EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 21994A1223(01)

Ftehim li jistabbilixxi l-organizzazzjoni dinjija tal-kummerċ

ĠU L 336, 23.12.1994, p. 3–10 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (FI, SV, CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO, HR)

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 08/06/2023

ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/1994/800(1)/oj

Related Council decision

21994A1223(01)



Official Journal L 336 , 23/12/1994 P. 0003 - 0010
Finnish special edition: Chapter 11 Volume 38 P. 0005
Swedish special edition: Chapter 11 Volume 38 P. 0005


Ftehim li jistabbilixxi l-organizzazzjoni dinjija tal-kummerċ

- IL-PARTIJIET F'DAN IL-FTEHIM,

LI JAGĦRFU li r-relazzjonijiet tagħhom fil-kamp tal-kummerċ u l-impenn ekonomiku għandhom jiġu kondotti bil-ħsieb li jgħollu l-istandards tal-ħajja, billi jiżguraw ix-xogħol għal kulħadd u volum kbir ta' dħul reali u domanda effettiva li jikber b'mod sod, u li jespandi l-produzzjoni u l-kummerċ fl-oġġetti u s-servizzi, filwaqt li jippermetti l-użu ottimali tar-riżorsi dinjija skond il-għan ta' l-iżvilupp sostenibbli li jfittex kemm li jipproteġi u jippriserva l-ambjent u kemm li jtejjeb il-mezzi għalbiex jagħmlu dawn f'manjiera konsistenti mal-ħtiġiet u t-tħassib rispettivi tagħhom f'livelli differenti ta' l-iżvilupp ekonomiku,

LI JAGĦRFU wkoll li teżisti l-ħtieġa għal sforzi pożittivi disinjati għalbiex jiżguraw li l-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw, u b'mod speċjali dawk l-inqas żviluppati fosthom, jassikuraw sehem fit-tkabbir tal-kummerċ internazzjonali li jitkejjel skond il-ħtiġiet ta' l-iżvilupp ta' l-ekonomija tagħhom,

MIXTIEQA li jikkontribwixxu għal dawn il-għanijiet billi jidħlu f'arranġamenti reċiproċi u vantaġġużi reċiprokament diretti lejn tnaqqis sostanzjali tat-tariffi u ostakoli oħra għall-kummerċ u għalbiex jeliminaw it-trattament diskriminatorju fir-relazzjonijiet tal-kummerċ internazzjonali,

REŻOLTI, għalhekk, li jiżviluppaw sistema multilaterali u dejjiema ta' kummerċ aktar vijabbli li tiġbor il-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ, ir-riżultati ta' sforzi tal-passat dwar il-liberalizzazzjoni tal-kummerċ, u r-riżultati kollha tar-Round ta' l-Urugwaj dwar in-Negozjati Multilaterali tal-Kummerċ,

DETERMINATI li jippriservaw il-prinċipji bażiċi u li jmexxu ‘l quddiem il-għanijiet li huma taħt din is-sistema multulaterali tal-kummerċ,

JIFTIEHMU KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Il-mod kif tiġi stabbilita l-Organizzazzjoni

Hija hawnhekk stabbilita l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (minn issa ‘l quddiem imsejħa "il-WTO").

Artikolu II

L-iskop tal-WTO

1. Il-WTO għandha tipprovdi l-qafas instituzzjonali komuni għall kondotta tar-relazzjonijiet kummerċjali fost il-Membri tagħha fil-materji li għandhom x'jaqsmu mal-ftehim u l-istrumenti legali assoċjati inklużi fl-Annessi ma' dan il-Ftehim.

2. Il-ftehim u l-istrumenti legali assoċjati inklużi fl-Annessi 1, 2 u 3 (minn issa ‘l quddiem imsejħa l-"Ftehim Kummerċjali Multilaterali") huma partijiet integrali ta' dan il-Ftehim, li jorbtu lill-Membri kollha.

3. Il-ftehim u l-istrumenti legali assoċjati inklużi fl-Anness 4 (minn issa ‘l quddiem imsejħa l-"Ftehim Kummerċjali Plurilaterali") huma wkoll parti minn dan il-Ftehim għal dawk il-Membri li jkunu aċċettawhom, u jorbtu lil dawn il-Membri. Il-Ftehim Kummerċjali Plurilaterali la joħolqu obbligi u lanqas drittijiet fuq il-Membri li ma jkunux aċċettawhom.

4. Il-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ tas-sena 1994 kif speċifikat fl-Anness 1A (minn issa ‘l quddiem imsejjaħ il-"GATT 1994") huwa legalment distint mill-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ, li jġib id-data tat-30 ta' Ottibru 1947, anness ma' l-Att Finali Adottat fil-Konklużjoni tat-Tieni Sessjoni tal-Kumitat Preparatorju tal-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Kummerċ u x-Xogħol, kif sossegwentement irrettifikat, emendat jew immodifikat (minn issa l quddiem imsejjaħ il-"Gatt 1994")

Artikolu III

Funzjonijiet tal-WTO

1. Il-WTO għandha tiffaċilita l-implimentazzjoni, l-amministrazzjoni u l-operat, u iktar għanijiet, ta' dan il-Ftehim u tal-Ftehimijiet Kummerċjali Multilaterali, u għandha tipprovdi wkoll il-qafas għall-implimentazzjoni, l-amministrazzjoni u l-operat tal-Ftehimijiet Kummerċjali Plurilaterali.

2. Il-WTO għandha tripprovdi forum għan-negozjati fost il-Membri tagħha li jirrigwardaw ir-relazzjonijiet kummerċjali multilaterali tagħhom fil-materji trattati skond il-ftehim fl-Annessi ma' dan il-Ftehim. Il-WTO għandha tipprovdi wkoll forum għal iktar negozjati fost il-Membri tagħha li jirrigwardaw ir-relazzjonijiet kummerċjali multilaterali tagħhom, u qafas għall-implimentazzjoni tar-riżultati ta' dawn in-negozjati, kif jista' jiġi deċiż mill-Konferenza tal-Ministri.

