EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 02010L0018-20140101

Consolidated text: Direttiva tal- Kunsill 2010/18/UE tat- 8 ta' Marzu 2010 li timplimenta l-Ftehim Qafas rivedut dwar il-leave tal-ġenituri konkluż minn BUSINESSEUROPE, UEAPME, CEEP u ETUC u li jħassar id-Direttiva 96/34/KE (test b'rilevanza għaż-ŻEE) (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2010/18/2014-01-01

2010L0018 — MT — 01.01.2014 — 001.001


Dan id-dokument ġie magħmul bil-ħsieb li jintuża bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u l-istituzzjonijiet ma jassumu l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu

►B

DIRETTIVA TAL- KUNSILL 2010/18/UE

tat-8 ta' Marzu 2010

li timplimenta l-Ftehim Qafas rivedut dwar il-leave tal-ġenituri konkluż minn BUSINESSEUROPE, UEAPME, CEEP u ETUC u li jħassar id-Direttiva 96/34/KE (test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(ĠU L 068, 18.3.2010, p.13)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  No

page

date

►M1

DIRETTIVA TAL-KUNSILL 2013/62/UE tas-17 ta’ Diċembru 2013

  L 353

7

28.12.2013




▼B

DIRETTIVA TAL- KUNSILL 2010/18/UE

tat-8 ta' Marzu 2010

li timplimenta l-Ftehim Qafas rivedut dwar il-leave tal-ġenituri konkluż minn BUSINESSEUROPE, UEAPME, CEEP u ETUC u li jħassar id-Direttiva 96/34/KE (test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)



IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 155(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

L-Artikolu 153 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (it-“TFUE”) jippermetti lill-Unjoni li tappoġġja u tikkumplimenta l-attivitajiet tal-Istati Membri, fost l-oħrajn fil-qasam tal-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa fir-rigward tal-oppportunitajiet fis-suq tax-xogħol u t-trattament fuq ix-xogħol.

(2)

Id-djalogu soċjali fuq il-livell tal-Unjoni jista', skont l-Artikolu 155(1) tat-TFUE, iwassal għal relazzjonijiet kuntrattwali, inkluż ftehim, jekk l-amministrazzjoni u l-ħaddiema (l-“imsieħba soċjali”) jixtiequ hekk. L-imsieħba soċjali jistgħu, skont l-Artikolu 155(2) tat-TFUE, jitolbu b'mod konġunt li strumenti ta' ftehim konklużi minnhom fuq livell tal-Unjoni dwar kwistjonijiet koperti mill-Artikolu 153 tat-TFUE jiġu implimentati b'deċiżjoni tal-Kunsill fuq proposta mill-Kummissjoni.

(3)

Ftehim Qafas dwar il-leave tal-ġenituri kien konkluż mill-orgaizzazzjonijiet tal-imsieħba soċjali trans-industrijali Ewropej (l-ETUC, l-UNICE u s-CEEP) fl-14 ta' Diċembru 1995 u ngħata effett legali bid-Direttiva tal-Kunsill 96/34/KE tat-3 ta' Ġunju 1996 dwar il-ftehim qafas fuq il-leave tal-ġenituri konkluż mill-UNICE, s-CEEP u l-ETUC ( 1 ). Dik id-Direttiva ġiet emendata u estiża għar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq bid-Direttiva tal-Kunsill 97/75/KE ( 2 ). Id-Direttiva 96/34/KE kkontribwixxiet ħafna għat-titjib tal-opportunitajiet disponibbli għall-ġenituri li jaħdmu fl-Istati Membri biex dawn jirrikonċiljaw b'mod aħjar ir-responsabbiltajiet tax-xogħol u tal-familja permezz ta' arranġamenti ta' leave.

(4)

Skont l-Artikoli 138(2) u (3) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (it-“Trattat KE”) ( 3 ), il-Kummissjoni kkonsultat lill-imsieħba soċjali Ewropej fl-2006 u fl-2007 dwar modi għal aktar titjib fir-rikonċiljazzjoni tal-ħajja tax-xogħol, dik privata u dik tal-familja u, b'mod partikolari, għal titjib tal-leġislazzjoni Komunitarja eżistenti dwar il-protezzjoni tal-maternità u l-leave tal-ġenituri, u dwar il-possibbiltà li jkunu mdaħħla tipi ġodda ta' leave relatat mal-familja, bħal-leave għall-missirijiet, il-leave għall-adozzjoni u leave għall-ħarsien ta' membri tal-familja.

(5)

It-tliet organizzazzjonijet tal-imsieħba soċjali ġenerali trans-industrijali Ewropej (l-ETUC, is-CEEP u BUSINESSEUROPE, qabel imsejħa UNICE) u l-organizzazzjoni tal-imsieħeb soċjali trans-industrijali Ewropew li jirrappreżenta ċerta kategorija ta' impriżi (l-UEAPME) infurmaw lill-Kummissjoni fil-11 ta' Settembru 2008 bix-xewqa tagħhom li jidħlu f'negozjati, skont l-Artikolu 138(4) u l-Artikolu 139 tat-Trattat KE ( 4 ), bil-għan li jiġi rivedut il-Ftehim Qafas dwar il-leave tal-ġenituri konkluż fl-1995.

