Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52019IP0077(01)

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-28 ta' Novembru 2019 dwar is-sitwazzjoni fil-Bolivja (2019/2896(RSP))

ĠU C 232, 16.6.2021, p. 25–27 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

16.6.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 232/25


P9_TA(2019)0077

Is-sitwazzjoni fil-Bolivja

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-28 ta' Novembru 2019 dwar is-sitwazzjoni fil-Bolivja (2019/2896(RSP))

(2021/C 232/05)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) tat-22 ta' Ottubru 2019 dwar il-proċess elettorali fil-Bolivja u tal-15 ta' Novembru 2019 dwar is-sitwazzjoni fil-Bolivja,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Missjoni ta' Osservazzjoni Elettorali tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani (OAS) fil-Bolivja tal-21 ta' Ottubru 2019,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Grupp tal-Awdituri dwar il-Proċess Elettorali fil-Bolivja tal-10 ta' Novembru 2019,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, Michelle Bachelet, tas-16 ta' Novembru 2019,

wara li kkunsidra r-referendum kostituzzjonali li sar fil-Bolivja fil-21 ta' Frar 2016,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-sitwazzjoni fil-Bolivja,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,

wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi,

wara li kkunsidra l-aħħar dikjarazzjonijiet għall-istampa dwar il-Bolivja maħruġa mill-Kummissjoni Inter-Amerikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, b'mod partikolari dawk tat-23 ta' Ottubru, tat-12 ta' Novembru u tad-19 ta' Novembru 2019,

wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tal-Bolivja,

wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi fl-20 ta' Ottubru 2019, saru l-elezzjonijiet presidenzjali u leġiżlattivi fil-Bolivja f'ambjent polarizzat ferm, peress li l-President Morales huwa persunaġġ kontroversjali ħafna u li kien hemm kontroversja dwar l-aċċettazzjoni tal-kandidatura tiegħu;

B.

billi, wara li ma rnexxilux jirbaħ referendum biex jemenda l-Kostituzzjoni tal-Bolivja fl-2016, Evo Morales ippreżenta ruħu bħala kandidat għar-raba' mandat bl-approvazzjoni tal-Qorti Kostituzzjonali, deċiżjoni li wriet in-nuqqas ċar ta' indipendenza tal-ġudikatura fil-Bolivja;

C.

billi wara li kienu ngħaddew aktar minn 80 % tal-voti permezz tas-sistema rapida u sikura għat-trażmissjoni tar-riżultati preliminari (TREP), il-Qorti Elettorali Suprema waqfet milli tiżvela aktar riżultati preliminari; billi, f'dan il-punt, iċ-ċifri kienu jindikaw b'mod ċar li l-votazzjoni kellha ssir it-tieni darba; billi, 24 siegħa wara, il-Qorti Elettorali Suprema “ppreżentat data b'bidla inspjegabbli fix-xejra, li mmodifikat radikalment l-eżitu tal-elezzjoni u ġġenerat telf ta' fiduċja fil-proċess elettorali”, kif iddikjarat mill-OAS; billi t-Tribunal Kostituzzjonali eskluda l-possibbiltà li l-votazzjoni ssir it-tieni darba fuq il-bażi li d-differenza perċentwali meħtieġa ta' 10 % bejn iż-żewġ kandidati ewlenin kienet intlaħqet;

D.

billi l-azzjonijiet tat-Tribunal Elettorali Suprem wasslu għal nuqqas ta' qbil u suspetti ta' frodi mhux biss fost il-partitarji tal-kandidati tal-oppożizzjoni, iżda anke fost l-osservaturi nazzjonali u internazzjonali u l-maġġoranza tal-komunità internazzjonali;

E.

billi l-President Morales ipproklama lilu nnifsu pubblikament bħala r-rebbieħ tal-elezzjoni, anke qabel ma r-riżultati uffiċjali kollha ġew trażmessi u mħabbra pubblikament;

F.

billi dikjarazzjonijiet tal-OAS, l-UE u l-komunità internazzjonali esprimew tħassib serju dwar l-interruzzjoni mhux ġustifikata tal-għadd tal-voti, li tindika l-possibbiltà ta' approċċ preġudikat mill-osservaturi tal-Kummissjoni Elettorali; billi r-rakkomandazzjoni tal-interlokuturi domestiċi u internazzjonali kienet li l-elezzjoni ssir it-tieni darba bħala mod kif tissolva l-kriżi politika;

G.

