.

    2.   Test uffiċjali fi kwalunkwe lingwa għajr dawk imsemmija fl-Artikolu 21(1) għandu jiġi stabbilit mid-Direttur Ġenerali tal-WIPO fuq talba ta' xi parti interessata, wara konsultazzjoni mal-partijiet kollha interessati. Għall-iskopijiet ta' dan il-paragrafu, “parti interessata” tfisser kwalunkwe Stat Membru tal-WIPO li l-lingwa uffiċjali tiegħu, jew xi waħda mil-lingwi uffiċjali tiegħu, tkun involuta u l-Unjoni Ewropea, u kwalunkwe organizzazzjoni intergovernattiva oħra li tista' tissieħeb f'dan it-Trattat, jekk tkun involuta waħda mil-lingwi uffiċjali tagħha.

    Artikolu 22

    Depożitarju

    Id-Direttur Ġenerali tal-WIPO huwa d-depożitarju ta' dan it-Trattat.

    Magħmul f'Marrakexx fis-27 jum ta' Ġunju, 2013.

     


    (1)  Dikjarazzjoni maqbula dwar l-Artikolu 2(a): Għall-finijiet ta' dan it-Trattat, huwa mifhum li din id-definizzjoni tinkludi tali xogħlijiet f'forma awdjo, bħal audiobooks.

    (2)  Dikjarazzjoni maqbula dwar l-Artikolu 2(c): Għall-finijiet ta' dan it-Trattat, huwa mifhum li “entitajiet rikonoxxuti mill-gvern” jistgħu jinkludu entitajiet li jirċievu appoġġ finanzjarju mill-gvern biex jipprovdu edukazzjoni, taħriġ, qari adattiv jew aċċess għal informazzjoni għal persuni benefiċjarji fuq bażi ta' mingħajr skop ta' qligħ.

    (3)  Dikjarazzjoni maqbula dwar l-Artikolu 3(b): Xejn f'din il-lingwa ma jimplika li “ma tistax titjieb” teħtieġ l-użu tal-proċeduri u trattamenti dijanjostiċi mediċi kollha possibbli.

    (4)  Dikjarazzjoni maqbula dwar l-Artikolu 4(3): Huwa mifhum li dan il-paragrafu la jnaqqas u lanqas jestendi l-ambitu tal-applikabbiltà ta' limitazzjonijiet u eċċezzjonijiet permessi skont il-Konvenzjoni ta' Berna, rigward id-dritt ta' traduzzjoni, fir-rigward ta' persuni b'diżabbiltà fil-vista jew li b'xi mod ieħor għandhom diffikultà biex jaqraw materjal stampat.

    (5)  Dikjarazzjoni maqbula dwar l-Artikolu 4(4): Huwa mifhum li rekwiżit tad-disponibbiltà kummerċjali ma jippreġudikax, irrispettivament minn jekk limitazzjoni jew eċċezzjoni skont dan l-Artikolu tkunx konsistenti mat-test fuq tliet livelli.

    (6)  Dikjarazzjoni maqbula dwar l-Artikolu 5(1): Huwa mifhum ukoll illi xejn f'dan it-Trattat ma jnaqqas jew jestendi l-ambitu ta' drittijiet esklussivi skont kwalunkwe trattat ieħor.

    (7)  Dikjarazzjoni maqbula dwar l-Artikolu 5(2): Huwa mifhum li biex kopji f'format aċċessibbli jitqassmu jew jitqiegħdu għad-disponibbiltà direttament ta' persuna benefiċjarja f'Parti Kontraenti oħra, jista' jkun xieraq li entità awtorizzata tapplika aktar miżuri biex tikkonferma li l-persuna li hija tkun qiegħda sservi tkun persuna benefiċjarja u li ssegwi l-prattiki tagħha stess kif deskritt fl-Artikolu 2(c).

    (8)  Dikjarazzjoni maqbula dwar l-Artikolu 5(4)(b): Huwa mifhum li xejn f'dan it-Trattat ma jeħtieġ jew jimplika li Parti Kontraenti tadotta jew tapplika t-test fuq tliet livelli lil hinn mill-obbligi tagħha skont dan l-istrument jew skont trattati oħra internazzjonali.

    (9)  Dikjarazzjoni maqbula dwar l-Artikolu 5(4)(b): Huwa mifhum li xejn f'dan it-Trattat ma joħloq xi obbligi għal Parti Kontraenti biex tirratifika, jew taderixxi mad-WCT jew biex tkun konformi ma' kwalunkwe dispożizzjoni tiegħu u xejn f'dan it-Trattat ma jippreġudika kwalunkwe dritt, limitazzjoni u eċċezzjoni fid-WCT.

    (10)  Dikjarazzjoni maqbula dwar l-Artikolu 6: Huwa mifhum li l-Partijiet Kontraenti għandhom l-istess flessibilitajiet stabbiliti fl-Artikolu 4 fl-implimentazzjoni tal-obbligi tagħhom skont l-Artikolu 6.

    (11)  Dikjarazzjoni maqbula dwar l-Artikolu 7: Huwa mifhum li l-entitajiet awtorizzati, f'bosta ċirkostanzi, jagħżlu li japplikaw miżuri teknoloġiċi fil-produzzjoni, distribuzzjoni u tqegħid għad-dispożizzjoni ta' kopji f'format aċċessibbli u xejn hawn ma jfixkel dawn il-prattiki meta jkunu skont il-liġi nazzjonali.

    (12)  Dikjarazzjoni maqbula dwar l-Artikolu 9: Huwa mifhum li l-Artikolu 9 ma jimplikax reġistrazzjoni obbligatorja għal entitajiet awtorizzati u lanqas ma jikkostitwixxi prekondizzjoni għal entitajiet awtorizzati biex ikunu involuti f'attivitajiet rikonoxxuti skont dan it-Trattat, iżda jipprovdi possibilità għall-kondiviżjoni ta' informazzjoni li tiffaċilita l-iskambju transfruntier ta' kopji f'format aċċessibbli.

    (13)  Dikjarazzjoni maqbula dwar l-Artikolu 10(2): Huwa mifhum li meta xogħol jikkwalifika bħala xogħol taħt l-Artikolu 2(a), inklużi tali xogħlijiet f'forma awdjo, il-limitazzjonijiet u l-eċċezzjonijiet previsti minn dan it-Trattat japplikaw mutatis mutandis għal drittijiet relatati kif meħtieġ biex issir il-kopja f'format aċċessibbli, biex titqassam u biex titqiegħed għad-disponibbiltà ta' persuni benefiċjarji.


    Top