3. Il-WTO għandha tamministra l-Ftehim dwar ir-Regoli u l-Proċeduri li Jirregolaw is-Soluzzjoni tal-Kontroversji (minn issa ‘l quddiem insejjaħ il-"Fehim tas-Soluzzjoni tal-Kontroversji" jew id-"DSU") fl-Anness 2 ma' dan il-Ftehim.

4. Il-WTO għandha tamministra l-Mekkaniżmu tar-Rivista tal-Politika Kummerċjali (minn issa ‘l quddiem imsejħa t-"TPRM") ipprovvdut fl-Anness 3 ma' dan il-Ftehim.

5. Bil-ħsieb li tikseb iktar koerenza fil-għemil tal-politika ekonomika globali, l-WTO għandha tikkopera, kif xieraq, mal-Fond Monetarju Internazzjonali u mal-Bank Internazzjonali tar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp u l-aġenziji affiljati tiegħu.

Artikolu IV

Struttura tal-WTO

1. Għandu jkun hemm Konferenza Ministerjali komposta mir-rappreżentanti tal-Membri kollha li għandha tiltaqa' mill-inqas darba kull sentejn. Il-Konferenza Minisiterjali għandha twettaq il-funzjonijiet tal-WTO u tieħu l-azzjonijiet meħtieġa għal dan l-effett. Il-Konferenza Ministerjali għandha jkollha l-awtorità li tieħu deċiżjonijiet dwar kull wieħed mill-Ftehim Kummerċjali Multilaterali, jekk tkun mitluba dan minn Membru, skond il-ħtiġiet speċifiċi għall-għemil tad-deċiżjoniiet f'dan il-Ftehim u fil-Ftehim Kummerċjali Multilaterali rilevanti.

2. Għandu jkun hemm Kunsill Ġenerali kompost mir-rappreżentanti tal-Membri kollha li għandu jiltaqa' kif approprjat. Fl-intervalli taż-żmien bejn il-laqgħat tal-Konferenza Ministerjali, l-funzjonijiet tiegħu għandhom jiġu kondotti mill-Kunsill Ġenerali. Il-Kunsill Ġenerali għandu wkoll iwettaq il-funzjonijiet assenjati lilu b'dan il-Ftehim. Il-Kunsill Ġenerali għandu jistabbilixxi r-regoli tiegħu ta' proċedura u japprova r-regoli tal-proċedura tal-Kumitat pprovvduti fil-paragrafu 7.

3. Il-Kunsill Ġenerali għandu jiltaqa' kif approprjat għalbiex jiskariga r-responsabbiltajiet tal-Korp tas-Soluzzjoni tal-Kontroversji provvduti fil-Ftehim dwar is-Soluzzjoni tal-Kontroversji. Il-Korp tas-Soluzzjoni tal-Kontroversji jista' jkollu l-president tiegħu nnifsu u għandu jistabbilixxi dawk ir-regoli tal-proċedura li jqis meħtieġa għat-twettiq ta' dawn ir-responsabbiltajiet.

4. Il-Kunsill Ġenerali għandu jiltaqa' kif xieraq għalbiex jiskariga r-responsabbiltajiet tal-Korp tar-Rivista tal-Politika tal-Kummerċ ipprovvdut fit-TPRM. Il-Korp tar-Rivista tal-Politika tal-Kumerċ jista' jkollu l-president tiegħu u għandu jistabbilixxi dawk ir-regoli tal-proċedura li jqis meħtieġa għat-twettiq ta' dawn ir-responsabbiltajiet.

5. Għandu jkun hemm Kunsill tal-Kummerċ fl-Oġġetti, Kunsill tal-Kummerċ fis-Servizzi u Kunsill ta' l-Aspetti Relatati mal-Kummerċ għad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali (minn issa ‘l quddiem imsejjaħ il-"Kunsill tat-TRIPS") li għandhom joperaw taħt il-gwida ġenerali tal-Kunsill Ġenerali. Il-Kunsill tal-Kummerċ fl-Oġġetti għandu jissorvelja l-funzjonament tal-Ftehim Kummerċjali Multilaterali fl-Anness I A. Il-Kunsill tal-Kummerċ fis-Servizzi għandu jissorvelja l-funzjonament tal-Ftehim Ġenerali dwar il-Kummerċ fis-Servizzi (minn issa ‘l quddiem imsejjaħ "GATS"). Il-Kunsill tat-TRIPS għandu jissorvelja l-funzjonament tal-Ftehim ta' l-Aspetti Relatati mal-Kummerċ għad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali (minn issa ‘l quddiem imsejjaħ il-"Ftehim dwar it-TRIPS") Dawn il-Kunsilli għandhom iwettqu l-funzjonijiet assenjati lilhom mill-ftehim rispettivi tagħhom u mill-Kunsill Ġenerali. Għandhom jistabbilixxu r-regoli rispettivi tagħhom ta' proċedura bla ħsara għall-approvazzjoni tal-Kunsill Ġenerali. Is-sħubija f'dawn il-Kunsilli għandha tkun miftuħa għar-rappreżentanti tal-Membri kollha. Dawn il-Kunsilli għandhom jiltaqgħu kif meħtieġ għalbiex iwettqu l-funzjonijiet tagħhom.

6. Il-Kunsill tal-Kummerċ fl-Oġġetti, il-Kunsill tal-Kummerċ fis-Servizzi u l-Kunsill tat-TRIPS għandhon jistabbilixxu korpi sussidjarji kif meħieġa. Dawn il-korpi sussidjarji għandhom jistabbilixxu r-regoli tagħhom ta' proċedura bla ħsara għall-approvazzjoni tal-Kunsilli rispettivi tagħhom.

