This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 22008D0175
2008/175/EC: Decision No 1/2008 of the Community/Switzerland Statistical Committee of 14 February 2008 adopting its rules of procedure
2008/175/KE: Deċiżjoni Nru 1/2008 tal-Kumitat Konġunt ta’ l-Istatistika tal-Komunitá/l-Iżvizzera ta’ l- 14 ta’ Frar 2008 li jadotta r-regoli proprji ta’ proċedura
2008/175/KE: Deċiżjoni Nru 1/2008 tal-Kumitat Konġunt ta’ l-Istatistika tal-Komunitá/l-Iżvizzera ta’ l- 14 ta’ Frar 2008 li jadotta r-regoli proprji ta’ proċedura
ĠU L 57, 1.3.2008, p. 21–24
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
1.3.2008 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
L 57/21 |
DEĊIŻJONI Nru 1/2008 TAL-KUMITAT KONĠUNT TA’ L-ISTATISTIKA TAL-KOMUNITÁ/L-IŻVIZZERA
ta’ l-14 ta’ Frar 2008
li jadotta r-regoli proprji ta’ proċedura
(2008/175/KE)
IL-KUMITAT KONĠUNT ta’ L-ISTATISTIKA TAL-KOMUNITÀ/L-IŻVIZZERA,
Wara li kkunsidra l-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera għall-Kummerċ dwar kooperazzjoni fil-qasam ta’ l-istatistika (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 3(3) tiegħu,
IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:
Artikolu 1
Ir-regoli ta’ proċedura tal-Kumitat Konġunt ta’ l-Istatistika tal-Komunità/l-Iżvizzera, kif anness għal din id-Deċiżjoni, huma adottati permezz ta’ dan.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data ta’ l-adozzjoni tagħha.
Magħmula fil-Lussemburgu, 14 ta’ Frar 2008.
Għall-Kumitat Konġunt
Il-Kap tad-Delegazzjoni tal-KE
Hervé CARRÉ
Il-Kap tad-Delegazzjoni Żvizzera
Adelheid BÜRGI-SCHMELZ
ANNESS
IR-REGOLI TA’ PROĊEDURA TAL-KUMITAT KONĠUNT TA’ L-ISTATISTIKA TAL-KOMUNITÀ/L-IŻVIZZERA
Artikolu 1
Presidenza
1. Il-Presidenza tal-Kumitat Konġunt ta' l-Istatistika tal-Komunità/l-Iżvizzera (minn issa 'l quddiem “il-Kumitat Konġunt”) għandha tinżamm darba kull wieħed għal perjodu ta’ sena kalendarja minn rappreżentant tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (minn issa 'l quddiem “il-Kummissjoni tal-KE”), f’isem il-Komunità Ewropea, u minn rappreżentant tal-Konfederazzjoni Żvizzera. Għandha tinżamm mill-Komunità Ewropea matul is-sena tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar il-kooperazzjoni fil-qasam ta’ l-istatistika (minn issa 'l quddiem “il-Ftehim”).
2. Il-Kap tad-Delegazzjoni tal-parti li għandha l-Presidenza jew, fejn xieraq, is-sostitut tiegħu jew tagħha, għandu jkun il-President tal-Kumitat Konġunt.
Artikolu 2
Delegazzjonijiet
1. Kull waħda mill-Partijiet Kontraenti għandha taħtar Kap tad-Delegazzjoni.
2. Il-Kumitat Konġunt jista’ jiddeċiedi li jagħti l-permess lil persuni oħra sabiex jattendu għal-laqgħat tiegħu bħala osservaturi.
3. Il-Partijiet Kontraenti għandhom jinfurmaw lil xulxin, mhux aktar tard minn 15-il jum ta’ ħidma qabel ma ssir il-laqgħa, dwar l-għamla tad-delegazzjoni tagħhom.
Artikolu 3
Is-Segretarjat
1. Rappreżentant tal-Kummissjoni tal-KE u rappreżentant tal-Konfederazzjoni Żvizzera għandhom jipprovdu b’mod konġunt is-Segretarjat tal-Kumitat Konġunt. Is-Segretarji għandhom jinħatru mill-Kap tagħhom tad-Delegazzjoni u għandhom jissuktaw bil-prestazzjoni ta’ dmirijiethom sakemm jinħatar Segretarju ġdid. Kull parti għandha tibgħat l-isem u l-indirizz tas-Segretarju tagħha lill-parti l-oħra.
