Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 01992L0013-20140417

    Consolidated text: Id-Direttiva Tal-Kunsill 92/13/KEE tal-25 ta’ Frar 1992 li tikkoordina l-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi li jirrelataw għall-applikazzjoni tar-regoli Komunitarji dwar il-proċeduri ta’ akkwist ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi ta’ l-ilma, l-enerġija, it-trasport u t-telekomunikazzjoni

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/1992/13/2014-04-17

    01992L0013 — MT — 17.04.2014 — 005.005


    Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

    ►B

    ID-DIRETTIVA TAL-KUNSILL 92/13/KEE

    tal-25 ta’ Frar 1992

    li tikkoordina l-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi li jirrelataw għall-applikazzjoni tar-regoli Komunitarji dwar il-proċeduri ta’ akkwist ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi ta’ l-ilma, l-enerġija, it-trasport u t-telekomunikazzjoni

    (ĠU L 076 23.3.1992, p. 14)

    Emendata bi:

     

     

    Il-Ġurnal Uffiċjali

      Nru

    Paġna

    Data

     M1

    DIRETTIVA TAL-KUNSILL 2006/97/KE ta' l-20 ta’ Novembru 2006

      L 363

    107

    20.12.2006

    ►M2

    DIRETTIVA 2007/66/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tal-11 ta’ Diċembru 2007

      L 335

    31

    20.12.2007

    ►M3

    DIRETTIVA 2014/23/UE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tas-26 ta’ Frar 2014

      L 94

    1

    28.3.2014


    Emendata bi:

     A1

    ATT Li jikkonċerna l-kondizzjonijiet ta' l-Adeżjoni tar-Repubblika ta’ l-Awstrija, ir-Repubblika tal-Finlandja u r-Renju ta' l-Iżvezja u l-aġġustamenti għat-Trattati li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni Ewropea

      C 241

    21

    29.8.1994

     A2

    ATT li jirrigwarda l-kondizzjonijiet ta' l-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika ta' l-Estonja, ir-Repubblika ta' Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika ta' l-Ungerija, ir-Repubblika ta' Malta, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika tas-Slovenja u r-Repubblika tas-Slovakkja u l-aġġustamenti għat-trattati li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni Ewropea

      L 236

    33

    23.9.2003


    Ikkoreġuta bi:

    ►C1

    Rettifika, ĠU L 176, 12.7.2018, p.  23 (2007/66/KE)

    ►C2

    Rettifika, ĠU L 225, 31.8.2022, p.  5 (2007/66/KE)




    ▼B

    ID-DIRETTIVA TAL-KUNSILL 92/13/KEE

    tal-25 ta’ Frar 1992

    li tikkoordina l-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi li jirrelataw għall-applikazzjoni tar-regoli Komunitarji dwar il-proċeduri ta’ akkwist ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi ta’ l-ilma, l-enerġija, it-trasport u t-telekomunikazzjoni



    IL-KAPITOLU I

    Rimedji fuq livell nazzjonali

    ▼M2

    Artikolu 1

    Skop u disponibilità tal-proċeduri ta’ reviżjoni

    ▼M3

    1.  
    Din id-Direttiva tapplika għal kuntratti msemmija fid-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 1 ), sakemm tali kuntratti ma jkunux esklużi skont l-Artikoli 18 sa 24, 27 sa 30, 34 jew 55 ta’ dik id-Direttiva.

    Il-kuntratti fit-tifsira ta’ din id-Direttiva jinkludu kuntratti ta’ provvista, ta’ xogħol u ta’ servizzi, konċessjonijiet ta’ xogħlijiet u servizzi, ftehim qafas u sistemi dinamiċi ta’ xiri.

    Din id-Direttiva tapplika wkoll għal konċessjonijiet mogħtija minn entitajiet kontraenti, imsemmija fid-Direttiva 2014/23/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 2 ) ta’..dwar l-għoti ta’ kuntratti ta’ konċessjoni sakemm dawn il-kuntratti ma jkunux esklużi skont l-Artikoli 10, 12, 13, 14, 16, 17, u 25 ta’ dik id-Direttiva.

    L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw illi, rigward kuntratti li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2014/25/UE jew id-Direttiva 2014/23/UE, deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet kontraenti jistgħu jiġu riveduti b’mod effettiv u, b’mod partikolari, malajr kemm jista’ jkun f’konformità mal-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 2 sa 2f ta’ din id-Direttiva, fuq il-bażi li tali deċiżjonijiet jiksru l-liġi tal-Unjoni fil-qasam tal-akkwist pubbliku jew ir-regoli nazzjonali li jittrasponu dik il-liġi.

    ▼M2

    2.  
    L-Istati Membri għandhom jiżguraw li ma jkun hemm l-ebda diskriminazzjoni bejn intrapriżi li jista’ jagħti l-każ li jagħmlu talba fir-rigward ta’ danni fil-kuntest ta’ proċedura għall-għoti ta’ kuntratt b’riżultat ta’ distinzjoni magħmula minn din id-Direttiva bejn regoli nazzjonali li jimplimentaw il-liġi Komunitarja u regoli oħra nazzjonali.