7. Il-Konferenza Ministerjali għandha tistabbilixxi Kumitat tal-Kummerċ u l-Iżvilupp, Kumitat tar-Restrizzjonijiet fuq il-Bilanċ tal-Pagamenti u Kumitat ta' l-Estimi Finanzjarji, l-Finanzi u l-Amministrazzjoni, li għandhom iwettqu l-funzjonijiet assenjati lilhom b'dan il-Ftehim u bil-Ftehim Kummerċjali Multilaterali, u kull funzjoni addizzjonali oħra assenjata lilhom mill-Kunsill Ġenerali, u tista' tistabbilixxi dawk il-Kumitati addizzjonali l-oħra b'dawk il-funzjonijiet li tqis approprjati. Bħala parti mill-funzjonijiet tiegħu, il-Kumitat tal-Kummerċ u l-Iżvilupp għandu jagħmel rivista perjodika tad-dispożizzjonijiet speċjali fil-Ftehim Kummerċjali Multilaterali favur l-Istati Membri l-inqas żviluppati u jirrapporta lill-Kunsill Ġenerali għal azzjoni xierqa. Is-sħubija f'dawn il-Kumitati għandha tkun miftuħa għar-rappreżentanti tal-Membri kollha.

8. Il-korpi pprovvduti taħt il-Ftehim Kummerċjali Plurilaterali għandhom iwettqu l-funzjonijiet assenjati lilhom skond dawn il-Ftehim u għandhom joperaw ġewwa l-qafas istituzzjonali tal-WTO. Dawn il-korpi għandhom iżommu lill-Kunsill Ġenerali mgħarraf bl-attivitajiet tagħhom fuq bażi regolari.

Artikolu V

Ir-Relazzjonijiet ma' Organizzazzjonijiet oħra

1. Il-Kunsill Ġenerali għandu jagħmel l-arranġamenti approprjati għal koperazzjoni effettiva ma' l-organizzazzjonijiet inter-governattivi l-oħra li jkollhom responsabbiltajiet li jkollhom x'jaqsmu ma' dawk tal-WTO.

2. Il-Kunsill Ġenerali għandu jagħmel l-arranġamenti approprjati għal konsultazzjoni effettiva ma' l-organizzazzjonijiet mhux governattivi l-oħra interessati f'materji li jkollhom x'jaqsmu ma' dawk tal-WTO.

Artikolu VI

Is-Segretarjat

1. Għandu jkun hemm Segretarjat tal-WTO (minn issa ‘l quddiem imsejjaħ "is-Segretarjat") immexxi minn Direttur Ġenerali.

2. Il-Konferenza Ministerjali għandha taħtar lid-Direttur Ġenerali u tadotta regolamenti li jiddikjaraw il-poteri, d-dmirijiet, il-kondizzjonijiet tas-servizz u l-iskond tal-kariga tad-Direttur Ġenerali.

3. Id-Direttur Ġenerali għandu jaħtar lill-membri tal-personal tas-Segretarjat u jistabbilixxi d-dmirijiet tagħhom u l-kondizzjonijiet tas-servizz skond ir-regolamenti adottati mill-Konferenza Ministerjali.

4. Ir-responsabbiltajiet tad-Direttur Ġenerali u tal-personal tas-Segretarjat għandhom ikunu internazzjonali fil-karattru b'mod esklussiv. Fit-twettiq tad-dmirijiet tagħhom, id-Direttur Eżekuttiv u l-personal tas-Segretarjat ma għandhom ifittxu jew jirċievu struzzjonijiet minn għand l-ebda gvern jew awtorità oħra barranin għall-WTO. Għandhom iżommu lura minn kull azzjoni li tista' tirrifletti b'mod negattiv fuq il-pożizzjoni tagħhom bħala uffiċjali internazzjonali. Il-Membri tal-WTO għandhom jirrispettaw il-karattru internazzjonali tar-responsabbiltà tad-Direttur Ġenerali u tal-personal tas-Segretarjat u ma għandhomx ifittxu li jinfluwenzahom fl-iskarigu tad-dmirijiet tagħhom.

Artikolu VII

Estimi Finanzjarji u Kontribuzzjonijiet

1. Id-Direttur Ġenerali għandu jippreżenta lill-Kumitat ta' l-Estimi Finanzjarji, l-Finanzi u l-Amministrazzjoni l-estimu annwali tal-budget u l-prospett finanzjarju tal-WTO. Il-Kumitat ta' l-Estimi Finanzjarji, l-Finanzi u l-Amministrazzjoni għandu jagħmel rivista ta' l-estimu annwali tal-budget u tal-prospett finanzjarju preżentati mid-Direttur Ġenerali u jagħmel rakkommandazzjonijiet dwarhom lill-Kunsill Ġenerali. L-estimu annwali tal-budget għandu jkun bla ħsara għall-approvazzjoni tal-Kunsill Ġenerali.

2. Il-Kumitat ta' l-Estimi Ġenerali, l-Finanzi u l-Amministrazzjoni għandu jipproponi lill-Kunsill Ġenerali regolamenti finanzjarji li għandhom jinkludu dispożizzjonijiet li jiddikjaraw:

(a) l-iskala tal-kontribuzzjonijiet li japporzjonaw l-ispejjeż tal-WTO fost il-Membri tagħha; u

(b) il-miżuri li jridu jittieħdu rigward l-Istati Membri li jaqgħu lura fil-ħlasijiet.

Ir-regolamenti finanzjarji għandhom ikunu msejsa, safejn u sakemm possibbli, fuq ir-regolamenti u l-prattiċi tal-GATT 1947.