(6)

Fit-18 ta' Ġunju 2009, dawn l-organizzazzjonijiet iffirmaw il-Ftehim Qafas rivedut dwar il-leave tal-ġenituri (il-“Ftehim Qafas rivedut”) u bagħtu talba konġunta lill-Kummissjoni biex din tissottometti proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill li timplimenta dak il-Ftehim Qafas rivedut.

(7)

Matul in-negozjati tagħhom, l-imsieħba soċjali Ewropej irrevedew kompletament il-Ftehim Qafas tal-1995 dwar il-leave tal-ġenituri. Għaldaqstant id-Direttiva 96/34/KE għandha titħassar u tiġi sostitwita b'direttiva ġdida minflok ma tiġi sempliċement emendata.

(8)

Billi l-għanijiet tad-Direttiva, jiġifieri t-titjib tar-rikonċiljazzjoni tal-ħajja tax-xogħol, dik privata u dik tal-familja għall-ġenituri li jaħdmu u l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa fir-rigward tal-opportunitajiet fis-suq tax-xogħol u t-trattament fuq ix-xogħol madwar l-Unjoni, ma jistgħux jinkisbu biżżejjed mill-Istati Membri u jistgħu għalhekk jinkisbu aħjar fuq livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jintlaħqu dawk l-għanijiet.

(9)

Matul l-abbozzar tal-proposta għal Direttiva, il-Kummissjoni kkunsidrat l-istat rappreżentattiv tal-partijiet firmatarji għall-Ftehim Qafas rivedut, tal-mandat tagħhom u tal-legalità tal-klawsoli f'dak il-Ftehim Qafas rivedut u tal-konformità tiegħu mad-dispożizzjonijiet rilevanti li jikkonċernaw l-impriżi żgħar u ta' daqs medju.

(10)

Il-Kummissjoni infurmat lill-Parlament Ewropew u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew bil-proposta tagħha.

(11)

Il-klawsola 1(1) tal-Ftehim Qafas rivedut, skont il-prinċipji ġenerali tal-liġi tal-Unjoni fil-qasam tal-politika soċjali, tistipula li l-Ftehim jistabbilixxi rekwiżiti minimi.

(12)

Il-klawsola 8(1) tal-Ftehim Qafas rivedut tistipula li l-Istati Membri jistgħu japplikaw jew jdaħħlu dispożizzjonijiet aktar favorevoli minn dawk stabbiliti fil-Ftehim.

(13)

Il-klawsola 8(2) tal-Ftehim Qafas rivedut tistipula li l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim m'għandhiex tikkonstitwixxi raġuni valida għat-tnaqqis tal-livell ġenerali ta' ħarsien mogħtija lill-ħaddiema fil-qasam kopert mill-Ftehim.

(14)

L-Istati Membri għandhom jipprovdu pieni effettivi, proporzjonali u dissważivi f’każ ta’ kwalunkwe ksur tal-obbligi taħt din id-Direttiva.

(15)

L-Istati Membri jistgħu jafdaw lill-imsieħba soċjali, fuq talba konġunta tagħhom, bl-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva, bil-kondizzjoni li dawn l-Istati Membri jieħdu l-passi kollha meħtieġa biex jiżġuraw li huma jkunu jistgħu jiggarantixxu f'kull ħin ir-riżultati imposti b'din id-Direttiva.

(16)

F'konformità mal-punt 34 tal-Ftehim Interistituzzjonali dwar tfassil aħjar tal-liġijiet ( 5 ), l-Istati Membri huma mħeġġa li jfasslu, għalihom infushom u fl-interess tal-Unjoni, it-tabelli tagħhom li, sa fejn hu possibbli, juru l-korrelazzjoni bejn din id-Direttiva u l-miżuri ta' traspożizzjoni, u jagħmluhom pubbliċi,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:



Artikolu 1

Din id-Direttiva tagħti effett lill-Ftehim Qafas rivedut dwar il-leave tal-ġenituri konkluż fit-18 ta' Ġunju 2009 mill-organizzazzjonijiet tal-imsieħba soċjali trans-industrijali Ewoprej (BUSINESSEUROPE, UEAPME, CEEP u ETUC), kif stabbilit fl-Anness.

Artikolu 2

L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw liema pieni huma applikabbli meta d-dispożizzjonijiet nazzjonali ppromulgati f'konformità ma' din id-Direttiva jiġu miksura. Il-pieni għandhom ikunu effettivi, proporzjonali u dissważivi.

