EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32023R0155

Regolament tal-Kunsill (UE) 2023/155 tat-23 ta’ Jannar 2023 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 356/2010 li jimponi ċerti miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi, fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Somalja

ST/16283/2022/INIT

ĠU L 22, 24.1.2023, p. 6–7 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/155/oj

24.1.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 22/6


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) 2023/155

tat-23 ta’ Jannar 2023

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 356/2010 li jimponi ċerti miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi, fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Somalja

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 215 tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/231/PESK tas-26 ta’ April 2010 dwar miżuri restrittivi kontra s-Somalja u li tirrevoka l-Pożizzjoni Komuni 2009/138/PESK (1),

Wara li kkunsidra l-proposta konġunta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 356/2010 (2) jimplimenta l-miżuri previsti fid-Deċiżjoni 2010/231/PESK.

(2)

Fis-17 ta’ Novembru 2022, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti adotta r-Riżoluzzjoni (UNSCR) 2662 (2022), li b’mod partikolari twessa’ l-kriterji ta’ deżinjazzjoni li jiggwidaw id-determinazzjoni ta’ persuni u entitajiet soġġetti għal miżuri restrittivi.

(3)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/160 (3) emendat id-Deċiżjoni 2010/231/PESK sabiex tirrifletti l-bidliet f’UNSCR 2662 (2022).

(4)

Dawk il-miżuri jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat u, għalhekk, b’mod partikolari biex tkun żgurata l-applikazzjoni uniformi tagħhom fl-Istati Membri kollha, hija meħtieġa azzjoni regolatorja fil-livell tal-Unjoni.

(5)

Ir-Regolament (UE) Nru 356/2010 jiġi emendat skont dan,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fl- Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 356/2010, il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.   L-Anness I għandu jikkonsisti f’persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi iddeżinjati mill-Kunsill tas-Sigurtà jew mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet bħala:

(a)

li huma impenjati f’atti li jheddu l-paċi, is-sigurtà jew l-istabbiltà tas-Somalja, jew li jipprovdu appoġġ għalihom, meta tali atti jinkludu, iżda mhumiex limitati għal:

(i)

l-ippjanar, id-direzzjoni jew it-twettiq ta’ atti li jinvolvu vjolenza sesswali u vjolenza bbażata fuq il-ġeneru;

(ii)

atti li jheddu l-proċess tal-paċi u r-rikonċiljazzjoni fis-Somalja;

(iii)

atti li jheddu lill-Gvern Federali tas-Somalja jew lill-Missjoni ta' Tranżizzjoni tal-Unjoni Afrikana fis-Somalja (ATMIS) bil-forza;

(b)

li aġixxew bi ksur tal-embargo fuq l-armi jew tal-projbizzjoni kontra l-għoti ta’ assistenza relatata jew tar-restrizzjonijiet fuq il-bejgħ mill-ġdid u t-trasferiment tal-armi kif stipulat fil-paragrafu 34 tal-UNSCR 2093 (2013);

(c)

li jostakolaw l-għoti ta’ għajnuna umanitarja lis-Somalja, jew l-aċċess għall-għajnuna umanitarja fis-Somalja jew id-distribuzzjoni tagħha;

(d)

li huma mexxejja politiċi jew militari li jirreklutaw jew jużaw tfal f’kunflitti armati fis-Somalja bi ksur tad-dritt internazzjonali applikabbli;

(e)

li huma responsabbli għall-ksur tad-dritt internazzjonali applikabbli fis-Somalja billi attakkaw persuni ċivili, inkluż tfal u nisa, f’sitwazzjonijiet ta’ kunflitti armati, inklużi qtil u mankamenti, vjolenza sesswali u dik ibbażata fuq il-ġeneru tal-persuna, attakki fuq skejjel u sptarijiet, u ħtif u spostament furzat;

(f)

li huma assoċjati ma’ Al-Shabaab, atti u attivitajiet li jindikaw li individwu jew entità hija assoċjata ma’ Al-Shabaab inkluż billi:

(i)

jipparteċipaw fil-finanzjament, l-ippjanar, l-iffaċilitar, it-tħejjija jew it-twettiq ta’ atti jew attivitajiet minn Al-Shabaab, flimkien magħhom, bl-isem tagħhom, f’isimhom, jew b’appoġġ għalihom;

(ii)

ifornu, ibigħu jew jittrasferixxu armi u materjal relatat ma’ Al-Shabaab; u

(iii)

jirreklutaw għal Al-Shabaab, jew b’xi mod ieħor jappoġġaw l-atti jew l-attivitajiet ta’ Al-Shabaab jew kwalunkwe ċellola, grupp affiljat, sottogrupp dissidenti jew derivattiv tagħhom.”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ Jannar 2023.

Għall-Kunsill

Il-President

J. BORRELL FONTELLES


(1)  ĠU L 105, 27.4.2010, p. 17.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 356/2010 tas-26 ta’ April 2010 li jimponi ċerti miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Somalja (ĠU L 105 27.4.2010, p. 1).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/160 tat-23 ta’ Jannar 2023 li temenda d-Deċiżjoni 2010/231/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Somalja (ara l-paġna 22 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).


Top