3. Il-Kunsill Ġenerali għandu jadotta r-regolamenti finanzjarji u l-estimu annwali tal-budget bil-maġġoranza ta' żewġ terzi li tikkomprendi iktar minn nofs il-Membri tal-WTO.

4. Kull Membru għandu jikkontribwixxi lill-WTO fil-pront is-sehem tiegħu fl-ispejjeż tal-WTO skond ir-regolamenti finanzjarji adottati mill-Kunsill Ġenerali.

Artikolu VIII

L-Istatus tal-WTO

1. Il-WTO għandha jkollha personalità legali u għandha tiġi mogħtija minn kull wieħed mill-Membri tagħha dik il-kapaċità legali li tista' tkun meħtieġa għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħha.

2. Il-WTO għandha tingħata minn kull wieħed mill-Membri dawk il-privileġġi u immunitajiet li jkunu meħtieġa għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħha.

3. L-uffiċjali tal-WTO u r-rappreżentanti tal-Membri għandhom jingħataw b'mod simili minn kull wieħed mill-Membri tagħha dawk il-privileġġi u l-immunitajiet li jkunu meħtieġa għall-eżerċizzju indipendenti tal-funzjonijiet tagħhom f'konnessjoni mal-WTO.

4. Il-privileġġi u l-immunitajiet li jridu jiġu mogħtija minn Membru lill-WTO, l-uffiċjali tagħha u r-rappreżentanti tal-Membri tagħha għandhom ikunu simili għall-privileġġi u l-immunitajiet stabbiliti fil-Konvenzjoni dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet ta' l-Aġenziji Speċjalizzati, approvati mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fil-21 ta' Novembru 1947.

5. Il-WTO tista tikkonkludi ftehim dwar il-kwartieri ġenerali.

Artikolu IX

Teħid tad-Deċiżjonijiet

1. Il-WTO għandha tissokta l-prattika tal-għemil tad-deċiżjonijiet bil-consensus segwit skond il-GATT 1947 [1]. Għajr meta provvdut xorta oħra, meta ma tistax tintlaħaq deċiżjoni bil-consensus, il-materja fil-kwistjoni għandha tiġi deċiża b'votazzjoni. Fil-laqgħat tal-Konferenza Ministerjali u tal-Kunsill Ġenerali, kull wieħed mill-Membri tal-WTO għandu jkollu vot wieħed. Fil-laqgħat tal-Konfrenza [2] Ministerjali u tal-Kunsill Ġenerali, kull wieħed mill-Membri tal-WTO għandu jkollu vot wieħed. Id-deċiżjonijiet tal-Konferenza Ministerjali u tal-Kunsill Ġenerali għandhom jittieħdu bil-maġġoranza tal-voti mitfugħa, għajr jekk ipprovvdut xorta oħra f'dan il-Ftehim jew fil-Ftehim Kummerċjali Multilaterali rilevanti [3].

2. Il-Konferenza Ministerjali u l-Kunsill Ġenerali għandu jkollhom l-awtorità esklussiva li jadottaw interpretazzjonijiet ta' dan il-Ftehim u tal-Ftehim Kummerċjali Multilaterali. Fil-każ ta' interpretazzjoni ta' Ftehim Kummerċjali Multilaterali fl-Anness I, għandhom jeżerċitaw l-awtorità tagħhom fuq il-bażi ta' rakkommandazzjoni mill-Kunsill li jissorvelja l-funzjonament ta' dan il-Ftehim. Id-deċiżjoni li tiġi adottata interpretazzjoni għandha tittieħed bil-maġġoranza ta' tliet-kwarti tal-Membri. Dan il-paragrafu ma għandux jintuża f'manjiera li timmina d-dispożizzjonijiet ta' l-emendi fl-Artikolu X.

3. F'ċirkostanzi eċċezzjonali, l-Konferenza Ministerjali tista' tiddeċiedi li tirrinunzja għal obbligu impost fuq Membru b'dan il-Ftehim jew b'kull Ftehim Kummerċjali Multilaterali, sakemm kull deċiżjoni minn din għandha tittieħed minn tliet kwarti [4] tal-Membri għajr jekk ipprovvdut xorta oħra f'dan il-paragrafu.

(a) Talba għal rinunzja li tirrigwarda dan il-Ftehim għandha tiġi sottomessa lill-Konferenza Ministerjali għall-konsiderazzjoni skond il-prattika tal-għemil tad-deċiżjonijiet bil-consensus. Il-Konferenza Ministerjali għandha tistabbilixxi perjodu taż-żmien, li ma għandux jaqbeż id-90 jum, għalbiex tikkunsidra t-talba. Jekk ma jintlaħaqx consensus matul il-perjodu taż-żmien, kull deċiżjoni li tiġi konċessa rinunzja għandha tittieħed minn tliet-kwarti tal-Membri.

(b) Talba għal rinunzja li tirrigwarda l-Ftehim Kummerċjali Multilaterali fl-Annessi 1 A jew 1 B jew 1 Ċ u l-annessi ta' magħhom għandhom inizjalment jiġu sottomessi lill-Kunsill tal-Kummerċ fl-Oġġetti, il-Kunsill tal-Kummeċ fis-Servizzi jew il-Kunsll tat-TRIPS, rispettivament, għall-konsiderazzjoni matul perjodu taż-żmien li ma għandux jaqbeż id-90 jum. Fit-tmiem tal-perjodu taż-żmien, il-Kunsill rilevanti għandu jissottometti rapport lill-Konferenza Ministerjali.