Artikolu 3

1.  L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa għall-konformità ma’ din id-Direttiva jew għandhom jiżguraw li l-imsieħba soċjali jkunu introduċew il-miżuri meħtieġa permezz ta' ftehim sa mhux aktar tard mit-8 ta’ Marzu 2012. Huma għandhom jinfurmaw minnufih lill-Kummissjoni b'dan.

Meta dawk id-dispożizzjonijiet jiġu adottati mill-Istati Membri, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b'din ir-referenza fil-ħin tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi ta' kif issir din ir-referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

2.  L-Istati Membri jistgħu jiddisponu minn żmien addizjonali ta' massimu ta' sena biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva, jekk dan ikun meħtieġ biex jittieħed kont ta' diffikultajiet partikolari jew implimentazzjoni bi ftehim kollettiv. Huma għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni b'dan sa mhux aktar tard mit-8 ta’ Marzu 2012, u jagħtu r-raġunijiet li għalihom huwa meħtieġ perijodu addizzjonali.

▼M1

B'deroga mill-ewwel subparagrafu, il-perijodu addizzjonali msemmi fih għandu jiġi estiż sal-31 ta' Diċembru 2018 fir-rigward tal-Majott bħala reġjun ultraperiferiku tal-Unjoni fit-tifsira tal-Artikolu 349 TFUE.

▼B

3.  L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert b' din id-Direttiva.

Artikolu 4

Id-Direttiva 96/34/KE għandha titħassar b'effett mit-8 ta’ Marzu 2012. Referenzi għad-Direttiva 96/34/KE għandhom jitqiesu bħala referenzi għal din id-Direttiva.

Artikolu 5

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 6

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.




ANNESS

FTEHIM QAFAS DWAR IL-LEAVE TAL-ĠENITURI (RIVEDUT)

18 ta’ Ġunju 2009

Preambolu

Dan il-Ftehim Qafas bejn l-imsieħba soċjali Ewropej, BUSINESSEUROPE, UEAPME, CEEP u ETUC (u l-kumitat ta' kollegament Eurocadres/CEC) jirrevedi l-Ftehim Qafas dwar il-leave tal-ġenituri, konkluż fl-14 ta' Diċembru 1995, li jistipula r-rekwiżiti minimi dwar il-leave tal-ġenituri, bħala mezz importanti ta' rikonċiljazzjoni tar-responsabbiltajiet professjonali u dawk tal-familja u li jippromwovi opportunitajiet indaqs u trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa.

L-imsieħba soċjali Ewropej jitolbu lill-Kummissoni tippreżenta dan il-Ftehim Qafas lill-Kunsill għal deċiżjoni tal-Kunsill li tagħmel dawn ir-rekwiżiti vinkolanti fl-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea.

I.    Konsiderazzjonijiet ġenerali

1. Wara li kkunsidraw it-Trattat KE u b'mod partikulari l-Artikoli 138 u 139 tiegħu ( 6 );

2. Wara li kkunsidraw l-Artikoli 137(1)(c) u 141 tat-Trattat KE ( 7 ) u l-prinċipju ta' trattament ugwali (l-Artikoli 2, 3 u 13 tat-Trattat KE ( 8 ) u l-leġislazzjoni sekondarja bbażata fuq dan, b'mod partikolari d-Direttiva tal-Kunsill 75/117/KEE dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x'jaqsmu mal-applikazzjoni tal-prinċipju ta' paga ndaqs għall-irġiel u għan-nisa ( 9 ); id-Direttiva tal-Kunsill 92/85/KEE dwar l-introduzzjoni ta' miżuri biex jinkoraġġixxu t-titjib fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li welldu reċentement, jew li qed ireddgħu ( 10 ); id-Direttiva tal-Kunsill 96/97/KE li temenda d-Direttiva 86/378/KEE dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' trattament ugwali għall-irġiel u n-nisa fi skemi tax-xogħol tas-sigurtà soċjali ( 11 ); u d-Direttiva 2006/54/KE TAL-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol (tfassil mill-ġdid) ( 12 );

3. Wara li kkunsidraw il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea tas-7 ta' Diċembru 2000 u l-Artikoli 23 u 33 tagħha dwar l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa u r-rikonċiljazzjoni tal-ħajja professjonali, privata u tal-familja;

4. Wara li kkunsidraw ir-Rapport tal-2003 mill-Kummissjoni dwar l-Implimentazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 96/34/KE tat-3 ta' Ġunju 1996 dwar il-Ftehim Qafas fuq il-leave tal-ġenituri konkluż mill-UNICE, is-CEEP u l-ETUC;