billi l-interruzzjoni mhux mistennija tal-għadd tal-voti u l-proklamazzjoni tar-rebħa mill-President Morales wasslu għal protesti u mobilizzazzjoni enormi mill-partitarji tal-oppożizzjoni, kif ukoll mill-partitarji tal-President Morales stess; billi dawn id-dimostrazzjonijiet kienu kawża ta' tħassib kbir għall-komunità internazzjonali kollha u, sal-lum, wasslu għall-qtil ta' mill-inqas 32 ruħ, filwaqt li mijiet aktar indarbu u aktar minn 600 ruħ ġew arrestati; billi l-pajjiż kien qed ibati minħabba nuqqas ta' ikel u ta' fjuwil li qed ikollu konsegwenzi serji għall-popolazzjoni ċivili minħabba mblokki fit-toroq mis-sostenituri ta' Morales; billi hemm tħassib dwar il-vjolenza, allegazzjonijiet ta' użu mhux meħtieġ u sproporzjonat tal-forza mill-forzi tas-sigurtà u t-tifrik tas-soċjetà;

H.

billi l-korp inkarigat mill-amministrazzjoni tal-elezzjonijiet ma kellu ebda kredibbiltà, u wieħed mill-membri tiegħu rriżenja matul l-għadd tal-voti; billi l-oppożizzjoni ma rrikonoxxietx ir-riżultat tal-elezzjoni li saret f'ċirkustanzi bħal dawn, u ddenunzjat il-frodi elettorali allegata;

I.

billi l-UE ma bagħtitx missjoni ta' osservazzjoni elettorali sħiħa iżda kienet rappreżentata biss minn tim tekniku żgħir magħmul minn tliet uffiċjali bi grad iktar baxx;

J.

billi, bil-għan li terġa' tiġi stabbilita l-fiduċja, kemm il-gvern kif ukoll l-awtoritajiet elettorali aċċettaw awditu tekniku vinkolanti minn tim professjonali tal-OAS; billi dan l-awditu kellu l-appoġġ tas-Segretarju Ġenerali tan-NU;

K.

billi, fl-10 ta' Novembru 2019, l-awditu tal-OAS żvela irregolaritajiet u manipulazzjoni gravi matul l-elezzjoni, talab l-annullament tar-riżultat tal-elezzjoni u rrakkomanda proċess elettorali ġdid li għandu jinkludi awtoritajiet elettorali ġodda sabiex jiġi żgurat li jsiru elezzjonijiet kredibbli;

L.

billi, wara l-preżentazzjoni tar-rapport tal-awditu tal-OAS fl-10 ta' Novembru 2019 li talab li l-proċess elettorali jiġi annullat u jsir mill-ġdid, ħafna uffiċjali tal-istat bi grad għoli rriżenjaw, inklużi l-President, il-Viċi President, il-President tas-Senat u rappreżentanti tal-korp elettorali; billi Evo Morales u xi membri oħra tal-gvern tiegħu kellhom jirriżenjaw, jitilqu mill-pajjiż u jabbandunaw il-funzjonijiet tagħhom; billi membri anzjani tal-forzi armati ssuġġerew li l-ex President Evo Morales kellu jirreżenja; billi l-forzi armati u l-pulizija għandhom iżommu lura milli jinfluwenzaw il-proċessi politiċi u għandhom ikunu soġġetti għall-kontroll ċivili;

M.

billi Jeanine Áñez iffirmat digriet kontroversjali li jipproteġi lill-forzi armati mill-prosekuzzjoni minħabba atti li jwettqu biex jerġa' jiġi stabbilit l-ordni pubbliku;

N.

billi diversi riżenji wasslu biex it-Tieni Viċi President, Jeanine Áñez, assumiet il-presidenza interim, bl-obbligu li titlob malajr li jsiru elezzjonijiet presidenzjali ġodda peress li dan huwa l-uniku mod demokratiku u kostituzzjonali biex tissolva l-kriżi attwali;

O.

billi kemm it-tieni kamra kif ukoll l-ewwel kamra tal-Parlament tal-Bolivja approvaw b'mod unanimu, fit-23 ta' Novembru 2019, leġiżlazzjoni li twitti t-triq għal elezzjoni presidenzjali ġdida, li sussegwentement ġiet iffirmata mill-President interim Áñez; billi l-leġiżlazzjoni approvata tipprojbixxi lil dawk li servew għal żewġ mandati konsekuttivi bħala president milli joħorġu għall-elezzjoni, u b'hekk Evo Morales mhuwiex eliġibbli;

1.