4. Deċiżjoni mill-Konferenza Ministerjali li tikkonċiedi rinunzja għandha tiddikjara ċ-ċirkostanzi eċċezzjonali li tiġġustifika d-deċiżjoni u l-kondizzjonijiet li jirregolaw l-applikazzjoni għar-rinunzja u d-data li fiha għandha tiskadi r-rinunzja. Kull rinunzja konċessa għal perjodu taż-żmien ta' iktar minn sena għandha tiġi rivista mill-Konferenza Ministerjali mhux iktar tard minn sena wara li tkun ġiet konċessa, u wara dan kull sena sakemm tiskadi r-rinunzja. F'kull rivista, l-Konferenza Ministerjali għandha teżamina jekk ikunux għadhom jeżistu ċ-ċirkostanzi eċċezzjonali li jiġġustifikaw ir-rinunzja u jekk ikunux ġew sodisfatti t-termini u l-kondizzjonijiet mehmuża mar-rinunzja. Fuq il-bażi tar-rivista annwali, il-Konferenza Ministerjali tista' testendi, timmodifika jew ittemm ir-rinunzja.

5. Id-Deċiżjonijiet skond il-Ftehim Kummerċjali Plurilaterali, inkluża kull deċiżjoni dwar l-interpretazzjonijiet u r-rinunzji, għandhom ikunu rregolati mid-dispożizzjonijiet ta' dan il-Ftehim.

Artikolu X

Emendi

1. Kull Membru tal-WTO jista' jagħti bidu għal proposta għalbiex jiġu emendati d-dispożizzjonijiet ta' dan il-Ftehim jew il-Ftehim Kummerċjali Multilaterali fl-Anness 1 billi jissottomettu din il-proposta lill-Konferenza Ministerjali. Il-Kunsilli elenkati fil-paragrafu 5 ta' l-Artikolu IV jistgħu wkoll jissottomttu lill-Konferenza Ministerjali proposti għalbiex jiġu emendati d-dispożizzjonijiet tal-Ftehim Kummerċjali Multilaterali korrispondenti fl-Anness 1 li tagħhom jissorveljaw il-funzjonament. Għajr jekk il-Konferenza Ministerjali tiddeċiedi fuq perjodu itwal taż-żmien, għal perjodu taż-żmien ta' 90 jum wara li tkun tressqet il-proposta b'mod formali fil-Konferenza Ministerjali kull deċiżjoni mill-Konferenza Ministerjali għas-sottomissjoni ta' l-emenda proposta lill-Membri għalbiex jaċċettawha għandha tittieħed b'consensus. Għajr jekk japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 2, 5 jew 6, din id-deċiżjoni għandha tispeċifika jekk għandhomx japplikaw id-disposizzjonijiet tal-paragrafi 3 jew 4. Jekk jintlaħaq il-consensus, il-Konferenza Ministerjali għandha tissottometti minnufih l-emenda proposta lill-Membri sabiex jaċċettawha. Jekk ma jintlaħaqx il-consensus f'laqgħa tal-Konferenza Ministerjali fil-perjodu taż-żmien stabbilit, il-Konferenza Ministerjali għandha tiddeċiedi bil-maġġoranza ta' żewġ terzi tal-membri jekk tissottomettix l-emenda proposta lill-Membri għall-aċċettazzjoni. Għajr kif ipprovvdut fil-paragrafi 2, 5 u 6, id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 3 għandhom japplikaw għall-emenda proposta, għajr jekk il-Konferenza Ministerjali tiddeċiedi bil-maġġoranza tat-tliet kwarti tal-Membri illi għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 4.

2. L-emendi għad-dispożizzjonijiet ta' dan l-Artikolu u għad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli li ġejjin għandhom jidħlu fl-effett ma' l-aċċettazzjoni tal-Membri kollha biss:

L-Artikolu IX ta' dan il-Ftehim;

L-Artikoli I u II tal-GATT 1994;

L-Artikolu II:1 tal-GATS;

L-Artikolu 4 tal-Ftehim dwar it-TRIPS.

3. L-emendi għad-dispożizzjonijiet ta' dan il-Ftehim, jew għall-Ftehim Kummerċjali Multilaterali fl-Annessi 1A u 1Ċ, għajr dawk elenkati fil-paragrafi 2 u 6, ta' natura li tkun tibdel id-drittijiet u l-obbligi tal-Membri, għandhom jidħlu fl-effett għall-Membri li jkunu aċċettawhom ma' l-aċċettazzjoni bil-maġġoranza taż-żewġ terzi tal-Membri u, mbagħad, għal kull Membru ma' l-aċċettazzjoni tiegħu. Il-Konferenza Ministerjali tista' tiddeċiedi bil-maġġoranza tat-tliet kwarti tal-Membri li kull emenda magħmula effettiva skond dan il-paragrafu tkun ta' natura hekk illi kull Membru li ma jkunx aċċettaha fil-perjodu taż-żmien speċifikat mill-Konferenza Ministerjali f'kull każ għandu jkun ħieles li jirtira mill-WTO jew jibqa' Membru bil-kunsens tal-Konferenza Ministerjali.

4. L-emendi għad-dispożizzjonijiet ta' dan il-Ftehim jew tal-Ftehim Kumerċjali Multilaterali fl-Annessi 1A u 1Ċ, għajr dawk elenkati fil-paragrafi 2 u 6, ta' natura li ma jibdlux id-drittijiet u l-obbligi tal-Membri, għandhom jidħlu fl-effett għall-Membri kollha ma' l-aċċettazzjoni bil-maġġoranza taż-żewġ terzi tal-Membri.

5. Għajr kif ipprovvdut fil-paragrafu 2 ta' hawn fuq, l-emendi għall-Partijiet I, II u III tal-GATS u l-annessi rispettivi għandhom jidħlu fl-effett għall-Membri li jkunu aċċettawhom ma' l-aċċettazzjoni minn żewġ terzi tal-Membri, u wara dan għal kull Membri ma' l-aċċettazzjoni tiegħu. Il-Konferenza Ministerjali tista' tiddeċiedi bil-maġġoranza taż-żewġ terzi tal-Membri li kull emenda magħmula effettiva skond id-dispożizzjonijiet preċedenti tkun ta' natura hekk illi kull Membru li ma jkunx aċċettaha fil-perjodu taż-żmien speċifikat mill-Konferenza Ministerjali f'kull każ għandu jkun ħieles li jirtira mill-WTO jew li jibqa' Membru bil-kunsens tal-Konferenza Ministerjali. L-emendi għall-Partijiet IV, V u VI tal-GATS u l-annessi rispettivi għandhom jidħlu fl-effett għall-Membri kollha ma' l-aċċettazzjoni minn żewġ terzi tal-Membri.