2. Is-Segretarji għandhom ikunu responsabbli għall-komunikazzjoni bejn id-delegazzjonijiet, inkluża t-trażmissjoni ta’ dokumenti, u għandhom jissorveljaw id-dmirijiet imwettqa mis-Segretarjat.
3. Is-Segretarjat tal-Kumitat Konġunt għandu jaqa’ taħt id-direzzjoni tal-parti li jkollha l-Presidenza.
Artikolu 4
Laqgħat
1. Il-Kumitat Konġunt għandu jiltaqa’ kif u meta meħtieġ. Il-Kap tad-Delegazzjoni ta’ kwalunkwe waħda mill-Partijeit Kontraenti jista’ jsejjaħ laqgħa.
2. Il-Kumitat Konġunt u l-Kumitat tal-Programm ta’ l-Istatistika għandhom jorganizzaw il-kompiti tagħhom għall-għanijiet tal-Ftehim f’laqgħat kollettivi, fejn huwa meħtieġ.
3. Il-Presidenza għandha tibgħat in-notifika tal-laqgħa, flimkien ma’ l-abbozz ta’ l-aġenda u d-dokumenti għal-laqgħa, lill-Kap l-ieħor tad-Delegazzjoni mhux aktar tard minn 15-il jum ta’ ħidma qabel il-laqgħa.
4. Il-Kap l-ieħor tad-Delegazzjoni jista’ jitlob lill-Presidenza sabiex jitqassar il-perjodu indikat fil-paragrafu 3 u fl-Artikolu 2(3) sabiex titqies l-urġenza tal-kwistjoni partikolari.
Artikolu 5
Aġenda
1. Il-Presidenza għandha tfassal l-aġenda proviżorja għal kull laqgħa bi ftehim mal-Kap l-ieħor tad-Delegazzjoni. Kwalunkwe punt li jintalab minn kwalunkwe delegazzjoni għandu jitniżżel fl-aġenda proviżorja, sakemm il-punt ikun intalab 30 jum ta’ ħidma qabel il-laqgħa skedata.
2. Il-Kumitat Konġunt jista’ jiddeċiedi li jinkludi fuq l-aġenda kwalunkwe punt li ma jidhirx fl-aġenda proviżorja.
3. L-aġenda għandha tiġi adottata mill-Kumitat Konġunt fil-bidu ta’ kull laqgħa.
Artikolu 6
Sottokumitati u gruppi ta’ ħidma
1. Il-Kumitat Konġunt jista’ jiddeċiedi li jistabbilixxi sottokumitati u gruppi ta’ ħidma għal kompiti speċifiċi.
2. L-għamla u l-proċeduri tas-sottokumitati u l-gruppi ta’ ħidma għandhom jinqablu skond ir-regoli applikabbli għall-Kumitat Konġunt.
3. Is-sottokumitati u l-gruppi ta’ ħidma għandhom jirrapportaw direttament lill-Kumitat Konġunt u jaħdmu taħt l-awtorità tiegħu. Ma għandhomx ikunu awtorizzati jieħdu deċiżjonijiet iżda jistgħu jagħtu rakkomandazzjonijiet.
4. Il-Kumitat Konġunt għandu jiddeċiedi dwar emenda jew għeluq tal-mandat tas-sottokumitati u l-gruppi ta’ ħidma.
Artikolu 7
Rakkomandazzjonijiet u deċiżjonijiet
1. Ir-rakkomandazzjonijiet u d-deċiżjonijiet tal-Kumitat Konġunt fi ħdan it-tifsira ta’ l-Artikolu 3(1) tal-Ftehim għandu jiġi adottat permezz ta’ ftehim reċiproku bejn iż-żewġ delegazzjonijiet.
2. Ir-rakkomandazzjonijiet u d-deċiżjonijiet tal-Kumitat Konġunt għandhom ikunu intitolati “Rakkomandazzjoni” jew “Deċiżjoni”, segwiti min-numru tas-serje, id-data ta’ adozzjoni u indikazzjoni tat-tema.
3. Id-deċiżjonijiet għandhom jinqasmu f’artikoli. Kull deċiżjoni għandha tibda bi preambolu u għandha tispiċċa bil-kliem “Magħmul/a fi”, segwit bil-post fejn ġiet adottata mill-Kumitat Konġunt u d-data. Id-deċiżjonijiet għandhom jinkludu d-data tad-dħul fis-seħħ tagħhom u għandhom jorbtu l-Partijiet Kontraenti.