    ▼C2

    3.  
    L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proċeduri ta’ reviżjoni jkunu disponibbli, taħt regoli ddettaljati li l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu, tal-inqas għal kull persuna li jkollha jew kellha interess tikseb kuntratt partikolari u li jkun sarilha jew tkun tinsab fir-riskju li jsirilha dannu minħabba ksur allegat.

    ▼C1

    4.  
    L-Istati Membri jistgħu jirrikjedu li l-persuna li tkun tixtieq tagħmel użu minn proċedura ta' reviżjoni tkun innotifikat lill-entità kontraenti dwar il-ksur allegat u bl-intenzjoni tagħha li tfittex reviżjoni, sakemm din ma taffettwax il-perijodu sospensiv skont l-Artikolu 2a(2) jew kwalunkwe terminu limitu ieħor għall-applikazzjoni għal reviżjoni skont l-Artikolu 2c.

    ▼M2

    5.  
    L-Istati Membri jistgħu jirrikjedu li l-persuna kkonċernata l-ewwel titlob reviżjoni mill-entità kontraenti. F’dak il-każ, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-sottomissjoni ta’ tali applikazzjoni għal reviżjoni tirriżulta fis-sospensjoni immedjata tal-possibbiltà ta’ konklużjoni tal-kuntratt.

    L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu dwar il-mezzi adatti ta’ komunikazzjoni, inkluż faks jew mezzi elettroniċi, li għandhom jintużaw għall-applikazzjoni għal reviżjoni stabbilita fl-ewwel subparagrafu.

    Is-sospensjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu m’għandhiex tintemm qabel l-iskadenza ta’ perijodu ta’ mill-inqas għaxart ijiem kalendarju b’effett mill-jum wara d-data li fiha l-entità kontraenti tkun bagħtet tweġiba jekk jintużaw faks jew mezzi elettroniċi, jew, jekk jintużaw mezzi oħra ta’ komunikazzjoni, qabel l-iskadenza ta’ mill-inqas 15-il jum kalendarju b’effett mill-jum wara d-data li fiha l-entità kontraenti tkun bagħtet tweġiba, jew mill-inqas għaxart ijiem kalendarju b’effett mill-jum wara d-data meta t-tweġiba tkun ġiet irċevuta.

    ▼B

    L-Artikolu 2

    ▼M2

    Rekwiżiti għall-proċeduri ta’ reviżjoni

    ▼B

    1.  

    L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-miżuri meħuda dwar il-proċeduri ta’ reviżjoni speċifikati fl-Artikolu 1 jinkludu dispożizzjoni għall-poteri:

    jew:
    (a) 

    li jieħu, ma’ l-opportunità l-iktar kmieni u bħala proċedura interlokutorja, miżuri interim bl-iskop li jiġi kkoreġut il-ksur allegat jew li jiġi pprevenut dannu ulterjuri għall-interessi kkonċernati, inklużi miżuri għas-sospensjoni jew sabiex tiġi assigurata s-sospensjoni tal-proċedura għall-għoti ta’ kuntratt jew l-implimentazzjoni ta’ kull deċiżjoni meħuda mill-parti kontraenti; u

    (b) 

    li jwarrab jew jiżgura li jitwarrbu deċiżjonijiet meħuda kontra l-liġi, inkluża t-tneħħija ta’ l-ispeċifikazzjonijiet diskriminatorji tekniċi, ekonomiċi jew finanzjari fin-notifika ta’ kuntratt, in-notifika perjodika indikativa, in-notifika dwar l-eżistenza ta’ sistema ta’ kwalifikazzjoni, l-invit għal offerta, d-dokumenti tal-kuntratt jew f’kull dokument ieħor li għandu x’jaqsam mall-proċeudra ta’ l-għoti tal-kuntratt inkwistjoni;

    jew
    (ċ) 

    sabiex jieħdu, fl-opportunità l-iktar kmieni, jekk possibbli permezz ta’ proċeduri interlokutorji u jekk neċessarju permezz ta’ proċedura finali dwar is-sustanza, miżuri ta’ xort’ oħra minn dawk previsti fil-punti (a) u (b) bl-iskop li jiġi kkoreġut kull ksur identifikat u li jiġi pprevenut dannu għall-interessi konċernati; b’mod partikolari, li ssir ordni għall-ħlas ta’ somma partikolari f’każijiet meta l-ksur ma ġiex korrett jew prevenut.

    L-Istati Membri jistgħu jagħmlu din l-għażla jew għall-, partijiet kollha kontraenti jew għal kategorijii ta’ entitajiet definiti fuq il-bażi ta’ kriterji oġġettivi, u f’kull każ jippreservaw l-effettività tal-miżuri stabbiliti sabiex jiġi pprevenut dannu kkawżat lill-interessi kkonċernati;

    (d) 

    u, fiż-żewġ każijiet ta’ hawn fuq, sabiex jingħata kumpens lil persuni milquta ħażin minn ksur.