6. Minkejja d-disposizzzjonijiet l-oħra ta' dan l-Artikolu, l-emendi għall Ftehim dwar it-TRIPS li jissodisfaw il-ħtiġiet tal-paragrafu 2 ta' l-Artikolu 71 tiegħu jistgħu jiġu adottati mill-Konferenza Ministerjali mingħajr iktar proċess formali ta' aċċettazzjoni.

7. Kull Membru li jaċcetta emenda għal dan il-Ftehim jew għal Ftehim Kummerċjali Multilaterali fl-Anness 1 għandu jiddepożita strument ta' aċċettazzjoni għand id-Direttur Ġenerali tal-WTO fil-perjodu taż-żmien ta' l-aċċettazzjoni speċifikat mill-Konferenza Ministerjali.

8. Kull Membru tal-WTO jista' jagħti bidu għal proposta għalbiex jemenda d-dispożizzjonijiet tal-Ftehim Kummerċjali Multilaterali fl-Annessi 2 u 3 billi jissottometti din il-proposta lill-Konferenza Ministerjali. Id-deċiżjoni għalbiex jiġu approvati emendi għall-Ftehim Kummerċjali Multilaterali fl-Anness 2 għandha ssir b'consesus u dawn l-emendi għandhom jidħlu fl-effett għall-Membri kollha ma' l-approvazzjoni tal-Konferenza Ministerjali. Id-deċiżjonijiet għalbiex jiġu approvati emendi għall-Ftehim Kummerċjali Multilaterali fl-Anness 3 għandhom jidħlu fl-effett għall-Membri kollha ma' l-approvazzjoni tal-Konferenza Ministerjali.

9. Fuq it-talba tal-Membri partijiet fi ftehim kummerċjali, il-Konferenza Ministerjali tista' tiddeċiedi b'mod esklussiv b'consesus li żżid dan il-ftehim ma' l-Anness 4. Fuq it-talba tal-Membri partijiet fil-Ftehim Kummerċjali Plurilaterali, il-Konferenza Ministerjali tista' tiddeċiedi li tħassar dan il-Ftehim mill-Anness 4.

10. L-emendi għal Ftehim Kummerċjali Plurilaterali għandhom jiġu regolati mid-dispożizzjonijiet ta' dan il-Ftehim.

Artikolu XI

Sħubija Oriġinali

1. Il-partijiet kontraenti tal-GATT 1947 sa mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan il-Ftehim, u l-Komunitajiet Ewropej, li jaċċettaw dan il-Ftehim u l-Ftehim Kummerċjali Multilaterali u li l-Iskedi tagħhom tal-Konċessjonijiet u l-Impenji huma annessi mal-GATT 1994 u li l-Iskedi tagħhom ta' l-Impenji Speċifiċi huma annessi mal-GATS għandhom isiru l-Membri oriġinali tal-WTO.

2. Il-pajjiżi l-inqas żviluppati magħrufa bħala ta' hekk min-Nazzjonijiet Uniti jridu jkunu meħtieġa biss li jindaħlu għal impenji u konċessjonijiet safejn u sakemm konsistenti ma' l-iżvilupp individwali tagħhom, il-ħtiġiet finanzjarji u kummerċjali jew il-kapacitajiet amministrattivi u istituzzjonali tagħhom.

Artikolu XII

Adeżjoni

1. Jistgħu jaderixxu ma' dan il-Ftehim kull Stat jew territorju separat tad-dwana li jippossjiedi l-awtonomija sħiħa fil-kondotta tar-relazzjonijiet kummerċjali esterni tiegħu u tal-materji l-oħra provvduti f'dan il-Ftehim u l-Ftehim Kummerċjali Multilaterali, bil-kondizzjonijiet miftiehma bejnhom u l-WTO. Din l-adeżjoni għandha tapplika għal dan il-Ftehim u l-Ftehim Kummerċjali Multilaterali annessi miegħu.

2. Id-deċiżjonijiet dwar l-adeżjoni għandhom jittieħdu mill-Konferenza Ministerjali. Il-Konferenza Ministerjali għandha tapprova l-ftehim bil-kondizzjonijiet ta' l-adeżjoni bil-maġġoranza taż-żewġ terzi tal-Membri tal-WTO.

3. L-adeżjoni fi Ftehim Kummerċjali Plurilaterali għandha tiġi regolata mid-dispożizzjonijiet ta' dan il-Ftehim.

Artikolu XIII

Nuqqas ta' l-Applikazzjoni tal-Ftehim Kummerċjali Multilaterali bejn Membri Partikolari

1. Dan il-Ftehim u l-Ftehim Kummerċjali Multilaterali fl-Annessi 1 u 2 ma għandhomx japplikaw bejn Membru u kull Membru ieħor jekk il-wieħed jew l-ieħor mill-Membri, fil-waqt li l-wieħed jew l-ieħor isiru Membri, ma jagħtux il-kunsens tagħhom għal din l-applikazzjoni.

2. Il-paragrafu 1 jista' jiġi invokat bejn il-Membri oriġinali tal-WTO li kienu partijiet kontraenti tal-GATT 1947 biss meta l-Artikolu XXXV ta' dan il-Ftehim ikun ġie invokat iktar kmieni u kien effettiv bejn dawn il-partijiet kontraenti fil-waqt tad-dħul fis-seħħ ta' dan il-Ftehim.