5. Wara li kkunsidraw l-għan tal-Istrateġija ta' Lisbona dwar it-tkabbir u l-impjiegi li tkabbar ir-rati tal-impjiegi ġenerali għal 70 %; ir-rati tal-impjiegi tan-nisa għal 60 % u r-rati tal-impjiegi ta' ħaddiema ta' età akbar għal 50 %; il-miri ta' Barċellona dwar il-provvista ta' faċilitajiet għall-ħarsien tat-tfal; u l-kontribuzzjoni tal-politika għat-titjib tar-rikonċiljazzjoni tal-ħajja professjonali, privata u dik tal-familja fil-kisba ta' dawn il-miri;

6. Wara li kkunsidraw il-Qafas ta' Azzjonijiet dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi tal-imsieħba soċjali Ewropej tat-22 ta' Marzu 2005 li fiha l-appoġġ għall-bilanċ bejn il-ħajja tax-xogħol u tal-familja huwa kkunsidrat qasam ta' prijorità għal azzjoni, filwaqt li huwa rikonoxxut li, biex ikompli jsir progress fil-qasam tar-rikonċiljazzjoni, hemm bżonn ta' firxa ta' politika koerenti, bbilanċjata u integrata li tinkludi arranġamenti ta' leave, arranġamenti dwar ix-xogħol u infrastrutturi ta' ħarsien;

7. Billi l-miżuri biex titjieb ir-rikonċiljazzjoni huma parti minn aġenda politika usa' li tittratta l-bżonnijiet ta' min iħaddem u tal-ħaddiema u li ttejjeb l-adattabbiltà u l-impjegabbiltà, bħala parti minn approċċ ta' flessigurtà;

8. Billi l-politika favur il-familja għandha tikkontribwixxi għall-kisba ta' ugwaljanza bejn is-sessi u tkun ikkunsidrata fid-dawl tat-tibdil demografiku, l-effetti ta' popolazzjoni b'età medja li qed tikber, filwaqt li titnaqqas id-differenza bejn is-sessi, ikun hemm promozzjoni tal-parteċipazzjoni tan-nisa fix-xogħol u l-qsim tar-responsabbiltajiet tal-ħarsien bejn l-irġiel u n-nisa;

9. Billi l-Kummissjoni kkonsultat lill-imsieħba soċjali Ewropej fl-2006 u fl-2007 f'konsultazzjoni tal-ewwel u tat-tieni stadju dwar ir-rikonċiljazzjoni tal-ħajja professjonali, privata u dik tal-familja u, fost affarijiet oħrajn, ittrattat din il-kwistjoni tal-aġġornament tal-qafas regolatorju fuq livell Komunitarju, u inkoraġġixxiet lill-imsieħba soċjali Ewropej biex jivvalutaw id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim Qafas tagħhom dwar il-leave tal-ġenituri bil-għan tar-reviżjoni tiegħu;

10. Billi l-Ftehim Qafas tal-imsieħba soċjali Ewropej tal-1995 dwar il-leave tal-ġenituri kien katalista għal bidla pożittiva, żgura bażi komuni dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja fl-Istati Membri u kellu rwol sinifikanti fl-għajnuna biex il-ġenituri li jaħdmu fl-Ewropa jsibu rikonċiljazzjoni aħjar; madankollu, abbażi ta' valutazzjoni konġunta, l-imsieħba soċjali Ewropej jikkunsidraw li ċerti elementi tal-ftehim hemm bżonn li jiġu adattati jew riveduti sabiex jinkisbu aħjar l-għanijiet tiegħu;

11. Billi ċerti aspetti hemm bżonn li jkunu adattati, b'konsiderazzjoni għaż-żieda fid-diversità tal-ħaddiema u l-iżviluppi soċjali inkluż iż-żieda fid-diversità tal-istrutturi familjari, waqt li jiġu rrispettati l-liġi, l-ftehim kollettiv u/jew il-prattika nazzjonali;

12. Billi f'ħafna Stati Membri l-inkoraġġiment lill-irġiel biex jassumu responsabbiltà familjari ugwali ma wassalx għal riżultati suffiċjenti; għaldaqstant, hemm bżonn ta' miżuri aktar effettivi biex ikun inkoraġġit sehem aktar ugwali tar-responsabbiltajiet bejn l-irġiel u n-nisa;

13. Billi ħafna Stati Membri diġà għandhom firxa wiesgħa ta' miżuri u prattiki tal-politika dwar faċilitajiet ta' leave, ħarsien tat-tfal u arranġamenti ta' xogħol flessibbli, imfassla għall-bżonnijiet tal-ħaddiema u ta' min iħaddem u li jimmiraw li jappoġġjaw lill-ġenituri fir-rikonċiljazzjoni tal-ħajja professjonali tagħhom, dik privata u dik tal-familja; dawn għandhom ikun ikkunsidrati meta jiġi implimentat dan il-ftehim;

14. Billi dan il-ftehim qafas jipprovdi element wieħed tal-azzjonijiet tal-imsieħba soċjali Ewropej fil-qasam tar-rikonċiljazzjoni;