    Meta jintalab kumpens fuq il-bażi li ttieħdet deċiżjoni illegalment, l-Istati Membri, meta s-sistema tagħhom tal-liġi interna teħtieġ hekk u tipprovdi għal entitajiet li jkollhom il-poteri neċessarji għal dak l-iskop, jipprovdu li d-deċiżjoni kkontestata għandha l-ewwel titwarrab jew tiġi ddikjarata illegali.

    ▼M2

    2.  
    Is-setgħat speċifikati fil-paragrafu 1 u l-Artikoli 2d u 2e jistgħu jingħataw lil korpi separati responsabbli minn aspetti differenti tal-proċedura ta’ reviżjoni.
    3.  
    Meta korp tal-prim istanza, li hu indipendenti mill-entità kontraenti, jkollu jirrevedi deċiżjoni ta’ għoti ta’ kuntratt, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-entità kontraenti ma tkunx tista’ tikkonkludi l-kuntratt qabel ma l-korp ta’ reviżjoni jkun ħa deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għal miżuri intermedjarji jew għal reviżjoni. Is-sospensjoni m’għandhiex tintemm qabel l-iskadenza tal-perijodu ta’ waqfien imsemmi fl-Artikolu 2a(2) u l-Artikoli 2d(4) u (5).
    3a.  
    Ħlief fejn stabbilit fil-paragrafu 3 u l-Artikolu 1(5), il-proċeduri ta’ reviżjoni mhux neċessarjament ikollhom l-effett ta’ sospensjoni awtomatika fuq il-proċeduri ta’ l-għoti ta’ kuntratt li magħhom għandhom x’jaqsmu.
    4.  
    L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu li l-korp responsabbli mill-proċeduri ta’ reviżjoni jista’ jqis il-konsegwenzi probabbli tal-miżuri intermedjarji għall-interessi kollha li jistgħu jsofru dannu, kif ukoll l-interess pubbliku, u jistgħu jiddeċiedu li ma japplikawx dawn il-miżuri meta l-konsegwenzi negattivi tagħhom jistgħu jkunu akbar mill-benefiċċji tagħhom.

    Deċiżjoni li ma jingħatawx miżuri intermedjarji m’għandha tippreġudika l-ebda pretensjoni oħra tal-persuna li tkun qed titlob tali miżuri.

    ▼B

    5.  
    Is-somma li għandha titħallas skond il-paragrafu 1(ċ) għandha tkun imqiegħda f’livell għoli biżżejjed biex tiddiswadi l-entità kontraenti milli tikkommetti jew tippersisti bi ksur. Il-ħlas ta’ dik is-somma jista jiddependi fuq deċiżjoni finali li l-ksur ikun fil-fatt sar.

    ▼M2

    6.  
    Ħlief kif stipulat fl-Artikoli 2d sa 2f, l-effetti ta’ l-eżerċitar tas-setgħat imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu fuq il-kuntratt li ġie konkluż wara li jkun ingħata, għandhom jiġu ddeterminati mil-liġi nazzjonali.

    Barra minn hekk, ħlief f’każ li xi deċiżjoni għandha tiġi mwarrba qabel il-ħlas tad-danni, Stat Membru jista’ jipprovdi li, wara l-konklużjoni ta’ kuntratt bi qbil ma’ l-Artikolu 1(5), il-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, l-Artikoli 2a sa 2f, is-setgħat tal-korp responsabbli mill-proċeduri ta’ reviżjoni għandhom ikunu limitati għall-ħlas tad-danni lil kull persuna li tkun sofriet minħabba ksur tal-liġi.

    ▼B

    7.  
    Meta ssir pretensjoni għal kumpens li jirrappreżenta l-ispejjeż tal-preparazzjoni ta’ offerta jew tal-parteċipazzjoni fi proċedura ta’ għotja, il-persuna li tagħmel il-pretensjoni għandha tkun meħtieġa biss tipprova li jkun sar ksur tal-liġi Komunitarja fis-settur ta’ l-akkwist jew tar-regoli nazzjonali li jimplimentaw dik il-liġi u li hija kien ikollha ċans veru li tirbaħ il-kuntratt u li, bħala riżultat ta’ dak il-ksur, dak iċ-ċans ġie effettwat ħażin.
    8.  
    L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-deċiżjonijiet meħuda mill-entitajiet responsabbli għall-proċeduri ta’ reviżjoni jistħgu jiġu inforzati b’mod effetiv.
    9.  
    Billi l-entitajiet responsabbli għall-proċeduri tar-reviżjoni mhumiex ta’ natura ġudizzjarja, għandhom dejjem jingħataw raġunijiet bil-miktub għad-deċiżjonijiet tagħhom. Barraminnhekk, f’dan il-każ, għandha ssir dispożizzjoni sabiex tiggarantixxi l-proċeduri li bihom kull miżura allegatament illegali li tkun ittieħdet mill-entità tar-reviżjoni jew kull difett allegat fl-eżerċizzju tal-poteri mogħtija lilha tista’ tkun is-suġġett ta’ reviżjoni ġudizzjarja jew reviżjoni minn entità oħra li hija ►M2  qorti jew tribunal skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 234 tat-Trattat ◄ u li tkun indipendenti kemm mill-entità kontraenti u l-entità tar-reviżjoni.