3. Il-paragrafu 1 għandu japplika bejn Membru u Membru ieħor li jkun aderixxa għalih skond l-Artikolu XII biss jekk il-Membru li ma jkunx ta l-kunsens tiegħu sabiex jiġi applikat ikun innotifika lill-Konferenza Ministerjali dwar dan qabel l-approvazzjoni tal-ftehim fuq il-kondizzjonijiet ta' l-adeżjoni mill-Konferenza Ministerjali.

4. Il-Konferenza Ministerjali tista' tagħmel rivista ta' l-operat ta' dan l-Artikolu f'każijiet partikolari fuq it-talba ta' kull Membru u tagħmel ir-rakkommandazzjonijiet approprjati.

5. In-nuqqas ta' l-applikazzjoni ta' Ftehim Kummerċjali Plurilaterali bejn il-partijiet f'dan il-Ftehim għandu jiġi regolat mid-dispożizzjonijiet ta' dan il-Ftehim.

Artikolu XIV

Aċċettazzjoni, Dħul fis-Seħħ u Depożitu

1. Dan il-Ftehim għandu jkun miftuħ għall-aċċettazzjoni, bil-firma jew xorta oħra, mill-partijiet kontraenti tal-GATT 1947, u l-Komunitajiet Ewropej, li huma eliġibbli li jsiru Membri oriġinali tal-WTO skond l-Artikolu XI ta' dan il-Ftehim. Din l-aċċettazzjoni għandha tapplika għal dan il-Ftehim u għall-Ftehim Kummerċjali Multilaterali annessi miegħu. Dan il-Ftehim u l-Ftehim Kummerċjali Multilaterali annessi miegħu għandhom jidħlu fis-seħħ fid-data stabbilita mill-Ministri skond il-paragrafu 3 ta' l-Att Finali li Jinkorpora r-Riżultati tar-Round ta' l-Urugwaj dwar in-Negozjati Kummerċjali Multilaterali u għandu jibqa' miftuħ għall-aċċettazzjoni għal perjodu taż-żmien ta' sentejn wara din id-data għajr jekk il-Ministri jiddeċiedu xorta oħra, L-aċċettazzjoni wara d-dħul fis-seħħ ta' dan il-Ftehim għandha tidħol is-seħħ fit-30 jum wara d-data ta' din l-aċċettazzjoni.

2. Membru li jaċċetta dan il-Ftehim wara d-data tad-dħul fis-seħħ tiegħu għandu jimplimenta dawk il-konċessjonijiet u obbligi fil-Ftehim Kummerċjali Multilaterali li jkunu implimentati matul perjodu taż-żmien li jibda mad-dħul fis-seħħ ta' dan il-Ftehim daqslikieku dan il-Membru jkun aċċettah fid-data tad-dħul fis-seħħ tiegħu.

3. Sakemm dan il-Ftehim jidħol fis-seħħ, it-test ta' dan il-Ftehim u tal-Ftehim Kummerċjali Multilaterali għandhom jiġu depożitati għand id-Direttur Ġenerali tal-Partijiet Kontraenti tal-GATT 1947. Id-Direttur Ġenerali għandu jforni minnufih kopja vera ċertifikata ta' dan il-Ftehim u tal-Ftehim Kummerċjali Multilaterali, u notifika ta' kull aċċettazzjoni tagħhom, lil kull gvern u lill-Komunitajiet Ewropej li jkunu aċċettaw dan il-Ftehim. Dan il-Ftehim u l-Ftehim Kummerċjali Multilaterali, u kull emenda għalihom, għandhom, mad-dħul fis-seħħ ta' dan il-Ftehim, jiġu depożitati għand id-Direttur Ġenerali tal-WTO.

4. L-aċċettazzjoni u d-dħul fis-seħħ ta' Ftehim Kummerċjali Plurilaterali għandhom jiġu regolati bid-dispożizzjonijiet ta' dan il-Ftehim. Dawn il-Ftehim għandhom jiġu depożitati għand id-Direttur Ġenerali tal-Partijiet Kontraenti tal-GATT 1947. Mad-dħul fis-seħħ ta' dan il-Ftehim, dawn il-Ftehim għandhom jiġu depożitati għand id-Direttur Ġenerali tal-WTO.

Artikolu XV

Irtirar

1. Kull Membru jista' jirtira minn dan il-Ftehim. Dan l-irtirar għandu japplika kemm għal dan il-Ftehim u kemm għall-Ftehim Kummerċjali Multilaterali u għandu jidħol fl-effett malli jiskadu sitt xhur mid-data li fiha l-avviż ta l-itirar ikun ġie rċevut mid-Direttur Ġenerali tal-WTO.

2. L-irtirar minn Ftehim Kummerċjali Plurilaterali għandu jiġi regolat mid-dispożizzjonijiet ta' dan il-Ftehim.

Artikolu XVI

Disposizjonijiet Mixxellanji

1. Għajr fejn ipprovvdut xorta oħra f'dan il-Ftehim u fil-Ftehim Kummerċjali Multilaterali, il-WTO għandha tiġi gwidata mid-deċiżjonijiet, il-proċeduri u l-pariri tas-soltu segwiti mill-Partijiet Kontraenti tal-GATT 1947 u l-korpi stabbiliti fil-qafas tal-GATT 1947.

2. Safejn u sakemm prattikabbli, s-Segretarjat tal-GATT 1947 għandu jsir is-Segretarjat tal-WTO u, sa dak iż-żmien li fih il-Konferenza Ministerjali tkun ħatret Direttur Ġenerali skond il-paragrafu 2 ta' l-Artikolu VI ta' dan il-Ftehim, id-Direttur Ġene- rali tal-Partijiet Kontraenti tal-GATT 1947 għandu jservi bħala d-Direttur Ġenerali tal-WTO.