Jilqa' l-approvazzjoni miż-żewġ kmamar tal-leġislazzjoni biex jitħejjew l-elezzjonijiet presidenzjali li jmiss, iżda jemmen li r-ritorn għall-istabbiltà fil-Bolivja jirrikjedi li ssir elezzjoni ġdida mill-aktar fis possibbli, u għalhekk jappoġġa l-objettiv li tinħatar Qorti Elettorali indipendenti ġdida li tiggarantixxi elezzjonijiet trasparenti; jistieden lill-awtoritajiet interim jassumu r-responsabbiltà għall-kredibbiltà tal-proċedura billi jorganizzaw elezzjonijiet li jsiru b'mod xieraq u inklużiv fejn l-atturi politiċi kollha jkollhom l-opportunità jikkompetu f'konformità mal-liġi Bolivjana u l-ordni kostituzzjonali;

2.

Jiddenunzja n-nuqqas ta' trasparenza u kredibbiltà tal-awtoritajiet Bolivjani u t-tentattiv tagħhom li jwettqu frodi, biex b'hekk jimminaw id-dritt taċ-ċittadini Bolivjani li jeleġġu l-President tagħhom b'mod liberu u demokratiku; iqis li t-tentattiv ta' frodi elettorali jikkostitwixxi reat serju; ifakkar li, skont il-leġiżlazzjoni Bolivjana, l-elezzjoni trid tiġi ddikjarata nulla u bla effett u individwi u organizzazzjonijiet involuti f'tali proċessi illegali għandhom jiġu esklużi awtomatikament mill-korpi elettorali;

3.

Jiddenunzja bil-qawwa l-vjolenza u l-qerda li seħħew wara l-elezzjoni tal-20 ta' Ottubru 2019, u jagħti l-kondoljanzi tiegħu lill-membri kollha tal-familja tal-vittmi u jappella biex dawk responsabbli jitressqu l-qorti;

4.

Jesprimi l-appoġġ sħiħ u r-rikonoxximent tiegħu għall-ħidma tal-osservaturi elettorali tal-OAS li ssir f'kundizzjonijiet estremament diffiċli fil-Bolivja;

5.

Jilqa' d-deċiżjoni li l-armata tirtira miż-żoni ta' protesta u li l-liġi li tagħtihom diskrezzjoni wiesgħa fl-użu tal-forza tiġi rtirata; jistieden lill-forzi tas-sigurtà biex, fiż-żamma tas-sigurtà u l-ordni pubbliku, jeżerċitaw il-proporzjonalità u jrażżnu għemilhom; jappella għal investigazzjonijiet fil-pront, imparzjali, trasparenti u bir-reqqa dwar il-vjolenza, u li dawk responsabbli jitressqu quddiem il-ġustizzja;

6.

Jistieden lill-awtoritajiet interim il-ġodda jieħdu l-passi meħtieġa biex ibiddlu s-sitwazzjoni, jerġgħu jdaħħlu l-fiduċja, u, bħala l-għan ewlieni tagħhom, jorganizzaw il-proċess elettorali; jappella biex jiġi stabbilit djalogu bil-għan li tiġi organizzata minnufih elezzjoni ġdida demokratika, inklużiva, trasparenti u ġusta, b'korp elettorali magħmul minn nies ġodda, bħala soluzzjoni għall-kriżi attwali, filwaqt li tiġi evitata r-ritaljazzjoni politika; jistieden lill-gvern interim ma jieħu ebda miżura ta' tfixkil li tista' taggrava s-sitwazzjoni;

7.

Jilqa' r-rwol ta' medjazzjoni tal-UE u l-Knisja Kattolika biex jintlaħaq ftehim bejn il-partijiet dwar it-twettiq ta' elezzjonijiet ħielsa, inklużivi u trasparenti fil-perjodu ta' żmien stabbilit u f'konformità mal-Kostituzzjoni tal-Bolivja;

8.

Itenni l-fatt li r-rispett għall-indipendenza tal-ġudikatura, il-pluraliżmu politiku, u l-libertà tal-għaqda u tal-espressjoni għall-Bolivjani kollha, inklużi n-nazzjonijiet u l-popli indiġeni bdiewa, huma drittijiet fundamentali u pilastri essenzjali tad-demokrazija u l-istat tad-dritt;

9.

Jitlob b'insistenza li l-proċess elettorali l-ġdid isir fil-preżenza ta' osservaturi internazzjonali kredibbli u trasparenti, li jkunu liberi jaħdmu u jikkondividu l-osservazzjonijiet indipendenti tagħhom;

10.

Jesprimi d-disponibbiltà tiegħu li jgħin fi proċess elettorali bħal dan u jistieden lill-VP/RGħ tibgħat missjoni ta' osservazzjoni elettorali sħiħa tal-UE;

11.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Gvern tal-Bolivja, lill-Parlament Andin u lill-Assemblea EuroLat.

Top