    Il-membri ta’ l-entità indipendenti msemmija fl-ewwel paragrafu għandhom jinħatru u jispiċċaw il-kariga taħt l-istess kondizzjonijiet bħal membri tal-ġudikatura fir-rigward ta’ l-awtorità responsabbli għall-ħatra tagħhom, il-perjodu tal-mandat tagħhom, u t-tneħħija tagħhom. Mill-inqas il-President ta’ din l-entità indipendenti għandu jkollu l-istess kwalifiki legali u professjonali bħal membri tal-ġudikatura. L-entità indipendenti għandha tieħu d-deċiżjonijiet tagħha wara proċedura fejn tisma’ ż-żewġ partijiet, u dawn id-deċiżjonijiet għandhom, permezz tal-mezzi stabbiliti minn kull Stat Membru, jorbtu legalment.

    ▼M2

    Artikolu 2a

    Perijodu sospensiv

    1.  
    L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuni msemmija fl-Artikolu 1(3) jkollhom żmien biżżejjed għal reviżjoni effettiva tad-deċiżjonijiet ta’ l-għoti ta’ kuntratt meħuda mill-entitajiet kontraenti, billi jadottaw id-dispożizzjonijiet meħtieġa li jirrispettaw il-kondizzjonijiet minimi stabbiliti fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu u fl-Artikolu 2ċ.
    2.  
    ►M3  Kuntratt ma jistax jiġi konkluż wara d-deċiżjoni li jingħata kuntratt li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2014/25/UE jew id-Direttiva 2014/23/UE qabel l-iskadenza ta’ perijodu ta’ mill-inqas 10 ijiem kalendarji b’effett mill-jum wara d-data li fiha tintbagħat id-deċiżjoni ta’ għoti tal-kuntratt lill-offerenti u lill-kandidati konċernati jekk jintużaw fax jew mezzi elettroniċi, jew jekk jintużaw mezzi ta’ komunikazzjoni oħrajn, qabel l-iskadenza ta’ perijodu ta’ mill-inqas 15-il jum kalendarji b’effett mill-jum wara d-data li fiha tintbagħat id-deċiżjoni ta’ għoti tal-kuntratt lill-offerenti u lill-kandidati konċernati jew mill-inqas 10 ijiem kalendarji b’effett mill-jum wara d-data tal-wasla tad-deċiżjoni ta’ għoti tal-kuntratt. ◄

    L-offerenti għandhom jitqiesu li huma kkonċernati jekk għad ma ġewx esklużi definittivament. Esklużjoni tkun definittiva jekk tkun ġiet notifikata lill-offerenti kkonċernati u tkun jew ġiet ikkunsidrata legali minn korp ta’ reviżjoni indipendenti ma tkunx għadha tista’ tiġi soġġetta għal proċedura ta’ reviżjoni.

    Il-kandidati għandhom jitqiesu li jkunu kkonċernati jekk l-awtorità kontraenti ma tkunx għamlet disponibbli informazzjoni dwar ir-rifjut ta’ l-applikazzjoni tagħhom qabel in-notifika tad-Deċiżjoni ta’ l-għoti tal-kuntratt lill-offerenti kkonċernati.

    Il-komunikazzjoni tad-Deċiżjoni ta’ l-għoti lil kull offerent u kandidat ikkonċernat għandha tkun akkumpanjata minn dan li ġej:

    ▼M3

    — 
    sommarju tar-raġunijiet rilevanti kif jinsabu fl-Artikolu 75(2) tad-Direttiva 2014/25/UE, soġġett għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 75(3) ta’ dik id-Direttiva jew fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 40(1) tad-Direttiva 2014/23/UE, soġġett għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 40(2) ta’ dik id-Direttiva, u

    ▼M2

    — 
    dikjarazzjoni preċiża tal-perijodu sospensiv eżatt applikabbli skond id-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li jittrasponu dan il-paragrafu.

    Artikolu 2b

    Derogi mill-perijodu sospensiv

    L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li l-perijodi msemmija fl-Artikolu 3(2) ta’ din id-Direttiva ma japplikawx fil-każi li ġejjin:

    ▼M3

    (a) 

    jekk id-Direttiva 2014/25/UE jew, fejn rilevanti, id-Direttiva 2014/23/UE ma tirrikjedix pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż ta’ kuntratt f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

    ▼M2

    (b) 

    jekk l-uniku offerent ikkonċernat fis-sens ta’ l-Artikolu 2a(2) ta’ din id-Direttiva huwa dak li jiġi mogħti l-kuntratt u m’hemmx kandidati kkonċernati;

    ▼M3

    (c) 

    fil-każ ta’ kuntratti speċifiċi bbażati fuq sistema dinamika ta’ xiri kif previst fl-Artikolu 52 tad-Direttiva 2014/25/UE.