15. Billi dan il-ftehim huwa ftehim qafas li jistabbilixxi rekwiżiti minimi u dispożizzjonijiet għal-leave tal-genituri, kif distint mil-leave tal-maternità, u minn ħin frank mix-xogħol abbażi ta' forża maġġuri, u jirreferi lura għall-Istati Membri u l-imsieħba soċjali għat-twaqqif ta' kondizzjonijiet għall-aċċess u modalitajiet ta' applikazzjoni biex tiġi kkunsidrata s-sitwazzjoni f'kull Stat Membru;

16. Billi d-dritt tal-leave tal-ġenituri f'dan il-ftehim huwa dritt individwali u fil-prinċipju mhux trasferibbli, u l-Istati Membri għandhom id-dritt jagħmluh trasferibbli. L-esperjenza turi li l-leave mhux trasferibbli jista' jkun ta' inċentiva pożittiva għat-teħid mill-missirijiet, l-imsieħba soċjali Ewropej għalhekk jaqblu li parti mil-leave isir mhux trasferibbli;

17. Billi huwa importanti li jkunu kkunsidrati l-bżonnijiet speċjali tal-ġenituri bi tfal b'diżabbiltajiet jew mard fit-tul;

18. Billi l-Istati Membri għandhom jipprovdu għaż-żamma ta' intitolamenti għall-benefiċċji in natura taħt assigurazzjoni tal-mard tul il-perijodu minimu ta' leave tal-ġenituri;

19. Billi l-Istati Membri għandhom ukoll, meta xieraq skont il-kondizzjonijiet nazzjonali u b'konsiderazzjoni għas-sitwazzjoni baġitarja, jikkunsidraw iż-żamma ta' intitolamenti għall-benefiċċji rilevanti tas-sigurtà soċjali kif inhuma matul il-perijodu minimu tal-leave tal-ġenituri kif ukoll ir-rwol tad-dħul fost fatturi oħrajn fit-teħid tal-leave tal-ġenituri fl-implimentazzjoni ta' dan il-ftehim;

20. Billi l-esperjenza fl-Istati Membri wriet li l-livell ta' dħul matul il-leave għall-missirijiet huwa fattur li jinfluwenza t-teħid mill-ġenituri, speċjalment mill-missirijiet;

21. Bili l-aċċess għal arranġamenti flessibbli tax-xogħol jagħmilha aktar faċli għall-ġenituri li jikkumbinaw ir-responsabbiltajiet tax-xogħol u tal-ġenituri u jiffaċilita r-reintegrazzjoni fix-xogħol, speċjalment wara r-ritorn mil-leave tal-ġenituri;

22. Billi l-arranġamenti tal-leave tal-ġenituri huma maħsuba biex jappoġġjaw ġenituri li jaħdmu matul perijodu speċifiku ta' żmien, bil-għan li jżommu u jippromwovu l-parteċipazzjoni kontinwa tagħhom fis-suq tax-xogħol; għalhekk, għandha tingħata aktar attenzjoni li jinżamm kuntatt ma' min iħaddem matul il-leave jew permezz ta' arranġamenti għar-ritorn lura lejn ix-xogħol;

23. Billi dan il-ftehim jikkunsidra l-bżonn li jitjiebu r-rekwiżiti tal-politika soċjali, biex titjieb il-kompetittività tal-ekonomija tal-Unjoni Ewropea u biex tiġi evitata l-impożizzjoni ta' rbit amministrattiv, finanzjarju u legali b'tali mod li jinżamm lura l-ħolqien u l-iżvilupp ta' impriżi żgħar u ta' daqs medju;

24. Billi l-imsieħba soċjali jinsabu fl-aħjar pożizzjoni biex isibu soluzzjonijiet li jaqblu mal-bżonnijiet kemm ta' min iħaddem kif ukoll tal-ħaddiema u għalhekk għandu jkollhom rwol speċjali fl-implimentazzjoni, fl-applikazzjoni u fil-valutazzjoni ta' dan il-ftehim, fil-kuntest usa' ta' miżuri oħrajn biex titjieb ir-rikonċiljazzjoni tar-responsabbiltajiet professjonali u familjari u biex ikun hemm promozzjoni ta' opportunitajiet indaqs u trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa.

IL-PARTIJIET FIRMATARJI FTIEHMU DAN LI ĠEJ:

II.    Kontenut

Klawsola 1:    Għan u kamp ta' applikazzjoni

1. Dan il-ftehim jistabbilixxi rekwiżiti minimi mfassla biex jiffaċilitaw ir-rikonċiljazzjoni tar-responsabbiltajiet tal-ġenituri u dawk professjonali għall-ġenituri li jaħdmu, b'konsiderazzjoni għaż-żieda fid-diversità ta' strutturi familjari filwaqt li jiġu rrispettati l-liġi, il-ftehim kollettiv u/jew il-prattika nazzjonali.