4. Id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat Konġunt għandhom jitfasslu f’żewġ kopji u jiġu ffirmati għall-Kumitat Konġunt miż-żewġ Kapijiet tad-Delegazzjoni.
5. Kull parti tista’ tiddeċiedi li tippubblika kwalunkwe rakkomandazzjoni jew deċiżjoni adottata mill-Kumitat Konġunt.
6. Ir-rakkomandazzjonijiet u d-deċiżjonijiet tal-Kumitat Konġunt jistgħu jiġu adottati permezz ta’ proċedura bil-miktub jekk iż-żewġ Kapijiet ta’ Delegazzjoni jaqblu li jagħmlu hekk.
Għal dan l-għan il-Presidenza għandha tibgħat l-abbozz lill-Kap l-ieħor tad-Delegazzjoni. L-iskadenza stipulata fil-proċedura bil-miktub trid tkun mhux anqas minn 15-il jum ta’ ħidma.
Artikolu 8
Minuti
1. Abbozz tal-minuti ta’ kull laqgħa tal-Kumitat Konġunt għandu jitfassal fi żmien 15-il jum ta’ ħidma taħt ir-responsabiltà tal-Presidenza.
2. Bħala regola ġenerali, għal kull punt fuq l-aġenda l-minuti għandhom jindikaw:
— |
id-dokumenti ppreżentati lill-Kumitat Konġunt; |
— |
l-istqarrijiet li ntalbu jiddaħħlu minn kwalunkwe Parti Kontraenti; |
— |
id-deċiżjonijiet meħuda, l-istqarrijiet li nqablu, u l-konklużjonijiet li ntlaħqu mill- Kumitat Konġunt; |
— |
ir-rakkomandazzjonijiet li saru. |
3. L-abbozz tal-minuti għandhom jiġu ppreżentati għall-approvazzjoni taż-żewġ delegazzjonijiet permezz tal-proċedura bil-miktub skond l-Artikolu 7(6). Jekk din il-proċedura ma titlestiex, il-minuti għandhom jiġu adottati mill-Kumitat Konġunt fil-laqgħa li jmiss.
4. Il-minuti approvati għandhom jitfasslu f’żewġ kopji u għandhom jiġu ffirmati mis-Segretarji. Kull parti għandha żżomm kopja oriġinali.
Artikolu 9
Kunfidenzjalità
1. Il-laqgħat tal-Kumitat Konġunt ma għandhomx ikunu pubbliċi ħlief jekk il-Kumitat Konġunt jiddeċiedi mod ieħor.
2. Bla preġudizzju għal dispożizzjonijiet oħra applikabbli, id-deliberazzjonijiet tal-Kumitat Konġunt u tal-gruppi tiegħu ta’ ħidma għandhom ikunu protetti bl-obbligu ta’ segretezza professjonali, ħlief meta il-Kumitat Konġunt jiddeċiedi mod ieħor.
3. Sakemm id-delegazzjonijiet ma jiddeċiedux mod ieħor, il-minuti għandhom jikkostitwixxu dokumenti li huma aċċessibbli mill-pubbliku.
Artikolu 10
Spejjeż
1. Kull Parti Kontraenti għandha terfa’ kwalunkwe spiża li ġġarrab fir-rigward tal-parteċipazzjoni tagħha fil-laqgħat tal-Kumitat Konġunt u l-gruppi ta’ ħidma.
2. Il-Kumitat Konġunt għandu jaqbel dwar il-klassifikazzjoni ta’ l-ispejjeż relatati ma’ kwalunkwe missjoni assenjata lill-esperti.
Artikolu 11
Korrispondenza
Il-korrispondenza kollha indirizzata lill-Presidenza tal-Kumitat Konġunt jew mibgħutha minnha għandha tintbagħat lis-Segretarjat tal-Kumitat Konġunt. Is-Segretarjat għandu jibgħat kopja tal-korrispondenza kollha li tikkonċerna l-Ftehim lill-Kapijiet tad-Delegazzjoni, lill-Missjoni Żvizzera, lill-Unjoni Ewropea u lid-Delegazzjoni tal-Kummissjoni għall-Iżvizzera.