    ▼M2

    Jekk tkun invokata din id-deroga, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kuntratt ikun ineffettiv skond l-Artikoli 2d u 2f ta’ din id-Direttiva, fejn:

    ▼M3

    — 
    ikun hemm ksur tal-Artikolu 52(6) tad-Direttiva 2014/25/UE, u
    — 
    il-valur tal-kuntratt ikun stmat li huwa ugwali għal jew jaqbeż illimiti massimi stabbiliti fl-Artikolu 15 tad-Direttiva 2014/25/UE.

    ▼M2

    Artikolu 2ċ

    Termini ta’ żmien għall-applikazzjoni ta’ reviżjoni

    Meta l-Istati Membri jipprovdu li kwalunkwe applikazzjoni għal reviżjoni ta’ deċiżjoni ta’ awtorità kontraenti meħuda fil-kuntest ta’, jew b’konnessjoni ma’, proċedura għall-għoti tal-kuntratti li taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad- ►M3  Direttiva 2014/25/UE jew Direttiva 2014/23/UE ◄ għandha ssir qabel l-iskadenza ta’ perijodu speċifikat, dan il-perijodu għandu jkun ta’ mill-anqas għaxart ijiem kalendarju b’effett mill-jum wara d-data meta d-deċiżjoni ta’ l-awtorità kontraenti tintbagħat lill-offerent jew lill-kandidat jekk jintużaw faks jew mezzi elettroniċi jew, jekk jintużaw mezzi oħra ta’ komunikazzjoni, dan il-perijodu għandu jkun jew ta’ mill-anqas 15-il jum kalendarju b’effett mill-jum wara d-data meta d-deċiżjoni ta’ l-entita’ kontraenti tintbagħat lill-offerent jew lill-kandidat jew mill-inqas għaxart ijiem kalendarji b’effett mill-jum wara d-data li tkun ġiet irċevuta d-deċiżjoni ta’ l-entità kontraenti. Il-komunikazzjoni tad-deċiżjoni ta’ l-entità kontraenti lil kull offerent jew kandidat għandha tkun akkumpanjata minn sommarju tar-raġunijiet rilevanti. Fil-każ ta’ applikazzjoni għal reviżjoni dwar deċiżjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2(1)(b) ta’ din id-Direttiva li mhumiex soġġetti għal notifika speċifika, il-perijodu ta’ żmien għandu jkun ta’ mill-anqas għaxart ijiem kalendarju mid-data tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni kkonċernata.

    Artikolu 2d

    Ineffettività

    1.  

    L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kuntratt ikun meqjus bħala ineffettiv minn korp ta’ reviżjoni indipendenti mill-entità kontraenti jew li l-ineffettività tiegħu hija r-riżultat ta’ deċiżjoni ta’ tali korp ta’ reviżjoni f’xi wieħed mill-każijiet li jmiss:

    ▼M3

    (a) 

    jekk l-entità kontraenti tkun tat kuntratt mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mingħajr ma dan ikun permissibbli skont id-Direttiva 2014/25/UE jew id-Direttiva 2014/23/UE;

    ▼M2

    (b) 

    fil-każ ta’ ksur ta’ l-Artikolu 1(5), l-Artikolu 2(3) jew l-Artikolu 2a(2) ta’ din id-Direttiva, jekk dan il-ksur ikun ċaħħad lill-offerent milli japplika għal reviżjoni tal-possibbiltà li jiġu segwiti rimedji pre-kuntrattwali,fejn ksur bħal dan ikun flimkien ma’ ksur tad- ►M3  Direttiva 2014/25/UE jew Direttiva 2014/23/UE ◄ , jekk dak il-ksur ikun affettwa l-opportunita’ għall-offerent li qed japplika għal reviżjoni biex jikseb il-kuntratt;

    (ċ) 

    fil-każi ta’ ksur imsemmija fit-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 2b(ċ) ta’ din id-Direttiva, jekk l-Istati Membri jkunu invokaw id-deroga mill-perijodu ta’ waqfien għal kuntratti li huma bbażati fuq sistema dinamika ta’ xiri.

    2.  
    Il-konsegwenzi ta’ meta kuntratt jiġi kkunsidrat ineffettiv għandhom ikunu stabbiliti mill-liġi nazzjonali.

    Il-liġi nazzjonali tista’ għalhekk tipprovdi għall-kanċellazzjoni retroattiva ta’ l-obbligi kuntrattwali kollha jew tillimita l-kamp ta’ applikazzjoni tal-kanċellazzjoni għal dawk l-obbligi li xorta jkunu jridu jiġu mwettqa. Fl-aħħar każ, l-Istati Membri għandhom jipprovdu għall-applikazzjoni ta’ penali oħra fis-sens ta’ l-Artikolu 7(2).