2. Dan il-ftehim japplika għall-ħaddiema kollha, irġiel u nisa, li għandhom kuntratt ta' mpjieg jew relazzjoni ta' xogħol kif definit mil-liġi, ftehim kollettiv u/jew prattika fis-seħħ f'kull Stat Membru.

3. L-Istati Membri u/jew l-imsieħba soċjali m'għandhomx jeskludu mill-ambitu u l-applikazzjoni ta' dan il-ftehim ħaddiema, kuntratti ta' mpjieg jew relazzjonijiet ta' mpjieg sempliċiment minħabba li dawn għandhom x'jaqsmu ma' ħaddiema part-time, ħaddiema b'kuntratt għal żmien fiss jew persuni b'kuntratt ta' mpjieg jew relazzjoni ta' mpjieg ma' aġenzija ta' xogħol temporanju.

Klawsola 2:    Leave tal-ġenituri

1. Dan il-ftehim jagħti lill-ħaddiema rġiel u dawk nisa d-dritt individwali għal leave tal-ġenituri għar-raġuni ta' twelid jew adozzjoni ta' wild biex ikunu jistgħu jieħdu ħsieb il-wild sal-età li tista' tkun ta' tmien snin li għandha tiġi definita mill-Istati Membri u/jew l-imsieħba soċjali.

2. Il-leave għandu jingħata għal perijodu ta' mill-anqas erba' xhur u, għall-promozzjoni ta' opportunitajiet indaqs u trattament ugwali bejn irġiel u nisa, għandu, fil-prinċipju, jingħata fuq bażi mhux trasferibbli. Biex ikun inkoraġġut teħid aktar ugwali bejn iż-żewġ ġenituri, tal-anqas wieħed mill-erba' xhur għandu jkun provdut fuq bażi mhux trasferibbli. Il-modalitajiet tal-applikazzjoni tal-perijodu mhux trasferibbli għandhom ikunu stipulati fuq livell nazzjonali permezz ta' leġislazzjoni u/jew ftehim kollettiv li jikkunsidra l-arranġamenti tal-leave fl-Istati Membri.

Klawsola 3:    Modalitajiet tal-applikazzjoni

1. Il-kondizzjonijiet tal-aċċess u r-regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-leave tal-ġenituri għandhom ikunu definiti mil-liġi u/jew bi ftehim kollettiv fl-Istati Membri, sakemm ir-rekwiżiti minimi ta' dan il-ftehim ikunu mħarsa. L-Istati Membri u/jew l-imsieħba soċjali jistgħu, b'mod partikolari:

(a) jiddeċiedu jekk il-leave tal-ġenituri jingħatax fuq bażi full-time jew part-time, b'mod frammentat jew b'sistema ta' kreditu ta' ħin, b'konsiderazzjoni għall-bżonn kemm ta' min iħaddem kif ukoll tal-ħaddiema;

(b) jissoġġettaw il-kwalifikazzjoni għal-leave tal-ġenituri għal perijodu ta' xogħol u /jew ta' servizz fix-xogħol li ma jistax ikun ta' aktar minn sena; l-Istati Membri u/jew l-imsieħba soċjali għandhom jiżguraw, meta jużaw din id-dispożizzjoni, li fil-każ ta' kuntratti suċċessivi għal żmien fiss, kif definit fid-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE dwar xogħol għal żmien fiss, mal-istess entità li tħaddem għandu jkun ikkunsidrat it-total ta' dawn il-kuntratti għall-fini tal-kalkolu tal-perijodu ta' kwalifika;

(c) jiddefinixxu ċ-ċirkostanzi li fihom min iħaddem, wara konsultazzjoni skont il-liġi, ftehim kollettiv u/jew prattika nazzjonali, huwa permess jipposponi l-għoti tal-leave tal-ġenituri għal raġunijiet ġustifikabbli relatati mal-operat tal-organizzazzjoni. Kull problema li tinqala' mill-applikazzjoni ta' din id-dispożizzjoni għandha tkun trattata skont il-liġi, il-ftehim kollettiv u/jew il-prattika nazzjonali;

(d) minbarra (c), jawtorizzaw arranġamenti specjali biex jissodisfaw ir-rekwiżiti operattivi u organizzattivi ta' impriżi żgħar.

2. L-Istati Membri u/jew l-imsieħba soċjali għandhom jiffissaw perijodi ta' avviż li għandhom jingħataw mill-ħaddiem lil min iħaddem meta jeżerċita d-dritt tal-leave tal-ġenituri, fejn jispeċifika l-bidu u t-tmiem tal-perijodu tal-leave. L-Istati Membri u/jew l-imsieħba soċjali għandhom jikkunsidraw l-interessi tal-ħaddiema u ta' min iħaddem fl-identifikazzjoni tat-tul ta' dawn il-perijodi ta' avviż.