3. Fl-eventwalità ta' konflitt bejn dispożizzjoni ta' dan il-Ftehim u dispożizzjoni ta' kull Ftehim Kummerċjali Multilaterali, għandha tipprevali d-dispożizzjoni ta' dan il-Ftehim rigward il-konflitt.

4. Kull Membru għandu jiżgura l-konformità mal-liġijiet, ir-regolamenti u l-proċeduri amminisrattivi tiegħu rigward l-obbligi tiegħu kif ipprovvdut fil-Ftehim annessi.

5. Ma jistgħu jsiru riservi rigward l-ebda dispożizzjoni ta' dan il-Ftehm. Riservi rigward kull dispożizzjoni tal-Ftehim Kummerċjali Multilaterali jistgħu jsiru biss safejn u sakemm ipprovvduti f'dawn il-Ftehim. Ir-riservi rigward dispożizzjoni ta' Ftehim Kummerċjali Plurilaterali għandhom jiġu regolati mid-dispożizzjonijiet ta' dan il-Ftehim.

6. Dan il-Ftehim għandu jiġi reġistrat skond id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 102 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti.

Magħmul f'Marrakesh f'dan il-ħmistax-il jum ta' April elf disa' mija u erbgħa u disgħin, f'kopja waħdiena, bl- Ingliż, bil-Franċiż u bl-Ispanjol, b'kull test ikun awtentiku.

Noti ta' Spjegazzjoni

It-termini "pajjiż" jew "pajjiżi" kif użati f'dan il-Ftehim u fil-Ftehim Kummerċjali Multilaterali għandhom jiġu mifhuma li jinkludu kull territorju separat tad-dwana Membru tal-WTO.

Fil-każ ta' territorju separat tad-dwana Membru tal-WTO, meta espressjoni f'dan il-Ftehim u fil-Ftehim Kummerċjali Multilaterali tkun ikkwalifikata bit-terminu "nazzjonali" din l-espressjoni għandha tinqara li tappartjieni għal dan it-territorju tad-dwana, għajr jekk speċifikat xorta oħra.

[1] Il-korp interessat għandu jitqies li jkun iddeċieda b'consensus dwar materja ssottomessa għall-konsiderazzjoni tiegħu, jekk l-ebda Membru, preżenti fil-laqgħa meta tkun ittieħdet id-deċiżjoni, ma joġġezzjonax formalment kontra d-deċiżjoni proposta.

[2] In-numru tal-voti tal-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom fl-ebda każ ma għandu jaqbeż in-numru tal-voti ta' l-Istati Membri tal-Komunitajiet Ewropej.

[3] Id-Deċiżjonijiet mill-Kunsill Ġenerali meta mlaqqa' bħala l-Korp tas-Soluzzjoni tal-Kontroversji għandhom jittieħdu biss skond id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 4 ta' l-Artikolu 2 tal-Fehim dwar is-Soluzzjoni tal-Kontroversji.

[4] Deċiżjoni għalbiex tiġi konċessa rinunzja rigward kull obbligu bħa ħsara għal perjodu taż-żmien tat-transizzjoni jew għal perjodu taż-żmien ta' l-implimentazzjoni f'fażijiet, li l-Membru li jagħmel it-talba ma jkunx wettaq ix-xogħol fit-tmiem tal-perjodu rilevanti taż-żmien, għandha tittieħed biss b'consensus.

--------------------------------------------------

LISTA TA' ANNESSI

| | Paġna |

ANNESS 1 | | |

ANNESS 1A: | Ftehim Multilaterali dwar Kummerċ ta' Oġġetti | 11 |

Ftehim Ġenerali dwar Tariffi u Kummerċ 1994 | 19 |

Ftehim dwar l-Agrikoltura | 22 |

Ftehim dwar l-Applikazzjoni ta' Miżuri Sanitarji u Fitosanitarji | 40 |

Ftehim dwar Tessuti u Ħwejjeġ | 50 |

Ftehim dwar Ostakoli Tekniċi għall-Kummerċ | 86 |

Ftehim dwar Miżuri ta' Investiment li għandhom x'jaqsmu mal-Kummerċ Ftehim għall-Implimentazzjoni ta' l-Artikolu VI tal- | 100 |

Ftehim Ġenerali dwar Tariffi u Kummerċ 1994 Ftehim għall-Implimentazzjoni ta' l-Artikolu VII tal- | 103 |

Ftehim Ġenerali dwar Tariffi u Kummerċ 1994 | 119 |

Ftehim dwar Spezzjoni qabel l-Imbarkazzjoni | 138 |

Ftehim dwar Regoli ta' Oriġini | 144 |

Ftehim dwar Proċeduri għal-Liċenzji ta' Importazzjoni | 151 |

Ftehim dwar Sussidji u Miżuri Kumpensattivi | 156 |

Ftehim dwar Salvagwardji | 184 |

ANNESS 1B: | Ftehim Ġenerali dwar Kummerċ ta' Servizzi u Annessi | 190 |

ANNESS 1Ċ: | Ftehim dwar Aspetti ta' Drittijiet ta' Proprjetà Intellettwali li għandhom x'jaqsmu mal-Kummerċ | 213 |

ANNESS 2: | Ftehim dwar Regoli u Proċeduri li Jirregolaw ir-Risoluzzjoni ta' Tilwim | 234 |

ANNESS 3: | Mekkaniżmu għal Rivista tal-Politika dwar il-Kummerċ | 251 |

ANNESS 4: | Ftehim dwar Akkwist Governattiv | 273 |

Arranġament Internazzjonali dwar Prodotti tal-Ħalib u l-Bajd | 290 |

Arranġament dwar Laħam Bovin | 305 |

--------------------------------------------------

Top