    3.  
    L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li l-korp ta’ reviżjoni indipendenti mill-entita’ kontraenti ma jistax jikkunsidra kuntratt bħala ineffettiv, minkejja li jkun ingħata illegalment għar-raġunijiet imsemmija fil-paragrafu 1, jekk il-korp ta’ reviżjoni jsib, wara li jkun eżamina l-aspetti rilevanti kollha, li raġunijiet superjuri relatati ma’ interess ġenerali jirrikjedu li l-effetti tal-kuntratt għandhom jinżammu. F’dan il-każ, l-Istati Membri għandhom jipprovdu għal penali alternattivi fis-sens ta’ l-Artikolu 2e(2), li għandhom ikunu applikati minflok.

    L-interessi ekonomiċi f’kuntratt effettiv jistgħu jitqiesu bħala raġunijiet ewlenija biss jekk f’ċirkostanzi eċċezzjonali l-ineffettività tkun twassal għal konsegwenzi sproporzjonati.

    Madankollu, interessi ekonomiċi marbuta direttament mal-kuntratt ikkonċernat m’għandhomx jikkostitwixxu raġunijiet superjuri li jirrigwardaw interess ġenerali. L-interessi ekonomiċi marbuta direttament mal-kuntratt jinkludu, fost oħrajn, l-ispejjeż li jirriżultaw mid-dewmien fit-twettiq tal-kuntratt, l-ispejjeż li jirriżultaw mit-tnedija ta’ proċedura ta’ appalt ġdida, l-ispejjeż li jirriżultaw mill-bdil ta’ l-operatur ekonomiku li jwettaq il-kuntratt u l-ispejjeż li jirriżultaw mill-obbligi legali minħabba l-ineffettività.

    4.  

    L-Istati Membri għandhom jipprovdu li l-paragrafu 1(a) ta’ dan l-Artikolu m’għandux japplika, jekk:

    ▼M3

    — 
    l-entità kontraenti tqis li l-għoti ta’ kuntratt mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea huwa permissibbli skont id-Direttiva 2014/25/UE jew id-Direttiva 2014/23/UE,

    ▼M2

    — 
    l-entità kontraenti tkun ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea avviż kif deskritt fl-Artikolu 3a ta’ din id-Direttiva fejn esprimiet l-intenzjoni tagħha li tikkonkludi l-kuntratt, u
    — 
    il-kuntratt ma jkunx ġie konkluż qabel l-iskadenza ta’ perijodu ta’ mill-inqas għaxart ijiem kalendarju b’effett mill-jum wara d-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-notifika.
    5.  

    L-Istati Membri għandhom jipprovdu li l-paragrafu 1(ċ) ta’ dan l-Artikolu m’għandux japplika, jekk:

    ▼M3

    — 
    l-entità kontraenti tqis li l-għoti ta’ kuntratt huwa f’konformità mal-Artikoli 52(6) tad-Direttiva 2014/25/UE,

    ▼M2

    — 
    l-awtorità kontraenti tkun bagħtet deċiżjoni ta’ għoti ta’ kuntratt flimkien ma’ sommarju tar-raġunijiet kif imsemmi fl-ewwel inċiz tar-raba’ subparagrafu ta’ l-Artikolu 2a(2) ta’ din id-Direttiva, lill-offerenti kkonċernati, u
    — 
    il-kuntratt ma jkunx ġie konkluż qabel l-iskadenza ta’ perijodu ta’ mill-inqas għaxart ijiem kalendarju b’effett mill-jum wara d-data li fiha d-deċiżjoni ta’ l-għoti tal-kuntratt tintbagħat lill-offerenti kkonċernati jekk jintużaw faks jew mezzi elettroniċi jew, jekk jintużaw mezzi oħra ta’ komunikazzjoni, qabel l-iskadenza ta’ perijodu jew ta’ mill-inqas 15-il jum kalendarju b’effett mill-jum wara d-data li fiha d-deċiżjoni ta’ l-għoti ta’ kuntratt tintbagħat lill-offerenti kkonċernati jew mill-inqas għaxart ijiem kalendarji b’effett mill-jum wara d-data ta’ meta tkun ġiet irċevuta d-deċiżjoni ta’ l-għoti tal-kuntratt.

    Artikolu 2e

    Ksur ta’ din id-Direttiva u penali alternattivi

    1.  
    F’każ ta’ ksur ta’ l-Artikolu 1(5), l-Artikolu 2(3) jew l-Artikoli 2a(2), mhux kopert mill-Artikolu 2d(1)(b), l-Istati Membri għandhom jipprovdu għall-ineffettività skond l-Artikolu 2d(1) sa (3) jew penali alternattivi. L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li l-korp ta’ reviżjoni indipendenti mill-entità kontraenti għandu jiddeċiedi, wara li jkun evalwa l-aspetti rilevanti kollha, jekk il-kuntratt għandux jitqies bħala ineffettiv jew jekk għandhomx ikunu imposti penali alternattivi.
    2.  

    Penali alternattivi għandhom ikunu effettivi, proporzjonali u dissważivi. Il-penali alternattivi għandhom ikunu:

    — 
    l-impożizzjoni ta’ multi mill-entità kontraenti; jew
    — 
    it-tnaqqis tat-tul tal-kuntratt.