3. L-Istati Membri u/jew l-imsieħba soċjali għandhom jivvalutaw il-bżonn ta' aġġustament tal-kondizzjonijiet għall-aċċess u l-modalitajiet tal-applikazzjoni tal-leave tal-ġenituri għall-bżonnijiet tal-ġenituri ta' tfal b'diżabbiltà jew mard fit-tul.

Klawsola 4:    Adozzjoni

1. L-Istati Membri u/jew l-imsieħba soċjali għandhom jivvalutaw il-bżonn għal miżuri addizjonali biex jittrattaw il-bżonnijiet speċifiċi ta' ġenituri li jadottaw.

Klawsola 5:    Drittijiet tal-impjieg u non-diskriminazzjoni

1. Fl-aħħar tal-leave tal-ġenituri, il-ħaddiema għandu jkollhom id-dritt jirritornaw għall-istess impjieg jew, jekk dan mhuwiex possibbli, għal impjieg ekwivalenti jew simili konsistenti mal-kuntratt tal-impjieg jew mar-relazzjoni tax-xogħol tagħhom.

2. Id-drittijiet miksuba jew fil-proċess li jkunu miksuba mill-ħaddiem fid-data li fiha jibda l-leave tal-ġenituri għandhom jinżammu kif inhuma sa meta jintemm il-leave tal-ġenituri. Fit-tmiem tal-leave tal-ġenituri, dawn id-drittijiet, inkluż kull tibdil ikkawżat mil-liġi, minn ftehim kollettiv u/jew mill-prattika nazzjonali, għandhom japplikaw.

3. L-Istati Membri u/jew l-imsieħba soċjali għandhom jiddefinixxu l-istatus tal-kuntratt tal-impjieg jew tar-relazzjoni tax-xogħol għall-perijodu tal-leave tal-ġenituri.

4. Biex jiżguraw li l-ħaddiema jkunu jistgħu jeżerċitaw id-dritt tagħhom għal-leave tal-ġenituri, l-Istati Membri u/jew l-imsieħba soċjali għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex iħarsu lill-ħaddiem kontra trattament anqas favorevoli jew tkeċċija abbażi ta' applikazzjoni għal, jew teħid ta', leave tal-ġenituri skont il-liġi, ftehim kollettiv u/jew il-prattiki nazzjonali.

5. Il-kwistjonijiet kollha relatati mas-sigurtà soċjali li għandhom x'jaqsmu ma' dan il-ftehim għandhom jiġu kkunsidrati u ddeterminati mill-Istati Membri u/jew mill-imsieħba soċjali skont il-liġi u/jew ftehim kollettiv nazzjonali, b'konsiderazzjoni għall-importanza tal-kontinwità tal-intitolamenti għall-kopertura tas-sigurtà soċjali taħt l-iskemi differenti, b'mod partikolari dak tas-saħħa.

Kull kwistjoni dwar id-dħul fir-rigward ta' dan il-ftehim għandha tiġi kkunsidrata u ddeterminata mill-Istati Membri u/jew mill-imsieħba soċjali skont il-liġi, ftehim kollettiv u/jew prattika nazzjonali, b'konsiderazzjoni għar-rwol tad-dħul – fost fatturi oħrajn – fit-teħid ta' leave tal-ġenituri.

Klawsola 6:    Ritorn lejn ix-xogħol

1. Biex issir aktar promozzjoni għal rikonċiljazzjoni aħjar, l-Istati Membri u/jew l-imsieħba soċjali għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-ħaddiema, meta jirritornaw mil-leave tal-ġenituri, ikunu jistgħu jitolbu tibdil fil-ħinijiet u/jew fl-arranġamenti tax-xogħol tagħhom għal perijodu stipulat ta' żmien. Min iħaddem għandu jikkunsidra u jirrispondi għal dawn it-talbiet, b'konsiderazzjoni kemm għall-bżonnijiet ta' min iħaddem kif ukoll tal-ħaddiem.

Il-modalitajiet ta' dan il-paragrafu għandhom ikunu ddeterminati skont il-liġi, ftehim kollettiv u/jew prattika nazzjonali.

2. Sabiex ikun iffaċilitat ir-ritorn lejn ix-xogħol wara l-leave tal-ġenituri, il-ħaddiema u min iħaddem huma inkoraġġuti li jżommu kuntatt matul il-perijodu ta' leave u jagħmlu arranġamenti għal miżuri xierqa ta' integrazzjoni mill-ġdid, li għandhom ikunu deċiżi bejn il-partijiet ikkonċernati, b'konsiderazzjoni għal-liġi, ftehim kollettiv u/jew prattiki nazzjonali.

Klawsola 7:    Ħin frank mix-xogħol abbażi ta' forza maġġuri

1. L-Istati Membri u/jew l-imsieħba soċjali għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jintitolaw lill-ħaddiema għal ħin frank mix-xogħol, skont il-liġi, ftehim kollettiv u/jew prattika nazzjonali, abbażi ta' forza maġġuri għal raġunijiet urġenti tal-familja f'każ ta' mard jew inċident li jirrendi l-preżenza immedjata tal-ħaddiem indispensabbli.

