Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 22006D0082

    Deċiżjoni Nru 1/2005 tal-Kunsill ta’ l-assoċjazzjoni UE-Bulgarija tad- 9 ta' Marzu 2005 dwar il-parteċipazzjoni tal-Bulgarija fis-sistema Komunitarja għall-iskambju rapidu ta' informazzjoni dwar il-perikli maħluqa mill-użu ta' prodotti għall-konsumatur (is-sistema RAPEX) taħt id-Direttiva 2001/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 3 ta’ Diċembru 2001 dwar is-sigurtà ġenerali tal-prodotti

    ĠU L 40, 11.2.2006, p. 15–16 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
    ĠU L 270M, 29.9.2006, p. 136–137 (MT)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2006/82(1)/oj

    29.9.2006   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    136


    DEĊIŻJONI Nru 1/2005 TAL-KUNSILL TA’ L-ASSOĊJAZZJONI UE-BULGARIJA

    tad-9 ta' Marzu 2005

    dwar il-parteċipazzjoni tal-Bulgarija fis-sistema Komunitarja ħall-iskambju rapidu ta' informazzjoni dwar il-perikli maħluqa mill-użu ta' prodotti għall-konsumatur (is-sistema RAPEX) taħt id-Direttiva 2001/95/KE tal-Parlament Ewropew utal-Kunsill tat-3 ta’ Diċembru 2001 dwar is-sigurtà ġenerali tal-prodotti

    (2006/82/KE)

    IL-KUNSILL TA’ L-ASSOĊJAZZJONI,

    Wara li kkunsidra l-Ftehim Ewropew bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Bulgarija, min-naħa l-oħra, iffirmat fi Brussel fit-8 ta’ Marzu 1993, u b’mod partikolari l-Artikolu 93 tiegħu,

    Wara li kkunsidra d-Direttiva 2001/95/KE (1) u b’mod partikolari l-Artikolu 12 tagħha,

    Wara li kkunsidra l-ittra bid-data tat-28 ta’ Novembru 2003, indirizzata mill-Missjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija għall-Komunitajiet Ewropej lid-Direttur-Ġenerali għas-Saħħa u l-Ħarsien tal-Konsumatur li talbet lill-Kummissjoni tibda l-proċeduri sabiex jingħata lill-Bulgarija aċċess għas-sistema RAPEX,

    Billi:

    (1)

    L-Artikolu 93 tal-Ftehim Ewropew jistabbilixxi li l-Partijiet għandhom jikkoperaw bil-għan li jilħqu kompatibbiltà sħiħa tas-sistemi tal-ħarsien tal-konsumatur fil-Bulgarija u fil-Komunità. Għal dan il-għan, il-koperazzjoni għandha tinkludi, fost affarijiet oħra u fil-limiti tal-possibilitajiet attwali, l-iskambju ta’ informazzjoni u l-aċċess għad-databases tal-Komunità.

    (2)

    L-Artikolu 12(4) tad-Direttiva 2001/95/KE jistabbilixxi li l-aċċess għar-RAPEX għandu jkun miftuħ għall-pajjiżi applikanti, fil-qafas tal-ftehim bejn il-Komunità u dawk il-pajjiżi, skond l-arranġamenti definiti f’dan il-ftehim. Kull ftehim ta’ din ix-xorta għandu jkun ibbażat fuq ir-reċiproċità u jinkludi dispożizzjonijiet dwar il-kunfidenzjalità li jikkorrispondu ma’ dawk applikabbli fil-Komunità.

    (3)

    L-Anness II tad-Direttiva 2001/95/KE jistabbilixxi l-proċeduri għall-applikazzjoni tar-RAPEX u l-Linji Gwidi għan-notifika.

    (4)

    Il-Kummissjoni adottat linji gwida għat-tmexxija tar-RAPEX, kif meħtieġ skond il-punt 8 ta’ l-ANNESS II tad-Direttiva fid-29 ta' April 2004 (2);

    (5)

    Il-Bulgarija ħadet sehem attiv, sa mill-bidu tagħha f'Mejju 1999, fis-sistema TRAPEX (Sistema transitorja għall-skambju rapidu ta' informazzjoni) li tirrepeti l-attivitajiet tar-RAPEX għall-pajjiżi applikanti,

    IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

    Artikolu 1

    Il-Bulgarija għandha tieħu sehem fis-sistema RAPEX bl-istess drittijiet u obbligi bħall-membri attwali, skond id-dispożizzjonijiet relevanti tad-Direttiva 2001/95/KE u l-linji gwida tar-RAPEX.

    Artikolu 2

    Il-Bulgarija għandha tapplika l-istess prinċipji ta’ kunfidenzjalità bħal dawk applikati mill-membri l-oħra tar-RAPEX.

    Artikolu 3

    B’koperazzjoni mas-servizzi tal-Kummissjoni, il-Bulgarija għandha tagħmel l-arranġamenti prattiċi meħtieġa sabiex tiżgura li tinsab f’pożizzjoni li tikkonforma b'mod sħiħ mar-rekwiżiti stabbiliti fid-Direttiva 2001/95/KE u l-proċeduri nklużi fil-linji gwida tar-RAPEX.

    Il-Kummissjoni b’mod partikolari għandha tipprovdi t-taħriġ inizzjali għall-uffiċjali Bulgari fl-użu ta’ l-applikazzjoni tar-RAPEX.

    Artikolu 4

    Kwalunkwe problemi li jinqalgħu mill-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni għandhom jiġu solvuti permezz ta’ kuntatt dirett bejn is-servizzi tal-Kummissjoni u l-awtoritajiet tal-Bulgarija fil-kuntest tar-RAPEX. Kull meta dan ma jwassalx għal soluzzjoni aċċettabbli għaż-żewġ naħat, għandu jsir bdil ta' fehmiet fil-Kunsill ta’ l-Assoċjazzjoni fuq talba ta’ parti waħda fi żmien tliet xhur minn meta tkun saret it-talba.

    Wara dan il-bdil ta’ fehmiet, jew wara li jiskadi l-perjodu msemmi fis-subparagrafu ta' hawn fuq, il-Kunsill ta' l-Assoċjazzjoni jista' jagħmel ir-rakkomandazzjonijiet xierqa biex dawn il-problemi jiġu solvuti.

    Dawn il-proċeduri fil-Kunsill ta’ l-Assoċjazzjoni huma mingħajr preġudizzju għal kull azzjoni taħt il-liġijiet għall-ħarsien tal-konsumatur rispettivi li hemm fis-seħħ fit-territorju tal-Partijiet.

    Artikolu 5

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum li fih tkun ġiet adottata.

    Magħmul fi Brussell, nhar id-9 ta' Marzu 2005.

    Għall-Kunsill ta' l-Assoċjazzjoni

    Il-President

    J. ASSELBORN


    (1)  ĠU L 11, 15.1.2002, p. 4.

    (2)  ĠU L 151, 30.4.2004, p. 86, kif ikkoreġut fil-ĠU L 208, 10.6.2004, p. 73.


    Top