    L-Istati Membri jistgħu jagħtu lill-korp ta’ reviżjoni diskrezzjoni wiesgħa biex jieħu kont tal-fatturi rilevanti kollha, inkluża s-serjetà tal-ksur, l-imġieba ta’ l-entità kontraenti u, fil-każi msemmija fl-Artikolu 2d(2), sa meta l-kuntratt jibqa’ fis-seħħ.

    L-għoti tad-danni ma jikkostitwixxix piena adegwata għall-finijiet ta’ dan il-paragrafu.

    Artikolu 2f

    Termini ta’ żmien

    1.  

    L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li l-applikazzjoni għal reviżjoni skond l-Artikolu 2d(1) għandha ssir

    ▼M3

    (a) 

    qabel l-iskadenza ta’ mill-inqas 30 jum kalendarju b’effett mill-jum ta’ wara d-data li fiha:

    — 
    l-awtorità kontraenti ppubblikat avviż ta’ għoti ta’ kuntratt skont l-Artikoli 70 u 71 tad-Direttiva 2014/25/UE jew skont l-Artikoli 31 u 32 tad-Direttiva 2014/23/UE, sakemm dan l-avviż jinkludi ġustifikazzjoni tad-deċiżjoni tal-entità kontraenti li tagħti l-kuntratt mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, jew
    — 
    l-entità kontraenti informat lill-offerenti u lill-kandidati kkonċernati dwar il-konklużjoni tal-kuntratt, sakemm din l-informazzjoni jkun fiha sommarju tar-raġunijiet rilevanti kif stabbilit fl-Artikolu 75(2) ta’ 2014/25/UE soġġett għall-Artikolu 75(3) ta’ dik id-Direttiva jew fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 40(1) tad-Direttiva 2014/23/UE, soġġett għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 40(2) ta’ dik id-Direttiva. Din l-għażla tapplika wkoll għall-każijiet imsemmija fil-punt (c) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2b ta’ din id-Direttiva;

    ▼M2

    (b) 

    u fi kwalunkwe każ, qabel l-iskadenza ta’ perijodu ta’ mill-anqas 6 xhur b’effett mill-jum wara d-data tal-konklużjoni tal-kuntratt.

    2.  
    Fil-każi l-oħra kollha, inklużi applikazzjonijiet għal reviżjoni skond l-Artikolu 2e(1), it-termini ta’ żmien għall-applikazzjoni għal reviżjoni għandhom ikunu ddeterminati mil-liġi nazzjonali, soġġetti għad-dispożizzjonijiet ta’ ll-Artikolu 2ċ.

    ▼B



    IL-KAPITOLU 2

    Verifika

    ▼M2

    Artikolu 3a

    Kontenut ta’ avviż għal trasparenza ex-ante volontarja

    L-avviż imsemmi fit-tieni inċiż ta’ l-Artikolu 2d(4), li l-format tiegħu għandu jkun adottat mill-Kummissjoni skond il-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 3b(2), għandu jinkludi l-informazzjoni li ġejja:

    (a) 

    l-isem u d-dettalji tal-kuntatt ta’ l-entità kontraenti;

    (b) 

    deskrizzjoni ta’ l-oġġett tal-kuntratt;

    (ċ) 

    ġustifikazzjoni tad-deċiżjoni ta’ l-entità kontraenti li tagħti l-kuntratt mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea;

    (d) 

    l-isem u d-dettalji tal-kuntatt ta’ l-operatur ekonomiku li favur tiegħu tkun ittieħdet deċiżjoni dwar l-għoti ta’ kuntratt; u

    (e) 

    fejn xieraq, kwalunkwe informazzjoni oħra meqjusa bħala meħtieġa mill-entità kontraenti.

    Artikolu 3b

    Proċedura ta’ kumitat

    1.  
    Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat Konsultattiv għall-Kuntratti Pubbliċi stabbilit mill-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 71/306/KEE tas-26 ta’ Lulju 1971 ( 3 ) (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Kumitat”).
    2.  
    Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, l-Artikoli 3 u 7 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għal-eżerċizzju tas-setgħat ta’ implimentazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni ( 4 ) għandhom japplikaw, filwaqt li jitqiesu d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 8 tagħha.

    ▼B



    IL-KAPITOLU 3

    Mekkaniżmu korrettiv

    ▼M2

    Artikolu 8

    Mekkaniżmu korrettiv

    ▼M3

    1.  
    Il-Kummissjoni tista’tinvoka l-proċedura prevista fil-paragrafi 2 sa 5 meta, qabel ma jiġi konkluż kuntratt, tqis li sar ksur serju tal-liġi tal-Unjoni fil-qasam tal-akkwist matul il-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2014/25/UE jew id-Direttiva 2014/23/UE, jew f’relazzjoni mal-Artikolu 26(1) tad-Direttiva 2014/25/UE fil-każ ta’ entitajiet kontraenti li għalihom tapplika dik id-dispożizzjoni

    ▼M2

    2.  
    Il-Kummissjoni għandha tinnotifika lill-Istat Membru kkonċernat bir-raġunijiet li wassluha biex tikkonkludi li jkun twettaq ksur serju u titlob il-korrezzjoni tiegħu b’mezzi adegwati.
    3.  