2. L-Istati Membri u/jew l-imsieħba soċjali jistgħu jispeċifikaw il-kondizzjonijiet tal-aċċess u r-regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-klawsola 7.1 u jillimitaw dan id-dritt għal ċertu ammont ta' żmien fis-sena u/jew skont il-każ.

Klawsola 8:    Dispożizzjonijiet finali

1. L-Istati Membri jistgħu japplikaw jew jintroduċu dispożizzjonijiet aktar favorevoli minn dawk stabbiliti f'dan il-ftehim.

2. L-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta' dan il-ftehim m'għandhiex tikkostitwixxi raġuni valida għat-tnaqqis tal-livell ġenerali ta' ħarsien mogħti lill-ħaddiema fil-qasam kopert minn dan il-ftehim. Dan m'għandux jippreġudika d-dritt tal-Istati Membri u/jew tal-imsieħba soċjali li jiżviluppaw dispożizzjonijiet leġislattivi, regolatorji jew kuntrattwali differenti, fid-dawl ta' tibdil fiċ-ċirkostanzi (inkluża l-introduzzjoni tan-nuqqas ta' trasferibbiltà), sakemm ir-rekwiżiti minimi previsti f'dan il-ftehim ikunu mħarsa.

3. Dan il-ftehim m'għandux jippreġudika d-dritt tal-imsieħba soċjali li jikkonkludu, fil-livell xieraq inkluż il-livell Ewropew, strumenti ta' ftehim li jaddattaw u/jew jikkumplimentaw id-dispożizzjonijiet ta' dan il-ftehim sabiex ikunu kkunsidrati ċirkostanzi partikolari.

4. L-Istati Membri għandhom jadottaw il-liġijiet, ir-regoli u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw mad-deċiżjoni tal-Kunsill f'perijodu ta' sentejn mill-adozzjoni tagħha jew għandhom jiżguraw li l-imsieħba soċjali jintroduċu l-miżuri meħtieġa permezz ta' ftehim sa tmiem dan il-perijodu. L-Istati Membri jista' jkollhom, jekk dan ikun meħtieġ biex jittieħed kont ta' diffikultajiet partikolari jew tal-implimentazzjoni permezz ta' ftehim kollettiv, massimu ta' sena addizzjonali biex jikkonformaw ma' din id-deċiżjoni.

5. Il-prevenzjoni u s-soluzzjoni ta' tilwim u lmenti li joħorġu mill-applikazzjoni ta' dan il-ftehim għandhom ikunu kkunsidrati skont il-liġi, ftehim kollettiv u/jew prattiki nazzjonali.

6. Mingħajr preġudizzju għar-rwol rispettiv tal-Kummissjoni, tal-qrati nazzjonali u tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja, kull kwistjoni relatata mal-interpretazzjoni ta' dan il-ftehim fuq livell Ewropew għandha, fl-ewwel lok, tiġi riferuta mill-Kummissjoni lill-partijiet firmatarji biex jagħtu opinjoni.

7. Il-partijiet firmatarji għandhom jirrevedu l-applikazzjoni ta' dan il-ftehim ħames snin wara d-data tad-deċiżjoni tal-Kunsill jekk mitlub minn wieħed mill-partijiet ta'dan il-ftehim.



( 1 ) ĠU L 145, 19.6.1996, p. 4.

( 2 ) ĠU L 10, 16.1.1998, p. 24.

( 3 ) Numerat mill-ġdid: Artikolu 154(2) u (3) tat-TFUE.

( 4 ) Numerat mill-ġdid: Artikolu 154(4) u 155 tat-TFUE.

( 5 ) ĠU C 321, 31.12.2003, p. 1.

( 6 ) Numerat mill-ġdid: Artikoli 154 u 155 tat-TFUE.

( 7 ) Numerat mill-ġdid: Artikoli 153(1)c u 157 tat-TFUE.

( 8 ) L-Artikolu 2 tat-Trattat KE tħassar u ġie ssostitwit, fis-sustanza, mill-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. L-Artikolu 3(1) tat-Trattat KE tħassar u ġie ssostitwit, fis-sustanża, mill-Artikoli 3 sa 6 tat-TFUE. L-Artikolu 3(2) tat-Trattat KE ġie numerat mill-ġdid bħala l-Artikolu 8 tat-TFUE. L-Artikolu 13 tat-Trattat KE ġie numerat mill-ġdid bħala l-Artikolu 19 tat-TFUE.

( 9 ) ĠU L 45, 19.2.1975, p. 19.

( 10 ) ĠU L 348, 28.11.1992, p. 1.

( 11 ) ĠU L 46, 17.2.1997, p. 20.

( 12 ) ĠU L 204, 26.7.2006, p. 23.

Top