    Fi żmien 21 jum kalendarju minn meta tiġi rċevuta n-notifika msemmija fil-paragrafu 2, l-Istat Membru kkonċernat għandu jibgħat lill-Kummissjoni:

    (a) 

    il-konferma tiegħu li l-ksur ġie korrett; jew

    (b) 

    sottomissjoni raġunata li tispjega għaliex ma saret l-ebda korrezzjoni; jew

    (ċ) 

    notifika li l-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt ġiet sospiża jew mill-entità kontraenti fuq l-inizjattiva tagħha stess jew fuq il-bażi tas-setgħat speċifikati fl-Artikolu 2(1)(a).

    4.  
    Sottomissjoni raġunata ikkomunikata skond il-paragrafu 3(b) tista’ sserraħ fost kwistjonijiet oħra fuq il-fatt li l-ksur allegat huwa diġà suġġett għal proċedura ta’ reviżjoni ġudizzjarja, jew ta’ reviżjoni kif imsemmi fl-Artikolu 2(9). F’tali każ, l-Istat Membru għandu jinforma lill-Kummissjoni bir-riżultat ta’ dawk il-proċeduri hekk kif isir magħruf.
    5.  
    Fejn tkun ingħatat notifika li proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt tkun ġiet sospiża skond il-paragrafu 3(ċ), l-Istat Membru kkonċernat għandu javża lill-Kummissjoni meta s-sospensjoni titneħħa jew meta proċedura ta’ kuntratt oħra relatata kompletament jew parzjalment ma’ l-istess suġġett tkun ġiet mibdija. Dik in-notifika ġdida għandha tikkonferma li l-ksur allegat ġie korrett jew tkun tinkludi sottomissjoni raġunata li tispjega għaliex ma tkun saret l-ebda korrezzjoni.

    ▼B



    IL-KAPITOLU 4

    Konċiljazzjoni

    ▼M2 —————

    ▼B



    IL-KAPITOLU IV

    Dispożizzjonijiet finali

    ▼M2

    Artikolu 12

    Implimentazzjoni

    1.  
    Il-Kummissjoni tista’ titlob lill-Istati Membri, f’konsultazzjoni mal-Kumitat, biex jagħtuha informazzjoni dwar it-tħaddim tal-proċeduri ta’ reviżjoni nazzjonali.
    2.  
    L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni fuq bażi annwali t-test tad-deċiżjonijiet kollha, flimkien mar-raġunijiet għalihom, li jkunu ttieħdu mill-korpi ta’ reviżjoni tagħhom b’konformità ma’ l-Artikolu 2d(3).

    Artikolu 12a

    Reviżjoni

    Sa mhux aktar tard mit-20 ta’ Diċembru 2012, il-Kummissjoni għandha tirrevedi l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva u tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-effettività tagħha, u partikolarment dwar l-effettività tal-penali alternattivi u ta’ l-iskadenzi.

    ▼B

    L-Artikolu 13

    1.  
    L-Istati Membri għandhom jieħdu qabel l-1 ta’ Jannar 1993, il-miżuri neċessarji sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva. Ir-Renju ta’ Spanja għandu jieħu dawn il-miżuri sa mhux aktar tard mit-30 ta’ Ġunju 1995. Ir-Repubblika Ellenika u r-Repubblika Portugiża għandhom jieħdu dawn il-miżuri sa mhux aktar tard mit-30 ta’ Ġunju 1997. Huma għandhom jinfurmaw minnufih lill-Kummissjoni bihom.

    Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, huma għandhom jagħmlu referenza għal din id-Direttiva jew ikollhom magħhom din ir-referenza meta jiġu uffiċjalment ippubblikati. Il-metodi li bihom din ir-referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

    2.  
    L-Istati Membri għandhom iġibu fis-seħħ il-miżuri msemmija fil-paragrafu 1, fl-istess dati bħal dawk (stabbiliti fid-Direttiva 90/531/KEE).
    3.  
    L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tal-liġi domestika li huma jadottaw fil-qasam rregolat minn din id-Direttiva.

    L-Artikolu 14

    Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

    ▼M2 —————



    ( 1 ) Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist minn entitajiet li joperaw fis-setturi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 243).

    ( 2 ) Direttiva 2014/23/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-għoti ta’ kuntratt ta’ konċessjoni (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 1).

    ( 3 ) ĠU L 185, 16.8.1971, p. 15. Id-Deċiżjoni kif emendata mid-Deċiżjoni 77/63/KEE (ĠU L 13, 15.1.1977, p. 15).

    ( 4 ) ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23. Id-Deċiżjoni kif emendata mid-Deċiżjoni 2006/512/KE (ĠU L 200, 22.7.2006, p. 11).

    Top